Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Coreper

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti jew il-Coreper (l-Artikolu 16(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — TUE u l-Artikolu 240(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — TFUE) huwa responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kull Stat Membru tal-UE huwa rrappreżentat fil-Coreper minn Rappreżentant Permanenti (Coreper II) u Deputat Rappreżentant Permanenti (Coreper I) bl-istatus ta’ ambaxxatur għall-Unjoni Ewropea.

Il-Coreper jokkupa pożizzjoni ċentrali fis-sistema tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Huwa jikkoordina u jħejji x-xogħol tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u jipprova jsib, fil-livell tiegħu, ftehim li sussegwentement jiġi sottomess għall-adozzjoni mill-Kunsill. Huwa jiżgura wkoll konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE u jara li l-prinċipji u r-regoli li ġejjin jiġu osservati:

  • il-prinċipji tal-legalità, is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għoti tar-raġunijiet għall-atti;
  • regoli li jistabbilixxu s-setgħat tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE;
  • dispożizzjonijiet baġitarji;
  • regoli dwar il-proċedura, it-trasparenza u l-kwalità tal-abbozzar.

Huwa jiżgura preżentazzjoni adegwata ta’ kull fajl lill-Kunsill u, fejn xieraq, jippreżenta linji gwida, għażliet jew suġġerimenti.

L-aġendi għal-laqgħat tal-Kunsill jirriflettu l-progress li sar fil-Coreper. L-aġenda tal-Coreper hija maqsuma f’żewġ partijiet:

  • Il-Parti I tinkludi punti li fil-prinċipju ma jeħtiġux diskussjoni, u li normalment ikunu punti “A” fuq l-aġenda tal-Kunsill (jiġifieri punti li, kif imħejjija mill-Coreper, jistgħu jiġu approvati mill-Kunsill mingħajr diskussjoni);
  • Il-Parti II teħtieġ diskussjoni.

Madankollu, jekk il-Coreper jilħaq ftehim dwar punt tal-Parti II fuq l-aġenda tiegħu, dak il-punt normalment ikun inkluż bħala punt “A” fuq l-aġenda tal-Kunsill, li jikkonsisti fi:

  • punti A, li għandhom jiġu approvati mingħajr diskussjoni wara ftehim fil-Coreper;
  • punti B, li jeħtieġu diskussjoni.

Il-Coreper huwa maqsum f’żewġ partijiet:

  • Coreper I iħejji x-xogħol ta’ sitt konfigurazzjonijiet tal-Kunsill:
    • L-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumaturi;
    • Il-Kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju);
    • It-Trasport, it-Telekomunikazzjoni u l-Enerġija;
    • L-Agrikoltura u s-Sajd;
    • L-Ambjent;
    • L-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport.
  • Coreper II iħejji x-xogħol ta’ erba’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill:
    • L-Affarijiet Ġenerali;
    • L-Affarijiet Barranin;
    • L-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji;
    • Il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Fil-prinċipju, il-Coreper jiltaqa’ kull ġimgħa. It-tħejjijiet għax-xogħol tiegħu jsiru l-ġurnata ta’ qabel mill-eqreb kollaboraturi tal-membri tal-Coreper li jiltaqgħu taħt l-ismijiet:

  • Il-Grupp Mertens għal Coreper Parti 1;
  • Il-Grupp Antici għal Coreper Parti 2.

Dawn il-gruppi jirrevedu l-aġenda għall-Coreper I u II, rispettivament, u jsolvu d-dettalji tekniċi u organizzattivi. Dan l-istadju preparatorju jagħmilha possibbli wkoll li tiġi ffurmata idea inizjali tal-pożizzjonijiet li d-diversi delegazzjonijiet se jieħdu fil-laqgħa tal-Coreper.

Il-Coreper jista’ jadotta deċiżjonijiet proċedurali elenkati fl-Artikolu 19(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (pereżempju, deċiżjoni li ssir laqgħa tal-Kunsill f’post differenti minn Brussell jew il-Lussemburgu, deċiżjoni li tintuża l-proċedura bil-miktub).

ARA WKOLL

Top