Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)

  • L-EFTA hija organizzazzjoni intergovernattiva stabbilita fl-1960 mill-Konvenzjoni tal-EFTA, li tippromwovi l-kummerċ ħieles u l-integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tagħha, fl-Ewropa u globalment.
  • Kien hemm 7 pajjiżi fundaturi: L-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja, il-Portugall, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit (UK). Dawn ingħaqdu fl-1970 mill-Iżlanda, fl-1986 mill-Finlandja u fl-1991 mil-Liechtenstein. Sadanittant, fl-1973, id-Danimarka u r-Renju Unit issieħbu fl-UE; fl-1986, il-Portugall issieħeb fl-UE, u, fl-1995, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ssieħbu fl-UE, u konsegwentement telqu mill-EFTA.
  • L-EFTA bħalissa għandha 4 pajjiżi membri: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
  • Il-pajjiżi tal-EFTA żviluppaw waħda mill-ikbar netwerks ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs). Dawn l-FTAs jestendu fuq 60 pajjiż u territorju, inkluża l-UE.
  • L-ogħla korp ta’ tmexxija tal-EFTA huwa l-Kunsill tal-EFTA. Ġeneralment, dan jiltaqa’ 8 darbiet fis-sena fil-livell ambaxxatorjali u darbtejn fis-sena fil-livell ministerjali.
  • Il-kwartieri ġenerali tas-Segretarjat tal-EFTA jinsabu f’Ġinevra, b’uffiċċji fi Brussell u fil-Lussemburgu. Is-Segretarjat f’Ġinevra jgħin lill-Kunsill tal-EFTA fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet bejn l-4 Stati tal-EFTA, u jittratta n-negozjar u l-operazzjoni tal-FTAs tal-EFTA u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Is-Segretarjat fi Brussell jipprovdi appoġġ għall-immaniġġjar tal-Ftehim taż-ŻEE, inkluż it-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġdida u għajnuna fl-għoti ta’ kontribut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-EFTA fil-Lussemburgu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistema statistika Ewropea wiesgħa u integrata.
  • L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) tissorvelja l-konformità mar-regoli taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fl-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Din għandha setgħat li huma simili għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tas-sorveljanza u l-applikazzjoni tal-liġi taż-ŻEE.
  • Il-Qorti tal-EFTA, ibbażata fil-Lussemburgu, għandha l-kompetenza u l-awtorità biex issolvi tilwim intern u estern rigward l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-ftehim ŻEE. Il-ġurisdizzjoni tagħha tikkorrispondi għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet relatati mal-pajjiżi tal-EFTA taż-ŻEE.

ARA WKOLL

Top