Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-trattament xieraq tal-annimali

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha wieħed mill-aktar sett komprensiv ta’ regoli fid-dinja dwar it-trattament xieraq tal-annimali, li jkopri l-annimali tal-irziezet fl-azjenda agrikola, matul it-trasport u meta jinqatlu.

Dawn ir-regoli jirriflettu l-ħames tipi ta’ ħelsien li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta’ Biedja:

  • il-ħelsien mill-ġuħ u mill-għatx;
  • il-ħelsien mill-iskumdità;
  • il-ħelsien mill-uġigħ, mit-tidrib u mill-mard;
  • il-ħelsien li jesprimu mġiba normali;
  • il-ħelsien mill-biża’ u mit-tbatija.

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li, bħala esseri sensibbli, għandha tingħata attenzjoni sħiħa lir-rekwiżiti dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Mill-1974, meta ġiet adottata l-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, ir-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali evolvew abbażi ta’ għarfien xjentifiku sod, li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-annimali f’konformità mal-aspettattivi taċ-ċittadini u d-domandi tas-suq.

Illum, it-trattament xieraq tal-annimali huwa fil-qalba tas-sostenibbiltà, peress li livell tajjeb ta’ trattament xieraq tal-annimali huwa marbut ma’ inqas użu ta’ antibijotiċi, dħul ta’ annimali aktar b’saħħithom fil-katina alimentari u tnaqqis fit-trażmissjoni ta’ mard mill-annimali għan-nies.

It-trattament xieraq tal-annimali, bħala kontribut ewlieni għall-produzzjoni sostenibbli tal-bhejjem, huwa element essenzjali tal-istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt”, adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2020 fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-qafas tagħha, il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex tallinjaha mal-aħħar evidenza xjentifika, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tagħmilha aktar faċli li tiġi infurzata u fl-aħħar mill-aħħar tiżgura livell ogħla ta’ trattament xieraq tal-annimali. F’dan il-kuntest se jintużaw il-konklużjonijiet mill-evalwazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-protezzjoni u t-trattament xieraq tal-annimali 2012–2015. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll għażliet għat-tikkettar dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex il-valur jiġi trażmess aħjar permezz tal-katina alimentari.

Filwaqt li t-trattament xieraq tal-annimali huwa primarjament ittrattat fil-livell tal-UE, dan ma jaqax fi ħdan il-kompetenza esklużiva tagħha. Suġġetti bħall-użu tal-annimali fl-ispettakli u f’avvenimenti kulturali jew sportivi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE fil-livell nazzjonali.

ARA WKOLL

Top