Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sikurezza alimentari

Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari għandha l-għan li tiżgura li:

  • li l-ikel u l-għalf tal-annimali jkunu sikuri u nutrittivi;
  • il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel jirrispettaw standards għoljin ta’ iġjene u traċċabbiltà;
  • prodotti sikuri biss jistgħu jintużaw tul il-katina alimentari (eż. mediċini veterinarji, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, addittivi tal-ikel u tal-għalf, diżinfettanti, eċċ.);
  • il-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kontenut tal-ikel tagħhom (eż. ingredjenti, addittivi tal-ikel, eċċ.) u jibbenefikaw minn katina tal-provvista alimentari sikura (traċċabbiltà);
  • hemm standards għoljin ta’ saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u ta’ trattament xieraq tal-annimali.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tkopri l-katina alimentari kollha — “ mill-għalqa sal-platt ” — b’mod integrat u bl-applikazzjoni ta’ approċċ “ “Saħħa Waħda” ”. Dan jittratta aspetti ta’ sikurezza li jkopru l-produzzjoni primarja, il-kundizzjonijiet iġjeniċi fl-ipproċessar tal-ikel, l-imballaġġ, it-tikkettar u l-kontrolli uffiċjali dwar il-konformità mas-sikurezza alimentari.

Il-politika tal-UE dwar is-siikurezza alimentari hija regolata mill-Artikoli 168 (saħħa pubblika) u 169 (protezzjoni tal-konsumatur) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Din il-politika hija bbażata fuq l-evidenza u x-xjenza, abbażi ta’ pariri xjentifiċi indipendenti u sodi mogħtija mill-aġenziji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari:

  • l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);
  • l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għall-prodotti mediċinali veterinarji użati f’annimali li jipproduċu l-ikel;
  • l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għall-prodotti bijoċidali, bħad-diżinfettanti, l-insettiċidi, eċċ

Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq awditi, spezzjonijiet u attivitajiet relatati mhux tal-awditjar biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza alimentari u tal-għalf titwettaq u tiġi infurzata kif xieraq.

L-UE għandha sistema ta’ twissija bikrija — RASFF — biex tipproteġi lill-konsumaturi minn ikel u għalf mhux konformi, u jekk ikun meħtieġ, tneħħihom mis-suq.

L-istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt” tal-2020 hija fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-għan li s-sistemi tal-ikel isiru ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent. Iż-żamma ta’ standards għoljin tas-sikurezza alimentari fl-UE hija waħda mill-pedamenti ewlenin tal-bini ta’ sistema tal-ikel reżiljenti u sostenibbli fl-UE.

ARA WKOLL

Top