EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0320

Id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli (2011/2193(INI))

OJ C 353E, 3.12.2013, p. 31–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/31


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
Id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli

P7_TA(2012)0320

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli (2011/2193(INI))

2013/C 353 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 dwar id-dinjità tal-bniedem u l-Artikolu 3 dwar id-dritt għall-integrità tal-persuna, li jirreferi għall-“projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju”,

wara li kkunsidra t-Tieni Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Donazzjoni Volontarja u Bla Ħlas ta’ Tessuti u Ċelluli (COM(2011)0352),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-istandards tal-kwalità u s-sikurezza ta' organi umani maħsuba għal trapjanti (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Pjan ta' Azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1394/2007 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ta’ ċelloli tal-bniedem (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/17/KE tat-8 ta’ Frar 2006 (5) li timplimenta d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ċerti rekwiżiti tekniċi għad-donazzjoni, għall-ksib u għall-ittestjar tat-tessuti u taċ-ċelluli umani,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar it-Trapjant ta' Ċelluli, Tessuti u Organi Umani,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Protokoll Addizzjonali tagħha dwar it-Trapjant ta' Organi u Tessuti ta' Oriġini Umana,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, u l-protokoll addizzjonali tiegħu dwar it-trapjanti ta’ organi u ta’ tessuti ta’ oriġini umana,

wara li kkunsidra d-data Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ donazzjoni u ta’ trapjant ta’ Tessuti u ta’ Ċelluli Emopojetiċi u Riproduttivi tar-Rapport tal-2010 tar-Reġistru Ewropew għall-Organi, it-Tessuti u ċ-Ċelluli,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċelluli tal-bajd uman (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0223/2012),

A.

billi t-tessuti u ċ-ċelluli mogħtija, bħalma huma l-ġilda, l-għadam, l-għeruq, il-kornej u ċ-ċelluli staminali emopojetiċi, qed ikunu użati aktar fit-terapiji mediċi u bħala materjal inizjali għall-prodotti mediċinali tat-terapija avvanzata (ATMP); billi d-Direttiva 2004/23/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw donazzjonijiet volontarji u b’xejn u għandhom iftittxu wkoll li jiżguraw li x-xiri ta’ tessuti u ċelluli jsir fuq il-bażi li ma jwassalx għal profitt; billi dan huwa obbligu legali ċar, u jekk Stat Membru ma jikkonformax mal-prinċipju, jistgħu jinfetħu proċedimenti ta’ ksur;

B.

billi skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/23/KE, l-Istati Membri għandhom iressqu rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-prattika tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas;

C.

billi 27 mid-29 pajjiż li rrappurtaw għandhom xi forma ta' dispożizzjonijiet li jirregolaw il-prinċipju tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' tessuti u ċelluli (jorbtu jew ma jorbtux);

D.

billi 13-il pajjiż għandhom prinċipji ta’ gwida dwar il-possibilità li jingħataw forom ta’ kumpens jew inċentivi lid-donaturi ta' tessuti u ċelluli;

E.

billi 19-il pajjiż irrappurtaw li jipprovdu xi forma ta’ kumpens jew inċentivi għad-donaturi ħajjin ta’ tessuti u ċelluli (esklużi ċ-ċelluli riproduttivi);

F.

billi 14-il pajjiż jagħtu xi forma ta' kumpens jew inċentivi għad-donazzjoni taċ-ċelluli riproduttivi;

G.

billi erba’ pajjiżi jipprovdu forom ta’ kumpens jew inċentivi lill-qraba tad-donaturi mejta;

H.

billi s-sensibilizzazzjoni mmirata tal-pubbliku u t-tixrid ta’ informazzjoni medika ċara, vera, b’bażi xjentifika u konvinċenti fil-livell nazzjonali u Ewropew, partikolarment fost iċ-ċirku immedjat tal-pazjent, għandhom rwol importanti ferm sabiex tkun appoġġjata l-opinjoni pubblika u jiżdiedu r-rati ta' donazzjoni tat-tessuti u ċ-ċelluli;

I.

billi r-reklamar tal-ħtieġa jew id-disponibilità ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem bil-għan li jiġi offrut jew biex isir gwadann finanzjarju jew vantaġġ komparabbli, għandu jkun projbit;

J.

billi, waqt li 11-il pajjiż uffiċjalment għandhom politiki stabbiliti li jaħdmu għall-promozzjoni tal-awtosuffiċjenza tat-tessuti u ċ-ċelluli, 17-il pajjiż ieħor għandhom ftehimiet bilaterali mmirati lejn l-istess objettiv ta’ provvista fuq livell nazzjonali ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem;

K.

billi huwa wkoll tal-akbar importanza etika li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, provvista adegwata ta’ tessuti u ċelluli meħtieġa għal raġunijiet mediċi; billi dik il-provvista għandha tiġi amministrata fl-interess taċ-ċittadini u għalhekk għandha tiġi sorveljata minn korpi pubbliċi;

L.

billi l-maġġoranza tal-pajjiżi li rrappurtaw għandhom kolletturi/fornituri pubbliċi ta’ tessuti u ċelluli jew sistema doppja ta’ kolletturi/fornituri privati u pubbliċi;

M.

billi l-ksib ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem għandu jsir minn persuni li jkunu lestew b’suċċess programm ta’ taħriġ speċifikat minn grupp kliniku li jispeċjalizza fit-tessuti u ċ-ċelluli li jkollhom jinkisbu jew impjant tat-tessuti awtorizzat għall-ksib;

N.

billi t-tneħħija ta’ tessuti u ta’ ċelluli għall-benefiċċju tar-riċeventi tista’ ssir biss taħt żewġ kundizzjonijiet: għandha ssir għal finijiet mediċi jew xjentifiċi u terapewtiċi u l-elementi kollha meħuda għandhom ikunu parti minn donazzjoni li ssir bħala att ta’ ġenerożità;

O.

billi t-tneħħija ta’ tessuti u ċelluli għandu jiġi kkontrollat mill-prinċipji li ġejjin: l-anonimità (ħlief fil-każ ta’ teħid ta’ tessuti u ċelluli għal qraba ta’ persuna ħajja), ikun mingħajr ħlas, l-għoti ta’ kunsens, u l-obbligu li t-trapjanti jitqassmu b’mod ugwali fost il-pazjenti, u s-salvagwardja tas-saħħa tad-donaturi u r-riċeventi;

P.

billi t-tneħħija tat-tessuti u taċ-ċelluli jista' jitwettaq biss jekk id-donatur ikun ta l-kunsens liberu u infurmat tiegħu minn qabel u bil-miktub; billi dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat f’kull ħin, mingħajr ebda rekwiżit partikolari dwar il-format;

Q.

billi l-użu ta’ tessuti u ċelluli biex ikunu applikati għall-ġisem tal-bniedem iġorr riskju ta’ trażmissjoni ta’ patoloġiji għar-riċeventi; billi dak ir-riskju jista’ jitnaqqas b'aktar attenzjoni fl-għażla, evalwazzjoni tad-donaturi potenzjali qabel it-teħid, li tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskji u l-benefiċċji, bl-ittestjar u l-monitoraġġ ta’ kull donazzjoni u bl-applikazzjoni ta’ proċeduri għall-ksib ta’ tessuti u ċelluli skont ir-regoli u l-proċessi stabbiliti u aġġornati skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

R.

billi d-donazzjoni ta’ xi tessuti jew ċelluli toħloq riskju serju għad-donatur; u billi dan ir-riskju huwa partikolarment għoli fir-rigward ta’ donazzjoni ta’ ċelluli tal-bajd minħabba t-trattament tal-ormoni li huwa meħtieġ bi tħejjija għad-donazzjoni;

S.

billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li hija l-prinċipju ewlieni għall-Unjoni Ewropea u li bdiet torbot legalment wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, tipprojbixxi li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;

T.

billi jkun mixtieq li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli vinkolanti biex jinfurzaw dak il-prinċipju etiku, inkluż permezz tal-liġijiet kriminali;

U.

billi, madankollu, jibqa' dubji rigward il-kompatibbiltà ta' ċerti tipi ta' kumpens ipprovduti b'konnessjoni mad-donazzjonijiet, ma’ dan il-prinċipju etiku, b'mod partikolari meta tali kumpens jiġi pprovdut lill-familjari tad-donaturi mejta;

V.

billi d-donazzjoni bla ħlas mhijiex biss prinċipju etiku iżda wkoll neċessarju biex jipproteġi s-saħħa tad-donatur u tar-riċevent, minħabba li l-involviment ta’ ammonti kbar ta’ flus fil-proċess tad-donazzjoni jista’ jistimula lid-donatur biex jieħu r-riskji u jista’ jxekkel l-iżvelar tar-riskji fl-istorja medika tiegħu/tagħha;

W.

billi hemm ħafna evidenza li turi li t-trapjant alloġeniku tad-demm tal-kurdun diġà huwa ta’ suċċess għal ħafna pazjenti, u billi hemm ukoll rapporti kredibbli li f’xi każijiet it-trattament awtologu b'dawn it-tipi ta’ ċelluli jista’ jkun ta’ suċċess;

X.

billi rapporti minn sorsi serji tal-midja jissuġġerixxu li fil-qasam tat-tessuti u taċ-ċelluli l-prinċipju tad-donazzjoni bla ħlas qed jinkiser ripetutament;

Y.

billi l-kapaċità għar-rintraċċar ta’ ċelluli u tessuti mid-donatur għar-riċevent u viċe versa u segwitu fit-tul ta’ donaturi ħajjin u ta’ riċeventi taċ-ċelluli u tat-tessuti huma elementi ċentrali għall-ġestjoni tas-sikurezza u tal-kwalità;

1.

Jilqa’ l-preżentazzjoni tat-Tieni Rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Bla Ħlas ta’ Tessuti u Ċelluli, li juri li qed isir ħafna fl-Istati Membri biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ donazzjoni bla ħlas, iżda juri wkoll li għad fadal ħafna xi jsir;

2.

Jinnota bi tħassib li nofs l-Istati Membri jiddikjaraw li regolarment qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem, b’mod partikolari tan-nerv li jgħaddi mis-sinsla, tal-gameti u ta’ tessuti bħall-kornea u l-ġilda, u li jeħtieġ għalhekk li ssir reviżjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ li qed juru li mhumiex biżżejjed sabiex jiffaċċjaw l-isfida tal-awtosuffiċjenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

In-nonremunerazzjoni, il-kunsens u s-salvagwardja tas-saħħa

3.

Jenfasizza li d-donazzjoni għandha tkun volontarja, mingħajr ħlas u anonima (ħlief fil-każ ta’ teħid minn persuna li tkun għadha ħajja għal qarib tagħha), irregolata minn regoli ġuridiċi u etiċi li jirrispettaw l-integrità tal-persuna;

4.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri li jipproteġu d-donaturi ħajjin u jiggarantixxu li d-donazzjoni tkun waħda anonima (ħlief fil-każ ta’ teħid minn persuna għadha ħajja għal qarib tagħha), volontarja, b’kunsens liberu, infurmat u mingħajr ħlas;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b’attenzjoni l-iżviluppi fl-Istati Membri, teżamina b’attenzjoni kull rapport mis-soċjetà ċivili jew mill-midja dwar ksur tal-prinċipju ta’ donazzjoni mingħajr ħlas, u tieħu azzjoni xierqa, inkluż jekk meħieġ, l-użu ta’ proċedimenti ta’ ksur;

6.

Jemmen li huwa vitali li l-Istati Membri kollha jiddefinixxu b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jingħata kumpens ġust u proporzjonali, waqt li jikkunsidraw li l-kumpens huwa limitat b'mod strett għal kundizzjonijiet li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż mġarrba fid-donazzjoni ta' tessuti u ċelluli, bħall-ispejjeż ta’ vjaġġar, it-telf ta’ dħul jew spejjeż mediċi, marbuta ma’ proċedura medika jew effetti negattivi possibbli, b’hekk jiġi projbit kwalunkwe inċentiv finanzjarju u jiġu evitati żvantaġġi għal donaturi potenzjali; kumpens bħal dan għandu jkun trasparenti u awditjat b’mod regolari;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar prattiki u kriterji nazzjonali attwali għall-kumpens ta’ donaturi ħajjin, b’mod speċjali fir-rigward ta’ donazzjoni ta’ ċelluli tal-bajd;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe kumpens ipprovdut lid-donaturi jkun kompatibbli mal-prinċipji etiċi; jagħti l-parir li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni meta l-kumpens ma jingħatax lid-donatur, iżda jingħata lill-familja tad-donatur wara l-mewt;

9.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-donaturi ħajjin jintgħażlu abbażi ta’ evalwazzjoni tas-saħħa u l-istorja medika tagħhom, inkluża, jekk jitqies li dan ikun meħtieġ, evalwazzjoni psikoloġika bbażata fuq analiżi dwar ir-riskju u l-benefiċċji, minn professjonisti kkwalifikati u mħarrġa;

10.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ teħid ta’ tessuti u ta’ ċelluli għall-persuni taħt l-età u għall-adulti li jkunu taħt kura ta’ tutur;

Anonimità, traċċabilità, trasparenza u informazzjoni

11.

Jisħaq li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ sikurezza huma essenzjali għall-ilħuq ta’ livell għoli ta’ appoġġ pubbliku għad-donazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli joħolqu sistema ta’ donazzjonijiet trasparenti li tkun sigura għad-donaturi u r-riċeventi;

12.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu regoli li jiżguraw it-traċċabilità ta’ tessuti u ċelluli ta’ oriġini umana mid-donatur għall-pazjent u viċe versa, kif ukoll sistema li tirregola l-importazzjonijiet ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem minn pajjiżi terzi, biex tiżgura li jiġu applikati standards ekwivalenti ta’ kwalità u sikurezza;

13.

Jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom mal-pubbliku favur id-donazzjoni ta’ tessuti u ta’ ċelluli u biex jiżguraw il-provvediment ta’ informazzjoni medika ċara, vera, b’bażi xjentifika u konvinċenti u data li tippermetti lill-pubbliku sabiex jagħmel għażliet infurmati; jenfasizza li d-donaturi għandhom ikunu infurmati bis-sħiħ dwar il-proċeduri użati f’dan il-proċess u l-konsegwenzi morali, psikoloġiċi, mediċi u soċjali tagħhom;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni koordinata sabiex ikun evitat l-iżvilupp ta’ suq iswed tal-gameti fuq l-Internet, peress li dan is-suq jissogra li jipperikola kemm il-kwalità kif ukoll is-sikurezza tat-tessuti u ċ-ċelluli u jqajjem problemi ġuridiċi, etiċi u ta’ saħħa pubblika;

L-iskambju tal-aħjar prattika u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali

15.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jintensifikaw l-iskambji tal-aħjar prattiki, speċjalment rigward il-provvista ta’ tessuti u ċelluli, il-preservazzjoni tal-kwalità tat-tessuti u taċ-ċelluli waqt it-trasport tagħhom, is-sensibilizzazzjoni għad-donazzjoni u t-taħriġ tal-persunal tas-saħħa;

16.

Jistenna li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu banek pubbliċi tat-tessuti u taċ-ċelluli;

17.

Jitlob għal standards u rekwiżiti Ewropej għal banek tat-tessuti u taċ-ċelluli;

18.

Iqis li, sabiex jiġi segwit il-prinċipju imperattiv etiku li tiġi żgurata provvista adegwata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibbiltà tat-twaqqif ta’ bażi tad-data fl-Ewropa kollha ta’ donaturi u riċeventi potenzjali sabiex il-provvista tiġi amministrata fl-interess ġenerali u, meta jkun possibbli, jiġi evitat in-nuqqas tal-provvista;

19.

Iqis li r-rwol tal-ftehimiet bilaterali huwa estremament importanti għall-appoġġ tal-pajjiżi li jkollhom skarsezza ta’ tessuti u ċelluli jew li ma jkollhom l-ebda donaturi domestiċi li jaqblu u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar it-tessuti u ċ-ċelluli timxi iżjed liberament bejn l-Istati;

20.

Fil-kuntest Ewropew, ifaħħar b’mod partikolari r-rwol f’dan il-qasam ta’ Eurocet, li żvolġa rwol kruċjali bħala l-bażi ta’ data ċentrali Ewropea għall-ġbir tad-data dwar id-donazzjoni ta’ tessuti u ċelluli u l-attivitajiet ta’ trapjant; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-Eurocet ħalli jilħqu ftehim dwar iżjed standards komuni fid-donazzjoni ta’ ċelluli u tessuti u b’hekk il-professjonisti tal-qasam tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jtejbu t-tlaqqigħ tat-tessuti u ċ-ċelluli offruti liċ-ċittadini Ewropej;

21.

Jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw l-opportunitajiet kollha possibbli għal kooperazzjoni internazzjonali usa’ f’dan il-qasam, b’mod partikolari rigward l-użu potenzjali taċ-ċelluli staminali emopojetiċi;

Demm tal-kurdun u ċelluli staminali

22.

Jirrikonoxxi l-avvanzi xjentifiċi sinifikanti magħmula fil-qasam tad-demm tal-kurdun, li jikkostitwixxi alternattiva terapewtika promettenti ħafna fit-trattament għal ħafna mard, inkluż il-mard tat-tfal;

23.

Jieħu nota li attwalment, il-provi kliniċi li jużaw iċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali għat-trattament marbut ma’ mard mhux ematoloġiku qed iseħħu l-aktar barra l-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu qafas regolatorju li jista' jistimula disponibilità akbar ta’ ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali;

24.

Jiddispjaċih li attwalment, iċ-ċelluli staminali mid-demm tal-kurdun umbilikali huma maħżuna biss sa 1 % min-numru totali ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza, konsegwentement, l-importanza li l-ommijiet jqiegħdu d-demm tal-kurdun u t-tessuti mat-twelid ġewwa banek, li jaderixxu ma’ standards etiċi u operazzjonali komuni, sabiex jgħinu fit-trattament tal-mard u biex issir iżjed riċerka fil-qasam; jenfasizza, barra minn hekk, li t-traċċabilità għandha tkun waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-banek fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew; jenfasizza li l-proċess ta’ allokazzjoni permezz ta’ banek bħal dawn għandu jkun proċess ġust, ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti;

25.

Jieħu nota li l-banek pubbliċi taċ-ċelluli għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data sabiex ir-rekwiżit tat-traċċabilità jiġi rikonċiljat mal-bżonn li jkunu protetti d-drittijiet tad-donatur, bħalma huma l-kunfidenzjalità u l-privatezza medika;

26.

Hu tal-fehma li donazzjonijiet ta’ demm tal-kurdun umbilikali alloġeniku mhux familjari —kemm jekk il-bank ikun pubbliku kif ukoll jekk privat — għandhom ikunu żviluppati aktar, b’mod li l-unitajiet maħżuna ta’ demm tal-kurdun umbilikali jkunu rreġistrati fil-bażi ta’ data tal-Bank Dinji tad-Donaturi tal-Mudullun (BDMW) u li jkunu għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe pazjent li huwa kompatibbli u li għandu bżonnhom;

27.

Ifakkar li din id-donazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kunsens mill-omm li jkun liberu, infurmat u nnotifikat bil-miktub, u li dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat mingħajr formalitajiet f’kull mument qabel id-donazzjoni;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jqajmu għarfien dwar il-banek pubbliċi tad-demm tal-kurdun permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni li jistgħu jseħħu, pereżempju, matul klassijiet ta' qabel it-tqala, u jipproponi dan f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

29.

Iqis li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu infurmati dwar l-għażliet eżistenti marbuta mad-donazzjoni tad-demm tal-kurdun mat-twelid pereżempju: il-ħażna pubblika jew privata, id-donazzjoni għal skopijiet awtologi u eterologi jew għar-riċerka; iqis li informazzjoni komprensiva, oġġettiva u akkurata għandha tkun ipprovduta dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ banek tad-demm tal-kurdun;

30.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu fl-istess ħin il-protezzjoni tad-dritt tal-ġenituri għal kunsens infurmat u għal libertà tal-għażla fir-rigward ta’ prattiki ta’ preservazzjoni taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun;

31.

Jipproponi li l-Istati Membri jikkunsidraw l-adozzjoni u l-infurzar ta’ standards operazzjonali u etiċi għall-banek tad-demm tal-kurdun pubbliċi u privati li jħarsu l-prinċipju tan-nonkummerċjalizzazzjoni tal-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, pereżempju, u li jiżguraw it-traċċabilità;

32.

Jistenna li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu tal-anqas bank pubbliku taċ-ċelluli staminali wieħed;

33.

Jitlob li l-opinjoni maħruġa fl-2004 mill-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda dwar "Aspetti Etiċi relatati mal-Banek tad-Demm tal-Kurdun Umbilikali" (l-Opinjoni Nru 19) tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi fil-preservazzjoni taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun u l-provi kliniċi kontinwi dwar l-użu taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali;

34.

Jistieden l-Istati Membri sabiex jipprovdu netwerk territorjali tal-kliniki tal-maternità awtorizzati sabiex iwettqu dan it-teħid bil-għan li tiġi ggarantita l-provvista tad-demm tal-kurdun fiż-żoni kollha tal-popolazzjoni;

35.

Jitlob li l-banek kollha li jirrispettaw l-istandards operazzjonali tal-UE għall-ġabra u l-ħażna tad-demm tal-kurdun jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet nazzjonali meta jkunu qed jiġu definiti u implimentati strateġiji ta’ kampanji nazzjonali ta’ informazzjoni maħsuba għall-ġenituri;

36.

Jitlob għal standards u rekwiżiti Ewropej għal banek privati taċ-ċelluli staminali;

37.

Jinnota li mudelli u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bejn setturi pubbliċi u privati diġà jeżistu f’xi Stati Membri, u jinkoraġġixxi l-banek pubbliċi u privati tad-demm tal-kurdun sabiex jikkollaboraw iżjed mill-qrib ħalli jżidu l-disponibbiltà u l-iskambju tal-kampjuni nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tad-demm tal-kurdun u t-tessuti; jistieden lill-Istati Membri jirregolaw kif xieraq il-banek pubbliċi u privati sabiex tkun garantita t-trasparenza u s-sikurezza totali tad-demm tal-kurdun, b’enfasi fuq il-bżonn li l-banek jiżguraw prattiki ta’ xogħol miftuħa u soda fit-tqassim tal-informazzjoni tagħhom, sabiex ikun ipprovdut benefiċċju massimu għall-pazjent;

38.

Jenfasizza l-iżvilupp ta’ proċeduri li mhumiex intrużivi ta’ tkabbir taċ-ċelluli staminali bl-użu tal-ġbir periferali taċ-ċelluli staminali tad-demm (PBSC);

39.

Hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw iżidu l-għadd ta’ donaturi tal-mudullun u taċ-ċelluli staminali ta’ demm periferali, filwaqt li jtejbu r-reġistri tad-donaturi tal-mudullun sabiex, b’kollaborazzjoni mar-reġistri nazzjonali ta’ pajjiżi oħra u permezz tal-BMDW kwalunkwe pazjent li jkun fi bżonn ta’ trapjant ta’ ċelluli staminali jkollu l-aħjar probabilità li jsib donatur kompatibbli;

40.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw programmi li jħeġġu lill-minoranzi etniċi biex jagħtu tessuti u ċelluli lill-banek pubbliċi sabiex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ donaturi li jaqblu f'dan il-grupp;

41.

Jenfasizza li hija l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jippermettux, jipprojbixxux jew jirregolawx ir-riċerka biċ-ċelluli staminali embrijoniċi tal-bniedem u l-fertilizzazzjoni in vitro iżda l-Istat Membru kkonċernat f’dan ir-rigward għandu jirrispetta r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2004/23/KE, inklużi dawk dwar il-kwalità u s-sikurezza u dawk marbuta mal-prinċipju ta’ donazzjoni mhux imħallsa; jieħu nota li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza limitata f’dan il-qasam u, meta tapplika din il-kompetenza, trid tirrispetta l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prinċipji applikati fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, kemm jista’ jkun malajr, reviżjoni tad-Direttiva 2004/23/KE, sabiex issir konformi mal-prinċipji li jirregolaw id-donazzjoni tal-organi stabbiliti fid-Direttiva 2010/45/UE, u sabiex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjoni legali ġdida wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, l-iżviluppi xjentifiċi, l-esperjenza prattika ta’ dawk involuti fis-settur u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport;

43.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 sabiex tinkludi dispożizzjoni li tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ donazzjoni mingħajr ħlas simili għal dik imsemmija fid-Direttiva 2010/45/UE u biex tikkunsidra l-problemi li tfaċċaw fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolament, b’mod speċjali għall-SMEs;

*

* *

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 14.

(2)  ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 65.

(3)  ĠU L 324, 10.12.2007, p. 121.

(4)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 48.

(5)  ĠU L 38, 9.2.2006, p. 40.

(6)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 251.


Top