EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regolamenti tal-Unjoni Ewropea

Regolamenti tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) – regolamenti

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU?

Huwa jiddefinixxi d-diversi tipi ta’ atti legali li l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tadotta, inkluż regolamenti.

PUNTI EWLENIN

  • Regolamenti huma atti legali definiti mill-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għandhom applikazzjoni ġenerali, huma vinkolanti fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri tal-UE.
  • Madankollu, wieħed għandu jinnota li xi regolamenti ma japplikawx għall-Istati Membri kollha u li hemm eżenzjonijiet magħrufa bħala opt-outs għal ċerti Stati Membri, bħad-:
  • Pereżempju, meta l-UE ddeċidiet li tieħu azzjoni sabiex tipproteġi aħjar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra r-riskji assoċjati mas-sustanzi kimiċi, hija adottat ir-Regolament (UE) Nru 1907/2006 (magħruf bħala r-regolament REACH – ara s-sommarju) dwar din il-kwistjoni.
  • Ir-regolamenti jiffurmaw parti mil-liġi sekondarja tal-UE. Huma jiġu adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE abbażi tat-trattati. Huma għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE madwar l-UE.
  • Regolament jista’ jkun att leġiżlattiv, delegat jew ta’ implimentazzjoni. Jekk huwa adottat wara proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew, dan ikun att leġiżlattiv.
  • Regolament huwa ta’ applikazzjoni ġenerali għal kategoriji astratti ta’ persuni (persuni mhux identifikati) u huwa vinkolanti kollu kemm hu. Għall-kuntrarju, deċiżjoni tista’ tispeċifika lil min tiġi indirizzata, u mbagħad tkun vinkolanti għalihom biss.
  • Regolament għandu jiġi rispettat b’mod sħiħ minn dawk li għalihom japplika u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri. Dan ifisser li huwa:
    • japplika direttament wara d-dħul fis-seħħ fl-Istati Membri, mingħajr il-ħtieġa li jiġi traspost f’liġi nazzjonali;
    • jista’ joħloq drittijiet u obbligazzjonijiet għal individwi u, għalhekk, dawn jistgħu jinvokawh direttament quddiem il-qrati nazzjonali;
    • jista’ jintuża bħala referenza minn individwi fir-relazzjoni tagħhom ma’ individwi oħrajn, Stati Membri u awtoritajiet tal-UE.
  • Dan jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita minnu jew, fin-nuqqas ta’ dan, 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolamenti huma applikabbli simultanjament, awtomatikament u b’mod uniformi madwar l-UE.

Regolamenti delegati

Fil-proċedura tal-atti delegati (l-Artikolu 290 tat-TFUE), il-Kummissjoni Ewropea tista’ tadotta regolamenti delegati sabiex tikkomplimenta jew temenda ċerti elementi non-essenzjali ta’ att leġiżlattiv.

Regolamenti ta’ implimentazzjoni

  • Fil-proċedura tal-atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikolu 291 tat-TFUE), il-Kummissjoni, u f’każi eċċezzjonali l-Kunsill, jistgħu jadottaw regolamenti għall-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni li titlob implimentazzjoni uniformi fi ħdan l-UE. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ara s-sommarju).
  • L-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu wkoll jadottaw regolamenti ta’ implimentazzjoni għall-Fond Soċjali Ewropew u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan it-tip ta’ regolament huwa definit fl-Artikoli 164 u 178 tat-TFUE.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Liġi (sit web tal-Unjoni Ewropea).

DOKUMENT EWLIENI

Il-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Sitta — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adeżjoni u dispożizzjonijiet oħra — Sezzjoni 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 171–172).

l-aħħar aġġornament 16.03.2022

Top