EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (UE), l-UE toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ) mingħajr fruntieri interni. Din hija żona fejn il-moviment ħieles tal-persuni huwa ggarantit flimkien ma’ miżuri xierqa fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

Sezzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), Titlu V (l-Artikoli 67-89) hija ddedikata għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE. Fiha regoli ġenerali (l-Artikoli 67-76), kif ukoll kapitoli speċifiċi dwar:

  • politiki dwar il-verifika fuq il-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni;
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;
  • il-kooperazzjoni mal-pulizija.

L-Artikolu 67 TFUE jiddikjara li l-UE tfittex li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, u permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi fi kwistjonijiet kriminali u, jekk meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali tal-Istati Membri tal-UE.

Minħabba li bosta sfidi ta’ sigurtà jiġu minn barra l-UE jew huma ta’ natura transkonfinali, l-Istati Membri individwali mhux dejjem huma mgħammra bl-aħjar mod biex jindirizzawhom. L-Artikolu 68 TFUE jagħti lill-Kunsill Ewropew ir-responsabbiltà li jfassal il-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għaż-żamma tal-liġi u l-ordni u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna tagħhom.

L-Artikolu 83 tat-TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-dritt li jfasslu regoli minimi li jiddefinixxu reati kriminali għal reati partikolarment serji b’dimensjoni transkonfinali, li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ reati bħal dawn jew minn ħtieġa speċjali biex jiġu miġġielda fuq bażi komuni. Ir-reati inkwistjoni huma:

  • terroriżmu;
  • it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali ta’ nisa u tfal;
  • it-traffikar illeċitu ta’ drogi u armi;
  • il-ħasil tal-flus;
  • korruzzjoni;
  • il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas,
  • il-kriminalità permezz tal-kompjuter,
  • il-kriminalità organizzata.

L-istrateġija tal-unjoni tas-sigurtà tal-UE, li titwettaq għall-perjodu 2020-2025, tindirizza dawn ir-reati.

ARA WKOLL

Top