Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Żvilupp sostenibbli

Żvilupp sostenibbli kien definit l-ewwel darba fir-rapport Brundland tal-1987 mill-Kummissjoni Dinjija fuq l-Ambjent u Żvilupp “Il-futur komuni tagħna” bħala “żvilupp li jissodisfa l-bżonnijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità ta’ ġenerazzjonijiet futuri biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom stess”. Dan jipprova jirrikonċilja l-promozzjoni tal-prosperità ekonomika ma’ amministrazzjoni ta’ inklużjoni soċjali u jservi bħala bażi għall-politiki u inizjattivi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE). Żvilupp sostenibbli hu formalment wieħed mill-għanjiet għat-terminu twil tal-UE taħt Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

L-UE hi impenjata li tikseb iż-17-il-għan dwar żvilupp sostenibbli (SGDs) tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għal Żvilupp Sostenibbli, adottata f’Settembru 2015. L-UE għandha politiki, strateġiji u inizjattivi varji fis-seħħ biex tilqa’ sfidi bħal indirizzar tat-tibdil fil-klima, tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, trawwim ta’ innovazzjoni u intraprenditorija, u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, aċċess għal impjiegi, edukazzjoni u kura tas-saħħa, u protezzjoni soċjali. Dawn jinkludu l-Patt Ekoloġiku Ewropew, is-Semestru Ewropew, il-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, il-programm ta’ azzjoni fuq l-ambjent, l-aġenda dwar regolamentazzjoni aħjar, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-programm ta’ azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fl-2023, l-UE ppubblikat u ppreżentat fin-NU l-ewwel rieżami volontarju li qatt sar dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030.

Lil hinn mill-fruntieri, l-UE tirrikonoxxi r-rabtiet bejn sfidi globali u l-importanza ta’ kooperazzjoni internazzjonali. HI kellha rwol ewlieni fit-tfassil tal-Aġenda globali 2030 u l-SDGs, u hi attivament involuta f’forums u inizjattivi biex tindirizza sfidi bħal faqar, ġuħ, saħħa, edukazzjoni, ugwaljanza bejn is-sessi, ilma nadif u sanitazzjoni. Fl-2017, l-UE adottat il-Konsensus Ewropew fuq Żvilupp, li jistabbilixxi l-politika tagħha fuq kooperazzjoni fl-iżvilupp, u, fl-2021, adottat l-Istrument dwar il-Viċinat, Żvilupp u Kooperazzjoni internazzjonali — Ewropa Globali, l-istrument l-iktar riċenti tagħha dwar kooperazzjoni fl-iżvilupp. Permezz tal-politika kummerċjali tagħha, l-UE tipprova tippromwovi żvilupp sostenibbli fi ftehimiet kummerċjali li tiffirma ma’ pajjiżi sieħba.

Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, aġenziji oħra tal-UE, Stati Membri tal-UE u partijiet ikkonċernati oħra, żviluppaw serjè ta’ indikaturi biex jittrekkjaw il-progress tal-UE biex tissodisfa l-SGDs. Ir-rapport dwar Żvilupp Sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, ippubblikat kull sena minn Eurostat, jiġbor u jirrevedi xejriet f’dawn l-indikaturi, li jippermettu li politiki tal-UE jkunu evalwati u, fejn ikun meħtieġ, ikunu adottati.

ARA WKOLL

Top