Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Adattament għat-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima, varjazzjoni sinjifikanti tal-kundizzjonijiet medji tat-temp matul għexieren ta’ snin, jirrappreżenta sfida kbira umana u globali. Filwaqt li jistgħu jittieħdu ċerti azzjonijiet biex itaffu t-tibdil fil-klima (biex tiġi evitata u mnaqqsa l-emissjoni ta’ gassijiet serra, li twassal għal tisħin globali), jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet oħra għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

L-adattament għat-tibdil fil-klima jinvolvi t-tibdil fl-imġiba tagħna u l-modi kif nagħmlu l-affarijiet biex inħejju ruħna għall-inevitabbli, sabiex inkunu nistgħu nipproteġu lilna nfusna, l-ambjent u l-ekonomija mill-impatti tat-tibdil fil-klima.

Fi Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat strateġija tal-UE għall-adattament tal-klima. Din għandha l-għan li tikkumplimenta l-azzjonijiet varji meħuda mill-UE biex ittaffi t-tibdil fil-klima billi tiddefinixxi strateġija biex tadatta għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Hija tfittex ukoll li tgħin biex tagħmel lill-UE mhux biss newtrali fil-klima (b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti żero) iżda wkoll reżiljenti għall-klima sal-2050.

L-istrateġija għandha l-erba’ għanijiet ewlenin li ġejjin.

  • Adattament aktar intelliġenti. L-azzjonijiet meħuda għandhom ikunu infurmati permezz ta’ data robusta u għodod ta’ evalwazzjoni tar-riskju li huma disponibbli għal kulħadd.
  • Adattament aktar mgħaġġel. Għandna bżonn nadattaw aktar malajr u b’mod komprensiv u niffokaw fuq l-iżvilupp u t-twettiq ta’ soluzzjonijiet biex ngħinu fit-tnaqqis tar-riskju relatat mal-klima, inżidu l-protezzjoni tal-klima u nissalvagwardjaw id-disponibbiltà tal-ilma ħelu.
  • Adattament aktar sistemiku. Billi t-tibdil fil-klima se jkollu impatti fil-livelli kollha tas-soċjetà u fis-setturi kollha tal-ekonomija, azzjonijiet ta’ adattament għandhom ikunu wkoll sistemiċi. L-istrateġija se tappoġġja aktar l-żvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ adattament fil-livelli kollha ta’ governanza, billi tagħti prijorità lill-integrazzjoni ta’ adattament fil-politika makrofiskali, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament u azzjoni ta’ adattament lokali.
  • Żieda fl-azzjoni internazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Imwettaq permezz tat-tkabbar tal-finanzi internazzjonali u permezz ta’ impenn globali aktar qawwi u skambji dwar l-adattament.

Il-glossarju tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima mill-2018 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin.

  • Adattament. Fis-sistemi umani, il-proċess ta’ aġġustament għall-klima attwali jew mistennija u l-effetti tagħha, sabiex timmodera l-ħsara jew tisfrutta opportunitajiet ta’ benefiċċju. Fis-sistemi naturali, il-proċess ta’ aġġustament għall-klima attwali u l-effetti tagħha; intervent uman jista’ jiffaċilita l-aġġustament għall-klima mistennija u l-effetti tagħha.
  • Reżiljenza. Il-kapaċità ta’ sistemi soċjali, ekonomiċi u ambjentali biex ilaħħqu ma’ avveniment perikoluż jew xejra jew tfixkil, li jirrispondu jew jorganizzaw mill-ġdid b’modi li jżommu l-funzjoni essenzjali, l-identità u l-istruttura tagħhom filwaqt li jżommu wkoll il-kapaċità għal adattament, tagħlim u trasformazzjoni.

ARA WKOLL

Top