EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0027

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-20 ta' Jannar 2005.
Petra Engler vs Janus Versand GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Il-Konvenzjoni ta' Brussell - Talba għall-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3 - Dritt ta' konsumatur li jkun irċieva pubbliċità qarrieqa, li jeżiġi skond il-liġi, l-għoti tal-premju apparentement mirbugħ - Klassifikazzjoni - Azzjoni ta' natura kuntrattwali prevista mill-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, jew mill-Artikolu 5(1), jew f'oqsma ta' delitt previst fl-Artikolu 5(3) - Kundizzjonijiet.
Kawża C-27/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:33

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2005(*)

"Il-Konvenzjoni ta’ Brussell – Talba għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 5(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3 – Dritt ta’ konsumatur li jkun irċieva pubbliċità qarrieqa, li jeżiġi skond il-liġi, l-għoti tal-premju apparentement mirbugħ – Klassifikazzjoni – Azzjoni ta’ natura kuntrattwali prevista mill-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, jew mill-Artikolu 5(1), jew f’oqsma ta’ delitt previst fl-Artikolu 5(3) – Kundizzjonijiet"

Fil-kawża C-27/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond il-Protokoll tat- 3 ta’ Gunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz tad-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Jannar 2002, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2002, fil-kawża

Petra Engler

vs

Janus Versand GmbH, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Mejju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

· għal P. Engler, minn K.-H. Plankel u S. Ganahl, Rechtsanwälte,

· għal Janus Versand GmbH, minn A. Matt, Rechtsanwalt,

· għal Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, assistit minn A. Klauser, Rechtsanwalt,

· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 5(1) u (3), kif ukoll ta’ l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), u mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Brussell").

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Engler, ċittadina Awstrijaka b’domiċilju f’Lustenau (l-Awstrija) u l-kumpannija tal-bejgħ bil-korrispondenza stabbilita taħt il-liġi Ġermaniża Janus Versand GmbH (iktar ’il quddiem "Janus Versand"), stabbilita f’Langenfeld (il-Ġermanja), dwar azzjoni sabiex din ta’ l-aħħar tiġi ordnata tagħti premju lil P. Engler, peress li l-imsemmija kumpannija kienet, permezz ta’ ittra li bagħtet lil P. Engler, indirizzata f’isimha, tagħtha l-impressjoni li kienet rebħet premju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3       Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell huma stabbiliti fit-Titolu II tagħha, li huwa magħmul mill-Artikoli 2 sa 24.

4       L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jagħmel parti mit-Titolu II tagħha, Taqsima 1, intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali", jistabbilixxi r-regola bażika li tipprovdi:

"Salv għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti għandhom jiġu mħarrka, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jidher fl-istess Taqsima, jipprovdi:

"Il-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti jistgħu jiġu mħarrka biss quddiem il-qrati ta’ Stat membru kontraenti ieħor bis-saħħa tar-regoli msemmija fit-Taqsimiet 2 sa 6 ta’ dan it-titolu."

6       L-Artikoli 5 sa 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jiffurmaw it-Taqsimiet 2 sa 6 tat-Titolu II tagħha, jipprovdu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, obbligatorja jew esklużiva.

7       Għalhekk, skond l-Artikolu 5, li jidher fit-Taqsima 2, intitolata "Ġurisdizzjoni speċjali", tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

"Il-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista jiġi mħarrek, fi Stat kontraenti ieħor:

1)      fir-rigward ta’ kuntratt, quddiem il-Qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit; [...]

[...]

3)      fir-rigward ta’ delitt jew kważi-delitt, quddiem il-Qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu;

[...]"

8       Taħt l-istess Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikoli 13 sa 15 tagħha jiffurmaw it-Taqsima 4, intitolata "Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi".

9       L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jipprovdi:

"Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tiegħu, iktar ’il quddiem imsejjaħ "il-konsumatur", il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 u ta’ l-Artikolu 5 paragrafu 5:

1)      meta huwa bejgħ bin-nifs ta’ oġġetti mobbili materjali;

2)      meta huwa self li jitħallas lura bin-nifs jew transazzjoni oħra ta’ kreditu marbut ma’ l-iffinanzjar ta’ bejgħ ta’ tali oġġetti;

3)      għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

a)      il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn pubbliċità

u li

b)      l-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

Meta l-kontroparti ta’ konsumatur mhix domiċiljata fit-territorju ta’ Stat kontraenti, iżda għandha fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor fi Stat kontraenti, għandha tkun ikkunsidrata, għall-kontroversji relattivi għall-operazzjonijiet tagħhom, bħala li għandha domiċilju fit-territorju ta’ dak l-Istat.

Din it-taqsima ma tapplikax għall-kuntratt ta’ trasport."

10     Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

"L-azzjoni tal-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt tista’ tinġieb kemm quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu din il-parti hija ddomiċiljata, u kif ukoll quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat."

11     Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi dderogata biss jekk ikun hemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

 Id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti

12     L-Artikolu 5 j tal-liġi Awstrijaka fuq il-ħarsien tal-konsumaturi (BGBl. 1979/140) jipprovdi:

"Il-kumpanniji li indirizzaw lill-konsumatur speċifiku, avviż ta’ attribuzzjoni ta’ premju jew messaġġi oħra simili, imfassla b’mod li jagħtu l-impressjoni li l-konsumatur rebaħ premju partikolari, għandhom jagħtu dan il-premju lill-konsumatur; dan il-premju jista’ ukoll jiġi mitlub quddiem il-qrati."

13     Din id-dispożizzjoni ġiet miżjuda mal-liġi fuq il-ħarsien tal-konsumatur permezz ta’ l-Artikolu 4 tal-liġi Awstrijaka dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (BGBl. I, 1999/185) meta ġiet trasposta, fil-liġi Awstrijaka, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7/KE ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi [fir-]rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19).

14     L-imsemmija dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1999.

15     L-Oberlandesgericht Innsbruck ippreċiżat fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, li l-għan ta’ l-imsemmi Artikolu 5 j huwa li jagħti dritt ta’ azzjoni lill-konsumatur sabiex ikun jista’ jassigura permezz tal-mezzi legali l-eżekuzzjoni ta’ "avviż ta’ premju" meta dan il-konsumatur ikun żgwidat minħabba li professjonist ikkuntattjah personalment u taħ l-impressjoni li kien rebaħ premju, filwaqt li l-għan veru tat-transazzjoni, li tikkonsisti f’li twassal lil dak li jkun sabiex jordna prodotti, jidher biss f’tipa żgħira jew f’parti ta’ l-ittra li ma tantx tidher u f’termini li diffiċilment jinftiehmu.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16     Jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali li, fil-bidu tas-sena 2001, P. Engler irċeviet ittra bil-posta indirizzata personalment lilha fir-residenza tagħha minn Janus Versand, li twettaq attivitajiet ta’ bejgħ bil-posta. Din l-ittra kienet tinkludi, minn naħa, "avviż ta’ premju" fejn il-forma u l-kontenut ħallew lid-destinatarja taħseb li hi kienet rebħet, fil-kuntest ta’ "lotterija bi premji fi flus" organizzata mill-imsemmija kumpannija, premju ta’ 455 000 ATS u, min-naħa l-oħra, katalgu tal-prodotti kkummerċjalizzati minnha – li, apparentement, kienet tippreżenta ruħha wkoll fir-relazzjonijiet tagħha mal-klienti tagħha bl-isem "Handelskontor Janus GmbH" –, dan il-katalgu kien akkumpanjat minn formola ta’ applikazzjoni għal "talba għall-prova mingħajr irbit". Fil-prospett pubbliċitarju mibgħut lil P. Engler, Janus Versand indikat li hi setgħet tiġi kkuntattjata fuq l-Internet fl-indirizz segwenti: www.janus-versand.com.

17     Fuq l-"avviż ta’ premju" kienet tidher bħala titolu l-kelma "konferma" kif ukoll, f’tipa grassa, in-numru rebbieħ. L-isem u l-indirizz tad-destinatarja u l-benefiċjarja ta’ dan l-avviż kienu ta’ P. Engler, u kienu akkumpanjati mill-kliem "personali − mhux trasferibbli". Dan l-"avviż ta’ premju" kien jindika ukoll permezz ta’ tipa grassa, l-ammont ta’ rebħ f’ċifri (455 000 ATS) u taħtha, l-istess ammont bil-kliem, kif ukoll konferma, ffirmata minn ċertu Ulrich Mändercke, li jikkonferma li "l-ammont tal-premju indikat huwa korrett u konformi mad-dokument fil-pusess tagħna", il-kliem "studju u uffiċċju ta’ esperti li jiċċertifikaw" kienu jakkumpanjaw din il-firma. Minbarra dan, P. Engler kienet mitluba li tittimbra fuq l-"avviż ta’ premju" fl-ispazju previst għal dan l-għan it-"timbru uffiċjali ta’ l-uffiċċju" mehmuż ma’ l-ittra u sabiex tirritorna lill-Janus Versand l- formola ta’ applikazzjoni għal "talba għall-prova mingħajr irbit". Fuq l-"avviż ta’ premju" kien hemm ukoll kaxxa rriżervata għad-data u għall-firma, l-indikazzjoni "Imla" u referenza b’tipa żgħira għall-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ l-għoti tal-premju allegatament mirbuħ. P. Engler kellha tiddikjara fuq dan l-"avviż ta’ premju" li hija kienet qrat u li kienet taċċetta l-imsemmija kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, hija talbet lid-destinatarja sabiex tirritorna dan id-dokument "illum" debitament ikkompletat sabiex ikun jista’ jiġi pproċessat u envelopp kien meħmuż għal dan il-għan.

18     Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li P. Engler, irritornat l-"avviż ta’ premju" kif Janus Versand kienet stednieta tagħmel, lil din il-kumpannija, peress li hi ħasbet li dan kien suffiċjenti sabiex tikseb il-premju mwiegħed ta’ 455 000 ATS.

19     Għall-ewwel, Janus Versand ma rreaġixxietx, imbagħad irrifjutat li tħallas l-imsemmija somma lil P. Engler.

20     Għalhekk, P. Engler fetħet kawża kontra Janus Versand quddiem il-Qrati Awstrijaċi, ibbażata prinċipalment fuq l-Artikolu 5 j tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex din il-kumpanija tiġi ordnata tħallasha s-somma ta’ 455 000 ATS, kif ukoll l-ispejjeż u ammonti konnessi. Skond P. Engler, din it-talba hija waħda ta’ natura kuntrattwali, peress li Janus Versand, permezz ta’ l-avviż tagħha ta’ attribuzzjoni ta’ premju, ħajjritha sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ bejgħ ta’ beni mobbili ma’ din il-kumpannija. Talba bħal din hija madankollu ibbażata ukoll fuq motivi oħra, b’mod partikolari fuq il-ksur ta’ obbligi pre-kuntrattwali. Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra li t-talba tagħha hija ppreżentata abbażi ta’ delitt jew kważi-delitt.

21     Janus Versand ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Awstrijaċi sabiex jisimgħu l-imsemmija talba, billi l-ewwel nett sostniet li l-korrispondenza li fuqha din it-talba hija bbażata ma oriġinatx mingħandha, iżda minn Handelskontor Janus GmbH, kumpannija li hija entità ġuridika oħra; it-tieni nett, li ma kinitx wegħdet ebda premju lil P. Engler u, fl-aħħar nett, li hija ma kinitx f’relazzjoni kuntrattwali ma’ din ta’ l-aħħar.

22     Fit-2 ta’ Ottubru 2001, il-Landesgericht Feldkirch (L-Awstrija) irrifjutat, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza, l-azzjoni ta’ P. Engler, peress li skond hi P. Engler ma kinitx uriet ir-rabta eżistenti bejn Janus Versand u l-persuna li kienet bagħtet l-avviż ta’ attribuzzjoni tal-premju, jiġifieri "Handelskontor Janus GmbH, Postfach 1670, Abt. 3 Z 4, D−88106 Lindau".

23     P. Engler appellat mis-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck.

24     Din il-qorti kkunsidrat li, sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, huwa neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Brussell. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-azzjoni miġjuba minn P. Engler għandhiex tiġi meqjusa bħala fondata fuq dritt ta’ natura kuntrattwali, skond l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jew jekk azzjoni bħal din tirrigwardax delitt jew kważi-delitt, skond l-Artikolu 5(3), jew inkella jekk hijiex koperta mill-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, ta’ din il-Konvenzjoni.

25     Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li kwistjoni bħal din kienet diġà ġiet mistoqsija lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Oberster Gerichtshof (L-Awstrija) fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C-96/00, Ġabra p. I‑6367), sentenza mogħtija wara li ġiet ippreżentata din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li l-fatti li wasslu għal dik il-kawża huma distinti minn dawk tal-kawża preżenti. Fil-fatt, fil-kawża Gabriel, il-kumpannija in kwistjoni kienet għamlet il-parteċipazzjoni fil-lotterija − u, konsegwentement, il-ħlas tal-premju allegatament mirbugħ − dipendenti fuq ordni li kellha ssir minn qabel mill-konsumatur, filwaqt li, f’din il-kawża, il-ħlas tal-premju mhux suġġett għall-ordni ta’ l-oġġetti mill-konsumatur u lanqas għall-kunsinna ta’ dawn minn Janus Versand. It-trasmissjoni ta’ l-"avviż ta’ premju" kien ikun suffiċjenti għal dan il-għan.

26     Iżda, fl-istess waqt li rċieva l-messaġġ relattiv għall-premju allegat, il-konsumatur kien irċieva katalgu tal-prodotti mibjugħa minn Janus Versand kif ukoll formola ta’ applikazzjoni għal "talba għall-prova mingħajr irbit", li kienet saret sabiex tħajjar lid-destinatarju jikkonkludi kuntratt ta’ xiri tal-beni mobbli offerti minn din il-kumpannija. Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, filwaqt li fis-sentenza li wasslet għas-sentenza Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, kien ġie konkluż kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti mobbili, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, apparti mill-avviż ta’ premju, li jekk meħtieġ jista’ jiġi evalwat indipendentement, kienu jeżistu biss relazzjonijiet pre-kuntrattwali bejn il-partijiet.

27     Peress li kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, is-soluzzjoni tal-kawża li kienet qiegħda tittratta, kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell […], id-dritt ta’ azzjoni mogħti lill-konsumatur mill-Artikolu 5 j tal-liġi Awstrijaka fuq il-ħarsien tal-konsumatur […], fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tal-liġi Awstrijaka fuq il-kuntratti li jsiru mill-bogħod […], li tippermetti lill-konsumatur li jitlob quddiem il-qrati, l-għoti, mill-kumpanniji, tal-premju apparentement mirbugħ fil-każ fejn dawn jibagħtu (jew kienu bagħtu) lill-konsumatur partikolari avviż ta’ premju jew messaġġi oħra simili fejn l-avviż huwa (jew kien) ta’ tip li jagħti l-impressjoni lill-konsumatur li rebaħ premju partikolari, jikkostitwixxi:

a)      dritt ta’ natura kuntrattwali skond l-Artikolu 13(3) [l-ewwel paragrafu,],

jew

b)      dritt ta’ natura kuntrattwali skond l-Artikolu 5(1),

jew

c)      dritt ta’ natura ta’ delitt jew kważi-delitt skond l-Artikolu 5(3),

f’każ li konsumatur normali seta’ bir-raġun jikkunsidra, abbażi tad-dokumenti kkomunikati, li kull ma kellu jagħmel sabiex jieħu l-ammont miżmum għad-dispożizzjoni tiegħu kien li jirritorna l-avviż ta’ premju mehmuż u li l-ħlas tal-premju għalhekk ma kienx jiddependi fuq ordni jew kunsinna ta’ oġġetti mill-kumpannija li wegħdet il-premju, iżda fejn, fl-istess waqt, il-konsumatur irċieva, flimkien mal-wegħda ta’ premju, katalgu tal-prodotti ta’ l-istess kumpannija akkumpanjat minn formola ta’ applikazzjoni għall-ordni mhux obbligatorja?"

 Fuq id-domanda preliminari

28     Fid-dawl tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, hemm lok li d-domanda tiġi mifhuma li essenzjalment qed tistaqsi jekk ir-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fil-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha konsumatur jipprova jitlob ordni, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kontraenti li fuq it-territorju tiegħu huwa domiċiljat, indirizzata lill-kumpannija tal-bejgħ bil-korrispondenza, stabbilita fi Stat kontraenti ieħor, għall-kunsinna ta’ premju apparentement mirbugħ minnu hija ta’ natura kuntrattwali, skond l-Artikoli 5(1), jew l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13(3) ta’ din il-Konvenzjoni, jew jekk tikkostitwixxi azzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt skond l-Artikolu 5(3) tagħha, meta dik il-kumpannija kienet indirizzat lil dak il-konsumatur personalment ittra tat-tip li tagħti l-impressjoni li kien ser jingħata premju meta jitlob il-ħlas billi jirritorna l-"avviż ta’ premju" mehmuż ma l-imsemmija ittra u fejn din ta’ l-aħħar kienet tinkludi katalgu publiċitarju ta’ prodotti ta’ l-istess kumpannija akkumpanjata minn formola ta’ applikazzjoni ta’ "talba għall-prova mingħajr irbit", mingħajr ma l-għoti ta’ l-imsemmi premju jiddependi mill-ordni ta’ l-oġġetti u għalhekk anki jekk, fil-fatt, il-konsumatur ma għamilx ordni bħal din.

29     Sabiex tingħata risposta għad-domanda hekk magħmula, jeħtieġ li b’mod preliminari jiġi mfakkar ukoll li, b’mod konformi għall-ġurisprudenza kostanti, il-kunċett tal-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt kopert mill-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jinkludi t-talbiet kollha li għandhom l-għan li jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ konvenut u li mhumiex konnessi kuntratt skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-istess Konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punt 17; tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C-261/90, Ġabra p. I‑2149, punt 16; tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C-51/97, Ġabra p. I‑6511, punt 22; Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 36).

30     Jirriżulta li fl-ewwel lok għandu jiġi stabbilit jekk azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali għandhiex natura kuntrattwali.

31     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tittratta l-qasam kuntrattwali in ġenerali, mentri l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija konvenzjoni jirreferi speċifikament għal tipi differenti ta’ kuntratti konklużi minn konsumatur.

32     Peress illi l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għalhekk jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel ma’ l-Artikolu 5(1) tagħha, għandu jiġi stabbilit minn qabel jekk azzjoni li għandha l-karatteristiċi msemmija fid-domanda preliminari kif imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

33     Kif stabbiliet kemm il-darba il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti użati fil-Konvenzjoni ta’ Brussell − u, b’mod partikolari, dawk li jidhru fl-Artikolu 5(1) u (3), u l-Artikolu 13 tagħha − għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’referenza għas-sistema u għall-għanijiet ta’ l-imsemmija konvenzjoni, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati kontraenti kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1978, Bertrand, 150/77, Ġabra p. 1431, punti 14 sa 16; tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C-89/91, Ġabra p. I‑139, punt 13; tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C-269/95, Ġabra p. I‑3767, punt 12; tas-27 ta’ April 1999, Mietz, C-99/96, Ġabra p. I‑2277, punt 26, u Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

34     Fir-rigward partikolarment għall-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, abbażi tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti, li l-punt 3 ta’ din id-dispożizzjoni tapplika biss, fl-ewwel lok, sakemm il-persuna li qed tagħmel it-talba hija konsumatur finali privat, mhux impenjat f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali, fit-tieni lok, sakemm l-azzjoni legali hija konnessa ma’ kuntratt konkluż bejn dan il-konsumatur u l-bejjiegħ professjonali għall-provvista ta’ oġġetti mobbili materjali jew ta’ servizzi u li ta lok għal obbligi reċiproċi u interdipendenti bejn iż-żewġ partijiet tal-kuntratt u, fit-tielet lok, sakemm iż-żewġ kundizzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3(a) u (b), huma sodisfatti (ara s-sentenza Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 sa 40 u 47 sa 51).

35     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex kollha sodisfatti f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali.

36     Fil-fatt, għalkemm huwa inkontestabbli li, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha effettivament il-kwalità ta’ konsumatur, koperta mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u li l-bejjiegħ indirizza lill-konsumatur fil-forom previsti fil-punt 3(a) ta’ din id-dispożizzjoni, billi bagħtilha ittra personalizzata li tinkludi wegħda ta’ għoti ta’ premju li magħha kien mehmuz katalgu akkumpanjat minn formola ta’ ordni għall-bejgħ ta’ l-oġġetti mobbili materjali tagħha fl-Istat kontraenti fejn hija tirrisjedi, sabiex iħajjarha taċċetta l-offerta tal-bejjiegħ, il-fatt jibqa’ li f’dan il-każ, l-inizzjattiva tal-bejjiegħ ma ġietx segwita bil-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ professjonali għal wieħed mill-għanijiet speċifiċi previsti fl-imsemmija dispożizzjoni u li fil-kuntest tiegħu il-partijiet assumew obbligi reċiproċi.

37     Huwa kostanti li fil-kawża prinċipali, l-għoti tal-premju allegatament mirbugħ mill-konsumatur ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li dan jordna oġġetti offerti minn Janus Versand u, fil-fatt, l-ebda ordni ma saret minn P. Engler. Minbarra dan, imkien ma jirriżulta mill-proċess li, billi titlob il-ħlas tal-"premju" imwiegħed, din ta’ l-aħħar kienet assumiet xi obbligu fir-rigward ta’ l-imsemmija kumpannija, anki jekk daħlet għal xi spejjeż sabiex tikseb il-premju.

38     F’dawn iċ-ċirkostanzi, azzjoni bħal dik miġjuba minn P. Engler fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha natura kuntrattwali skond l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

39     Kuntrarjament għal dak li P. Engler u l-Gvern Awstrijak isostnu, din il-konstatazzjoni mhix invalidata la mill-għan li jikkostitwixxi l-bażi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li tiġi assigurata protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala l-parti li huwa meqjus iktar dgħajjef, u lanqas minħabbba ċ-ċirkostanza li, f’dan il-każ, l-ittra mibgħuta minn Janus Versand lill-konsumatur personalment kienet akkumpannjata minn formola ta’ applikazzjoni, intitolata "talba għall-prova mingħajr irbit", intiża sabiex tħajjar lil din ta’ l-aħħar tordna oġġetti mibjugħa minn din il-kumpannija.

40     Fil-fatt, kif jirriżulta minn kliemu stess, l-imsemmi Artikolu 13 ikopri b’mod ċar il-"kuntratt konkluż" minn konsumatur "għall-provvista ta’ servizzi jew ta’ oġġetti mobbili materjali".

41     L-interpretazzjoni li tirriżulta mill-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-pożizzjoni tar-regoli ta’ kompetenza fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, imsemmija fit-Titolu II, Taqsima 4, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fis-sistema prevista minn din l-aħħar imsemmija.

42     Fil-fatt, l-Artikoli 13 sa 15 ta’ l-imsemmija konvenzjoni jammontaw għal deroga mill-prinċipju ġenerali, previst fl-ewwel paragarfu ta’ l-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-konvenut huwa domiċiljat.

43     Jirriżulta li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza kostanti, ir-regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhom jagħtu lok għal interpretazzjoni stretta, li ma tistax tmur lil hinn mill-każijiet previsti mill-imsemmija konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bertrand, punt 17; Shearson Lehman Hutton, punti 14 sa 16; Benincasa, punt 13, u Mietz, punt 27).

44     Peress li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija għalhekk eskluża f’kawża li għandha l-karatteristiċi msemmija fid-domanda kif ifformulata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li konsegwentement jiġi eżaminat jekk azzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun ikkunsidrata bħala li għandha natura kuntrattwali skond l-Artikolu 5(1) ta’ din il-Konvenzjoni.

45     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt (ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi, C-334/00, Ġabra p. I-7357, punt 22).

46     Jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni għas-smiegħ ta’ kawżi dwar l-eżistenza ta’ obbligu kuntrattwali għandha tkun stabbilita b’mod konformi ma’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li għalhekk, din id-dispożizzjoni hija wkoll applikabbli anki meta mhemmx qbil bejn il-partijiet dwar l-eżistenza tal-kuntratt li fuqu huwa bbażat ir-rikors (ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1982, Effer, 38/81, Ġabra p. 825, punti 7 u 8).

47     Minbarra dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligi li huma bbażati fuq ir-relazzjoni eżistenti bejn assoċjazzjoni u l-membri tagħha għandhom ikunu meqjusa bħala li huma ta’ tip kuntrattwali fis-sens ta’ l-istess Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li l-adeżjoni ma’ assoċjazzjoni tal-liġi privata tikkrea bejn il-membri rabtiet mill-qrib ta’ l-istess tip bħal dawk li huma kkreati bejn il-partijiet għal kuntratt (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters, 34/82, Ġabra p. 987, punti 13 u 15).

48     Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ "oqsma kuntrattwali" previst fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mhux interpretat f’mod restrittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja.

49     Jirriżulta li l-konstatazzjoni magħmula fil-punti 38 u 44 ta’ din is-sentenza, li l-azzjoni legali miġjuba fil-kawża prinċipali mhijiex ta’ tip kuntrattwali skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fiha nnifsha ma tipprojbixix, li din l-azzjoni tista’ madankollu taqa’ fil-qasam kuntrattwali skond l-Artikolu 5(1) ta’ din.

50     Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, huwa importanti li jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti hija stabbilita, f’qasam kuntrattwali, abbażi tal-post fejn l-obbligu li fuqu jsir ir-rikors ġie jew għandu jiġi eżegwit (ara s-sentenza Tacconi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Min-naħa l-oħra, il-Qorti ddeċidiet bosta drabi li l-kunċett tal-qasam kuntrattwali skond l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi mifhuma li tirrigwarda sitwazzjoni li fiha ma jeżisti ebda obbligu assunt liberament minn parti favur oħra (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C-26/91, Ġabra p. I‑3967, punt 15; Réunion européenne et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; Tacconi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C-265/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

51     Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-regola tal-ġursidizzjoni speċjali prevista fil-qasam kuntrattwali fl-imsemmi Artikolu 5(1), tippresupponi li jiġi determinat obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti.

52     F’dan ir-rigward, il-Qorti tar-rinviju kkonstatat li fil-każ in eżami, minn naħa, bejjiegħ professjonali bagħat fuq inizzjattiva tiegħu stess fir-residenza tal-konsumatur, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba tal-konsumatur, ittra li kienet tindikah b’ismu bħala r-rebbieħ ta’ premju.

53     Ittra bħal din, mibgħuta lil destinatarji u b’mezzi magħżula mill-persuna li bagħtitha, li toriġina mill-volontà ta’ l-awtur tagħha, tista’ konsegwentment tikkostitwixxi rabta "assunta liberament" skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

54     Minbarra dan, skond il-qorti tar-rinviju, wegħda ta’ rebħ magħmula f’kundizzjonijiet bħal dawn minn professjonista, li ma uriex b’mod ċar l-eżistenza ta’ lakuna, anzi użat espressjonijiet tat-tip li jiżgwidaw lill-konsumatur sabiex iħajjru lil dan ta’ l-aħħar jixtri l-prodotti offerti minn dan il-professjonista, setgħet raġonevolment twassal lid-destinatarju ta’ l-ittra jemmen li kienet ser jirċievi premju jekk jirritorna l-"avviż ta’ premju" mehmuż.

55     Min-naħa l-oħra, jirrizulta mill-atti mibgħuta mill-qorti tar-rinviju li d-destinatarja ta’ l-ittra espressament aċċettat il-wegħda ta’ rebħ magħmula favur tagħha meta talbet il-ħlas tal-premju allegatament mirbuħ minnha.

56     Issa, sa almenu minn dak il-mument, l-att magħmul volontarjament minn professjonista fiċ-ċirkostanzi bħalma huma dak fil-kawza prinċipali għandu jiġi meqjus bħala att li jista’ jikkostitwixxi obbligu li jorbot l-awtur tagħha bħal fil-qasam kuntrattwali. Għalhekk, u salv għall-klassifikazzjoni finali ta’ dan l-obbligu li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ obbligu li jorbot minn parti favur oħra, imsemmija fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tista’ tkun ikkunsidrata ukoll bħala sodisfatta.

57     Jeħtieġ li jingħad ukoll li azzjoni legali bħal dik fil-kawa prinċipali miġjuba mill-konsumatur għandha bħala għan li teżiġi, kontra bejjiegħ professjonali, l-għoti ta’ premju apparentement mirbugħ u li l-ħlas tiegħu huwa rrifjutat minn dan ta’ l-aħħar. Għalhekk hija bbażata preċiżament fuq il-wegħda ta’ rebħ in kwistjoni, peress li l-benefiċjarja apparenti tinvoka n-nuqqas ta’ għoti tal-premju sabiex tiġġustifika l-azzjoni legali.

58     Jirriżulta li l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma sodisfatti f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali.

59     Għall-motivi esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali effettivament ma kellux l-intenzjoni li jagħti l-premju mwiegħed lid-destinatarja ta’ l-ittra tiegħu hija rrilevanti f’dan ir-rigward. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, dan japplika wkoll għall-fatt li l-attribuzzjoni tal-premju ma kienx jiddependi mill-ordni ta’ l-oġġetti u li l-konsumatur ma kienx effettivament għamel ordni bħal din.

60     F’dawn iċ-ċirkostanzi, azzjoni bħal dik introdotta minn P. Engler quddiem il-qorti tar-rinviju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod li, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, mhuwiex aktar neċessarju li tiġi eżaminata l-applikabilità ta’ l-Artikolu 5(3) ta’ din.

61     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija mill-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhom ikunu interpretati b’dan il-mod:

–       l-azzjoni legali li permezz tagħha konsumatur iffittex, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kontraenti fuq it-territorju li fuqu huwa domiċiljat, li kumpannija tal-bejgħ bil-korrispondenza, stabbilita fi Stat kontraenti ieħor, tiġi ordnata tagħti premju apparentement mirbugħ minnha hija ta’ tip kuntrattwali, skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, bil-kundizzjoni li, minn naħa, din il-kumpannija, bl-intenzjoni li tħajjar lill-konsumatur jixtri, kienet indirizzat lilu personalment, ittra li tagħti l-impressjoni li kien ser jirċievi premju meta huwa jirritorna l-"avviż ta’ premju" mehmuż ma’ din l-ittra u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi konsumatur jaċċetta l-kundizzjonijiet stipulati mill-bejjiegħ u effetivament jitlob il-ħlas tar-rebħ imwiegħed;

–       min-naħa l-oħra, anki jekk l-imsemmija ittra tinkludi wkoll katalgu pubbliċitarju tal-prodotti ta’ l-itess kumpannija flimkien ma’ formola ta’ applikazzjoni għal "talba għall-prova mingħajr irbit", iċ-ċirkostanza doppja li l-attribuzzjoni tal-premju ma tiddependix mill-ordni ta’ l-oġġetti u li l-konsumatur fil-fatt ma għamilx ordni bħal din hija rrilevanti għall-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti Tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fil-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja, għandhom jiġu interpretati fil-mod segwenti:

–       l-azzjoni legali li permezz tagħha konsumatur iffittex, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kontraenti fuq it-territorju li fuqu huwa domiċiljat, li kumpannija tal-bejgħ bil-korrispondenza, stabbilita fi Stat kontraenti ieħor, tiġi ordnata tagħti premju apparentement mirbugħ minnha hija ta’ tip kuntrattwali, skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, bil-kundizzjoni li, minn naħa, din il-kumpannija, bl-intenzjoni li tħajjar lill-konsumatur jixtri, kienet indirizzat lilu personalment, ittra li tagħti l-impressjoni li kien ser jirċievi premju meta huwa jirritorna l-"avviż ta’ premju" mehmuż ma’ din l-ittra u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi konsumatur jaċċetta l-kundizzjonijiet stipulati mill-bejjiegħ u effetivament jitlob il-ħlas tar-rebħ imwiegħed;

–       min-naħa l-oħra, anki jekk l-imsemmija ittra minbarra li tinkludi wkoll katalgu pubbliċitarju tal-prodotti ta’ l-itess kumpannija flimkien ma’ formola ta’ applikazzjoni għal "talba għall-prova mingħajr irbit", iċ-ċirkustanza doppja li l-attribuzzjoni tal-premju ma tiddependix mill-ordni ta’ l-oġġetti u li l-konsumatur fil-fatt ma għamilx ordni bħal din hija rrilevanti għall-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top