EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0021

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-3 ta' Marzu 2005.
Fabricom SA vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
˝Kuntratti pubbliċi- Xogħolijiet, provvisti u servizzi- Setturi ta' l-ilma, l-enerġija, tat-trasport u s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet - Projbizzjoni ta' parteċipazzjoni fi proċedura jew li ssir offerta kontra l-persuna li tkun tat kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta' xogħolijiet, provvisti jew servizzi kkonċernati.
Każijiet Magħquda C-21/03 u C-34/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:127

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta' Marzu 2005 (*)

˝Kuntratti pubbliċi– Xogħolijiet, provvisti u servizzi– Setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, tat-trasport u s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet – Projbizzjoni ta' parteċipazzjoni fi proċedura jew li ssir offerta kontra l-persuna li tkun tat kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi kkonċernati”

Fil-kawżi magħquda C-21/03 u C-34/03,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressaq mill-Conseil d'Etat (il-Belġju), permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 ta' Diċembru 2002, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fid-29 u fit-22 ta' Jannar 2003, fil-kawżi

Fabricom SA

vs

État belge, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, N. Colneric, u J. N. Cunha Rodrigues Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P . Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

·għal Fabricom SA, minn J. Vanden Eynde u J. M. Wolter, avocats,

·għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

·għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għad-deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi (ĠU L 209, p. 1), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ‘il quddiem “id-Direttiva 92/50”) u b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) tagħha, mid-Direttiva tal-Kunsill 93/36 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta' xogħolijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), hekk kif emendata mid-Direttiva 97/52 (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 93/37”) u b’mod partikolari mill-Artikolu 6(6) tagħha, kif ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 199, p. 84), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/4/KE tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU L 101, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 93/38) u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tagħha, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta' libertà tal-kummerċ u l-industrija u ta' dritt tal-proprjetà. Barra minn hekk, l-istess talbiet jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 2(1)(a) u 5 tagħha, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/13 tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw ma' l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 76, p. 14), u b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 1 u 2 tagħha.

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Fabricom SA (iktar ‘il quddiem “Fabricom”) u L-Istat Belġjan dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li, taħt ċerti kundizzjonijiet jipprekludu lil persuna inkarigata li twettaq xogħolijiet ta’ preparazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, jew kumpannija marbuta ma’ din il-persuna, li tieħu sehem f’dan il-kuntratt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       L-Artikolu VI(4), tal-Ftehim dwar is-servizz pubbliku, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1, iktar ‘il quddiem “il-ftehim dwar il-kuntratti pubbliċi) jipprovdi li:

“Entitajiet m'għandhomx jfittxu jew jaċċettaw, b'mod li jkollu l-effett li jipprekludi l-kompetizzjoni, parir li jista' jintuża fil-preparazzjoni ta' speċifikazzjonijiet għall-kuntratti minn impriża li jista' jkollha interess kummerċjali fil-kuntratti.”

4       Skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.”

5       L-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 93/36 jipprovdi li:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-fornituri.”

6       L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kuntratturi varji.”

7       Skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/38:

“L-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn fornituri, kuntratturi jew fornituri ta' servizzi differenti.”

8       L-għaxar premessa tad-Direttiva 97/52, li ġiet riprodotta f’termini sostanzjalment analogi għat-tlettax-il premessa tad-Direttiva 98/4 tippreċiża li:

“[…] l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jfittxu jew jaċċettaw pariri li jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet ta’ akkwisti speċifiċi, sakemm dawn il-pariri ma jkollhomx l-effett li joħonqu l-kompetizzjoni.”

9       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

a)      jieħu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevjenu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implementazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt;

[…]”

10     Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13:

“1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-partijiet kontraenti tkun tista’ tiġi riveduta effettivament u b’mod partikolari malajr kemm jista’ jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(8), abażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi fir-rigward;

a)      proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE;

u

b)      ta’ konformità ma l-Artikolu 3(2) (a) ta’ dik id-Direttiva fil-każ tal-partijiet kontraenti li għalihom tapplika dik id-dispożizzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn intrapriżi li aktarx jagħmlu pretensjoni għal dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn ir-regoli nazzjonali li jimplementaw il-liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħrajn.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ lanqas għal kull persuna li jkollha jew ikun kellha interess f’li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew qiegħda f’riskju li tiġi danneġġjata minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna li tfittex ir-reviżjoni għandha tkun innotifikat qabel lill-parti kontraenti bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

11     L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/13 jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

jew

a)      li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implementazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti;

u

b)      li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perijodika indikattiva, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni;

jew

c)      sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-partijiet kollha kontraenti jew għal kategoriji ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     L-Artikolu 32 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996 dwar kuntratti ta’ xogħolijiet pubbliċi, provvista u servizzi u dwar konċessjonijiet ta’ xogħolijiet pubbliċi (Moniteur belge tad-9 ta’ April 1999, p. 11690, iktar ‘il quddiem l-“Artikolu 21 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar”), jipprovdi li:

"[…]

1.      Kull persuna li taħdem fir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħolijiet pubbliċi, provvista jew servizzi, mhijiex ammessa tippreżenta talba għall-parteċipazzjoni jew li tifformula offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provvista jew għal servizzi.

2.      L-impriża li hija marbuta ma’ xi wieħed mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax tippreżenta talba għall-parteċipazzjoni jew tifformula offerta, sakemm hi ma tippruvax li minħabba din ir-raġuni hija ma tibbenefikax minn vantaġġ inġustifikat tali li joħloq distorsjoni fir-regoli normali tal-kompetizzjoni.

Fis-sens ta' l-Artikolu preżenti, “impriża marbuta” tfisser kull impriża li fuqha l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 tista’ teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti, jew skond kif ikun il-każ kull impriża li tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq l-imsemmija persuna jew, li bħal din ta’ l-aħħar, tista’ tiġi suġġetta għal influwenza dominanti minn impriża oħra bħala riżultat ta’ pussess, ta’ parteċipazzjoni finanzjarja jew tar-regoli li jirregolawha. L-influwenza dominanti għandha tkun preżunta meta impriża, f’relazzjoni ma’ impriża oħra direttament jew indirettament:

1°      ikollha l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta’ din l-impriża; jew

2°      ikollha l-maġġoranza tal-voti marbutin ma’ l-ishma maħruġa mill-impriża; jew

3°      tista’ tinnomina aktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew tas-sorveljanza ta’ l-impriża.

Qabel ma’ l-awtorità kontraenti eventualment teskludi impriża minħabba l-vantaġġ inġustifikat li tagħhom qed jiġi preżunt li hija l-benefiċjarja, hija għandha tistieden l-imsemmija impriża permezz ta’ ittra reġistrata, sabiex din tipprovdi ġustifikazzjoni fi żmien 12-il ġurnata, jew fi żmien itwal mogħti skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari dwar ir-rabtiet tagħha, il-grad ta’ awtonomija tagħha u dwar kull ċirkustanza li tippermetti li jiġi aċċertat li l-influwenza dominanti ma teżistix jew li din m’għandhiex effett fuq il-kuntratt in kwistjoni.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli għal:

1°      kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett kemm il-preparazzjoni kif ukoll it-twettiq tal-proġett;

2°      kuntratti pubbliċi mogħtija bi proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni fil-mument ta’ l-introduzzjoni tal-proċedura, skond l-Artikolu 17(2) tal-liġi."

13     L-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996 dwar kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, provvista u servizzi fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, tat-trasport u s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet (Moniteur belge tat-28 ta’ April 1999, p. 14144, iktar ‘il quddiem l-"Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996"), huwa sostanzjalment ifformulat f’termini analogi għal dawk ta’ l-Artikolu 32 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Fabricom hija impriża ta’ xogħolijiet li tippreżenta regolarment offerti relattivi għal kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasporti u s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet.

 Kawża C-21/03

15     B’rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État, fil-25 ta’ Ġunju 1999, Fabricom titlob l-annullament ta’ l-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996.

16     Hija ssostni li din id-dispożizzjoni tmur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fost l-offerenti, il-prinċipju ta’ effettività tar-reviżjoni ġudizzjarja, kif iggarantit mid-Direttiva 92/13, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-libertà tal-kummerċ u l-industrija kif ukoll id-dritt tal-proprjetà, kif ipprovdut fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Fondamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

17     L-Istat Belġjan jikkontesta r-raġunijiet imqajma minn Fabricom.

18     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996, il-Conseil d’Etat josserva li skond il-premessa ta’ l-imsemmi Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999 u r-relazzjoni tar-Re li jippreċedieh, l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tipprojbixxi lil persuna li għandha l-intenzjoni li tikseb kuntratt pubbliku milli tieħu vantaġġ li jmur kontra l-kompetizzjoni ħielsa, mir-riċerka, mill-isperimentazzjoni, mill-istudju u mill-iżvilupp tax-xogħolijiet, tal-provvista jew tas-servizzi li jikkonċernaw tali kuntratt.

19     Skond il-Conseil d’État, din id-dispożizzjoni tipprekludi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, il-parteċipazzjoni f’kuntratt jew il-formulazzjoni ta’ offerta minn persuna inkarigata mir-riċerka, l-istudju jew l-iżvilupp u, għalhekk, minn impriża li hija kunsidrata marbuta ma’ tali persuna. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tali persuna, kuntrarjament għal dak li huwa pprovdut għall-impriża marbuta, ikollha xi possibbilità li tipprova li fil-każ f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma setgħatx tieħu xi vantaġġ permezz ta’ dawn l-attivitajiet li seta’ jikser l-ugwaljanza bejn l-offerenti. Hija ma tipprovdix espressament li l-awtorità kontraenti għandha tiddeċiedi f’ċertu żmien skond il-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-impriża marbuta biex turi li l-influwenza dominanti ma teżistix jew m’għandha l-ebda effett fuq il-kuntratt in kwistjoni.

20     Peress li qies li s-soluzzjoni tal-kawża mqajma quddiemu teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi, il-Conseil d’État iddeċieda, skond l-Artikolu 234CE, li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-Direttiva 93/38 […], b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, u d-Direttiva 98/4 […], flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta' libertà tal-kummerċ u l-industrija u ta' dritt tal-proprjetà, iggarantit b’mod partikolari mill-Protokoll Addizzjonali ta’ l-20 ta’ Marzu 1952, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Fondamentali, jipprekludu li tiġi ammessa li tiġi ppreżentata talba ta' pparteċipazzjoni, jew li tagħmel offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provisti jew servizzi, minn kull persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ dawn ix-xogħolijiet, provvisti jew servizzi, mingħajr ma’ tingħata l-possibbiltà lil din il-persuna li tipprova li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-esperjenza li din il-persuna ħadet ma setgħetx toħloq distorsjoni ta' kompetizzjoni?

2)      Jekk id-Direttivi msemmija, moqrija fid-dawl ta’ l-istess prinċipji, libertà u drittijiet, kellhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu biss għall-impriżi privati jew għal dawk l-impriżi li taw provvisti b’titolu oneruż, is-soluzzjoni għad-domanda preċedenti tkun differenti?

3)      Id-Direttiva 92/13 […], b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha, tista’ tiġi interpretata fis-sens li, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ l-eżami ta’ l-offerti, l-entità kontraenti tista’ tiċħad il-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew il-preżentazjoni ta’ offerta mill-impriża marbuta mal-persuna li ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, meta din l-impriża, mistoqsija dwar il-merti mill-entità kontraenti, tafferma li ma tibbenefikax għal din ir-raġuni minn vantaġġ inġustifikat tali li joħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni?”

 Kawża C-34/03

21     B'att ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 1999 quddiem il-Conseil d’État, Fabricom titlob l-annulament ta’ l-Artikolu 32 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999 li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996.

22     Il-motivi mqajma minn Fabricom huma, sostanzjalment, l-istess bħal dawk imqajma fil-kawża C-21/03. L-informazjoni mogħtija mill-Conseil d’État dwar l-imsemmi Artikolu 32 hija l-istess bħal dik mogħtija fil-kawża C-21/03 dwar l-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996.

23     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-kawża u li jissottoponi lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-Direttiva 92/50 (...), b’mod partikolari fil-Artikolu 3(2) tagħha, id-Direttiva 93/36 (...) b’mod partikolari l-Artikolu 6(6) tagħha u d-direttiva 97/52 (...) b’mod partikolari l-Artikoli 2(1)(b) u 3(1)(b) tagħha, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta' libertà tal-kummerċ u l-industrija u mad-dritt ta' proprjetà, iggarantita b’mod partikolari mill-Protokoll Addizzjonali ta’ l-20 ta’ Marzu 1952, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dirttijiet Fondamentali jipprekludu li ma tiġix ammessa li tiġi ppreżentata talba ta' parteċipazzjoni, jew li ssir offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provisti jew servizzi, kull persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ dawn ix-xogħolijiet, provvisti jew servizzi, mingħajr ma din il-persuna tingħata l-possibbiltà li tipprova li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-esperjenza li din il-persuna kisbet ma setgħetx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni?

2)      Id-Direttivi msemmija, moqrija fid-dawl ta’ l-istess prinċipji, libertà u drittijiet, kellhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu biss għall-impriżi privati jew għal dawk l-impriżi li jkubu taw provvisti b’titolu oneruż, is-soluzzjoni għad-domanda preċedenti tkun differenti?

3)      Id-Direttiva 89/665 […], b’mod partikolari fl-Artikoli 2(1)(a) u 5 tagħha, tista’ tiġi interpretata fis-sens li, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami ta’ l-offerti, l-entità kontraenti tista’ tiċħad il-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew il-presentazjoni ta’ offerta mill-impriża marbuta ma’ persuna li ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, meta din l-impriża tiġi mistoqsija f'dan ir-rigward mill-entità kontraenti, tafferma li ma tibbenefikax għal din ir-raġuni minn vantaġġ inġustifikat tali li joħloq distorsjoni l-kundizjonijiet normali tal-kompetizzjoni.”

24     Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 2003, il-kawżi C-21/03 u C-34/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Dwar id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03

25     Bl-ewwel domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dritt komunitarju msemmija minnha jipprekludux regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996 u l-Artikolu 32 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999 li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996, li biha tipprovdi li persuna inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, ma tiġix awtorizzata tippreżenta talba ta’ parteċipazzjoni jew tifformula offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, mingħajr ma din il-persuna tingħata l-possibbilità li tipprova li, fil-każ f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esperjenza li kisbet ma setgħetx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (iktar ‘il quddiem ir-“regola in kwistjoni fil-kawża prinċipali”).

26     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu tar-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkorrispondi għas-sustanza stess tad-Direttivi dwar kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, li għandhom l-għan b’mod partikolari li jiffavorixxu żvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fl-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni rispettiv tagħhom u li jipprovdu kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt li għandhom il-għan li jiggarantixxu tali kompetizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C-513/99, Ġabra p. I-7213, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André C-434/02, għadha mhijiex ippublikata fil-Ġabra, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Swedish Match et, C-210/03, li għadha mhijiex ippublikata fil-Ġabra, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     Issa, persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi relattivi ma’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet (iktar ‘il quddiem il-“persuna li wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji”) mhux neċessarjament tinsab fl-istess sitwazzjoni, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ l-għoti ta’ dan il-kuntratt, ta’ persuna li ma tkunx wettqet dawn ix-xogħolijiet.

29     Fil-fatt, minn naħa waħda, il-persuna li ħadet sehem f’ċerti xogħolijiet preparatorji tista’ tiġi avvantaġġata fil-formulazzjoni ta’ l-offerta tagħha minħabba l-informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet in kwistjoni li hija setgħet tikseb waqt it-twettiq ta’ l-imsemmija xogħolijiet preparatorji. Issa, l-offerenti kollha għandhom ikollhom l-istess possibbiltajiet fl-ifformulazzjoni tat-termini ta’ l-offerti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 1996, C-87/94, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, Ġabra p. I-2043, punt 54).

30     Min-naħa l-oħra, l-imsemmija persuna tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interessi fis-sens li, kif ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-każ li tkun hija stess l-offerenti għall-kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet in kwistjoni, tista’ tinfluwenza l-konklużjoni tiegħu f’sens favorevoli għaliha, anke jekk ma jkollhiex l-intenzjoni li tagħmel dan. Sitwazzjoni bħal din tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-offerenti.

31     Għalhekk, fid-dawl ta' tali sitwazzjoni tali li fiha tista’ tinstab il-persuna li tkun wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji, ma jistax jintqal li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jobbliga li tali persuna tiġi ttrattata bħall-offerenti l-oħra.

32     Fabricom, kif ukoll il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Finlandiż, madankollu josservaw, fis-sustanza, li d-differenza fit-trattament imdaħħla permezz ta’ regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’li tipprojbixxi f’kull każ persuna li wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji milli tipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta' kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, mhijiex oġġettivament iġġustifikata. Restrizzjoni bħal din, fil-fatt, ikollha natura sproporzjonata. Fl-opinjoni tagħhom, l-ugwaljanza fit-trattament fost l-offerenti kollha hija ggarantita anki fil-każ li fih ikun hemm proċedura li permezz tagħha f’kull każ jiġi evalwat jekk il-fatt li twettqu ċerti xogħolijiet preparatorji setgħax ta lill-persuna li wettqithom vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ l-offerenti l-oħra. Miżura bħal din tkun inqas restrittiva għall-persuna li tkun wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji.

33     F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi kkonstatat li regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħtix lill-persuna li wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji l-possibbilità li turi li, fil-każ speċifiku tagħha, il-problema mqajma fil-paragrafi 29 u 30 tas-sentenza preżenti mhumiex applikabbli.

34     Issa, regola ta’ dan it-tip tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq il-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament fost l-offerenti kollha.

35     Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija regola jista’ jkollha l-konsegwenza li, l-persuni li jkunu wettqu ċerti xogħolijiet preparatorji jiġu esklużi mill-proċedura ta’ għoti mingħajr ma l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess tkun ta’ xi riskju għall-kompetizzjoni fost l-offerenti.

36     F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda mqajma fil-kawżi C-21/03 u C-34/03 li d-Direttiva 92/50 u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, d-Direttiva 93/36 u b’mod partikolari l-Artikolu 5(7) tagħha, d-Direttiva 93/37 u b’mod partikolari l-Artikolu 6(6) tagħha u d-Direttiva 93/38 u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, jipprekludu li regola bħal dik prevista fl-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996, li jiddisponi li ma tiġix ammessa l-preżentazzjoni ta’ talba ta’ parteċipazzjoni jew l-ifformulazzjoni ta’ offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi minn persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ dawn ix-xogħolijiet, provvisti jew servizi, mingħajr ma din il-persuna tingħata l-possibbilità li tipprova li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-esperjenza li kisbet ma setgħetx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03

37     Bit-tieni domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda kinitx tkun differenti fil-każ li d-Direttivi 92/50, 93/36, 93/37 u 93/38, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta' libertà tal-kummerċ u l-industrija kif ukoll mad-dritt ta' proprjetà, kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirreferu biss għal impriżi privati jew dawk li jkunu għamlu provvisti b’titolu oneruż.

38     Għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija fondata fuq ipoteżi li ma tistax tiġi milqugħa.

39     Fil-fatt m’hemm l-ebda ħjiel fl-imsemmija Direttivi li jippermetti l-interpretazzjoni tagħhom fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi li jipparteċipaw jew li għandhom l-għan li jipparteċipaw fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dawn jirreferu biss għall-impriżi privati jew għal dawk li għamlu provvisti b’titolu oneruż. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi li l-impriżi privati jew dawk li wettqu prestazzjonijiet b’titolu oneruż biss u li wettqu ċerti xogħolijiet preparatorji jkun suġġetti għal regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-impriżi li m’għandhomx xi waħda minn dawn il-karatteristiċi u li xorta waħda għamlu ċerti xogħolijiet preparatorji ma jkunux suġġetti għaliha.

40     Għalhekk m’għandhiex tingħata risposta għat-tieni domanda mqajma fil-kawżi C-21/03 u C-34/03.

 Fuq it-tielet domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03

41     Bit-tielet domanda magħmula fil-kawżi C-21/03 u C-34/03, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk id-Direttiva 89/665 u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1)(a) u 5 tagħha kif ukoll id-Direttiva 92/13 u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 2 tagħha jipprekludux l-entità kontraenti milli tiċħad, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ l-offerti, il-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew il-preżentazzjoni ta’ offerta minn impriża marbuta ma’ persuna li tkun wettqet ċerti xogħolijiet preparatorji, meta din l-impriża, meta tiġi mistoqsija fir-rigward mill-entità kontraenti, tafferma li ma’ tibbenefikax minħabba din ir-raġuni minn vantaġġ ġustifikat tali li joħloq distorsjoni f' kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni.

42     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta jiġu kkontestati l-modalitajiet proċedurali ta’ appelli intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet mogħtija mid-Dritt Komunitarju lill-kandidati u lill-offerenti leżi mid-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kontraenti, dawn il-modalitajiet m’għandhomx jipperikolaw l-effett utili tad-Direttiva 89/665 (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, C-470/99, Universale-Bau et., Ġabra p. I-11617, punt 72).

43     Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 89/665 u 92/13, intiżi sabiex iħarsu l-offerenti minn atti arbitrarji ta’ l-entità kontraenti, huma diretti biex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, b’mod partikolari f’fażi li fiha l-vjolazzjonijiet għad jistgħu jiġu korretti. Protezzjoni bħal dan ma tistax tkun effettiva jekk l-offerenti mhumiex f’pożizzjoni li jinnotaw dawn il-regoli fir-rigward ta’ l-awtorità kontraenti (sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Kawża C-212/02, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, li għadha mhijiex ippublikata fil-Ġabra, punt 20 u ġurisprudenza ċċitata).

44     Il-fatt li awtorità kontraenti tista’ tipposponi, għal fażi aktar avvanzata tal-proċedura, id-deċiżjoni dwar jekk impriża marbuta ma’ persuna li wetetqet ċerti xogħolijiet preparatorji tistax tipparteċipa fil-proċedura jew tifformula offerta, għal meta din l-awtorità jkollha l-elementi biex tiddeċiedi, tneħħi lill-impriża l-possibbiltà li tinvoka r-regoli Komunitarji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet fil-konfronti ta’ awtorità kontraenti għal perjodu ta’ diskrezzjoni esklużiva ta’ l-istess awtorità u li jista’ jiġi estiz sal-mument li fih il-vjolazzjonijiet m’għadx jistgħu jiġu utilment korretti.

45     Sitwazzjoni bħal din tista’ tippreġudika l-effett utili tad-Direttivi 89/665 u 92/13 minħabba li tista’ tinvolvi rinviju min ġustifikat tal-possibbilità għal dawk li huma interessati li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju. Barra minn hekk din is-sitwazzjoni tmur kontra l-għan tad-Direttivi 89/665 u 92/13, li jikkonsisti fil-ħarsien ta’ l-offerenti fil-konfront ta’ l-awtorità kontraenti.

46     Jeħtieġ issa li tiġi mwieġba t-tielet domanda mqajma fil-kawżi C-21/03 u C-24/03 li d-Direttiva 89/665 u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1)(a) u 5 tagħha, kif ukoll id-Direttiva 92/13 u b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha, jipprekludu li l-entità kontraenti tista’ tiċħad, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ l-eżami ta’ offerti, il-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew il-preżentazzjoni ta’ offerta, minn impriża marbuta ma’ persuna li ġiet tkun inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew mill-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, meta din l-impriża, mistoqsija fir-rigward mill-entità kontraenti, tafferma li ma bbenefikatx għal din ir-raġuni minn vantaġġ ġustifikat tali li joħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

47     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, kif emendata mid-Direttiva 92/52 b’mod partikolari l-Artikolu 6(6) tagħha, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew 98/4/KE tas-16 ta’ Frar 1998, b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, jipprekludu li r-regola bħal dik prevista fl-Artikoli 26 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Jannar 1996 dwar kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, ta’ provvisti u ta’ servizzi fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet, u 32 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1999, li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1996 dwar kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, ta’ provvisti u servizzi u dwar l-għoti ta' konċessjonijiet pubbliċi li tipprovdi li ma tiġix ammessa l-preżentazzjoni ta’ domanda ta’ parteċipazzjoni jew l-ifformulazzjoni ta’ offerta għal kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi minn persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ dawn ix-xogħolijiet, provvisti jew servizzi, mingħajr ma din il-persuna tingħata l-possibbilità li tipprova li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-esperjenza li kisbet ma setgħetx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

2)      Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989, 89/665/CEE, dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1)(a) u 5 tagħha, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw ma’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha, jipprekludu, li l-entità kontraenti tkun tista’ tiċħad, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ l-eżami ta’ offerti, il-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew il-preżentazzjoni ta’ offerta, minn impriża marbuta ma’ persuna li tkun ġiet inkarigata mir-riċerka, l-isperimentazzjoni, l-istudju jew mill-iżvilupp ta’ xogħolijiet, provvisti jew servizzi, meta din l-impriża, mistoqsija fir-rigward mill-entità kontraenti, tafferma li ma bbenefikatx għal din ir-raġuni minn vantaġġ ġustifikat tali li joħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top