EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0345

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-25 ta’ April 2024.
Maersk A/S u Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA vs Allianz Seguros y Reaseguros SA u MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Audiencia Provincial de Pontevedra.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 25(1) – Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ddokumentat f’polza ta’ kargu – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’din il-polza ta’ kargu – Infurzabbiltà fil-konfront tat-terz detentur tal-polza ta’ kargu – Dritt applikabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi negozjati individwali u separati tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mit-terz detentur tal-polza ta’ kargu.
Kawżi magħquda C-345/22 sa C-347/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:349

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 25(1) – Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ddokumentat f’polza ta’ kargu – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’din il-polza ta’ kargu – Infurzabbiltà fil-konfront tat-terz detentur tal-polza ta’ kargu – Dritt applikabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi negozjati individwali u separati tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mit-terz detentur tal-polza ta’ kargu”

Fil-Kawżi magħquda C‑345/22 sa C‑347/22,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Mejju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Mejju 2022, fil-proċeduri

Maersk A/S

vs

Allianz Seguros y Reaseguros SA (C‑345/22 u C‑347/22)

u

Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA

vs

MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co. (C‑346/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Maersk A/S u MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co, minn C. Lopera Merino, abogada, G. Quintás Rodriguez u C. Zubeldía Blein, procuradoras,

–        għal Allianz Seguros y Reaseguros SA, minn L. A. Souto Maqueda, abogado,

–        għal Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA, minn J. Tojeiro Sierto, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, fil-Kawżi C‑345/22 u C‑347/22, il-kumpannija ta’ trasport Daniża Maersk A/S u l-kumpannija tal-assigurazzjoni Spanjola Allianz Seguros y Reaseguros SA (iktar ’il quddiem “Allianz”) u, fil-Kawża C‑346/22, il-kumpannija tal-assigurazzjoni Spanjola Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA (iktar ’il quddiem “Mapfre”) u l-kumpannija tat-trasport Ġermaniża MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co. (iktar ’il quddiem “MACS”) dwar il-kumpens, mitlub quddiem qorti Spanjola minn dawn iż-żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni aventi kawża tat-terzi akkwirenti ta’ merkanzija li kienet ġiet ittrasportata permezz tal-baħar minn dawn il-kumpanniji ta’ trasport, għad-dannu materjali li din il-merkanizja kienet issubixxiet matul dan it-trasport, u l-kontestazzjoni, mill-imsemmija kumpanniji tat-trasport, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli minħabba klawżola li tattribwixxi l-ġurisprudenza lill-qorti tar-Renju Unit sabiex jiddeċiedu tilwim li kien inħoloq mill-kuntratti ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Ħruġ

3        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA), dan il-ftehim dwar il-ħruġ (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ħruġ”). Il-Ftehim ta’ Ħruġ ġie anness ma’ din id-deċiżjoni u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020.

4        L-Artikolu 67 tal-Ftehim ta’ Ħruġ, intitolat “Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, u kooperazzjoni relatata bejn l-awtoritajiet ċentrali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, fir-rigward ta’ proċedimenti legali istitwiti qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u fir-rigward ta’ proċedimenti jew ta’ azzjonijiet li jkunu relatati ma’ tali proċedimenti legali taħt l-Artikoli 29, 30 u 31 tar-Regolament [Bruxelles Ia] [...], għandhom japplikaw l-atti li ġejjin:

a)      id-dispożizzjonijiet rigward il-ġurisdizzjoni tar-Regolament [Bruxelles I bis];

[...]”

5        Skont l-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.”

6        L-Artikolu 127 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[...]

3.       Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.

[...]”

 IlKonvenzjoni ta’ Brussell

7        L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1978, L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal‑25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU 1982, L 388, p. 1) u bil-Konvenzjoni tas‑26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU 1989, L 285, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) kien jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Jekk il-partijiet, li waħda jew iktar minnhom ikollha d-domiċilju fi Stat Membru kontraenti, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva. Ftehim bħal dak li jattribwixxi ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

1.      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba,

jew

1.      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom,

jew

c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 IrRegolament Brussell I

8        L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

ċ)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

 Ir-Regolament Brussell Ia

9        Il-Kapitolu II tar-Regolament Brussell Ia, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi t-Taqsima 7, li min-naħa tagħha hija intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”. Skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jinsab f’din it-taqsima:

“1.      Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.

[...]

5.      Ftehim li jagħti ġurisdizzjoni li huwa parti minn kuntratt għandu jiġi ttrattat bħala ftehim indipendenti mit-termini l-oħra tal-kuntratt.

Il-validità tal-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni ma jistax jiġi kkuntestat biss fuq il-bażi li l-kuntratt mhuwiex validu.”

 Iddritt Spanjol

10      Il-punt XI tal-preambolu tal-Ley 14/2014 de Navegación Marítima (il-Liġi 14/2014 dwar in-Navigazzjoni Marittima), tal‑24 ta’ Lulju 2014 (BOE Nru 180, tal‑25 ta’ Lulju 2014, p. 59193, iktar ’il quddiem l-“LNM”), jipprovdi:

“[...] Il-[Kapitolu I, tat-Titolu IX,] fih ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni u kompetenza u, billi jipproċedi fuq il-bażi tal-applikazzjoni preferenzjali f’din il-kwistjoni tar-regoli fi ftehim internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jipprova jipprevjeni l-abbużi identifikati, billi jiddikjara nulli klawżoli li jipprovdu għas-sottomissjoni għal ġurisdizzjoni barranija jew għal arbitraġġ barra mill-pajjiż, li jinsabu f’kuntratti għall-użu ta’ vapur jew f’kuntratti marittimi anċillari, sakemm dawk il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament. [...]”

11      Skont l-Artikolu 251 tal-LNM, intitolat “Effettività tat-trasferiment”:

“Il-kunsinna ta’ polza ta’ kargu għandha jkollha l-istess effetti bħall-kunsinna tal-merkanzija rrappreżentata mill-polza, mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet kriminali u ċivili disponibbli għal persuna li tkun ġiet spussessata illegalment minn dik il-merkanzija. L-akkwirent tal-polza ta’ kargu għandu jakkwista d-drittijiet u l-azzjonijiet kollha ta’ min jittrasferixxi fuq il-merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ ftehimiet dwar ġurisdizzjoni u arbitraġġ, li għandhom jeħtieġu l-kunsens tal-akkwirent skont il-Kapitolu I tat-Titolu IX.”

12      L-Artikolu 468 tal-LNM, intitolat “Klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u arbitraġġ”, li jinsab fil-Kapitolu I tat-Titolu IX ta’ din il-liġi, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali applikabbli fi Spanja u għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, klawżoli li jipprovdu għas-sottomissjoni għal ġurisdizzjoni barranija jew għal arbitraġġ barra mill-pajjiż, li jinsabu f’kuntratti għall-użu ta’ vapur jew f’kuntratti marittimi anċillari, għandhom ikunu nulli u meqjusa li ma jeżistux jekk dawk il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament.

[...]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 (Kawża C345/22)

13      Maersk Line Perú SAC, sussidjarja Peruvjana ta’ Maersk, fil-kwalità ta’ trasportatur, ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar suġġett għall-kundizzjonijiet CFR (kost u nol) ma’ Aquafrost Perú (iktar ’il quddiem “Aquafrost”), bħala speditur, kuntratt li kien dokumentat f’polza ta’ kargu maħruġa fid‑9 ta’ April 2018. Fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-polza ta’ kargu kien hemm klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li kienet ifformulata kif ġej:

“[...] din il-polza ta’ kargu għandha tiġi rregolata u interpretata skont il-liġi Ingliża u kull tilwima li tirriżulta minnha għandha tiġi deċiża mill-High Court of Justice ((England & Wales)) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit), filwaqt li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ pajjiż ieħor hija eskluża. Barra minn hekk, u fid-diskrezzjoni tat-trasportatur, huwa jista’ jibda proċeduri kontra l-kummerċjant quddiem qorti kompetenti tal-post fejn il-kummerċjant iwettaq l-attività tiegħu”.

14      Il-merkanzija inkwistjoni kienet ġiet akkwistata minn Oversea Atlantic Fish SL (iktar ’il quddiem “Oversea”), li għalhekk saret terz detentur tal-polza ta’ kargu. Peress li l-imsemmija merkanzija waslet bil-ħsara fil-port ta’ destinazzjoni, Allianz, issurrogata fid-drittijiet ta’ Oversea, adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra, Spanja) u talbet lil Maersk is-somma ta’ EUR 67 449.71 bħala danni. Din l-azzjoni ġiet ippreżentata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim ta’ Ħruġ.

15      Abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, Maersk ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli.

16      B’digriet tas‑26 ta’ Mejju 2020, il-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra) ċaħdet din it-talba dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Maersk ippreżentat appell intern kontra dan id-digriet quddiem din il-qorti, li ġie miċħud permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, l-imsemmija qorti laqgħet, fuq il-mertu, ir-rikors ta’ Allianz.

17      Maersk appellat din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli minħabba li l-imsemmija klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ tiġi infurzata fil-konfront tat-terz detentur tal-polza ta’ kargu. Fil-fatt, għandu jiġi applikat l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u mhux l-Artikolu 251 tal-LNM, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istess klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hijiex infurzabbli fil-konfront tat-detentur tal-polza ta’ kargu minkejja l-fatt li dan ma jkunx ta l-kunsens tiegħu espressament, b’mod individwali u separat meta jkun akkwista din il-polza ta’ kargu. Mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix (C‑519/19, EU:C:2020:933), jirriżulta li r-Regolament Brussell Ia jsaħħaħ l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet kontraenti fl-għażla tal-qorti applikabbli fir-rigward ta’ dak li kien il-każ taħt ir-Regolament Brussell I.

19      Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-punt 27 tas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142) jirriżulta li, fis-settur tat-traffiku marittimu internazzjonali, teżisti preżunzjoni tal-għarfien u tal-kunsens min-naħa tal-parti kontraenti fir-rigward tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu fil-kuntratti ta’ trasport, peress li din hija dispożizzjoni komunement użata f’dan is-settur.

20      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza n-natura awtonoma u s-separabbiltà tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, b’tali mod li dawn jistgħu jkunu suġġetti, f’dak li jirrigwarda l-liġi sostantiva applikabbli, għal sistema ġuridika distinta mill-bqija tal-kuntratt li jagħmlu parti minnu. Għalhekk, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ tkun valida anki jekk il-kuntratt innifsu huwa null.

21      L-Artikolu 251 tal-LNM iwettaq, għall-każ speċifiku ta’ poloz ta’ kargu fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija, li jinkludu klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni u li sussegwentement jiġu akkwistati minn terz, riferiment għall-Artikolu 468 tal-LNM, li jipprovdi li tali klawżola hija nulla jekk ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u separatament minn dan it-terz.

22      Din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata fl-espożizzjoni tal-motivi tal-LNM min-neċessità li jiġu protetti l-interessi tad-destinatarji nazzjonali, detenturi ta’ polzi ta’ kargu li fihom klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kienet ġiet introdotta mill-partijiet inizjali, li jinsabu f’pożizzjoni kuntrattwali ta’ inferjorità, b’mod partikolari fil-każ ta’ kuntratti ta’ trasport marittimu bil-polza ta’ kargu lineari. Fil-fatt, li l-impriżi nazzjonali, l-ispedituri u d-destinatarji ta’ merkanzija jiġu obbligati li jressqu t-tilwim tagħhom quddiem qrati barranin jista’, fil-prattika, idgħajjef l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom.

23      Il-qorti tar-rinviju ssostni li jkun problematiku li jiġi applikat l-Artikolu 251 tal-LNM sabiex jingħalqu eventwali lakuni li jeżistu fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, teżisti kontradizzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punt 23). Fil-fatt, peress li, skont id-dritt Spanjol, il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni u l-klawżoli ta’ arbitraġġ jorbtu lill-partijiet biss jekk dawn ikunu r-riżultat ipprovat ta’ negozjati individwali u separati, it-trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw minn polza ta’ kargu ma jkunx sħiħ.

24      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali inapplikabbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tqis, billi tibbaża ruħha kemm fuq l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia kif ukoll fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), u tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix (C‑519/19, EU:C:2020:933), li l-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-liġi tal-Istat li lilu din il-klawżola tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, b’mod li, f’dan il-każ, għandu jiġi applikat id-dritt Ingliż, u mhux l-Artikolu 468 tal-LNM. It-tieni nett, jekk jitqies li l-Artikolu 251 tal-LNM huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, din il-qorti tqis li l-forma li l-kunsens għandu jkollu għal klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni iktar milli mid-dritt nazzjonali, u dan sabiex jiġi evitat li kull Stat Membru jimponi kundizzjonijiet differenti f’dan ir-rigward. It-tielet nett, l-imsemmija qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 251 tal-LNM mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606), peress li, skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet u l-obbligi relatati ma’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’polza ta’ kargu huma esklużi minn dawk ittrasferiti lil terz detentur ta’ din il-polza ta’ kargu.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-regola tal-Artikolu 25 tar-Regolament [Brussell Ia], meta tistabbilixxi li n-nullità ipso jure tal-ftehim ta’ ġurisdizzjoni għandha tiġi analizzata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-partijiet iddifferew il-ġurisdizzjoni lilu, tinkludi wkoll, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-validità tal-estensjoni tal-klawżola lil terz mhux parti fil-kuntratt li fih hija inkluża l-klawżola?

2)      Fil-każ ta’ trasferiment tal-polza ta’ kargu lil terz, destinatarju tal-merkanzija, li ma rriżultax mill-kuntratt bejn il-konsenjatur u t-trasportatur tal-baħar, regola bħal dik inkluża fl-Artikolu 251 tal-[LNM], li teżiġi li, għall-infurzabbiltà tal-klawżola fil-konfront ta’ dan it-terz, il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni għandha tkun ġiet innegozjata miegħu “individwalment u separatament”, tirriżulta kompatibbli mal-Artikolu 25 tar-Regolament [Brussell Ia] u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha?

3)      Jirriżulta possibbli, konformement mad-dritt tal-Unjoni, li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali ta’ validità għall-effikaċja fil-konfront ta’ terzi tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni inklużi f’poloz ta’ kargu?

4)      Regola bħal dik inkluża fl-Artikolu 251 tal-[LNM], li tistabbilixxi li s-surroga tat-terz detentur isseħħ f’forma parzjali biss, bl-esklużjoni tal-klawżoli ta’ proroga ta’ ġurisdizzjoni, tippreżupponi l-introduzzjoni ta’ rekwiżit addizzjonali ta’ validità ta’ dawn il-klawżoli, kuntrarja għall-Artikolu 25 tar-Regolament [Bruxelles Ia]?”

 IlKawża C346/22

27      MACS, fil-kwalità ta’ trasportatur, u Tunacor Fisheries Ltd, fil-kwalità ta’ speditur, ikkonkludew kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija bil-baħar suġġett għall-kundizzjonijiet “CFR” (kost u nol), li ġie dokumentat f’polza ta’ kargu maħruġa fit‑13 ta’ April 2019. Fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-polza ta’ kargu kienet inkluża klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li kienet ifformulata kif ġej:

“Din il-polza ta’ kargu għandha tiġi rregolata skont il-liġi Ingliża u kwalunkwe tilwim li jirriżulta minnha għandu jiġi sottomess lill-High Court of Justice ((England & Wales)) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales))”.

28      Il-merkanzija inkwistjoni kienet ġiet akkwistata minn Fortitude Fishing SL (iktar ’il quddiem “Fortitude”), li b’hekk saret terz detentur tal-polza ta’ kargu. Peress li l-imsemmija merkanzija waslet bil-ħsara fil-port ta’ destinazzjoni, Mapfre, issurrogata fid-drittijiet ta’ Fortitude, adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra) (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra) billi talbet lil MACS is-somma ta’ EUR 80 187.90 bħala danni. Din l-azzjoni ġiet ippreżentata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim ta’ Ħruġ.

29      Abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, MACS ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli.

30      B’digriet tat‑3 ta’ Mejju 2020, il-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra) ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha.

31      Mapfre ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra), li hija wkoll il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑346/22, billi allegat, minn naħa, li l-qrati Spanjoli kellhom ġurisdizzjoni peress li Fortitude la kienet parti fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn MACS u Tunacor Fisheries u lanqas ma kienet involuta f’dan it-trasport u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 251 tal-LNM, l-imsemmija klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma tistax tiġi infurzata fil-konfront tagħha.

32      Min-naħa l-oħra, MACS tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli minħabba li l-istess klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ tiġi infurzata fil-konfront tat-terz detentur tal-polza ta’ kargu. Fil-fatt, għandu jiġi applikat l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u mhux l-Artikolu 251 tal-LNM, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

33      Peress li kellha l-istess dubji bħal dawk imqajma fil-Kawża C‑345/22, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari, essenzjalment identiċi għal dawk magħmula f’din il-kawża.

 IlKawża C347/22

34      Maersk Line Perú, fil-kwalita ta’ trasportatur, u Aquafrost, fil-kwalità ta’ speditur, ikkonkludew kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar suġġett għall-kundizzjonijiet “CFR” (kost u nol), li ġie dokumentat f’polza ta’ kargu maħruġa fit‑2 ta’ Awwissu 2018. Fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-polza ta’ kargu kien hemm klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni redatta f’termini identiċi għal dawk li bihom il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑345/22 hija fformulata.

35      Il-merkanzija inkwistjoni ġiet akkwistata minn Oversea, li għalhekk saret terz detentur tal-polza ta’ kargu. Peress li l-imsemmija merkanzija waslet bil-ħsara fil-port ta’ destinazzjoni, Allianz, issurrogata fid-drittijiet ta’ Oversea, adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra) billi talbet lil Maersk is-somma ta’ EUR 106 093.65 bħala danni. Din l-azzjoni ġiet ippreżentata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim ta’ Ħruġ.

36      Abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, Maersk ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli.

37      B’digriet tal‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Pontevedra) ċaħdet din it-talba dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Maersk ma ppreżentax appell intern kontra din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, permezz tas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2021, din il-qorti laqgħet, fuq il-mertu, ir-rikors ta’ Allianz.

38      Maersk appellat din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra), li hija wkoll il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑347/22, billi kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli minħabba li l-imsemmija klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ tiġi infurzata fil-konfront tat-terz detentur tal-polza ta’ kargu. Fil-fatt, għandu jiġi applikat l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u mhux l-Artikolu 251 tal-LNM, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

39      Peress li kellha l-istess dubji bħal dawk imqajma fil-Kawża C‑345/22, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari identiċi, essenzjalment, għal dawk magħmula f’din il-kawża.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

40      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kawżi C‑345/22, C‑346/22 u C‑347/22 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ġġib il-proċeduri fi tmiemhom.

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

41      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, ikoprix sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, permezz tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni inkwistjoni f’dawn il-kawżi, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwimiet relatati mal-kuntratti ta’ trasport marittimu inkwistjoni fl-imsemmija kawżi ġiet attribwita lil qorti tar-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, li l-Ftehim ta’ Ħruġ daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020.

42      Preliminarjament, skont l-Artikolu 67(1)(a) tal-Ftehim ta’ Ħruġ, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Brussell Ia japplikaw għar-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu dan l-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mibdija qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Tilman, C‑358/21, EU:C:2022:923, punt 28).

43      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 127(1) u (3) tal-imsemmi ftehim, matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni huwa, minn naħa, applikabbli għar-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, interpretat kif ukoll applikat skont l-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

44      Konsegwentement, sa fejn mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li Allianz u Mapfre ppreżentaw l-azzjonijiet rispettivi tagħhom qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020 u għalhekk qabel it-tmiem tal-imsemmi perijodu ta’ tranżizzjoni, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li, minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-Regolament Brussell Ia huwa applikabbli għall-kawżi prinċipali.

 Fuq lewwel domanda f’kull waħda millkawżi magħquda

45      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li l-infurzabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lit-terz detentur tal-polza ta’ kargu li fiha din il-klawżola hija inkluża hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru li tiegħu waħda jew iktar qrati huma indikati minn din il-klawżola.

46      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, “[j]ekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

47      Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tistax tiġi ttrasferita, lil hinn miċ-ċirku tal-partijiet f’kuntratt, lil terz, parti f’kuntratt sussegwenti u suċċessur, fl-intier jew parzjalment, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt inizjali (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix, C‑519/19, EU:C:2020:933, punt [41] u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, għalkemm mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia jirriżulta li l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija evalwata fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru li waħda jew diversi qrati tiegħu ġew indikati minn din il-klawżola, xorta jibqa’ l-fatt li l-infurzabbiltà ta’ tali klawżola fil-konfront ta’ terz fil-kuntratt, bħal terz detentur tal-polza ta’ kargu, ma taqax taħt il-validità sostantiva ta’ din il-klawżola, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, iżda taħt l-effetti tagħha, li l-evalwazzjoni tagħhom neċessarjament issegwi dik tal-validità sostantiva tagħha, peress li din tal-aħħar għandha ssir b’kunsiderazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet inizjali tal-kuntratt.

49      Konsegwentement, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jippreċiżax l-effetti ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ terz u lanqas id-dritt nazzjonali applikabbli f’dan ir-rigward.

50      Madankollu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, relatata mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, jirriżulta li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’polza ta’ kargu hija infurzabbli fil-konfront ta’ terz fil-kuntratt meta din tkun ġiet irrikonoxxuta valida fir-relazzjoni bejn l-ispeditur u t-trasportatur u li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, it-terz detentur, meta jakkwista din il-polza ta’ kargu, ikun issuċċeda lill-ispeditur fid-drittijiet u fl-obbligi tiegħu. F’tali każ, ma huwiex neċessarju għall-qorti adita li tivverifika jekk dan it-terz ikunx ta l-kunsens tiegħu għal din il-klawżola (sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1984, Russ, 71/83, EU:C:1984:217, punti 24 u 25, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I li, huwa unikament fil-każ fejn, konformement mad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli, kif stabbilit skont regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti adita, it-terz detentur tal-polza ta’ kargu jkun issuċċeda lill-parti kontraenti inizjali fid-drittijiet u fl-obbligi kollha tagħha li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li dan it-terz ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għaliha tista’ madankollu tiġi invokata kontra dan tal-aħħar (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C‑387/98, EU:C:2000:606, punti 24, 25 u 30, kif ukoll tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 65). Min-naħa l-oħra, meta d-dritt nazzjonali applikabbli ma jipprevedix tali relazzjoni ta’ sostituzzjoni, din il-qorti għandha tivverifika r-realtà tal-kunsens tal-imsemmi terz għal tali klawżola (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa fformulat f’termini parzjalment differenti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, għandu madankollu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Tilman (C‑358/21, EU:C:2022:923, punt 34), li l-ġurisprudenza esposta fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza hija trasponibbli għal din id-dispożizzjoni tar-Regolament Brussell Ia.

53      Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia ma għadux jinkludi kundizzjoni li tal-inqas waħda mill-partijiet għandha tkun iddomiċiljata fi Stat Membru, għandu jiġi kkonstatat li t-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit issaħħaħ l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet fir-rigward tal-għażla tal-qorti jew tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, mingħajr ma din it-tneħħija jkollha ebda influwenza fuq id-definizzjoni tal-effetti ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ terz fil-kuntratt. Min-naħa l-oħra, sa fejn din id-dispożizzjoni illum tindika d-dritt nazzjonali applikabbli sabiex tiġi evalwata l-validità sostantiva ta’ tali klawżola, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, li din ir-regola ġdida ta’ kunflitt tal-liġijiet ma tirregolax, min-naħa l-oħra, l-infurzabbiltà tal-klawżola kkonċernata fil-konfront ta’ tali terz.

54      Konsegwentement, jekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li Oversea u Fortitude, fil-kwalità ta’ terzi detenturi ta’ polza ta’ kargu, huma ssurrogati rispettivament fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ Aquafrost u ta’ Tunacor Fisheries, bħala spedituri u għalhekk bħala partijiet inizjali fil-kuntratti ta’ trasport inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din il-qorti jkollha tiddeduċi minn dan, konformement mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni inkwistjoni f’dawn il-kawżi huma infurzabbli fil-konfront ta’ dawn it-terzi. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-punt dwar jekk l-imsemmija terzi humiex issurrogati fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ dawn l-ispedituri, peress li din is-surroga hija rregolata mid-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli, kif stabbilit skont regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat Membru li l-qorti tar-rinviju taqa’ taħtu.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li l-infurzabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lit-terz detentur tal-polza ta’ kargu li fiha din il-klawżola hija inkluża ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Istat Membru li waħda jew diversi qrati tiegħu huma indikati minn din il-klawżola. L-imsemmija klawżola tista’ tiġi infurzata fil-konfront ta’ dan it-terz jekk, bl-akkwist ta’ din il-polza ta’ kargu, jiġi ssurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ waħda mill-partijiet inizjali fil-kuntratt, fejn dan għandu jiġi evalwat konformement mad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli, kif stabbilit skont regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat Membru li l-qorti adita bit-tilwima taqa’ taħtu.

 Fuq ittieni sarraba’ domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda

56      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz f’kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija konkluż bejn trasportatur u speditur, liema terz jakkwista l-polza ta’ kargu li tiddokumenta dan il-kuntratt u li għalhekk isir terz detentur ta’ din il-polza ta’ kargu, huwa surrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ dan l-ispeditur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fl-imsemmija polza ta’ kargu, fejn din il-klawżola hija infurzabbli biss fil-konfront ta’ dan it-terz jekk ikun innegozjaha individwalment u separatament.

57      Fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punti 50 sa 52 u 55 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’polza ta’ kargu hija infurzabbli fil-konfront tat-terz detentur ta’ din il-polza ta’ kargu jekk, minn naħa, din kienet ġiet rikonoxxuta valida fir-relazzjoni bejn l-ispeditur u t-trasportatur li kienu kkonkludew il-kuntratt ta’ trasport li ġie ddokumentat fl-imsemmija polza ta’ kargu u li, min-naħa l-oħra, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, kif iddeterminat skont regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-qorti adita bil-kawża, dan it-terz, bl-akkwist tal-istess polza ta’ kargu, huwa ssurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ waħda minn dawn il-partijiet inizjali tal-kuntratt.

58      Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx informazzjoni li tista’ tikkontesta l-validità tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Konsegwentement, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, kull wieħed mit-terzi detenturi ta’ poloz ta’ kargu inkwistjoni f’dawn il-kawżi huwiex issurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha tal-ispedituri kkonċernati. Jekk dan huwa l-każ, ir-realtà tal-kunsens ta’ kull wieħed minn dawn it-terzi għal dawn il-klawżoli ma għandhiex għalfejn tiġi vverifikata.

59      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li d-dritt Spanjol huwa d-dritt nazzjonali applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 251 tal-LNM, moqri flimkien mal-Artikolu 468 ta’ din il-liġi, jipprevedi, essenzjalment, li l-akkwirent tal-polza ta’ kargu jakkwista d-drittijiet u l-azzjonijiet kollha tal-persuna li tagħmel it-trasferiment fir-rigward tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, li jeħtieġu l-kunsens tal-akkwirent, peress li dawn il-klawżoli huma nulli u meqjusa mhux miktuba jekk ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha bħala effett li ddur mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li għalhekk tmur kontra din l-aħħar dispożizzjoni.

61      Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 251 tal-LNM, moqri flimkien mal-Artikolu 468 ta’ din il-liġi, jimponi fuq il-qrati nazzjonali kkonċernati li jivverifikaw l-eżistenza tal-kunsens ta’ terz għal klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-polza ta’ kargu li huwa jakkwista, anki jekk ikun issurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha tal-ispeditur li jkun ikkonkluda l-kuntratt li ġie ddokumentat f’din il-polza ta’ kargu.

62      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punt 25), sa fejn din għandha bħala effett li tagħti iktar drittijiet lit-terz detentur tal-polza ta’ kargu minn dawk li kien iżomm l-ispeditur li huwa ssuċċeda, peress li dan it-terz jista’ jagħżel li ma jkunx marbut mal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni konkluża bejn il-partijiet inizjali fil-kuntratt.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u b’mod partikolari ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li titressaq quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki sussegwenti, sa fejn tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli, bħal dispożizzjoni ta’ regolament, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz tal-proċedura leġiżlattiva jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 31, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 37 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, l-Artikolu 251 tal-LNM jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I tat-Titolu IX ta’ din il-liġi fir-rigward tar-rekwiżit relatat mal-kunsens tal-akkwirent ta’ polza ta’ kargu għall-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni inklużi f’din il-polza ta’ kargu. Issa, l-Artikolu 468 tal-LMN, li jaqa’ taħt dan il-Kapitolu I, jipprevedi li “[m]ingħajr preġudizzju [...] għar-regoli tad-dritt tal-[Unjoni] [li] klawżoli li jipprovdu għas-sottomissjoni għal ġurisdizzjoni barranija jew għal arbitraġġ barra mill-pajjiż, li jinsabu f’kuntratti għall-użu ta’ vapur jew f’kuntratti marittimi anċillari, għandhom ikunu nulli u meqjusa li ma jeżistux jekk dawk il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament”.

67      Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 251 tal-LNM, moqri flimkien mal-Artikolu 468 ta’ din il-liġi, jistax jiġi interpretat fis-sens li r-regola li huwa jipprevedi, li tipprovdi li l-akkwirent tal-polza ta’ kargu jakkwista d-drittijiet u l-azzjonijiet kollha tal-persuna li tittrasferixxi fir-rigward tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni u tal-klawżoli ta’ arbitraġġ jekk dawn ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament minn dan l-akkwirent, tapplika għal sitwazzjoni biss jekk din tal-aħħar ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia. Jekk din il-qorti kellha tikkonstata li dan ma huwiex il-każ, hija għandha tħalli mhux applikata din ir-regola nazzjonali fil-kawżi prinċipali, sa fejn din tmur kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli.

68      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni sar-raba’ domanda għandhom jiġu risposti f’kull waħda mill-kawżi magħquda li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz f’kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija konkluż bejn trasportatur u speditur, liema terz jakkwista l-polza ta’ kargu li tiddokumenta dan il-kuntratt u li għalhekk isir terz detentur ta’ din il-polza ta’ kargu, jiġi ssurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ dan l-ispeditur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fl-imsemmija polza ta’ kargu, billi din il-klawżola tkun infurzabbli biss fil-konfront ta’ dan it-terz jekk ikun innegozjaha individwalment u separatament.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 talParlament Ewropew u talKunsill tat12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-infurzabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lit-terz detentur tal-polza ta’ kargu li fiha din il-klawżola hija inkluża ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Istat Membru li waħda jew diversi qrati tiegħu huma indikati minn din il-klawżola. L-imsemmija klawżola tista’ tiġi infurzata fil-konfront ta’ dan it-terz jekk, bl-akkwist ta’ din il-polza ta’ kargu, jiġi ssurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ waħda mill-partijiet inizjali fil-kuntratt, fejn dan għandu jiġi evalwat konformement mad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli, kif stabbilit skont regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat Membru li l-qorti adita bit-tilwima taqa’ taħtu.

2)      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz f’kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija konkluż bejn trasportatur u speditur, liema terz jakkwista l-polza ta’ kargu li tiddokumenta dan il-kuntratt u li għalhekk isir terz detentur ta’ din il-polza ta’ kargu, jiġi ssurrogat fid-drittijiet u fl-obbligi kollha ta’ dan l-ispeditur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fl-imsemmija polza ta’ kargu, billi din il-klawżola tkun infurzabbli biss fil-konfront ta’ dan it-terz jekk ikun innegozjaha individwalment u separatament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top