This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0070
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 4 July 2024.#Westfälische Drahtindustrie GmbH and Others v European Commission.#Appeal – Competition – Agreements, decisions and concerted practices – European market for prestressing steel – Decision finding an infringement of Article 101 TFEU and Article 53 of the Agreement on the European Economic Area (EEA) – Judgment annulling the decision in part and fixing a fine in an amount identical to the amount of the fine initially imposed – Application of payments made on a provisional basis – Decision of the European Commission on the outstanding balance of the fine – Due date for payment of a fine, the amount of which has been fixed by the EU judicature, in the exercise of its unlimited jurisdiction.#Case C-70/23 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
Westfälische Drahtindustrie GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tiffissa multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta inizjalment – Imputazzjoni tal-pagamenti mwettqa provviżorjament – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ammont tal-multa li għadha ma tħallsitx – Data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li l-ammont tagħha jkun ġie ffissat mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.
Kawża C-70/23 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
Westfälische Drahtindustrie GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tiffissa multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta inizjalment – Imputazzjoni tal-pagamenti mwettqa provviżorjament – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ammont tal-multa li għadha ma tħallsitx – Data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li l-ammont tagħha jkun ġie ffissat mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.
Kawża C-70/23 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:580
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
4 ta’ Lulju 2024 (*)
“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tiffissa multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta inizjalment – Imputazzjoni tal-pagamenti mwettqa provviżorjament – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ammont tal-multa li għadha ma tħallsitx – Data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li l-ammont tagħha jkun ġie ffissat mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha”
Fil-Kawża C‑70/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑8 ta’ Frar 2023,
Westfälische Drahtindustrie GmbH, stabbilita f’Hamm (Il-Ġermanja),
Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, stabbilita f’Hamm,
Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn (Il-Ġermanja),
irrappreżentati minn O. Duys u N. Tkatchenko, Rechtsanwälte,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Keidel, L. Mantl u P. Rossi, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Frar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħhom, Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il quddiem “WDI”), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Novembru 2022, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑275/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:723), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, fl-ewwel lok, għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat‑2 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem l-“att kontenzjuż”) li permezz tagħha din tal-aħħar intimathom iħallsuha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi, fil-fehma tagħha, għall-bilanċ li kien għadu dovut tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom fit‑30 ta’ Settembru 2010, fit-tieni lok, għall-konstatazzjoni tal-ħlas totali ta’ din il-multa fis‑17 ta’ Ottubru 2019 permezz tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 18 149 636.24 u, fit-tielet lok, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, miżjuda bl-interessi minn din l-aħħar data, minħabba arrikkiment indebitu ta’ dik l-istituzzjoni, kif ukoll, sussidjarjament, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallashom is-somma ta’ EUR 12 236 931.69, mitluba mill-Kummissjoni lil WDI, u somma ekwivalenti għall-ammont tal-ħlas żejjed irċevut minn dik l-istituzzjoni, fl-ammont ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tas-somma dovuta.
Il‑kuntest ġuridiku
2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi, fl-Artikolu 23(2) tiegħu:
“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
(a) jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] [...]
[...]”
3 L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.
4 Il-punt 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linja Gwida tal‑2006”), taħt it-titolu “Kapaċità ta’ ħlas”, jiddisponi:
“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew defiċitarja. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti linji gwida, tipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kwalunkwe valur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
5 Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 26 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.
6 Permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 4387 final tat‑30 ta’ Ġunju 2010 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni C(2010) 6676 final tat‑30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni ssanzjonat diversi impriżi, fosthom l-appellanti, li huma fornituri tal-azzar għall-prestressing, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq tal-azzar għall-prestressing. Il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 46 550 000 fuq WDI, filwaqt li Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft u Pampus Industriebeteiligungen inżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 38 855 000 u EUR 15 485 000 rispettivament.
7 Skont id-deċiżjoni kontenzjuża, il-ħlas tal-multa kellu jsir f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, kienu awtomatikament dovuti interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’3.5 punti perċentwali. Id-deċiżjoni kontenzjuża kienet tipprovdi wkoll li, fil-każ ta’ preżentata ta’ rikors minn waħda mill-impriżi ssanzjonati, din setgħet tkopri l-multa fl-iskadenza billi tipprovdi garanzija bankarja, jew billi tipproċedi għall-ħlas provviżorju tal-multa.
8 Wara li ppreżentaw rikors li permezz tiegħu talbu mhux biss l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża iżda wkoll it-tnaqqis tal-multa imposta, l-appellanti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji intiża, essenzjalment, li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni sal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq dan ir-rikors.
9 Permezz tad-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, EU:T:2011:178), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba għal miżuri provviżorji, billi ordna s-sospensjoni tal-obbligu tal-appellanti li jipprovdu garanzija bankarja favur il-Kummissjoni sabiex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multa, bil-kundizzjoni li huma jħallsu lil din l-istituzzjoni, provviżorjament, minn naħa, is-somma ta’ EUR 2 000 000 u, min-naħa l-oħra, pagamenti mensili ta’ EUR 300 000 sal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament.
10 Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10, iktar ’il quddiem “is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015”, EU:T:2015:515), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn imponiet multa fuq l-appellanti. Hija sussegwentement ikkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak iffissat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Sabiex waslet għal din is-soluzzjoni, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tal-appellanti. Sussegwentement, billi użat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li minn diversi indizji, fosthom b’mod partikolari r-ristrutturazzjoni li wettqu l-appellanti stess, wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li dawn madankollu ma kellhomx bażi sabiex jitolbu tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom.
11 Is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 kienet is-suġġett ta’ appell ippreżentat mill-appellanti, li kienu b’mod partikolari kkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fl-2015, u mhux fl-2010. Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il‑Kummissjoni (C‑523/15 P, EU:C:2016:541).
12 Wara l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, dehru opinjonijiet differenti bejn il-Kummissjoni u l-avukati tal-appellanti fir-rigward tad-data li minnha kellhom jiddekorru l-interessi dovuti fuq il-multa. Filwaqt li dawn tal-aħħar kienu jqisu li l-multa kienet dovuta biss mill-għoti ta’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet tqis li l-interessi kienu dovuti mid-data prevista fid-deċiżjoni kontenzjuża.
13 F’dan il-kuntest, wara iċ-ċaħda tal-appell tagħhom, l-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali tinterpreta s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 fis-sens li l-interessi applikati għall-ammont tal-multa imposta f’dik is-sentenza kienu dovuti mill-għoti ta’ din tal-aħħar. Sussidjarjament, huma talbu lill-Qorti Ġenerali tirrettifika jew tikkompleta dik is-sentenza billi tippreċiża mil-liema data jibdew jiddekorru l-interessi.
14 Permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 INTP, EU:T:2018:293), il-Qorti Ġenerali ddikjarat dawn it-talbiet inammissibbli. Fir-rigward tat-talba għal interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tkun ammissibbli, din kellha tirrigwarda punt deċiż fis-sentenza li għandha tiġi interpretata. Issa, il-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi moratorji dovuti fil-każ ta’ posponiment tal-ħlas tal-ammont tal-multi imposti fuq l-appellanti ma kinitx ġiet indirizzata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Skont il-Qorti Ġenerali, it-talba tal-appellanti kienet intiża li tikseb opinjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li ma kinitx taqa’ taħt talba għal interpretazzjoni mressqa abbażi tal-Artikolu 168(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fir-rigward taż-żewġ talbiet l-oħra, dawn tqiesu bħala tardivi. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tat-termini previsti għal dan l-għan fl-Artikolu 164(2) u l-Artikolu 165(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, intiżi li s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 tiġi rrettifikata jew ikkompletata għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma tardivi.
15 B’eżekuzzjoni tad-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, EU:T:2011:178), WDI kienet ħallset provviżorjament lill-Kummissjoni somma totali ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015.
16 Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, WDI informat lill-Kummissjoni, minn naħa, li hija kienet diġà ħallset EUR 31 700 000 u, min-naħa l-oħra, li hija diġà kellha l-intenzjoni li tħallas l-bilanċ tal-multa dovuta, f’kapital u interessi, li hija kienet stmat għal EUR 18 149 636.24. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, WDI ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi dovuti mill‑15 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri tliet xhur wara li ngħatat is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, u applikat rata ta’ interessi ta’ 3.48 %.
17 Fis‑17 ta’ Ottubru 2019, WDI ħallset l-imsemmija somma ta’ EUR 18 149 636.24 fil-kont bankarju tal-Kummissjoni, u b’hekk l-ammont totali tal-pagamenti li kienu saru b’effett mid‑29 ta’ Ġunju 2011, bħala ħlas tal-multa, kien ta’ EUR 49 849 636.24.
18 Permezz tal-att kontenzjuż, il-Kummissjoni esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni espressa minn WDI fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2019. Il-Kummissjoni indikat li, konformement mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141), l-interessi, ikkalkolati bir-rata ta’ 4.5 %, kienu bdew jiddekorru mhux mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, iżda mid-data prevista fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l‑4 ta’ Jannar 2011. Konsegwentement, il-Kummissjoni intimat lil WDI sabiex tħallasha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi mal-bilanċ li kien għadu dovut, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-valur tal‑31 ta’ Marzu 2020.
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
19 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Mejju 2020, l-appellanti talbu, prinċipalment, fl-ewwel lok, l-annullament tal-att kontenzjuż, fit-tieni lok, il-konstatazzjoni, bħala konsegwenza, li l-Kummissjoni kellha timputa l-ħlasijiet mwettqa minn WDI matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015 (EUR 16 400 000), flimkien mal-interessi relatati ma’ dan l-ammont matul dan il-perijodu (EUR 1 420 610), jiġifieri ammont totali ta’ EUR 17 820 610, fuq il-multa imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, b’effett minn din id-data, u li din il-multa kienet, minħabba f’hekk, tħallset totalment permezz tal-ħlas magħmul minn WDI fis‑17 ta’ Ottubru 2019 fl-ammont ta’ EUR 18 149 636.24 u, fit-tielet lok, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, miżjuda bl-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tas-somma dovuta. Sussidjarjament, l-appellanti talbu li l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tiġi kkundannata, minn naħa, tħallashom kumpens ugwali għall-ammont mitlub fl-att kontenzjuż, jiġifieri EUR 12 236 931.69, u, min-naħa l-oħra, tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sal-ħlas sħiħ tas-somma dovuta.
20 Fis-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-appellanti msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett eżaminat it-talba għad-danni tal-appellanti, ibbażata fuq diversi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ksur kollu lmentat kien jitlaq mill-premessa li l-multa imposta fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx “inżammet” jew “ikkonfermata” mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, iżda kienet ġiet annullata u ssostitwita b’multa ġdida, li l-appellanti jsejħu “multa ġudizzjarja”.
21 Wara li ddikjarat it-talba għad-danni ammissibbli, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141), il-multa li l-qorti tal-Unjoni tistabbilixxi meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma tikkostitwixxix multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni. Issa, is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar qieset xieraq li, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015, tadotta ammont tal-multa identiku għal dak iffissat fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza f’dan il-każ.
22 Din l-evalwazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti tal-appellanti bbażati, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet annullat il-multa imposta inizjalment qabel ma ffissat ammont ġdid abbażi ta’ elementi sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-President tal-Qorti Ġenerali kien ordna, permezz tad-digriet tiegħu tat‑13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, EU:T:2011:178), is-sospensjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja.
23 Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, barra minn hekk, li, meta l-qorti tal-Unjoni żżomm parti jew l-ammont sħiħ tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-obbligu li jitħallsu interessi ab initio ma jikkostitwixxix sanzjoni li tiżdied mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni.
24 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ma hemmx ksur suffiċjentement serju tal-obbligi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 266 TFUE u tiċħad it-talba għad-danni tal-appellanti. Fid-dawl tal-fatt li t-talbiet l-oħra mressqa mill-appellanti, essenzjalment, ukoll ibbażati fuq il-premessa ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni dwar it-talba għall-annullament tal-att kontenzjuż.
It‑talbiet tal‑partijiet
25 L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla l-att kontenzjuż;
– konsegwentement tiddikjara li l-ħlasijiet mwettqa minn WDI lill-Kummissjoni bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015 fl-ammont ta’ EUR 16 400 000, flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti fl-ammont ta’ EUR 1 420 610, li flimkien jammontaw għal EUR 17 820 610, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-multa awtonoma imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kawża tal‑15 ta’ Lulju 2015 b’effett mill‑15 ta’ Lulju 2015, u li, minħabba l-ħlas tas‑17 ta’ Ottubru 2019 fl-ammont ta’ EUR 18 149 636,24, din il-multa diġà tħallset fl-intier tagħha
– tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil WDI ammont ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi kumpensatorji mis‑17 ta’ Ottubru 2019, sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;
– sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas danni lit-tliet appellanti fl-ammont ta’ EUR 12 236 931.69 bi tpaċija tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni lil WDI, permezz tal-att kontenzjuż, fl-ammont ta’ EUR 12 236 931.36 u li tħallas lil WDI l-ammont ta’ ħlas żejjed li huwa ta’ EUR 1 633 085.17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut;
– sussidjarjament għat-talbiet li jidhru fl-ewwel sal-ħames inċiż, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni;
u f’kull każ
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċedura fl-appell.
26 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell u
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
Fuq l‑appell
27 Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.
Fuq l‑ewwel u t‑tieni aggravju
28 Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ma osservatx is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 kif ukoll li mmotivat b’mod żbaljat u kontradittorju s-sentenza appellata meta mqabbla mas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 266 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjoni legali li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-effett ta’ annullament tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 u tan-natura ġuridika sostituttiva tad-deċiżjoni adottata fiha.
29 Madankollu, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellanti jirriżulta li, permezz ta’ dawn iż-żewġ aggravji, dawn essenzjalment isostnu li l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-kuntest tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, wassalha sabiex tiffissa multa li għandha tiġi kkaratterizzata bħala ġdida u ġuridikament distinta minn dik li l-Kummissjoni kienet imponiet fuqhom permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, għalkemm l-appellanti jifformulaw l-ewwel aggravju tagħhom bħala li huwa bbażat, parzjalment, fuq in-natura kontradittorja u żbaljata tal-motivazzjoni, il-qari tad-diversi argumenti esposti insostenn ta’ dan l-aggravju juri li, f’dan ir-rigward, huma għandhom l-intenzjoni, fir-realtà, li jikkontestaw mhux in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, iżda l-konsegwenzi ġuridiċi li l-Qorti Ġenerali siltet mill-fatt li hija kienet eżerċitat, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Konsegwentement, dawn iż-żewġ aggravji għandhom jiġu ttrattati flimkien u qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din il-premessa.
L‑argumenti tal‑partijiet
30 L-appellanti jsostnu li, permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat ex tunc il-multa imposta mill-Kummissjoni, li tat lok għal dejn a favur tagħha, li jikkorrispondi għas-somma mħallsa minnhom, provviżorjament, b’eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji, miżjuda bl-interessi, u min-naħa l-oħra, iffissat multa distinta ġdida, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li huma jsejħulha bħala “multa ġudizzjarja”, għall-kuntrarju tal-“multa annullata” imposta mill-Kummissjoni fl-2010.
31 Għal dan l-għan, huma jenfasizzaw b’mod partikolari l-fatt li, fid-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ħassret l-Artikolu 2(8) tad-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tiegħu, bil-konsegwenza li, bis-saħħa tal-effett ta’ annullament li ġabet magħha din is-sentenza, il-multa imposta mill-Kummissjoni ġiet totalment imħassra b’effett retroattiv.
32 Barra minn hekk, fid-dawl tal-gravità tal-iżbalji kkonstatati mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza u peress li ma kienx jidher possibbli li jiġi ffissat retroattivament l-ammont ta’ multa mnaqqas minħabba n-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas imwettqa fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prattika ġudizzjarja preċedenti tagħha. Għalhekk, minflok ma ffissat direttament, bħal f’sentenzi oħra, l-ammont tal-multa annullata għal ammont imnaqqas b’effett retroattiv, hija ddeċidiet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tgħaqqad l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma’ dispożittiv ta’ kundanna tal-appellanti. Din il-kombinazzjoni kienet tippermetti lill-Qorti Ġenerali, inizjalment, li tħassar kompletament l-imsemmija deċiżjoni u, sussegwentement, li tissostitwixxiha bl-evalwazzjoni tagħha stess.
33 Bl-istess mod, huwa indikattiv il-fatt li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali qieset li kienet awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet diġà mwettqa mill-appellanti fuq perijodu ta’ kważi ħames snin u t-titjib tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.
34 Għaldaqstant, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura ġdida u distinta tal-multa mogħtija fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. B’mod partikolari, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet meqjusa, minħabba l-effett sostituttiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li dejjem kienet dik li kienet tirriżulta mill-evalwazzjoni misjuba f’dik is-sentenza. Issa, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina l-portata ta’ dan l-effett sostituttiv li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tad-dispożittiv u tal-motivazzjoni tas-sentenza li minnha jirriżulta tali effett. Madankollu, f’dan il-każ, mill-effett doppju tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u mill-kundanna tal-appellanti għall-ħlas ta’ multa jirriżulta li ġiet adottata multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik li ġiet inizjalment imposta fuqhom. Barra minn hekk, fuq il-livell testwali, l-imsemmi effett sostituttiv jimplika neċessarjament tal-inqas emenda tal-multa inizjali, u għalhekk, essenzjalment, l-adozzjoni ta’ multa ġdida, ġuridikament distinta.
35 Fl-aħħar mill-aħħar, id-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 u l-evalwazzjoni globali magħmula mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza juru li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet mibdula kollha kemm hi. L-effett sostituttiv kien jirrigwarda kemm il-motivazzjoni kif ukoll l-ammont sopravalutat tal-multa. Dan wassal għal emenda li timponi li ssir distinzjoni ċara bejn il-multa inizjali annullata u l-multa ġudizzjarja li tissostitwixxiha, kif ukoll il-konsegwenzi ġuridiċi marbuta magħha.
36 Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tieni aggravji huma infondati.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
37 Qabel kollox, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jiġi ssupplimentat, skont l-Artikolu 261 TFUE, fuq talba tal-appellanti, mill-eżerċizzju tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mill-appellanti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qrati tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att inkwistjoni b’tagħhom stess (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Għall-kuntrarju, ġaladarba teżerċita il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Unjoni tkun awtorizzata, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni proprja tagħha, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ din is-sanzjoni, għal dik tal-Kummissjoni, awtriċi tal-att li fih ġie inizjalment stabbilit l-ammont ta’ din is-sanzjoni. Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tbiddel l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, b’dan illi tali ġurisdizzjoni tiġi eżerċitata b’kont meħud taċ-ċirkustanzi fattwali kollha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li tippermettilha tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta mill-Kummissjoni, hija relatata u hija limitata għall-ammont tal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punt 92).
41 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jagħti lill-Qorti Ġenerali ġurisdizzjoni sħiħa li tagħmel parti integrali mis-setgħa tagħha li tiddeċiedi fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet tali multa. Konsegwentement, dan l-aħħar artikolu ma għandux l-għan li jawtorizza lill-Qorti Ġenerali timponi multa ġdida ġuridikament distinta minn dik iffissata mill-Kummissjoni, iżda li tikkompleta l-istħarriġ ġudizzjarju billi tippermetti lill-Qorti Ġenerali tbiddel l-ammont ta’ dik il-multa inizjalment imposta.
42 Għaldaqstant, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li, meta l-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha, hija tissostitwixxi, fi ħdan id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont inizjalment iffissat f’dik id-deċiżjoni b’dak li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha stess. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqies għalhekk, minħabba l-effett sostituttiv tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li kienet dejjem dik li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar.
43 F’dan il-każ, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-appellanti, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006. Sussegwentement, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mitlub mill-appellanti peress li huma kienu kkonkludew li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex biss tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, iżda wkoll li tnaqqas l-multa imposta, il-Qorti Ġenerali kkontestat, abbażi ta’ provi prodotti mill-partijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti, hekk kif kienet evolviet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn tal-aħħar ma kinux iġġustifikati li jsostnu li kellu jingħatalhom tnaqqis tal-imsemmija multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom, u għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006.
44 Peress li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali b’hekk eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq is-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 58 u 60), li minnha jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex is-setgħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tissostitwixxi l-multa imposta mill-Kummissjoni b’multa ġdida, ġuridikament distinta minnha, u li minn dan iddeduċiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, peress li l-multa mibdula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma kinitx ġdida, din kienet dovuta sa mill‑4 ta’ Jannar 2011.
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-mod li bih il-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont tal-multa u lanqas in-natura tal-elementi li din ħadet inkunsiderazzjoni meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma jistgħu jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li din il-multa, hekk mibdula, tikkostitwixxi multa ġdida ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.
46 Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali annullat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, l-Artikolu 2(8) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jimponi multa fuq l-appellanti, u ffissat, fil-punti 4 sa 6 ta’ dan id-dispożittiv, l-ammonti differenti li jikkostitwixxu l-multa mibdula, li kienu jikkorrispondu għal dawk tal-multa imposta fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax tinftiehem, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala l-espressjoni tar-rieda tal-Qorti Ġenerali li timponi multa ġdida ġuridikament distinta minn dik iffissata mill-Kummissjoni.
47 Fil-fatt, meta, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma’ dik tal-Kummissjoni, billi timponi ammont ġdid, din is-sostituzzjoni timplika neċessarjament l-annullament tal-ammont tal-multa inizjali, kif iffissat mill-Kummissjoni, kemm jekk isir riferiment espress jew le għal dan l-annullament fis-sentenza.
48 Konsegwentement, għalkemm huwa ċertament preferibbli li, sa fejn huwa possibbli, il-Qorti Ġenerali ssegwi prattika redazzjonali uniformi, xorta jibqa’ l-fatt li ebda konsegwenza legali partikolari ma tista’ tinsilet mill-fatt li, fi tmiem l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għażlet li tistabbilixxi, fid-dispożittiv, mhux li ammont ġdid tal-multa ġie ssostitwit, kif meħtieġ b’mod identiku, għal dak iffissat preċedentement, iżda, l-ewwel nett, li l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni kien ġie annullat, imbagħad, li multa tal-istess ammont kienet ġiet imposta fuq l-appellanti.
49 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-premessa li fuqha huma bbażati l-ewwel u t-tieni aggravji hija żbaljata, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati f’iktar dettall id-diversi lmenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-imsemmija aggravji.
Fuq it‑tielet aggravju
50 Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq.
L‑argumenti tal‑partijiet
51 Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha ppreżentati quddiemha billi bbażat ruħha fuq motiv wieħed, jiġifieri li l-multa li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma hijiex multa “ġdida”.
52 Filwaqt li jammettu li teżisti rabta bejn dawn l-motivi, l-appellanti jsostnu li dan il-fatt madankollu ma kellux ikun suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-imsemmija motivi kollha b’dan il-mod. Sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali kellha tissottometti l-motivi kollha invokati għal eżami individwali u bir-reqqa. Issa, mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali wettqet tali eżami.
53 Il‑Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa wkoll infondat.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
54 Fil-punti 129 u 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-tieni sar-raba’ motivi ppreżentati quddiemha kienu jitilqu mill-premessa, magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv ippreżentat quddiemha, li l-multa imposta mill-Kummissjoni kienet ġiet annullata u ssostitwita b’“multa ġudizzjarja”. Peress li qieset li din il-premessa kienet ġiet invalidata fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni sar-raba’ motivi bħala infondati mingħajr ma eżaminat l-argumenti insostenn tagħhom.
55 B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kisret id-dritt għal smigħ xieraq u lanqas, sa fejn l-appellanti kellhom l-intenzjoni li jqajmu tali lment, immotivat b’mod insuffiċjenti l-konklużjoni li waslet għaliha.
56 Fil-fatt, bħal fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-argumenti tal-appellanti dwar it-tieni sal-ħames motivi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kienu kollha bbażati fuq il-premessa li l-multa imposta mill-Kummissjoni kienet ġiet annullata u ssostitwita b’“multa ġudizzjarja”. Issa, peress li din il-premessa hija ineżatta, kif barra minn hekk ġie kkonfermat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni aggravji ppreżentati fil-kuntest ta’ dan l-appell, bl-ebda mod ma kien neċessarju li l-Qorti Ġenerali timmotiva f’iktar dettall il-fatt li tiċħad it-tieni sar-raba’ motivi invokati quddiemha.
57 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, sakemm tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha s-sentenza li l-annullament tagħha huwa mitlub u sakemm tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il‑Kummissjoni, C‑725/22 P, EU:C:2024:217, punt 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
58 Issa, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-appellanti la jistabbilixxu u lanqas jallegaw li huma ma setgħux ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tas-sentenza appellata. Għall-kuntrarju, dan l-argument juri li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ppermettiet lill-appellanti jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali. Hija tippermetti wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell.
59 Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
60 Peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l‑ispejjeż
61 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
62 Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
63 Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Westfälische Drahtindustrie GmbH, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.