This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0538
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 4 July 2024.#SB v Agrárminiszter.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Törvényszék.#Reference for a preliminary ruling – Agriculture – Common Agricultural Policy – Regulation (EU) No 1307/2013 – Article 52 – Delegated Regulation (EU) No 639/2014 – Article 53(1) – Definition of eligibility criteria for coupled support measures – Competence of the Member States – Delegated Regulation (EU) No 640/2014 – Points 16 and 18 of the second subparagraph of Article 2(1) – Distinction between ‘declared animals’ and ‘animals determined’ – Article 30(3) – Support calculated on the basis of animals determined – Article 31(1) to (3) – Administrative penalties for non-compliance among declared animals – Application for coupled support linked to the keeping of suckler cows – Calving rate set in national regulations not reached by all declared animals – Rate achieved by a smaller number of those animals – National practice refusing support.#Case C-538/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
SB vs Agrárminiszter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 52 – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(1) – Definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ appoġġ akkoppjat – Kompetenza tal-Istati Membri – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Il-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Distinzjoni bejn ‘annimali ddikjarati’ u ‘annimali ddeterminati’ – Artikolu 30(3) – Appoġġ ikkalkolat abbażi tal-annimali ddeterminati – Artikolu 31(1) sa (3) – Sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità fost l-annimali ddikjarati – Applikazzjoni għall-appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu – Rata ta’ twellid stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma ntlaħqitx mill-annimali ddikjarati kollha – Rata miksuba minn numru iżgħar ta’ dawn l-annimali – Prassi nazzjonali li tirrifjuta l-appoġġ.
Kawża C-538/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
SB vs Agrárminiszter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 52 – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(1) – Definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ appoġġ akkoppjat – Kompetenza tal-Istati Membri – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Il-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Distinzjoni bejn ‘annimali ddikjarati’ u ‘annimali ddeterminati’ – Artikolu 30(3) – Appoġġ ikkalkolat abbażi tal-annimali ddeterminati – Artikolu 31(1) sa (3) – Sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità fost l-annimali ddikjarati – Applikazzjoni għall-appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu – Rata ta’ twellid stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma ntlaħqitx mill-annimali ddikjarati kollha – Rata miksuba minn numru iżgħar ta’ dawn l-annimali – Prassi nazzjonali li tirrifjuta l-appoġġ.
Kawża C-538/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:568
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
4 ta’ Lulju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 52 – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(1) – Definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ appoġġ akkoppjat – Kompetenza tal-Istati Membri – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Il-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Distinzjoni bejn ‘annimali ddikjarati’ u ‘annimali ddeterminati’ – Artikolu 30(3) – Appoġġ ikkalkolat abbażi tal-annimali ddeterminati – Artikolu 31(1) sa (3) – Sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità fost l-annimali ddikjarati – Applikazzjoni għall-appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu – Rata ta’ twellid stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma ntlaħqitx mill-annimali ddikjarati kollha – Rata miksuba minn numru iżgħar ta’ dawn l-annimali – Prassi nazzjonali li tirrifjuta l-appoġġ”
Fil-Kawża C‑538/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura
SB
vs
Agrárminiszter,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u A. Sauka, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 30(3) u tal-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1393 tal‑4 ta’ Mejju 2016 (ĠU 2016, L 225, p. 41, rettifika fil-ĠU 2016, L 227, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 640/2014”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SB, bidwi, u l-Agrárminiszter (il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ungerija) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil SB appoġġ akkoppjat marbut mal-produzzjoni għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (UE) Nru 1306/2013
3 |
L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), intitolat “Pagamenti mhux dovuti u pieni amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament [(UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608 u rettifika ĠU 2016, L 130, p. 7)] ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati. […] 2. Barra minn hekk, fejn il-leġislazzjoni agrikola settorjali tipprevedi hekk, l-Istati Membri għandhom jimponu wkoll pieni amministrattivi […]” |
Ir‑Regolament Nru 1307/2013
4 |
Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1307/2013”), tiddikjara: “Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-Regolament [Nru 1306/2013] u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan għandhom japplikaw b’rabta mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. [...]” |
5 |
It-Titolu IV tar-Regolament Nru 1307/2013 jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, li jinkludi l-Artikolu 52, intitolat “Regoli ġenerali”. Dan l-Artikolu 52 jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu (f’dan il-Kapitolu msejjaħ ‘appoġġ akkoppjat’). [...] 6. L-appoġġ akkoppjat huwa skema li tillimita l-produzzjoni li għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali u għandu jirrispetta l-limiti massimi finanzjarji li għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri għal kull miżura u nnotifikati lill-Kummissjoni [Ewropea]. [...] 9. Biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni [Ewropea] u biex jiġi evitat finanzjament doppju taħt strumenti ta’ appoġġ simili, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati skont l-Artikolu 70 li jistipulaw:
[...]” |
6 |
L-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet finanzjarji”, jelenka d-deċiżjonijiet dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri. |
7 |
L-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 53 sad-dati msemmija f’dak Artikolu. [...]” |
Ir‑Regolament Delegat Nru 639/2014
8 |
L-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1784 tad‑9 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 293, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 639/2014”), intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall-miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir-[Regolament Nru 1307/2013] u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.” |
9 |
L-Artikolu 67 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, intitolat “Notifiki relatati mal-appoġġ akkoppjat volontarju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “In-notifiki msemmija fl-Artikolu 54(1) tar-[Regolament Nru 1307/2013] għandhom jinkludu l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.” |
10 |
Skont l-Anness I tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, intitolat “Kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1)”: “L-informazzjoni għandha tinkludi: [...] (3) deskrizzjoni ta’ kull miżura ta’ appoġġ, li tinkludi mill-anqas: [...] (f) il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà applikabbli; [...]” |
Ir‑Regolament Delegat Nru 640/2014
11 |
Il-premessi 1, 28 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jiddikjaraw:
[...]
[...]
|
12 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “[...] Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll: [...] (2) ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser:
[...]
[...]
[...] (18) ‘annimal determinat’ tfisser:
[...]” |
13 |
It-Titolu II tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll”, jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Kalkolu tal-għajnuna u tal-penali amministrattivi relatati mal-iskemi ta’ pagamenti diretti u miżuri għall-iżvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata”, li jinkludi t-Taqsima 4, li min-naħa tagħha hija intitolata “Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” u li tinkludi l-Artikolu 30, intitolat “Bażi tal-kalkolu”. Dan l-Artikolu 30 jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. 2. L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-[Regolament Nru 1306/2013], dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji. 3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.” |
14 |
Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”: “1. Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall-pagament fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ marbuta mal-annimali jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna jew ta’ dik il-miżura ta’ appoġġ jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jinstabux iżjed minn tliet annimali b’nuqqas ta’ konformità. 2. Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b’nuqqas ta’ konformità, l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:
Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 20 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbiliti skont l-Artikolu 30(3). Jekk dak l-ammont ma jkunx jista’ jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kummissjoni] (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25)], Għal speċijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 30(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu għadd ta’ annimali li jkun differenti mill-livell limitu ta’ tliet annimali li huwa previst fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta jistabbilixxu dak l-għadd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak il-livell limitu, billi fost l-oħrajn iqisu l-unitajiet ta’ bhejjem u/jew l-ammont ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun ingħata. 3. Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-għadd ta’ annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni marbuta mal-annimali u li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali li jkun ġie stabbilit għal dik l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew għal dik il-miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ bħal dik fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talba għall-pagament jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ bħal dik għas-sena tat-talba kkonċernata. [...]” |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014
15 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2333 tal‑14 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 329, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014”), intitolat “Emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u modifiki wara l-kontrolli preliminari”, jipprevedi: “1. Wara d-data finali ta’ tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas, fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas jistgħu jiżdiedu jew jiġu rranġati l-ħbula raba’ individwali jew id-drittijiet individwali għall-pagamenti, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti tal-iskemi ta’ pagament dirett jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati. [...] 3. Meta l-awtorità kompetenti tkun diġà għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas, jew meta hija tkun avżat lill-benefiċjarju li beħsiebha twettaq verifika fuq il-post, jew meta verifika fuq il-post tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, l-emendi skont il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu awtorizzati għall-ħbula raba’ affettwati min-nuqqas ta’ konformità. [...]” |
16 |
L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Rekwiżiti marbutin mal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem u mat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem kif iddefinita fil-punt (15) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014] jew talba għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali kif iddefinita fil-punt (14) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, u b’mod partikulari:
[...]” |
Id‑dritt Ungeriż
17 |
L-Artikolu 4 tal-a termeléshez kötött közvetlen támogatások igénybevételének szabályairól szóló 9/2015. FM rendelet (id-Digriet Nru 9 tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali dwar ir-Regoli ta’ Użu tal-Għajnuniet Diretti Akkoppjati Marbuta mal-Produzzjoni), tat‑13 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 9/2015”), huwa fformulat kif ġej: “[...] 2. It-Teżor tal-Istat għandu jiddeċiedi dwar l-għajnuna skont il-kontrolli previsti fir-[Regolament Delegat Nru 640/2014] u fid-dawl tar-regoli dwar it-tnaqqis u sanzjonijiet oħra previsti f’dan ir-regolament delegat. [...] 4. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, inklużi l-kundizzjonijiet tal-kundizzjonalità, ikkonstatat waqt il-kontrolli, għandhom jiġu applikati, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, il-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 13, 15, 30 sa 32, 34 u 37 sa 41 tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014] fir-rigward tal-għajnuna prevista fil-Kapitolu II [...] [...]” |
18 |
Skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan id-digriet: “Fid-dawl tal-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(2) tad-Digriet Nru 8 tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, tat‑13 ta’ Marzu 2015, dwar il-modalitajiet ta’ użu tal-għajnuna diretta lill-produtturi agrikoli, in-numru minimu ta’ annimali eliġibbli għall-għajnuna huwa annimal wieħed.” |
19 |
L-Artikolu 11(1)(e) tal-imsemmi digriet jipprovdi: “Bidwi għandu dritt għal għajnuna għat-trobbija ta’ baqar li jreddgħu jekk fil-merħla tiegħu ddikjarata għall-għajnuna jżomm iktar minn 50 % tal-għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam, u fil-merħla tiegħu li għaliha tkun intalbet l-għajnuna jkunu welldu mill-inqas 30 % tal-annimali matul is-sena ta’ referenza u li minn dawk l-annimali li għalihom tkun intalbet l-għajnuna, jinżammu l-għoġġiela li twieldu matul il-perijodu ta’ trobbija fl-istess merħla mal-ommijiet tagħhom għal mill-inqas xahar mill-jum tat-twelid tagħhom [...]” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
20 |
Fid‑9 ta’ Mejju 2019, SB ippreżenta, quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-għajnuna agrikola, applikazzjoni għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat marbut mal-produzzjoni għaż-żamma ta’ ħdax-il baqra li jreddgħu. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, din l-awtorità ċaħdet l-applikazzjoni ta’ SB għar-raġuni li, għall-perijodu kopert minn din l-applikazzjoni, tlieta biss mill-ħdax-il baqra koperti minnha kienu welldu, li kien jikkorrispondi għal rata ta’ twellid ta’ 27 %. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ rata ta’ twellid minima ta’ 30 % tal-annimali koperti minn tali applikazzjoni, previst fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015, ma kienx issodisfatt. L-imsemmija awtorità qieset għalhekk li l-għajnuna ma setgħet tingħata għall-ebda wieħed mill-annimali ddikjarati fl-imsemmija applikazzjoni u li l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma kienx applikabbli. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2020, il-Ministru għall-Agrikoltura kkonferma d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020. |
23 |
SB ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2020 quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, li fih sostna li l-Ministru għall-Agrikoltura kien wettaq żball ta’ liġi, minn naħa, billi naqas milli japplika l-konsegwenzi legali, sanzjonijiet u tnaqqis previsti fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) sa (3) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015, u, min-naħa l-oħra, billi ma ħax inkunsiderazzjoni n-numru ta’ annimali ddeterminati, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat, u lanqas in-numru ta’ annimali mhux konformi, iżda ħa inkunsiderazzjoni biss in-numru ta’ annimali ddikjarati, fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament delegat. Issa, skont l-Artikolu 30(3) tal-istess regolament delegat, l-ammont tal-appoġġ għandu jiġi kkalkolat abbażi tan-numru tal-annimali ddeterminati. |
24 |
SB isostni wkoll, quddiem il-qorti tar-rinviju, li r-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma jeżiġix li l-applikant għal għajnuna josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna għall-annimali ddikjarati kollha. Skont SB, dan ir-regolament delegat jipprevedi, fil-każ ta’ nuqqasijiet żgħar, tnaqqis tal-imsemmija għajnuna. SB huwa tal-opinjoni li, f’dan il-każ, għaxra mill-annimali tiegħu kellhom jitqiesu bħala “ddeterminati”, jiġifieri bħala li kienu konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament delegat. Fil-fatt, peress li tlieta minn dawn l-annimali kienu welldu, ir-rata ta’ twellid meħtieġa ta’ 30 % kienet intlaħqet fir-rigward ta’ għaxra mill-baqar tiegħu. |
25 |
Għalhekk, SB isostni li kellu dritt għal għajnuna għal għaxar baqriet, skont l-Artikolu 30(3) u l-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, anki jekk, skont l-Artikolu 31(1) u (3) ta’ dan ir-regolament delegat, l-ammont tal-għajnuna kellu, f’dan il-każ, jitnaqqas billi jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ annimali li ma kinux konformi. |
26 |
Il-Ministru għall-Agrikoltura jsostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 huwa inapplikabbli. Skont dan il-ministru, il-fatt li r-rata tat-twellid ma tosservax dik stabbilita mill-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015 jaffettwa l-annimali ddikjarati kollha li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-ħlas tal-għajnuna. Huwa jsostni wkoll li l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ ċerti annimali, filwaqt li, f’dan il-każ, SB stess ma osservax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna peress li r-rata ta’ twellid minima meħtieġa ma kinitx intlaħqet mill-merħla tiegħu. Fl-aħħar nett, filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, il-Ministru għall-Agrikoltura jindika li d-determinazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-applikazzjonijiet għal appoġġ taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar jekk l-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprekludux il-prassi ta’ Stat Membru li tiċħad, fl-intier tagħha, applikazzjoni għall-ħlas ta’ appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu meta r-rata ta’ twellid meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma tintlaħaqx mill-annimali ddikjarati, anki jekk din ir-rata tintlaħaq minn numru iżgħar ta’ dawn l-annimali. |
28 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, bħalma jagħmel SB, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija riflessa fil-premessi 28 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kienet li l-osservanza parzjali tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ma kellhiex twassal għan-nuqqas ta’ ħlas tal-għajnuna iżda għall-ħlas ta’ għajnuna mnaqqsa. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li mill-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jidher li dan tal-aħħar jistabbilixxi distinzjoni bejn il-kategorija tal-annimali ddikjarati mill-applikant għall-għajnuna u dik tal-annimali ddeterminati, peress li, skont id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, annimal iddeterminat huwa annimal li fir-rigward tiegħu jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna. |
30 |
Minn din id-definizzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, mill-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, li hija ddeterminata skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif ukoll mill-ammont tas-sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ ċerti annimali ddikjarati, li huwa ddeterminat skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ffavorixxa eżami tal-konformità tal-annimali kkunsidrati individwalment. |
31 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-prassi nazzjonali inkwistjoni ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn l-annimali ddikjarati u l-annimali ddeterminati, li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ bbilanċjar u ta’ proporzjonalità u li jissanzjonaw, bħala dissważjoni, in-nuqqasijiet permezz ta’ tnaqqis tal-għajnuna u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju biss, permezz taċ-ċaħda tal-applikazzjoni. |
32 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar liema huwa l-metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġi ddeterminat il-kwozjent li jippermetti li jiġi stabbilit it-tnaqqis tal-għajnuna, konformement mal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. |
33 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, essenzjalment, dwar jekk dan il-kwozjent għandux jiġi mmultiplikat b’100. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
35 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri fid-dawl tal-premessi 28 u 31, tal-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u tal-Artikolu 31(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament delegat, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prassi ta’ Stat Membru li tiċħad, fl-intier tagħha, applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat meta ma tkunx issodisfatta kundizzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri r-rekwiżit li l-annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għoti tal-imsemmi appoġġ jilħqu rata ta’ twellid ta’ 30 %, minflok ma tnaqqas l-ammont tal-appoġġ billi tapplika s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31(1) sa (3) tal-imsemmi regolament delegat. |
36 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ungeriż isostni li l-prassi nazzjonali inkwistjoni tmur kontra l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015, li jipprevedi li rata ta’ twellid minima ta’ 30 % għandha tintlaħaq għall-annimali li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-appoġġ akkoppjat, minħabba li l-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali ma kinitx li jistabbilixxi din ir-rata bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ iżda li din ir-rata tintuża bħala metodu ta’ kalkolu. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-prassi amministrattiva inkwistjoni, it-total tal-annimali ddikjarati għandu jilħaq rata ta’ twellid minima ta’ 30 % għas-sena koperta mill-applikazzjoni. Din ir-rata, li hija prevista fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015, hija kkunsidrata bħala kundizzjoni għall-għoti tal-appoġġ akkoppjat b’tali mod li, jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta mill-annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għal dan l-appoġġ, l-applikazzjoni tiġi miċħuda kollha kemm hi. Għaldaqstant, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li r-rata ta’ twellid minima ta’ 30 % prevista f’dan id-digriet hija kundizzjoni għall-għoti tal-appoġġ akkoppjat li hija marbuta man-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għoti tal-appoġġ. |
39 |
Peress li l-interpretazzjoni difiża mill-qorti tar-rinviju u minn SB tista’ titqies li ddaħħal inkwistjoni l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ akkoppjat li għandhom jiġu ssodisfatti mill-annimali ddikjarati kollha, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat Nru 639/2014, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 52(9) tar-Regolament Nru 1307/2013, jipprevedi, fl-Artikolu 53(1) tiegħu, li huwa intitolat preċiżament “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat konformement mal-qafas stabbilit fir-Regolament Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-regolament delegat. |
40 |
L-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ għoti ta’ appoġġ akkoppjat volontarju jew li jeżaminaw mill-ġdid din id-deċiżjoni huma obbligati, skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 53(6) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, jikkomunikaw id-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni. Konformement mal-punt 3(f) tal-Anness I tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, huma għandhom jispeċifikaw, fil-komunikazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal kull miżura ta’ appoġġ. |
41 |
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, bla ħsara għall-osservanza tal-qafas stabbilit fir-Regolament Nru 1307/2013 u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat Nru 639/2014, setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddefinixxu l-kriterji jew il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha. |
42 |
Issa, jekk Stat Membru, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, jiddefinixxi bħala “kriterju ta’ eliġibbiltà”, fis-sens tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, kriterju li għandu jiġi ssodisfatt mill-annimali ddikjarati kollha, bħalma huwa dak inkwistjoni, u jekk dan il-kriterju ma jkunx issodisfatt, l-ebda annimal iddikjarat ma jkun jista’, bħala prinċipju, jitqies bħala “annimal iddeterminat”, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat. |
43 |
Barra minn hekk, rata ta’ twellid minima ta’ 30 %, li hija intiża, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż, sabiex tinkoraġġixxi lill-bdiewa jżommu b’mod sostenibbli, jew saħansitra jżidu, il-merħla tagħhom tidher xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex. |
44 |
Fir-rigward tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, bla ħsara għall-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat, jekk in-numru ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għal għajnuna jew f’talba għal ħlas ikun ikbar min-numru ta’ annimali ddeterminati wara kontrolli amministrattivi jew kontrolli fuq il-post, l-ammont tal-għajnuna jew tal-appoġġ għandu jiġi kkalkolat abbażi tan-numru tal-annimali ddeterminati. |
45 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fl-ipoteżi li n-numru ta’ annimali ddeterminati jkun inqas min-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni, l-ammont tas-sostenn għandu jiġi kkalkolat abbażi tan-numru ta’ annimali ddeterminati. Għaldaqstant, l-għajnuna mitluba tista’ tingħata għal numru ta’ annimali iżgħar minn dak iddikjarat fl-applikazzjoni għal għajnuna. |
46 |
Madankollu, l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma japplikax meta ma jkun hemm ebda annimal iddeterminat, bħalma huwa l-każ hawnhekk. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat peress li d-determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet taqa’, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, fil-kompetenza tal-Istati Membri. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmi Artikolu 30(3) jiddetermina biss il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ appoġġ akkoppjat. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-titolu ta’ dan l-Artikolu 30, jiġifieri “Bażi tal-kalkolu”. |
47 |
L-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għalhekk ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu li kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ, li tkopri l-annimali kollha ddikjarati fl-applikazzjoni, tiġi applikata għal numru iktar ristrett ta’ dawn l-istess annimali. |
48 |
Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi, fil-punt 16 tagħha, il-kategorija tal-“annimali ddikjarati” bħala dawk li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal għajnuna u, fil-punt 18, il-kategorija tal-annimali ddeterminati. “Annimal iddeterminat” huwa, skont il-punt 18(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna marbuta mal-annimali, annimal li fir-rigward tiegħu jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna u, skont il-punt 18(b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament delegat, fil-kuntest ta’ miżura ta’ appoġġ marbut mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ kontrolli amministrattivi jew fuq il-post. L-imsemmija dispożizzjoni ma timponix, madankollu, obbligu li kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ li għandha tiġi ssodisfatta mill-annimali ddikjarati kollha, bħalma hija r-rata ta’ twellid minima inkwistjoni, tiġi applikata għal numru iktar ristrett ta’ annimali, b’mod li ċerti annimali ddikjarati jiġu ddeterminati. |
49 |
Fir-rigward tal-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 li għalih tirreferi l-ewwel domanda, dan l-artikolu huwa intitolat “Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”, u jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li l-ammont tal-għajnuna għandu jitnaqqas meta tiġi kkonstatata differenza bejn l-annimali ddikjarati u l-annimali ddeterminati skont l-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament delegat f’applikazzjoni għal għajnuna. |
50 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(1) tal-imsemmi regolament delegat jirriżulta li t-tnaqqis previst f’dan l-Artikolu 31 huwa intiż li jiġi applikat biss fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 30(3) tal-istess regolament delegat. Barra minn hekk, kif jikkonferma t-titolu tiegħu, l-imsemmi Artikolu 31 huwa intiż li jirregola s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ applikazzjoni għal għajnuna. B’mod partikolari, l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst f’dan l-artikolu timplika li d-dritt għall-għajnuna jeżisti u għalhekk li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jkunu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 44 u 46 tal-konklużjonijiet tagħha, bħala prinċipju ssodisfatti u, għalhekk, bħall-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, ma hijiex intiża li tirregola l-kundizzjonijiet stess għall-għoti tal-appoġġ. |
51 |
Minn dan isegwi li la l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 u lanqas l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament ma jipprekludu l-prassi amministrattiva inkwistjoni msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza. |
52 |
Il-premessi 28 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li għalihom tirreferi l-ewwel domanda, ma jdaħħlux inkwistjoni din l-interpretazzjoni. |
53 |
Minn naħa, għalkemm mill-premessa 28 ta’ dan ir-regolament delegat jirriżulta li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jwasslu biss għan-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat, l-użu tal-espressjoni “annimal ikkonċernat” fis-singular, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ, li tkopri l-annimali kollha ddikjarati fl-applikazzjoni, għal numru iktar ristrett ta’ dawn l-istess annimali. Din l-espressjoni ġenerika għandha tinftiehem bħala “l-annimal jew l-annimali kkonċernati”, peress li n-numru ta’ annimali kkonċernati jiddependi mill-kriterji ta’ eliġibbiltà u mill-annimali ddikjarati fl-applikazzjonijiet għal appoġġ inkwistjoni. |
54 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm mill-premessa 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li r-rifjut li jingħataw il-miżuri ta’ appoġġ favur l-iżvilupp rurali għandu jiġi applikat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ dissważjoni u ta’ proporzjonalità, l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-appoġġ akkoppjat ma tistax titqies li hija sproporzjonata peress li din ma hijiex sanzjoni iżda hija s-sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti tal-appoġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 58, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet), C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 difiża mill-qorti tar-rinviju u minn SB, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jkollu dritt għal appoġġ għal għaxar baqriet, tista’ titqies, kif enfasizzat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, bħala li tippermetti lill-applikant inaqqas a posteriori n-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għal appoġġ. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Ungerija tapplika, fir-rigward tal-appoġġ marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu, is-sistema bbażata fuq applikazzjonijiet, prevista fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Għaldaqstant, l-applikant għandu jindika, skont il-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru ta’ annimali ddikjarati u, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni eżatt ta’ kull wieħed minnhom. Peress li għandu l-inizjattiva sabiex jippreżenta applikazzjoni, dan l-applikant jista’ jiddikjara fiha dawk l-annimali biss li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, u mhux l-annimali kollha li huwa jżomm. Madankollu, ladarba l-annimali ddikjarati jiġu indikati f’din l-applikazzjoni, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 15(3) u tal-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jipprojbixxu l-modifika tat-talba għall-ħlas, inkluż in-numru ta’ annimali ddikjarat fiha, meta l-awtorità kompetenti tkun diġà informat lill-benefiċjarju dwar in-nuqqasijiet ta’ konformità li jkun hemm f’din it-talba. Skont il-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, nuqqas ta’ konformità jirriżulta minn kull nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. |
57 |
Issa, f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti informat lil SB dwar in-nuqqasijiet ta’ konformità fil‑25 ta’ Ġunju 2020 meta ċaħdet l-applikazzjoni għal appoġġ billi indikat li r-rata ta’ twellid ta’ 30 % ma kinitx intlaħqet. F’każ bħal dan, ma huwiex possibbli, skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li jitnaqqas a posteriori n-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni. |
58 |
Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 difiża mill-qorti tar-rinviju u minn SB tmur kontra l-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1)(c) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. |
59 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri fid-dawl tal-premessi 28 u 31, tal-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u tal-Artikolu 31(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament delegat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-prassi ta’ Stat Membru li tiċħad, fl-intier tagħha, applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat meta ma tkunx issodisfatta kundizzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri r-rekwiżit li l-annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għoti tal-imsemmi appoġġ jilħqu rata ta’ twellid ta’ 30 %, minflok ma tnaqqas l-ammont tal-appoġġ billi tapplika s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31(1) sa (3) tal-imsemmi regolament delegat. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
60 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda peress li dawn id-domandi saru mill-qorti tar-rinviju fil-każ biss li, essenzjalment, l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprekludi l-prassi nazzjonali inkwistjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kumissjoni (UE) 2016/1393 tal‑4 ta’ Mejju 2016, moqri fid-dawl tal-premessi 28 u 31, tal-punti 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u tal-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat 2016/1393, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
ma jipprekludix il-prassi ta’ Stat Membru li tiċħad, fl-intier tagħha, applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat meta ma tkunx issodisfatta kundizzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri r-rekwiżit li l-annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għoti tal-imsemmi appoġġ jilħqu rata ta’ twellid ta’ 30 %, minflok ma tnaqqas l-ammont tal-appoġġ billi tapplika s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31(1) sa (3) tal-imsemmi regolament delegat, kif emendat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.