Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0051

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Jannar 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali u inkompatibbli – Sanzjonijiet finanzjarji – Natura proporzjonata u dissważiva – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Ponderazzjoni tal-voti tal-Istat Membru fil-Parlament Ewropew.
    Kawża C-51/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:36

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali u inkompatibbli – Sanzjonijiet finanzjarji – Natura proporzjonata u dissważiva – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Ponderazzjoni tal-voti tal-Istat Membru fil-Parlament Ewropew”

    Fil-Kawża C‑51/20,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2020,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u B. Stromsky, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-1 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”, EU:C:2017:845), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dik is-sentenza u taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

    tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 26 697.89 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’effett mill-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

    tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3 709.23 bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-jum li fih dan l-Istat Membru jkun temm il-ksur jew, jekk ma jkunx temm il-ksur, sal-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża; u

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Fil-kuntest tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tagħha, ir-Repubblika Ellenika implimentat programm ta’ privatizzazzjoni. Larco General Mining & Metallurgical Company SA (iktar ’il quddiem “Larco”), impriża tal-minjieri u metallurġika Griega, kienet fost il-kumpanniji li kellhom jiġu pprivatizzati. Din il-kumpannija hija speċjalizzata fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar tal-minerali tal-laterit, fl-estrazzjoni tal-linjite u fil-produzzjoni ta’ ferronikil u ta’ prodotti sekondarji. L-attivitajiet tagħha jinkludu l-esplorazzjoni, l-iżvilupp, l-estrazzjoni minn minjieri, it-tidwib u n-negozju tal-prodotti tagħha madwar id-dinja.

    3

    Fix-xahar ta’ Marzu 2012, Hellenic Republic Asset Development Fund, kumpannija maħluqa bil-għan li tamministra l-proċess ta’ privatizzazzjoni, informat lill-Kummissjoni bil-proġett ta’ privatizzazzjoni ta’ Larco.

    4

    Il-Kummissjoni għalhekk wettqet eżami preliminari ta’ dan il-proġett, sabiex tivverifika li ma kienx jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

    5

    Hija bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet Elleniċi. Mit-tweġibiet għal din il-kwestjonarju, li waslu għand il-Kummissjoni fis‑16 ta’ Marzu 2012, jirriżulta espliċitament li Larco kienet diġà bbenefikat minn interventi tal-Istat Grieg. Il-Kummissjoni mbagħad talbet informazzjoni supplimentari permezz ta’ ittri elettroniċi bid-data tat‑18 ta’ April 2012, tal‑24 ta’ April 2012, tal‑5 ta’ Lulju 2012, tat‑22 ta’ Awwissu 2012 u tas‑7 ta’ Diċembru 2012, u permezz ta’ ittri tal‑4 ta’ Mejju 2012 u tal‑14 ta’ Jannar 2013, li għalihom l-awtoritajiet Elleniċi wieġbu fl‑20 ta’ April 2012, fis‑26 ta’ April 2012, fit‑3 ta’ Ottubru 2012, fit‑13 ta’ Novembru 2012, fil‑15 ta’ Novembru 2012, fis‑7 ta’ Diċembru 2012, fl‑24 ta’ Diċembru 2012 u fit‑18 ta’ Jannar 2013. Laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-awtoritajiet Elleniċi nżammu fit‑30 ta’ April 2012 u fil-11 ta’ Settembru 2012 f’Ateni (il-Greċja) u fil‑25 ta’ Jannar 2013 fi Brussell (il-Belġju).

    6

    Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ellenika bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ diversi miżuri, bħalma huma garanziji tal-Istat mogħtija lil Larco għas-snin 2008, 2010 u 2011, żieda fil-kapital matul is-sena 2009, ftehim dwar il-ħlas ta’ dejn iffirmat fl-1998 kif ukoll il-possibbiltà li jiġu ppreżentati ittri ta’ garanzija fl-ammont ta’ EUR 1.5 miljun minflok ma titħallas multa fiskali ta’ EUR 190 miljun.

    7

    Il-Kummissjoni mbagħad stiednet lill-awtoritajiet Elleniċi u lil terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il-miżuri.

    8

    Il-Kummissjoni rċeviet biss l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Elleniċi, fit‑30 ta’ April 2013.

    9

    Fis‑27 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/539/UE dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A. (ĠU 2014, L 254, p. 24), li l-Artikoli 2 sa 5 tad-dispożittiv tagħha jipprovdu li l-miżuri inkwistjoni huma għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, li din l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand Larco u li għandha tiġi pprovduta informazzjoni lill-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-miżuri diġà meħuda jew previsti sabiex ir-Repubblika Ellenika tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni.

    10

    Barra minn hekk, peress li r-Repubblika Ellenika kienet informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tbigħ ċerti assi ta’ Larco permezz ta’ żewġ sejħiet għal offerti distinti, il-Kummissjoni adottat, fl-istess jum, id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37954 (2013/N) relatata ma’ dan il-bejgħ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-bejgħ ta’ ċerti assi ta’ Larco”). F’din l-aħħar deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li, skont l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika, iż-żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti kellhom jitwettqu rispettivament mill-Istat u minn Larco, bħala proprjetarji tal-assi kkonċernati minn kull sejħa għal offerti. B’mod partikolari, l-ewwel sejħa għal offerti kellha tikkonċerna l-fabbrika metallurġika ta’ Larymna (il-Greċja) kif ukoll 40 % tad-drittijiet ta’ sfruttament tal-minerali tal-laterit f’Agios Ioannis (il-Greċja), filwaqt li t-tieni waħda kellha tirrigwarda 73 % tad-drittijiet ta’ estrazzjoni tal-laterit f’Euboea (il-Greċja) u t-totalità tad-drittijiet ta’ estrazzjoni tal-laterit f’Kastoria (il-Greċja). Wara ż-żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti u indipendentement mill-eżitu tagħhom, Larco kellha titqiegħed taħt proċedura ta’ falliment skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-assi rimanenti tagħha kellhom jinbiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni.

    11

    Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni dwar il-bejgħ ta’ ċerti assi ta’ Larco, li, sakemm jiġu osservati sensiela ta’ dispożizzjonijiet u ta’ kundizzjonijiet, l-imsemmi bejgħ, l-ewwel, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, it-tieni, ma kienx jimplika kontinwità ekonomika bejn Larco u l-proprjetarju jew il-proprjetarji tal-assi li kellhom jinbiegħu. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli li kienet tħallset lil Larco ma kinitx ser tikkonċerna l-proprjetarji l-ġodda tal-assi li kellhom jinbiegħu.

    12

    It-terminu ta’ xahrejn mogħti lir-Repubblika Ellenika fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/539 sabiex tipprovdi l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni skada fit‑28 ta’ Mejju 2014, mingħajr ma l-Kummissjoni kienet irċeviet ebda informazzjoni f’dan ir-rigward.

    13

    Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Elleniċi l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2014/539 u talbithom jinformawha, f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol, dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dawn l-awtoritajiet wieġbu, permezz ta’ ittra elettronika tat‑18 ta’ Lulju 2014, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdulha indikazzjonijiet f’dan it-terminu.

    14

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret ukoll lir-Repubblika Ellenika li din tal-aħħar kienet obbligata tosserva t-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2014/539. Madankollu, dan it-terminu skada fit‑28 ta’ Lulju 2014, mingħajr ma l-Kummissjoni kisbet informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    15

    Permezz ta’ ittri tas‑6 ta’ Ottubru 2014 u tat‑18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jipprovdilha din l-informazzjoni u sabiex jorganizza skambju dwar il-modalitajiet ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, l-imsemmi Stat Membru ma weġibx għal dawn l-ittri. Matul laqgħa li nżammet f’Ateni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Elleniċi, dawn tal-aħħar ma ressqu ebda argument ta’ natura li jiġġustifika n-nuqqas ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2014/539.

    16

    Fit‑2 ta’ Settembru 2016, billi qieset li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ikkonfermat ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni 2014/539, il-Kummissjoni ppreżentat, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru li kien intiż li jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma kienx ħa, fit-termini previsti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni jew, fi kwalunkwe każ, ma kienx informa b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni.

    17

    Fid‑9 ta’ Novembru 2017, permezz tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħadet, fit-termini previsti, il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2014/539 u ma kinitx informat lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    18

    Wara l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil‑15 ta’ Novembru 2017 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Elleniċi fejn talbithom jirkupraw l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, ittra li għaliha dawn tal-aħħar ma wieġbux.

    19

    Fit‑13 ta’ Novembru 2018, permezz ta’ ittra indirizzata lill-Ministru għall-Finanzi Grieg, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar l-istat tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni u indikat li hija setgħet tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260 TFUE. Din l-ittra baqgħet ukoll mingħajr tweġiba.

    20

    Fil‑25 ta’ Jannar 2019, billi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2014/539 kienet għadha ma ġietx eżegwita, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika konformement mal-Artikolu 260(2) TFUE, fejn stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn.

    21

    Fid‑29 ta’ Marzu 2019, dan l-Istat Membru wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni filwaqt li qajjem, b’mod partikolari, id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom kif ukoll ir-rieda tiegħu li jikkoopera.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    L-iżviluppi li seħħew matul din il-proċedura

    23

    Fl‑14 ta’ Frar 2020, ir-Repubblika Ellenika adottat il-Liġi Nru 4664/2020. L-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jipprevedi t-tqegħid ta’ Larco taħt skema ta’ amministrazzjoni speċjali, li għandha twassal, permezz ta’ proċedura mħaffa u ssemplifikata, għal-likwidazzjoni ta’ din il-kumpannija (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni speċjali”).

    24

    Wara talba ta’ dan l-Istat Membru fil-kwalità tiegħu ta’ kreditur ta’ Larco, il-Monomeles Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), permezz tad-Deċiżjoni Nru 1407/2020, tat‑28 ta’ Frar 2020, qiegħdet lil din il-kumpannija taħt l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali, li ma wasslitx għall-waqfien tal-funzjonament tal-imsemmija kumpannija. Permezz ta’ din l-istess deċiżjoni, l-imsemmija qorti ħatret amministratur speċjali li kellu jwettaq inventarju tal-attiv u tal-passiv kollu ta’ din l-istess kumpannija u li kien obbligat jirrikorri għal proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti għall-finijiet tat-trasferiment tal-assi ta’ din il-kumpannija.

    25

    Fit‑13 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet Elleniċi, minn naħa, stiednu lil Larco tħallas, f’terminu ta’ tletin jum kalendarji, l-ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, flimkien mal-interessi applikabbli, u, min-naħa l-oħra, informaw lill-Kummissjoni bl-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali applikabbli għal Larco.

    26

    Fis‑26 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), laqgħet l-appell ippreżentat minn Larco mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikors ta’ din il-kumpannija intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/539. Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din kienet ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors li tirrigwarda l-garanzija mogħtija matul is-sena 2008 mill-Istat Grieg lil Larco u dwar self ta’ EUR 30 miljun mogħti minn ATE Bank lil din il-kumpannija (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura”).

    27

    Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Larco ressqet oġġezzjonijiet kontra l-ammont tal-għajnuna li tikkonċerna t-tieni miżura li għandha tiġi rkuprata.

    28

    Fis‑7 ta’ April 2020, l-amministratur speċjali ta’ Larco ħarrek lir-Repubblika Ellenika sabiex tinstab soluzzjoni permezz ta’ arbitraġġ għat-tilwima dwar is-sistema ta’ proprjetà tal-fabbrika ta’ Larymna.

    29

    Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ April 2020, l-awtoritajiet Elleniċi informaw lill-Kummissjoni bl-oġġezzjonijiet ta’ Larco dwar it-tieni miżura, li għalihom din l-istituzzjoni wieġbet permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Mejju 2020.

    30

    Fl‑14 ta’ Mejju 2020, dawn l-awtoritajiet bagħtu lill-awtoritajiet fiskali Elleniċi ittra li permezz tagħha talbu l-irkupru sħiħ tal-għajnuna inkwistjoni mingħand Larco.

    31

    Wara talba għal informazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ellenika pproduċiet dokumenti li jikkonċernaw l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

    32

    Mit-tweġiba għal din it-talba għal informazzjoni jirriżulta, l-ewwel, li, fit‑22 ta’ Marzu 2021, Larco kienet għadha taħt l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali, fid-dawl taż-żmien neċessarju għall-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ dwar is-sistema ta’ proprjetà tal-fabbrika ta’ Larymna u fid-dawl tal-fatt li din l-iskema kellha tintemm fi tmiem perijodu ta’ tnax-il xahar li kien jiddekorri mid-data li fiha ġiet implimentata jew fi tmien perijodu ta’ disa’ xhur li kien jiddekorri minn meta tingħata din id-deċiżjoni.

    33

    It-tieni, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, mogħtija fl‑24 ta’ Settembru 2020 u rrettifikata fit‑8 ta’ Ottubru 2020, it-tribunal tal-arbitraġġ irrikonoxxa d-dritt tal-proprjetà tal-Istat Grieg fuq il-fabbrika metallurġika u l-kumpless tal-minjieri ta’ Larymna. Larco baqgħet il-kerrejja ta’ dawn l-assi tal-Istat Grieg.

    34

    It-tielet, wara din l-istess deċiżjoni, iż-żewġ sejħiet għal offerti msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom ir-Repubblika Ellenika wriet l-intenzjoni tagħha li tbigħ ċerti assi ta’ Larco, ġew aġġornati u l-amministratur speċjali pproċeda għall-preparazzjoni definittiva tal-inventarju tal-attiv u tal-passiv kollu ta’ Larco.

    35

    Ir-raba’, il-proċeduri relatati ma’ dawn is-sejħiet għal offerti nżammu b’mod parallel u kellhom jitlestew sa mhux iktar tard mit‑8 ta’ Lulju 2021.

    Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    L-argumenti tal-partijiet

    36

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li, iktar minn ħames snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/539 u iktar minn sentejn wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, l-awtoritajiet Elleniċi ma rkuprawx l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand Larco.

    37

    Skont il-Kummissjoni, kien biss wara d‑29 ta’ Jannar 2020, id-data li fih ġie ppreżentat ir-rikors ineżami, li l-awtoritajiet Elleniċi adottaw miżuri sabiex tiġi rkuprata din l-għajnuna, u dan bi ksur tar-rekwiżit ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-ewwel nett, il-Liġi Nru 4664/2020 li tipprevedi t-tqegħid ta’ Larco taħt skema ta’ amministrazzjoni speċjali kienet ġiet adottata fl‑14 ta’ Frar 2020. Sussegwentement, it-tqegħid ta’ Larco taħt l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali sar fit‑28 ta’ Frar 2020. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Griegi, fit‑13 ta’ Marzu 2020, stiednu lil Larco tħallas lura, f’terminu ta’ 30 ġurnata, l-ammont li jikkorrispondi għal din l-għajnuna.

    38

    Fir-rigward tal-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali ta’ Larco, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel, li l-Artikolu 21(4) tal-Liġi Nru 4664/2020 jipprovdi li din il-kumpannija tista’ tibbenefika minn sussidju mill-Istat sabiex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tagħha assoċjati mal-applikazzjoni ta’ din l-iskema. Skont il-Kummissjoni, l-għajnuna relatata mal-funzjonament ta’ Larco prevista f’din id-dispożizzjoni u intiża li teħles lil din il-kumpannija mill-ispejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha tikkostitwixxi kategorija ta’ għajnuna partikolarment dannuża għall-kompetizzjoni. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Elleniċi diġà taw lil Larco għajnuna għall-funzjonament fil-kuntest tal-amministrazzjoni speċjali.

    39

    It-tieni, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika kienet obbligata tibda proċedura ta’ insolvenza kontra Larco u tirreġistra fl-iskeda tal-krediti dawk il-krediti relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata fit-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/539. Tali reġistrazzjoni kellha tiġi segwita jew mill-irkupru sħiħ tal-għajnuna inkwistjoni, jew mil-likwidazzjoni tal-benefiċjarju u mill-waqfien definittiv tal-attivitajiet tiegħu.

    40

    Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika ma rreġistratx fl-iskeda tal-krediti dawk il-krediti relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata. Skont l-Artikolu 21(9) tal-Liġi Nru 4664/2020, tali reġistrazzjoni formali tista’ ssir biss wara t-trasferiment tal-assi ta’ Larco lill-ogħla offerent, meta jitwettaq il-bejgħ bl-irkant ta’ dawn l-assi.

    41

    Skont il-Kummissjoni, anki jekk jitqies li l-kreditu tar-Repubblika Ellenika marbut mal-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni ġie rreġistrat formalment fl-iskeda tal-krediti wara t-trasferiment tal-assi ta’ Larco, kif tipprevedi l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali, is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi eżegwita kompletament biss fil-każ li d-dħul mil-likwidazzjoni jkun biżżejjed sabiex jiġi rkuprat l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, huma biss il-likwidazzjoni u l-waqfien definittiv tal-attivitajiet ta’ Larco li jippermettu li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dik is-sentenza.

    42

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu tal-Istat Elleniku li jinforma lill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni ssostni li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma kkomunikawx, fit-termini previsti, elementi li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

    43

    Il-Kummissjoni ssostni li, b’hekk, dawn l-awtoritajiet ma eżegwewx is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    44

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li r-rikors ta’ Larco intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/539 għadu, wara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali huwa irrilevanti għal din il-kawża. Hija ssostni li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE hija indipendenti minn dik mibdija skont l-Artikolu 263 TFUE. Dik l-istituzzjoni tippreċiża li, permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), iżda madankollu ma annullatx id-Deċiżjoni 2014/539, li għadha kompletament eżekuttiva. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika hija obbligata teżegwixxi din id-deċiżjoni fl-intier tagħha.

    45

    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Elleniċi adottaw sensiela ta’ miżuri li jikkostitwixxu progress sostanzjali fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. B’hekk, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ Larco, l-awtoritajiet Elleniċi, fl‑14 ta’ Frar 2020, ipprevedew it-tqegħid ta’ Larco taħt skema ta’ amministrazzjoni speċjali, li kienet ġiet applikata għaliha fit‑28 ta’ Frar 2020 u li kellha tintemm fi tmiem ta’ perijodu ta’ tnax-il xahar li kien jiddekorri mid-data li fiha ġiet applikata jew ta’ perijodu ta’ disa’ xhur li kien jiddekorri mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ dwar it-tilwima li tikkonċerna s-sistema ta’ proprjetà tal-fabbrika ta’ Larymna.

    46

    L-ewwel, ir-Repubblika Ellenika tirrileva li, meta mqabbla mal-proċedura ta’ falliment tad-dritt ordinarju u mal-proċedura speċjali stabbilita mil-Liġi Nru 4307/2014, l-amministrazzjoni speċjali hija proċedura ta’ insolvenza speċifika li fil-kuntest tagħha l-amministratur speċjali jipproċedi malajr għall-bejgħ tal-assi tal-impriża kkonċernata u jorganizza proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-valur tal-assi.

    47

    Huwa minnu li t-tqegħid ta’ Larco taħt skema ta’ amministrazzjoni speċjali ma jwassalx għall-waqfien immedjat tal-attivitajiet tagħha. Iż-żamma f’attività tal-fabbrika ta’ Larymna kienet madankollu kkunsidrata bħala neċessarja, minn naħa, sabiex jiġi mmassimizzat il-prezz tal-assi ta’ Larco u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-produzzjoni ta’ nikil fil-Greċja, li hija partikolarment importanti kemm għall-ekonomija Griega kif ukoll għall-ekonomija Ewropea.

    48

    Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Enerġija Elleniku għandu, fid-dritt nazzjonali, il-possibbiltà li jagħti sussidji mill-Istat intiżi li jitħallsu l-ispejjeż neċessarji għall-implimentazzjoni tal-amministrazzjoni speċjali kif ukoll l-ispejjeż ta’ funzjonament sabiex l-attività tal-impriża tinżamm sat-tmiem ta’ din tal-aħħar. Madankollu, l-ammonti eventwalment imħallsa għal dan il-għan għandhom jitnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ tal-assi u għandhom jitħallsu lura lill-Istat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni krediti oħra rreġistrati fl-iskeda tal-krediti.

    49

    It-tieni, ir-Repubblika Ellenika tirrileva li, fi żmien ħamest ijiem wara t-tmiem tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-amministratur speċjali għandu jistieden lill-kredituri jirreġistraw definittivament il-krediti tagħhom u għandu mbagħad jistabbilixxi l-iskeda bil-klassifikazzjoni definittiva tal-krediti. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-data li fiha ssir ir-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-krediti, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, b’differenza mill-proċedura ta’ falliment tad-dritt ordinarju li fil-kuntest tagħha r-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-krediti sseħħ qabel il-likwidazzjoni tal-impriża, fil-proċedura amministrattiva speċjali, din ir-reġistrazzjoni ssir wara l-bejgħ tal-assi tal-kumpannija kkonċernata. B’deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli, il-krediti tal-Istat li jirrigwardaw l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli jieħdu preċedenza fuq kull privileġġ ġenerali jew speċjali tal-kredituri l-oħra.

    50

    It-tielet, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-waqfien definittiv tal-attivitajiet ta’ Larco ser iseħħ bil-bejgħ tal-assi ta’ din il-kumpannija, b’tali mod li l-assenza ta’ kontinwità ekonomika u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat ser tkun iggarantita. Għalhekk, it-tqegħid ta’ Larco taħt skema ta’ amministrazzjoni speċjali jikkostitwixxi proċedura irriversibbli li għandha twassal għal-likwidazzjoni ta’ din il-kumpannija u għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-każ li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika ma tirnexxix, Larco ser titqiegħed taħt proċedura ta’ falliment u l-assi tagħha ser jiġu llikwidati skont il-proċedura ta’ falliment tad-dritt ordinarju. Jekk, matul il-proċedura ta’ amministrazzjoni speċjali, 75 % tal-assi ta’ din l-impriża ma jkunux inbiegħu, ikollu jiġi kkonstatat li tali proċedura ma rnexxietx.

    51

    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li d-Deċiżjoni 2014/539 tibqa’ kompletament eżekuttiva wara l-għoti tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238). Madankollu, skont dan l-Istat Membru, fl-Avviż tagħha dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta jkun pendenti rikors kontra deċiżjoni ta’ rkupru, l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi żgurata, pereżempju, permezz tal-ħlas, mill-benefiċjarju tal-għajnuna, tal-ammont kollu li għandu jiġi rkuprat f’kont miżmum minn terzi.

    52

    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, permezz tal-ittra tagħha tat‑13 ta’ Marzu 2020, hija informat lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħuda għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Fl‑14 ta’ Mejju 2020, hija ordnat l-irkupru tal-ammont totali ta’ din l-għajnuna.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Larco kontra d-Deċiżjoni 2014/539, li wassal għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), ma jaffettwax in-natura eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, ma jaffettwax din it-tilwima. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-Artikolu 278 TFUE, fl-assenza ta’ deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali, rikors għal annullament ma għandux effett sospensiv. B’hekk, bħala prinċipju, il-preżentata ta’ rikors għal annullament ma tibdilx in-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑63/14, EU:C:2015:458, punt 47).

    54

    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li, fl-Avviż tagħha dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat, il-Kummissjoni tipprevedi li, meta rikors kontra deċiżjoni ta’ rkupru jkun pendenti, l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi żgurata, pereżempju, permezz tal-ħlas, mill-benefiċjarju tal-għajnuna, tal-ammont kollu li għandu jiġi rkuprat f’kont miżmum minn terzi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, dan l-Istat Membru ma ppreżentax elementi li juru tali ħlas.

    55

    B’mod prinċipali, għandu fl-ewwel lok jitfakkar li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa obbligat, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan l-Istat Membru għandu jasal sabiex jirkupra b’mod effettiv is-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti minn din l-għajnuna (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Fil-fatt, l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għandu jsir mingħajr dewmien u konformement mal-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha previsti fis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, inklużi l-miżuri provviżorji, bla ħsara għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Fir-rigward tal-każijiet li fihom l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment u ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern ikollha tiġi rkuprata mingħand impriżi benefiċjarji f’diffikultà jew fi stat ta’ falliment, għandu jitfakkar li tali diffikultajiet ma jaffettwawx l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna. Għalhekk, l-Istat Membru huwa obbligat, skont il-każ, jiskatta l-likwidazzjoni tal-kumpannija, jirreġistra l-kreditu tiegħu fil-passiv tagħha jew jieħu kwalunkwe miżura oħra li tippermetti r-rimbors tal-għajnuna (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑363/16, EU:C:2018:12, punt 36).

    58

    B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn din l-għajnuna jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi fl-iskeda tal-krediti jiġu rreġistrati l-krediti marbuta mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑363/16, EU:C:2018:12, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Madankollu, għandu jiġi osservat li tali reġistrazzjoni tippermetti li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ rkupru biss jekk, fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għal-likwidazzjoni tal-impriża, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha, li l-awtoritajiet tal-Istat jistgħu jikkawżaw fil-kapaċità tagħhom ta’ azzjonisti jew ta’ kredituri (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑363/16, EU:C:2018:12, punt 38).

    60

    Minn dan jirriżulta li l-waqfien definittiv tal-attivitajiet tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat huwa meħtieġ biss fil-każ li l-irkupru tal-ammont sħiħ tal-għajnuna jibqa’ impossibbli matul il-proċedura ta’ falliment (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑363/16, EU:C:2018:12, punt 39).

    61

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fir-rigward tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data ta’ riferiment għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    F’dan il-każ, peress li, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, kien fil‑25 ta’ Jannar 2019 li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ittra ta’ intimazzjoni konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ riferiment imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri l‑25 ta’ Marzu 2019.

    63

    Huwa ċar li, f’din id-data, l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux osservaw l-obbligu li jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni.

    64

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 23 sa 25, 45 u 52 ta’ din is-sentenza, kien biss wara d‑29 ta’ Jannar 2020, id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, li l-awtoritajiet Elleniċi adottaw miżuri għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, l-ewwel, il-Liġi Nru 4664/2020 li tistabbilixxi l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali ġiet adottata fl‑14 ta’ Frar 2020, jiġifieri kważi sena wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni u kważi sitt snin wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni inizjali tad-Deċiżjoni 2014/539. It-tieni, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika qiegħdet lil Larco taħt l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali fit‑28 ta’ Frar 2020. It-tielet, l-istedina sabiex tħallas, f’terminu ta’ 30 jum, l-ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna inkwistjoni kienet indirizzata lil Larco fit‑13 ta’ Marzu 2020. Ir-raba, fl-aħħar nett, fl‑14 ta’ Mejju 2020, l-awtoritajiet Elleniċi bagħtu lill-awtoritajiet fiskali Elleniċi ittra li permezz tagħha talbu l-irkupru sħiħ tal-għajnuna inkwistjoni mingħand Larco.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni b’mod validu li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, hija kienet ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex timplimenta l-proċedura għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

    66

    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra tal‑25 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx ippreżentat lill-Kummissjoni l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/539.

    67

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

    Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

    Fuq il-pagamenti ta’ penalità

    L-argumenti tal-partijiet

    68

    Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tinvoka fil-konfront tar-Repubblika Ellenika għadu għaddej fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    69

    Hija tipproponi li l-assenza ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiġi ssanzjonata b’mod partikolari permezz tal-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità, billi tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tagħha SEG(2005) 1658 tat-12 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (ĠU 2007, C 126, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”), fuq il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 70, p. 1) kif ukoll fuq il-Komunikazzjoni tagħha intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2019, C 309, p. 1). Il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-formula msemmija fil-Komunikazzjoni tal-2005, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum għandhom ikunu ugwali għall-ammont bażiku uniformi, ta’ EUR 3116, immultiplikata bil-koeffiċjent ta’ gravità, bil-koeffiċjent ta’ tul u bil-fattur “n”.

    70

    Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li nkisru f’dan il-każ huma ta’ natura fundamentali. Dik l-istituzzjoni tenfasizza l-effett dannuż li l-għajnuna illegali u inkompatibbli, mhux irkuprata, kellha fis-suq li fih Larco teżerċita l-attività tagħha. Fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan is-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-effett dannuż fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna mhux irkuprata jaffettwa l-impriżi mhux biss fil-Greċja, iżda wkoll b’mod iktar ġenerali fl-Unjoni Ewropea.

    71

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk jeżistux ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni, minn naħa, tiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet repetuti tar-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, tqis li ebda ċirkustanza attenwanti ma tista’ tiġi kkonstatata f’dan il-każ. Għaldaqstant, hija tipproponi li jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 7 fuq l-iskala ta’ bejn 1 u 20 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-2005.

    72

    Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li, fid-data li fiha ddeċidiet li tressaq din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri fis‑27 ta’ Novembru 2019, it-tul tal-ksur, li l-punt tat-tluq tiegħu huwa d-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri d‑9 ta’ Novembru 2017, kien ta’ 24 xahar, b’tali mod li għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ tul ta’ 2.4 fuq l-iskala ta’ bejn 1 u 3 li hija wkoll stabbilita f’din il-komunikazzjoni.

    73

    Fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-fattur “n”, il-Kummissjoni tirrileva li, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, mill‑1 ta’ April 2017, peress li s-sistema ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inbidlet, il-fattur “n” ma setax jibqa’ jieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ voti tal-Istat Membru kkonċernat fi ħdan il-Kunsill u li l-prodott domestiku gross (iktar ’il quddiem il-PDG”) tal-Istati Membri kellu jintuża bħala fattur predominanti.

    74

    Issa, skont il-Kummissjoni, il-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinżamm bħala element essenzjali tal-kalkolu tal-fattur “n”, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li jkunu kemm proporzjonati kif ukoll suffiċjentement dissważivi. Fil-fehma tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-PDG biss iżid kunsiderevolment id-differenza bejn l-Istati Membri għal dan il-fattur. Il-Kummissjoni ssostni li l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” ma għandux ikun ibbażat biss fuq il-piż demografiku jew ekonomiku iżda għandu jkun ibbażat ukoll fuq il-fatt li kull Stat Membru għandu valur intrinsiku fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Għalhekk, sabiex jinżamm bilanċ bejn il-kapaċità ta’ ħlas u l-piż istituzzjonali fl-Unjoni ta’ Stat Membru, il-fattur “n” għandu jiġi kkalkolat abbażi, minn naħa, tal-PDG u, min-naħa l-oħra, tan-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew attribwit lill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li dan il-fattur “n” għandu jiġi ffissat bħala 0.51 għar-Repubblika Ellenika.

    75

    B’dan premess, l-użu tal-PDG u tan-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, mingħajr il-possibbiltà ta’ aġġustament, iwassal għal valur ta’ riferiment nettament inferjuri għall-valur li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu antik ta’ kalkolu tal-fattur “n”. Għalhekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku uniformi tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tipproponi li jintuża fattur ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex jiġi ggarantit li l-ammonti tas-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu proporzjonati u suffiċjentement dissważivi.

    76

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn għandhom ikunu ta’ kuljum u mhux ta’ kull sitt xhur. Hija tqis li, f’dan il-każ, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ma għandhomx jonqsu maż-żmien.

    77

    Ir-Repubblika Ellenika toġġezzjona li ma hemmx lok li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji f’din il-kawża minħabba li sar progress sostanzjali bl-adozzjoni stess tal-Liġi Nru 4664/2020 u bit-tqegħid ta’ Larco taħt l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jenfasizza li din l-iskema hija intiża, fl-intier tagħha, li tiżgura malajr il-likwidazzjoni ta’ Larco, jew permezz tal-bejgħ tal-assi tagħha mill-amministratur speċjali b’mod li jinkiseb l-ogħla prezz possibbli, jew, fil-każ li l-bejgħ ta’ 75 % tal-assi ma jsirx f’perijodu ta’ tnax-il xahar, billi Larco tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ falliment irregolata mid-dritt ordinarju.

    78

    Ir-Repubblika Ellenika tqis li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandhom madankollu jiġu imposti pagamenti ta’ penalità, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità mitlub mill-Kummissjoni ma huwiex adattat għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    79

    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, ir-Repubblika Ellenika ssostni, fl-ewwel lok, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-miżuri meħuda f’dan l-istadju u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, f’din il-kawża, l-ammont li għandu jiġi rkuprat, flimkien mal-interessi, ikkalkolati fl‑14 ta’ Mejju 2020, huwa ta’ EUR 160 miljun, filwaqt li fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903), l-ammont li kellu jiġi rkuprat kien ta’ EUR 670 miljun. F’dan il-kuntest, fid-dawl taż-żmien li huwa neċessarju sabiex jinkiseb progress sostanzjali fil-proċedura ta’ likwidazzjoni ta’ Larco, dan l-Istat Membru jitlob li l-pagamenti ta’ penalità jiġu ffissati fuq bażi ta’ sitt xhur.

    80

    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li huwa improbabbli li din l-għajnuna kellha riperkussjonijiet qawwija fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u kienet il-kawża ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    81

    Fit-tielet lok, dan l-Istat Membru jsostni li, fir-rigward tal-allegata repetizzjoni tal-aġir tiegħu li jikkostitwixxi ksur fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903), l-awtoritajiet Elleniċi kienu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkompletaw il-proċedura ta’ rkupru billi pproċedew għal-likwidazzjoni tal-assi tal-kumpannija kkonċernata.

    82

    Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika tqis li ma huwiex xieraq li f’din il-kawża jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ogħla minn 1.

    83

    Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ tul, ir-Repubblika Ellenika tqis li dan ma għandux ikun ta’ iktar minn 1.

    84

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas u, b’mod iktar partikolari, tal-fattur “n”, l-istess bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika tqis li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ dan il-fattur, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-piż ekonomiku, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Hija għalhekk issostni li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew mogħti lil dan l-Istat Membru.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    85

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE huwa li Stat Membru inadempjenti jiġi inkuraġġit jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata nuqqas u, għalhekk, li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u li l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa, għandhom it-tnejn li huma dan l-istess għan (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    Għandu jitfakkar ukoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija ġġustifikata biss, bħala prinċipju, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti jibqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fil-konfront tal-konvenut baqax għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu evalwati l-miżuri li, skont l-Istat konvenut, kienu ġew adottati wara t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 98, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑367/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:611, punt 89).

    89

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-iskema ta’ amministrazzjoni speċjali ta’ Larco ma ntemmitx u li ż-żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti li permezz tagħhom seta’ jitwettaq il-bejgħ tal-assi ta’ Larco kellhom jintemmu fit‑8 ta’ Lulju 2021.

    90

    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx li, fid-data tal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet ħadet il-miżuri kollha meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas.

    91

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fil-konfront tar-Repubblika Ellenika baqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    92

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità hija mezz pekunjarju xieraq sabiex din tal-aħħar tiġi inkuraġġita tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    93

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu deċiżi skont il-grad ta’ persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru li jkun naqas milli jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jbiddel l-aġir tiegħu u jtemm l-aġir li bih huwa akkużat (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    95

    Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jibqa’ għaddej min-naħa tal-Istat Membru minkejja l-fatt li dan l-istess nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien diġà ġie kkonstatat fl-ewwel sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE jew skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità imposti fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tinkuraġġixxi lil dan l-Istat Membru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    97

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandha tiġi enfasizzata n-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    98

    Fil-fatt, ir-regoli li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni 2014/539 u tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma l-espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern, kif ukoll mill-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali mit-Trattati, u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

    99

    L-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni miksura f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża hija riflessa b’mod partikolari fil-fatt li, permezz tar-rimbors tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub minħabba din l-għajnuna u li, b’dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’din il-kawża, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, minkejja l-fatt li r-Repubblika Ellenika ħadet miżuri sabiex tirkupra l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, hija ma rkupratx kompletament din l-għajnuna. B’dan premess, fid-dawl tar-regola, imfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u għandhom ikunu proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja li Larco baqgħet tikri l-fabbrika metallurġika u l-kumpless tal-minjieri ta’ Larymna, wara d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fl‑24 ta’ Settembru 2020 u rrettifikata fit‑8 ta’ Ottubru 2020, it-tribunal tal-arbitraġġ irrikonoxxa d-dritt ta’ proprjetà tal-Istat Grieg fuq dawn l-assi.

    101

    It-tieni, għandha tiġi enfasizzata n-natura sostanzjali tal-ammont tal-għajnuna mhux irkuprata. Fil-fatt, dan l-ammont, flimkien mal-interessi, kien jammonta, fl‑14 ta’ Mejju 2020, għal EUR 160 miljun.

    102

    It-tielet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq li fih Larco teżerċita l-attività tagħha, b’mod partikolari dak tal-ferronikil, huwa suq transkonfinali. Għaldaqstant, l-għajnuna illegali u inkompatibbli mhux irkuprata għandha effett dannuż fis-suq, li ma huwiex limitat għat-territorju tar-Repubblika Ellenika.

    103

    Finalment, għandha tiġi kkonstatata repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ġiet ikkundannata, minn naħa, fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 108(2) TFUE għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ għajnuna, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑354/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:109), tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑263/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:673), tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845), u tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12), kif ukoll, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 228(2) KE, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428).

    104

    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-ksur tar-regoli tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura kunsiderevoli.

    105

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak li fih din tal-aħħar tkun adita mill-Kummissjoni (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li r-Repubblika Ellenika ma rnexxilhiex tistabbilixxi li ntemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li teżegwixxi kompletament is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jitqies li dan in-nuqqas baqa’ għaddej għal iktar minn erba’ snin mid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza, perijodu dan li jikkostitwixxi tul kunsiderevoli.

    107

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp reċenti tal-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif jirriżulta fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 131; tat-12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    108

    Sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tal-Istat Membru kkonċernat, il-piż istituzzjonali tiegħu fl-Unjoni kif espress bin-numru ta’ voti li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet.

    109

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 95 ta’ din is-sentenza, li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxu biss bażi ta’ riferiment utli.

    110

    Fil-fatt, il-varjabbli matematiċi użati mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità huma regoli indikattivi, li jiddefinixxu l-linji ta’ kondotta li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni ssegwi, u għalhekk jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni tagħha, kif ukoll in-natura proporzjonata tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li hija jkollha l-intenzjoni tipproponi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356, punti 8687).

    111

    F’dan il-kuntest, minn naħa, mill-ġurisprudenza sussegwenti għall‑1 ta’ April 2017, id-data li minnha s-sistema antika ta’ voti ponderati li tiddetermina n-numru ta’ voti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill ma baqgħetx applikabbli, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, il-PDG ta’ dan l-Istat Membru bħala fattur predominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 141142).

    112

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet, għandu, l-ewwel, jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 94 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet finanzjarji hija evalwata fid-dawl tan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

    113

    It-tieni, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan li jikkonsisti fl-iffissar tas-sanzjonijiet li jkunu dissważivi biżżejjed ma jeżiġix neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    114

    Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat huwa indipendenti mill-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

    115

    Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi żgurata dissważjoni suffiċjenti u sabiex dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu marbut mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

    116

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PDG tar-Repubblika Ellenika bħala fattur predominanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tar-Repubblika Ellenika kif espress bin-numru ta’ voti li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati.

    117

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5, din l-istituzzjoni ma stabbilixxietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur ta’ dan il-koeffiċjent.

    118

    Fir-rigward tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tqis li din għandha tkun ta’ kuljum.

    119

    Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-operazzjonijiet ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

    120

    F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi ħadu ċerti miżuri li jistgħu jservu ta’ bażi għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, il-konsegwenzi ta’ dawn il-miżuri ma jistgħux jinħassu immedjatament. Għaldaqstant, jidher li l-eżekuzzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2014/539 u, għaldaqstant, tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tinkiseb fi żmien qasir.

    121

    Minn dan isegwi li l-eventwali konstatazzjoni tat-tmiem tal-ksur ma tistax isseħħ ħlief fi tmiem perijodu raġonevoli li jippermetti evalwazzjoni globali tar-riżultati miksuba.

    122

    Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-istat ta’ progress tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perijodu inkwistjoni.

    123

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 4368000 għal kull perijodu ta’ sitt xhur ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    Fuq is-somma f’daqqa

    L-argumenti tal-partijiet

    124

    Il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-ammont tas-somma f’daqqa billi timmultiplika ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li matulu baqa’ għaddej il-ksur.

    125

    Il-Kummissjoni tipproponi li, għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, jiġu applikati l-istess koeffiċjent ta’ gravità u l-istess fattur “n” bħal dawk applikati fil-kuntest tal-pagamenti ta’ penalità. Għall-kuntrarju, hija tiffissa l-ammont bażiku bħala EUR 1039 għal kull jum. B’differenza mill-kalkolu tal-pagament ta’ penalità, ma jiġix applikat koeffiċjent ta’ tul peress li t-tul tal-ksur diġà jittieħed inkunsiderazzjoni bil-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li matulhom baqa’ għaddej in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    126

    Il-Kummissjoni tipproponi għalhekk li l-ammont tas-somma f’daqqa jkun ugwali għall-ammont bażiku, ta’ EUR 1039, immultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità (7) u bil-fattur “n” (0.51), jiġifieri s-somma ta’ EUR 3 709.23, li mbagħad tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u d-data tal-eżekuzzjoni mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, dik tal-għoti ta’ din is-sentenza.

    127

    Ir-Repubblika Ellenika toġġezzjona li s-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni ma hijiex adattata għaċ-ċirkustanzi partikolari u ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    128

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    129

    Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-eventwali ammont ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ tali sanzjoni u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    130

    Fil-kawża preżenti, l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħalma hija l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.

    131

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’tali mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    132

    Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm elementi bħalma huma l-gravità tal-ksur ikkonstatat u l-perijodu li matulu baqa’ għaddej dan il-ksur wara l-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    133

    Il-fatti tal-każ ineżami li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 97 sa 117 tas-sentenza preżenti, li jikkonċernaw il-gravità u t-tul tal-ksur, kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

    134

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Ellenika għandha tħallas jiġi ffissat bħala EUR 5500000.

    135

    Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 5500000.

    Fuq l-ispejjeż

    136

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

     

    2)

    Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 4368000 għal kull perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data tal-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845).

     

    3)

    Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 5500000.

     

    4)

    Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top