EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0093

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Impriża li twettaq kemm attivitajiet ċivili u militari – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru – Artikolu 346(1)(b) TFUE – Sanzjonijiet finanzjarji – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Fattur ‘n’ – Fatturi li huma l-bażi tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas – Prodott domestiku gross – Ippeżar tal-voti tal-Istat Membru fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Regola ta’ votazzjoni ġdida fil-Kunsill.
Kawża C-93/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:315

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C-93/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Pagamenti ta’ penali – Somma f’daqqa”

I. Introduzzjoni

1.

Dan il-każ huwa bbażat fuq rikors tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Repubblika Ellenika abbażi tal-Artikolu 260 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex teżegwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/610/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) implimentati mill-Greċja favur l-impriża Hellenic Shipyards SA ( 2 ), u, billi ma ppreżentatx lill-Kummissjoni, fit-terminu previst, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ dik id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 19 tal-imsemmija deċiżjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 346(1) TFUE jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

[…]

b)

kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.

Fl-1985, Hellenic Shipyards SA (Ellinika Nafpigeia AE, iktar ’il quddiem “EN”), proprjetarja ta’ tarzna (ċivili u militari) Griega li tinsab f’Skaramagkas (il-Greċja), temmet l-operazzjonijiet tagħha u daħlet fi proċess ta’ likwidazzjoni. Fl-1985 ukoll, il-bank tal-Istat Elliniki Trapeza Viomichanikis Anaptixeos AE (iktar ’il quddiem “ETVA”), xtara l-maġġoranza tal-ishma ta’ EN. Fit-18 ta’ Settembru 1995, ġie ffirmat kuntratt ta’ bejgħ ta’ 49 % tal-ishma ta’ EN lill-impjegati tagħha.

4.

Fl-1998, ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li timmodernizza u tkabbar il-flotta ta’ sottomarini tagħha. Għal dan il-għan, din ikkonkludiet ma’ EN kuntratt għall-bini ta’ erba’ sottomarini “HDW klassi 214” (il-kuntratt “Archimedes”) u kuntratt għall-immodernizzar ta’ tliet sottomarini “HDW klassi 209” (il-kuntratt “Neptune II”).

5.

Għall-bini u l-immodernizzar ta’ dawn is-sottomarini, EN ikkonkludiet sottokuntratti ma’ Howaldtswerke-Deutsche Werft GmbH (iktar ’il quddiem “HDW”) u Ferrostaal AG (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien “HDW-Ferrostaal”).

6.

Fl-2001, ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li tipprivatizza lil EN kollha. Meta ntemmet il-proċedura ta’ privatizzazzjoni, HDW-Ferrostaal xtrat l-ishma kollha ta’ EN. Matul l-2005, il-grupp Ġermaniż ThyssenKrupp AG xtara lil HDW kif ukoll l-ishma kollha miżmuma minn Ferrostaal f’EN.

7.

Fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ EN, bejn l-1996 u l-2003, ir-Repubblika Ellenika ħadet ċertu numri ta’ miżuri li kienu jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital, garanziji, kontrogaranziji u self lil EN, li kienu s-suġġett ta’ bosta deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

8.

L-Artikoli 2, 3, 8, 9 u 11 sa 15 tad-Deċiżjoni 2009/610 jistipulaw li dawn il-miżuri huma għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

9.

Skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna speċifikata fiha, għalkemm il-Kummissjoni kienet awtorizzatha, ġiet applikata b’mod abbużiv b’mod li kien meħtieġ li tiġi rkuprata.

10.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, il-garanzija ta’ kumpens mogħtija minn ETVA lil HDW-Ferrostaal li kienet tipprovdi li din tal-aħħar tiġi kkumpensata għal kull għajnuna mill-Istat irkuprata mingħand EN, kienet tikkostitwixxi għajnuna li ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, hija wkoll inkompatibbli mas-suq intern u għalhekk kellha titwaqqaf minnufih.

11.

Billi kkonstatat li l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata kienu bbenefikaw minnha biss l-attivitajiet ċivili ta’ EN, il-Kummissjoni ddeċidiet fl-Artikolu 17 ta’ din l-istess deċiżjoni li din l-għajnuna kellha tiġi rkuprata mill-assi ċivili ta’ din il-kumpannija ( 3 ).

12.

L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2009/610 impona fuq ir-Repubblika Ellenika l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna, kif iddefinit fl-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15 ta’ dik id-deċiżjoni. Skont din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Ellenika kellha tadotta l-miżuri neċessarji biex dik id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika tagħha, jiġifieri mit-13 ta’ Awwissu 2008.

13.

Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ EN, ir-Repubblika Ellenika sostniet li l-irkupru sħiħ tal-għajnuna inkwistjoni seta’ jwassal għall-falliment tagħha, u b’hekk jaffettwa l-attivitajiet militari tagħha (jiġifieri l-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II”), b’tali mod li seta’ jaffettwa l-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha skont l-Artikolu 346 TFUE.

14.

Il-Kummissjoni, li ġiet invokata mir-Repubblika Ellenika, irrikonoxxiet li EN ma kellhiex il-fondi meħtieġa biex tħallas lura l-għajnuna ( 4 ) u pproponietilha li tqis id-deċiżjoni tagħha bħala eżegwita jekk EN tbigħ l-assi tal-attivitajiet ċivili tagħha u tuża r-rikavat ta’ dan il-bejgħ biex tirrimborża l-ammont tal-għajnuna lill-Istat Grieg, tirrinunzja għall-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610 kif ukoll għad-drittijiet esklużivi tagħha ta’ użu ta’ art tal-Istat (din kienet konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma) li hija tirrestitwixxi lill-Istat (peress li din l-art ma kinitx meħtieġa għall-attivitajiet militari tagħha) u twaqqaf l-attivitajiet ċivili tagħha għal għaxar snin. Abbażi ta’ dan, fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika u EN waslu għal ftehim fil-prinċipju.

15.

Fl-istess waqt, il-grupp ThyssenKrupp daħal f’negozjati ma’ Abu Dhabi Mar LLC (ADM) ( 5 ) biex jittrasferilu xi ishma ta’ EN. F’Diċembru 2009, ADM ippropona li jixtri 75.1 % ta’ dawn l-ishma għall-prezz ta’ euro, filwaqt li 24.9 % jibqgħu proprjetà tal-grupp ThyssenKrupp. Waħda mill-kundizzjonijiet tax-xiri kienet li r-Repubblika Ellenika ssolvi l-kwistjoni tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat b’soluzzjoni approvata mill-investitur ADM.

16.

F’Marzu 2010, ir-Repubblika Ellenika, ADM, ThyssenKrupp, HDW u EN ikkonkludew Ftehim Qafas (“Framework Agreement”) li l-Artikolu 11 tiegħu kien jirreferi għall-obbligu tar-Repubblika Ellenika li tirkupra l-għajnuna mill-Istat u kien jispeċifika li “f’Lulju 2009 kienet ġiet innegozjata tranżazzjoni tripartitika bejn il-[Kummissjoni], ir-Repubblika Ellenika u EN għat-talbiet ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u [li] l-eżekuzzjoni effettiva tagħha [kienet] pendenti”. Skont dan l-artikolu, “ir-Repubblika Ellenika b’dan [kienet] qed tintrabat li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa immedjatament biex tiżgura l-għeluq formali tal-fajl, it-tranżazzjoni definittiva u l-finalizzazzjoni ta’ din il-proċedura li ADM tikkunsidra bħala prekundizzjoni għax-[xiri tal-ishma]” ( 6 ).

17.

Fis-17 ta’ Settembru 2010, il-partijiet għal dan il-Ftehim Qafas iffirmaw ukoll Ftehim ta’ Implimentazzjoni (“Implementation Agreement”) li kellu jsolvi xi tilwim dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II” u jemendahom biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet il-ġodda tal-flotta militari. Dan il-ftehim kien jipprovdi li l-likwidazzjoni ta’ EN jew ta’ kwalunkwe proċedura ta’ falliment oħra tippermetti lir-Repubblika Ellenika ttemm dawn il-kuntratti. Dan il-ftehim ġie sanzjonat u sar legalment vinkolanti bil-Liġi Nru 3885/2010 ( 7 ).

18.

Fit-22 ta’ Settembru 2010, il-grupp ThyssenKrupp biegħ 75.1 % tal-ishma lil Privinvest, peress li ADM kien irtira mill-akkwist ta’ EN ( 8 ).

19.

Fit-8 ta’ Ottubru 2010, billi l-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni 2009/610, hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 108(2) TFUE kontra r-Repubblika Ellenika bl-għan li jiġi kkonstatat li din ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.

20.

Bejn Ġunju u Ottubru 2010, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika kienu nnegozjaw l-impenji li din tal-aħħar kif ukoll EN kellhom jassumu u jimplimentaw sabiex jeżegwixxu d-Deċiżjoni 2009/610 mingħajr ma jġibu lil EN f’falliment jew jikkompromettu l-eżekuzzjoni tal-programmi “Archimedes” u “Neptune II” għall-flotta militari.

21.

Fil-verżjoni finali ( 9 ), dawn l-impenji kienu li:

EN twaqqaf l-attivitajiet ċivili tagħha għal perijodu ta’ ħmistax-il sena mill-1 ta’ Ottubru 2010;

L-assi marbuta mal-attivitajiet ċivili ( 10 ) ta’ EN jinbiegħu u r-rikavat tal-bejgħ jitħallas lill-awtoritajiet Griegi. Jekk l-irkant ma jwassalx għall-bejgħ ta’ dawn l-assi ċivili kollha jew ta’ parti minnhom, EN tittrasferihom lill-Istat Grieg bħala eżekuzzjoni alternattiva tal-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna. F’dan il-każ, l-Istat Grieg għandu jiżgura li ebda wieħed mill-assi msemmija ma jinxtara mill-ġdid minn EN jew mill-azzjonisti attwali jew futuri tagħha għall-perijodu msemmi ta’ ħmistax-il sena;

EN tirrinunzja għall-konċessjoni tal-baċir imbattal li l-użu tiegħu ma kienx meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet militari tagħha. L-Istat Grieg jiżgura li din il-konċessjoni u l-art koperta minnha ma jerġgħux jinxtraw minn EN jew mill-azzjonisti attwali jew futuri tagħha matul il-perijodu msemmi qabel ta’ ħmistax-il sena;

EN tirrinunzja għall-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610 u ma tibda ebda proċedura bbażata fuqha jew marbuta magħha. Ir-Repubblika Ellenika għandha tinvoka l-invalidità ta’ din il-garanzija quddiem kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew extraġudizzjarja;

Fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni taċċetta l-lista tal-impenji, ir-Repubblika Ellenika tagħtiha l-provi tar-ritorn tal-baċir imbattal mill-ilma lill-Istat Grieg u l-informazzjoni aġġornata dwar il-bejgħ b’irkant tal-assi ċivili. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli, inkluż billi tippreżenta evidenza tal-fatt li EN ma għadhiex twettaq attivitajiet ċivili, tagħrif dwar il-proprjetà u l-użu tal-assi mogħtija lura lill-Istat Grieg kif ukoll dwar l-użu tal-art koperta mill-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma.

22.

Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem “l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010”), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li jekk dawn l-impenji jiġu rrispettati u implimentati b’mod sħiħ fi żmien sitt xhur minn din l-ittra, hija tqis id-Deċiżjoni 2009/610 bħala kompletament eżegwita. Biex tevita kwalunkwe dubju, il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-assi ta’ EN, allokati għall-attivitajiet ċivili tagħha, kellhom jinbiegħu jew jiġu ttrasferiti lill-Istat Grieg fi żmien sitt xhur wara dik l-ittra.

23.

Permezz tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), il-Qorti ddeċidiet li, billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/610 u, billi ma ppreżentatx lill-Kummissjoni Ewropea, fit-terminu previst, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni.

24.

F’dak li jirrigwarda l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mkien ma [kien] jirriżulta fil-kontenut [tagħha] [li] kienet tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2009/610, kif [kienet] qed issostni [r-Repubblika Ellenika]. Fil-fatt, l-ittra [kienet] sempliċiment tirrikonoxxi l-aħħar impenji tal-awtoritajiet Elleniċi u tindika li, jekk jiġu effettivament implimentati, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni 2009/610 [kienet] ġiet eżegwita kompletament” ( 11 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

IV. Il-proċedura prekontenzjuża

25.

Wara l-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika skambjaw diversi ittri dwar il-progress tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli.

26.

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika adottat diversi miżuri leġiżlattivi fir-rigward ta’ EN.

27.

Fir-rigward tal-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma, l-Artikolu 169(2) tal-Liġi Nru 4099/2012 ( 12 ) huwa fformulat kif ġej:

“Osservanza tal-[ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010].

Mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, id-dritt ta’ użu esklużiv, mogħti lil [EN] fl-Artikolu 1(15) tal-Liġi Nru 2302/1995 […] kif ikkompletat bl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 2941/2011, huwa abolit sa fejn jirrigwarda l-parti tal-art tal-Istat ABK 266 b’medda ta’ […] (216 663.985 m2) indikata [fuq il-pjanta topografika ppubblikata fl-Anness I għal din il-Liġi] kif ukoll iż-żona kostali li tinsab quddiem l-art pubblika ABK imsemmija iktar ’il fuq.”

28.

L-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 ( 13 ) introduċa moratorju li jissospendi kwalunkwe forma ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-patrimonju mobbli u immobbli ta’ EN “[minħabba li jew sa fejn ( 14 )] din taffettwa l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sottomarini militari”.

29.

Fl-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 4258/2014 ( 15 ), minħabba l-fatt li EN ma kinitx osservat l-impenji kuntrattwali tagħha fir-rigward tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II”, l-Istat Grieg ta l-proġett ta’ bini u ta’ mmodernizzar tas-sottomarini lill-flotta militari. Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi wkoll li l-flotta militari kienet se twettaq ix-xogħlijiet fuq is-sottomarini fil-faċilitajiet ta’ EN mingħajr kontroparti u tħallas il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema bħala kumpens għax-xogħol tagħhom.

30.

Fis-27 ta’ Novembru 2014, billi qieset li d-Deċiżjoni 2009/610 kienet għadha ma ġietx eżegwita, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Griegi skont l-Artikolu 260(2) TFUE fejn tathom perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ xahrejn.

31.

Permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li sa dik id-data, l-awtoritajiet Griegi ma kienu rkupraw xejn mill-ammont tal-għajnuna inkompatibbli u ma kienu tawha l-ebda informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610, u li la huma u lanqas EN ma kienu osservaw l-impenji tagħhom stabbiliti fl-ittra.

32.

B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx seħħ il-bejgħ tal-assi allokati għall-attivitajiet ċivili u nnotat li EN kienet qed tikkontesta l-lista tal-assi li kellhom jinbiegħu.

33.

F’dak li jirrigwarda l-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-Liġi Nru 4099/2012 kienet tkopri r-restituzzjoni tal-art koperta minnha lill-Istat Grieg, l-awtoritajiet Griegi ma kinux taw lill-Kummissjoni mappa li tiddelimita l-art restitwita lill-Istat Grieg u l-evidenza li ma baqgħetx tintuża minn EN u lanqas ma wrew il-waqfien tal-attivitajiet ċivili, ħlief li semmew deċiżjoni li l-Bord tad-Diretturi tagħha allegatament ħa għal dan il-għan fl-14 ta’ April 2010 waqt il-130 laqgħa tiegħu.

34.

Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Griegi la kienu pprovdew evidenza li l-garanzija ta’ kumpens kienet ġiet abolita u li qatt ma ntużat u lanqas rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610.

35.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Griegi għall-fatt li ma osservawx l-obbligu tagħhom li ma jagħtux għajnuna ġdida lil EN billi taw għajnuna fi flus lill-impjegati ta’ EN wara li din waqfet tħallas il-pagi lill-impjegati tagħha.

36.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni fakkret li, iktar minn sitt snin wara d-Deċiżjoni 2009/610, ir-Repubblika Ellenika kienet għadha ma implimentathiex u għalhekk ma kkonformatx mas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

37.

L-awtoritajiet Griegi wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni bl-ittra tat-23 ta’ Jannar 2015. Minn naħa, fiha huma rreferew għat-tfixkil u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ EN fl-implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Min-naħa l-oħra, huma semmew il-ħtieġa li EN tibqa’ topera għal tmintax sa għoxrin xahar ieħor biex il-flotta militari tkun tista’ tlesti l-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini previsti fil-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II” fil-faċilitajiet ta’ EN.

38.

Fl-4 ta’ Diċembru 2015, l-awtoritajiet Griegi bagħtu lil EN ordni ta’ rkupru li tammonta għal EUR 523352 889.23, li jirrappreżenta 80 % tal-ammont li kellu jiġi rkuprat, inklużi l-interessi sat-30 ta’ Novembru 2015. Matul Marzu 2016, l-awtoritajiet tat-taxxa Griegi adottaw atti ta’ implimentazzjoni tal-ordni ta’ rkupru. Il-qrati Griegi ċaħdu t-talba ta’ EN għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika kkonfermat li r-rikorsi ta’ EN kontra dawn l-atti kienu għadhom pendenti.

39.

Kien biss fit-3 ta’ Frar 2017 li l-awtoritajiet tat-taxxa fetħu proċedura ta’ infurzar kontra l-assi ta’ EN allokati għall-attivitajiet ċivili tagħha li matulha huma ssekwestraw żewġ baċiri li jżommu f’wiċċ l-ilma fil-21 ta’ Marzu 2017. Barra minn hekk, fis-6 ta’ Frar 2017, l-awtoritajiet Griegi ħarġu ordnijiet ta’ sekwestru f’idejn tliet banek li magħhom EN kellha xi kontijiet. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ fondi ma ġie rkuprat ebda ammont.

40.

Fid-29 ta’ Ġunju 2017, l-awtoritajiet Griegi bagħtu ittra lil EN fejn stiednuha tħallas l-20 % li kien fadal mill-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata (inklużi l-interessi sat-30 ta’ Ġunju 2017), jiġifieri EUR 95098 200.99. Peress li dan il-ħlas ma sarx, il-Ministeru tal-Ekonomija inkariga lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jirkupraw dan l-ammont permezz tal-ittra tal-31 ta’ Lulju 2017.

41.

Fit-13 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Griegi bdew proċedura quddiem il-qrati Griegi biex EN tiġi suġġetta għal proċedura ta’ ġestjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Liġi Nru 4307/2014 ( 16 ). Permezz tas-sentenza tagħha Nru 725/2018, tat-8 ta’ Marzu 2018, il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti Reġjonali b’Imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja) laqgħet it-talba tal-awtoritajiet Griegi, qiegħdet lil EN taħt ġestjoni speċjali u ħatret amministratur speċjali.

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42.

Fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 260(1) TFUE. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi ma adottatx miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas penali ta’ EUR 37974 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395) li jibdew jgħoddu mid-data meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-ġurnata meta s-sentenza fil-kawża msemmija tiġi eżegwita;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 3828 għal kull jum, mid-data li fiha ngħatat is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395) sad-data li fiha tingħata s-sentenza f’din il-kawża jew sad-data meta tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija fl-imsemmija kawża, jekk din l-eżekuzzjoni ssir qabel l-imsemmija sentenza, u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

43.

Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad it-talba tal-Kummissjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

VI. Il-proċeduri ta’ arbitraġġ

A.   Il-proċeduri ta’ arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK)

44.

Il-Ftehim Qafas u l-Ftehim ta’ Implimentazzjoni ( 17 ) fihom klawżoli ta’ arbitraġġ li permezz tagħhom kull tilwima li tikkonċernahom għandha tiġi solvuta permezz ta’ arbitraġġ skont ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-KIK. Dawn il-klawżoli jipprovdu li t-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’Ateni (il-Greċja) u jiddeċiedi skont il-liġi Griega.

45.

Permezz tat-talba għall-arbitraġġ tagħha tal-11 ta’ Jannar 2013, EN u l-azzjonisti tagħha ( 18 ) taw bidu għal proċedura ta’ arbitraġġ (il-Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF) kontra r-Repubblika Ellenika għall-ksur ta’ dawn il-ftehimiet, kif ukoll tal-kuntratti ta’ bini u mmodernizzar tas-sottomarini konklużi bħala parti minn dawn il-ftehimiet (nuqqas ta’ ħlas tas-somom dovuti). Fost talbiet oħra, EN u l-azzjonisti tagħha talbu d-danni għall-ksur mir-Repubblika Ellenika tal-impenn tagħha li ssolvi l-kwistjoni tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat b’mod konformi mal-Artikolu 11 tal-Ftehim Qafas. F’dan ir-rigward, EN u l-azzjonisti tagħha jilmentaw dwar il-projbizzjoni imposta mir-Repubblika Ellenika li tieħu ordnijiet għall-flotta militari minn Stati oħrajn u li tikseb mill-ġdid il-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma.

46.

Permezz tat-talba tagħha għall-arbitraġġ tat-23 ta’ April 2014, ir-Repubblika Ellenika tat bidu, abbażi tal-istess klawżola ta’ arbitraġġ, għal proċedura ta’ arbitraġġ (il-Każ KIK Nru 20215/AGF/ZF ( 19 )) kontra EN u l-azzjonisti tagħha għall-ksur tal-Ftehim ta’ Implimentazzjoni u tal-kuntratti għall-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini, u b’mod partikolari tal-obbligu li tikkunsinna s-sottomarini fil-kundizzjonijiet u fiż-żmien stabbiliti. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-Repubblika Ellenika takkuża lil EN li ma kkooperatx magħha fl-implimentazzjoni tal-impenji adottati stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

47.

Fis-27 ta’ Mejju 2014, EN u l-azzjonisti tagħha ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Ministru għad-Difiża Nazzjonali u ta’ deċiżjoni tal-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti Għolja ta’ Ateni, il-Greċja) dwar it-tilwim li jirrigwarda l-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini.

48.

Permezz ta’ ordni provviżorja tal-14 ta’ Ottubru 2014, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK ċaħad it-talba. Dan iddeċieda li l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 japplika għall-kredituri privati u pubbliċi kollha, inklużi r-Repubblika Ellenika u l-istituzzjonijiet tagħha, u jipprojbixxi kwalunkwe infurzar kontra l-assi ta’ EN ( 20 ).

49.

Fit-12 ta’ Mejju 2016, EN u l-azzjonisti tagħha ressqu talba oħra għal miżuri provviżorji quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK intiża biex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ rkupru maħruġa mill-awtoritajiet Griegi fl-4 ta’ Diċembru 2015 ( 21 ). Huma talbu wkoll lit-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK sabiex jipprojbixxi lill-awtoritajiet Griegi milli jibdew proċeduri ta’ falliment kontra EN waqt il-proċedura ta’ arbitraġġ.

50.

Bid-digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK ċaħad din it-talba ta’ EN u tal-azzjonisti tagħha, u ddeċieda li ma setax jinterferixxi fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 ( 22 ). Madankollu, dan iddeċieda li l-irkupru tal-għajnuna jista’ jwassal għall-falliment ta’ EN u għalhekk ipprojbixxa lir-Repubblika Ellenika milli tieħu miżura ta’ nazzjonalizzazzjoni ta’ EN, milli tieħu l-amministrazzjoni ta’ EN fil-kontroll tagħha jew milli tissuġġetta lil EN u lill-assi tagħha għal proċedura ta’ insolvenza, mingħajr ma tinformah minn qabel ( 23 ).

51.

Fl-10 ta’ April 2017, EN u l-azzjonisti tagħha reġgħu ppreżentaw talba għal miżura provviżorja quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK intiża għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji li jipprojbixxu lir-Repubblika Ellenika milli tissuġġetta lil EN għall-proċedura ta’ ġestjoni speċjali stabbilita mill-Artikolu 68 tal-Liġi Nru 4307/2014.

52.

Permezz tad-Deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2017, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK fakkar li s-sentenza tiegħu kienet imminenti. Għaldaqstant iddeċieda li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ġestjoni speċjali kontra EN ikollu l-effett li jċaħħad lill-azzjonisti ta’ EN mill-kontroll tagħhom fuq il-kumpannija u li l-amministratur speċjali, magħżul mill-kredituri, jista’ jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ EN fil-proċedura ta’ arbitraġġ. F’dan il-kuntest, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK ordna lir-Repubblika Ellenika biex toqgħod lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tibdel il-kontroll fuq EN sakemm tingħata s-sentenza finali ( 24 ).

53.

Permezz tas-sentenza definittiva tiegħu, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK iddeċieda, f’dak li jirrigwarda din il-kawża, li EN kienet qablet validament li tiġi mċaħħda mill-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma u li, għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx kisret l-Artikolu 11 tal-Ftehim Qafas f’dan ir-rigward. Dan iddeċieda wkoll li peress li r-Repubblika Ellenika ma awtorizzatx lil EN tieħu ordnijiet għall-bini ta’ bastimenti tal-gwerra minn pajjiżi oħrajn, hija kienet kisret dik id-dispożizzjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn EN u l-azzjonisti tagħha, dan it-tribunal tal-arbitraġġ ma ordnax lir-Repubblika Ellenika biex tħallas id-danni għal dan il-ksur ( 25 ).

54.

Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ippreżentat rikors għal annullament ta’ din is-sentenza quddiem il-qrati Griegi. Din il-proċedura għadha pendenti.

B.   Il-proċedura ta’ arbitraġġ quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti (ICSID)

55.

Bħala investituri f’EN, is-Sur Iskandar u s-Sur Akram Safa, ċittadini Libaniżi u azzjonisti ta’ Privinvest, bdew proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika Ellenika quddiem l-ICSID skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Libanu u r-Repubblika Ellenika għall-inkoraġġiment u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti, konkluż fl-24 ta’ Lulju 1997 (iktar ’il quddiem it-“Trattat bilaterali ta’ investiment bejn il-Greċja u l-Libanu”) ( 26 ).

56.

Is-Sinjuri Safa jqisu li diversi azzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi, fosthom il-projbizzjoni li jittieħdu ordnijiet ta’ bastimenti tal-gwerra barranin, jikkostitwixxu ksur tal-protezzjoni mogħtija lill-investituri Libaniżi fil-Greċja mit-Trattat bilaterali ta’ investiment bejn il-Greċja u l-Libanu.

57.

Din il-proċedura għadha pendenti, minħabba li r-rikorrenti ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-merti fil-31 ta’ Ottubru 2017. Din ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Marzu 2018.

58.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talbiet tas-Sinjuri Safa li jidhru li jirrepetu diversi argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ arbitraġġ tal-KIK, fosthom l-assigurazzjonijiet li r-Repubblika Ellenika allegatament tathom rigward in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna, id-drittijiet tal-użu tal-baċir imbattal mill-ilma u l-projbizzjoni tat-teħid ta’ ordnijiet għall-bini ta’ bastimenti militari ta’ Stati oħrajn.

59.

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex fis-sentenza tagħha tiċċara li, minħabba n-natura fundamentali tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-Repubblika Ellenika hija obbligata li ma tikkonformax ma’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mit-tribunal tal-arbitraġġ tal-ICSID inkwantu jikkundanna lir-Repubblika Ellenika li tħallas id-danni għall-irkupru eventwali tal-għajnuna jew għall-miżuri meħuda għal dan il-għan bħal-likwidazzjoni ta’ EN.

VII. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A.   L-argumenti tal-partijiet

60.

Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligu tagħha li timplimenta s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), peress li ma rkupratx “euro wieħed” mingħand EN skont id-Deċiżjoni 2009/610 u lanqas ma adottat il-miżuri ta’ eżekuzzjoni alternattiva kif speċifikati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

61.

F’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2009/610, il-Kummissjoni tqis li, mhux talli r-Repubblika Ellenika ma eżegwietx din id-deċiżjoni, iżda talli ostakolat kwalunkwe infurzar kontra EN billi stabbilixxiet il-moratorju pprovdut fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 ( 27 ).

62.

F’dak li jirrigwarda l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma osservat ebda wieħed mill-impenji stabbiliti fiha ( 28 ). Hija żiedet li minflok eżegwew is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), l-awtoritajiet Griegi jidhru li taw għajnuna finanzjarja ġdida lil EN fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja lill-impjegati tagħha.

63.

F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tal-Artikolu 346(1) TFUE mir-Repubblika Ellenika waqt il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Griegi qatt ma ddikjaraw li kien assolutament impossibbli li jirkupraw l-għajnuna iżda li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ EN, irkupru kien iwassal għall-falliment u l-likwidazzjoni ta’ EN, li kien ikollhom impatt negattiv fuq l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Greċja peress li kienu jipperikolaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II” għall-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini.

64.

Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-ittra tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2010 kienet tippermetti lill-awtoritajiet Griegi jeżegwixxu d-Deċiżjoni 2009/610 mingħajr ma jipperikolaw l-interessi essenzjali tas-sigurtà tar-Repubblika Ellenika, iżda dawk l-awtoritajiet ma osservawx l-impenji li għalihom tirreferi din l-ittra.

65.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-merti anki attwalment tal-interessi ta’ sigurtà invokati mir-Repubblika Ellenika, peress li l-awtoritajiet Griegi qatt ma spjegaw għalfejn il-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini kellhom neċessarjament iseħħu fil-faċilitajiet ta’ EN u mhux f’dawk ta’ tarzniet oħrajn Griegi, u dan speċjalment wara li l-flotta militari kienet assumiet ir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 4258/2014 tal-proġett tal-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini.

66.

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ħadet il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

67.

Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2009/610, ir-Repubblika Ellenika tirreferi għad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom sabiex tkun tista’ tidentifika l-assi allokati għall-attivitajiet ċivili u teżegwixxi l-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni li jipprovdi li l-għajnuna kellha tiġi rkuprata minn dawn l-assi ta’ EN.

68.

Skont ir-Repubblika Ellenika, l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 ma huwiex miżura li tirrendi iktar diffiċli l-irkupru tal-għajnuna peress li l-moratorju li introduċiet jostakola l-infurzar tad-djun biss sa fejn l-eżekuzzjoni tista’ taffettwa l-attivitajiet militari ta’ EN. Din tinnota li l-adozzjoni tal-ordnijiet ta’ rkupru u l-bidu tal-proċedura għall-infurzar tagħhom juru li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 iktar diffiċli.

69.

Barra minn hekk, l-inizjattivi li ttieħdu għall-irkupru, l-ewwel ta’ 80 % tal-ammont tal-għajnuna u mbagħad tal-20 % li kien fadal, jikkostitwixxu eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

70.

F’dak li jirrigwarda l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ellenika rrapportat dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ EN, li madankollu kienet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-impenji li jinsabu f’dik l-ittra.

71.

F’dan ir-rigward, din issostni li f’dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-assi tagħha allokati għall-attivitajiet ċivili, minn naħa, EN ma kienet adottat ebda miżura għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Griegi ma setgħux ineħħu waħedhom dawn l-assi mingħand EN mingħajr ma joħolqu kumplikazzjonijiet legali serji, speċjalment fil-proċeduri ta’ arbitraġġ.

72.

Rigward il-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li hija kkonformat ruħha għal kollox, permezz tal-Artikolu 169(2) tal-Liġi Nru 4099/2012, mal-obbligu tagħha li tirkupra l-art ikkonċernata. Hija tqis li r-restituzzjoni tal-art inkwistjoni lill-Istat Grieg hija pprovata mill-kopji tar-reġistrazzjoni ta’ din l-operazzjoni fir-reġistru tal-ipoteki li l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni.

73.

Fir-rigward tal-projbizzjoni imposta fuq EN li tissokta bl-attivitajiet ċivili tagħha għal perijodu ta’ ħmistax-il sena mill-1 ta’ Ottubru 2010, ir-Repubblika Ellenika tqis li d-deċiżjoni li ttieħdet għal dan il-għan mill-Bord tad-Diretturi ta’ EN fl-14 ta’ April 2010, waqt il-130 laqgħa tiegħu, hija biżżejjed biex teżegwixxi l-impenn meħud fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Ir-Repubblika Ellenika tinnota wkoll li ma teżisti l-ebda prova li EN issoktat bl-attivitajiet ċivili tagħha matul il-perijodu ta’ projbizzjoni.

74.

F’dak li jirrigwarda l-garanzija msemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, skont l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, EN kellha l-obbligu li ma tiftaħx proċeduri abbażi tal-garanzija ta’ kumpens jew b’konnessjoni magħha. Sa fejn hija kkonċernata, ir-Repubblika Ellenika għandha biss l-obbligu li tinvoka l-invalidità ta’ din il-garanzija quddiem kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew extraġudizzjarja. Sa issa qatt ma ġiet opportunità bħal din.

75.

Finalment, fir-rigward tal-evidenza li l-awtoritajiet Griegi kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni skont l-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2010, ir-Repubblika Ellenika tinnota li EN ma ppubblikatx karti tal-bilanċ wara t-30 ta’ Settembru 2011 minħabba s-sitwazzjoni ekonomika ħażina tagħha u n-nuqqas ta’ attivitajiet ċivili. Ir-Repubblika Ellenika żżid tgħid li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ EN, hija ma tarax kif setgħet iġġiegħel lil EN tagħti lill-Kummissjoni lista tax-xogħlijiet imwettqa fit-tarzna.

76.

Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni min-naħa ta’ EN fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 kif previst fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li fil-prinċipju, EN għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment. Madankollu, fid-dawl tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II” fit-tarzna ta’ EN u minħabba l-fatt li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment ikopri kemm l-assi ċivili kif ukoll militari kollha ta’ EN, ir-Repubblika Ellenika targumenta li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 permezz tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment u, eventwalment, permezz tal-likwidazzjoni ta’ EN tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha protetti mill-Artikolu 346(1) TFUE.

B.   Kunsiderazzjonijiet

77.

Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment li għandha tintuża f’każ ta’ proċedura ta’ “nuqqas doppju” għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija dik tal-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE ( 29 ).

78.

F’dan il-każ, peress li fis-27 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ riferiment għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri s-27 ta’ Jannar 2015.

1. Id-Deċiżjoni 2009/610

79.

Huwa ċar li f’din id-data r-Repubblika Ellenika ma kinitx eżegwiet l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15 tad-Deċiżjoni 2009/610 peress li ma kienet wettqet ebda miżura ta’ rkupru tal-għajnuna. Fil-fatt, ordni ta’ rkupru parzjali li jammonta għal EUR 523352 889.23 li kien jirrappreżenta madwar 80 % tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, ġiet adottata biss fl-4 ta’ Diċembru 2015 ( 30 ), jiġifieri iktar minn għaxar xhur wara d-data ta’ riferiment.

80.

Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 jipprekludix, kif issostni l-Kummissjoni, l-irkupru tal-għajnuna ma hijiex rilevanti, peress li, anki jekk din hija l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn it-termini ambigwi ( 31 ), liġi nazzjonali ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bħal dik f’din il-kawża u, a fortiori, ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

81.

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, li jimponi fuq ir-Repubblika Ellenika l-obbligu li tabolixxi l-garanzija mogħtija minn ETVA lil HDW-Ferrostaal, għandu jiġi enfasizzat li din il-garanzija ngħatat minn ETVA, bank li, mis-sena 2002, ma baqax proprjetà tal-Istat Grieg. F’dan il-kuntest, minkejja li r-Repubblika Ellenika ma tistax iġġiegħel lis-suċċessur fid-dritt ta’ ETVA jirrinunzja għall-garanzija, waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx li se jkun legalment impossibbli għaliha li tabolixxi l-garanzija inkwistjoni b’liġi jew b’miżura leġiżlattiva oħra li jkollha dak l-effett. Madankollu, ma kinitx ittieħdet miżura bħal din fid-data ta’ riferiment. Għaldaqstant ma eżegwitx l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610.

82.

Peress li l-eżekuzzjoni tal-Artikoli 17 sa 19 tad-Deċiżjoni 2009/610 tiddependi mill-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15, huwa ċar li, fid-data ta’ riferiment, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx eżegwiet l-Artikolu 17 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

2. L-invokazzjoni tal-Artikolu 346(1) TFUE mir-Repubblika Ellenika

83.

Ir-Repubblika Ellenika tinvoka l-Artikolu 346(1) TFUE sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 billi ssostni li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment kontra EN sabiex tirkupra l-għajnuna inkompatibbli jippreġudika l-eżekuzzjoni tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II) u għalhekk imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha.

84.

Dan l-argument għandu jiġi miċħud għal tliet raġunijiet.

85.

Fl-ewwel lok, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna inkompatibbli ma timplikax neċessarjament u inevitabbilment il-falliment ta’ kumpannija f’diffikultà bħal EN. Fil-fatt, jeżistu rimedji ġudizzjarji interni li jippermettu lil din l-impriża tiddefendi ruħha fuq livell nazzjonali kontra l-miżuri ta’ rkupru li jistgħu jippermettulha tevita dannu gravi u irreparabbli minħabba l-irkupru tal-għajnuna, bħalma jista’ jirriżulta minn likwidazzjoni ( 32 ). Il-likwidazzjoni fil-fatt hija biss l-aħħar miżura alternattiva għall-irkupru tal-għajnuna.

86.

Min-naħa l-oħra, fid-data ta’ riferiment, ir-Repubblika Ellenika lanqas biss ħarġet l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna meta ordni bħal din ma kinitx tqiegħed lil EN f’falliment ( 33 ) u lanqas ma kienet tfixkel l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha. B’hekk, din lanqas ma kienet ħadet l-iktar miżura essenzjali biex tibda l-irkupru tal-għajnuna.

87.

Barra minn hekk, xejn ma kien iżommha milli titlob lill-qrati Griegi biex iqiegħdu lil EN f’ġestjoni speċjali, ħaġa li diġà setgħet tagħmel fid-data ta’ riferiment (jiġifieri fis-27 ta’ Jannar 2015), iżda li r-Repubblika Ellenika ma għamlitx qabel is-17 ta’ Ottubru 2017, iktar minn sentejn tard.

88.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 346(1) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 34 ) b’mod li “miżuri li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew mal-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern f’dak li jikkonċerna prodotti oħra, jiġifieri dawk li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari” ( 35 ). [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

89.

Madankollu, in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli, mogħtija għall-attivitajiet ċivili ta’ EN, għandu l-effett oppost għal dak meħtieġ minn din id-dispożizzjoni peress li jippermetti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li EN fil-fatt ma twettaqx attivitajiet ċivili ma jimplikax li ma kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

90.

Fit-tielet u l-aħħar lok, anki kieku l-argument tar-Repubblika Ellenika kien fondat, xorta għad irid jiġi kkonstatat li kien hemm qbil komuni bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika u EN dwar l-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 biex tiġi eżegwita d-Deċiżjoni 2009/610 mingħajr ma jiġu kompromessi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tar-Repubblika Ellenika ( 36 ). Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-ittra “[ma] ssostitwiet[x] id-Deċiżjoni 2009/610, [u] ma tagħmilx ħlief tieħu att tal-impenji finali tal-awtoritajiet Elleniċi [kif ukoll li] tindika li, jekk kienu effettivament implementati, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-Deċiżjoni 2009/610 ġiet implimentata b’mod sħiħ” ( 37 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma rrispettatx l-obbligi tagħha.

3. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-impenji deskritti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010

a) L-interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili ta’ EN

91.

Fir-rigward tal-interruzzjoni min-naħa ta’ EN tal-attivitajiet ċivili tagħha għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, għandu qabel kollox jiġi nnotat li, fl-ittra ta’ impenn tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010, EN kienet aċċettat din l-interruzzjoni u kienet indikat li, f’dan ir-rigward, kienet se tipprovdi deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tagħha bħala prova ta’ din l-interruzzjoni ( 38 ).

92.

Madankollu, id-deċiżjoni li ttieħdet fl-14 ta’ April 2010 mill-Bord tad-Diretturi tagħha waqt il-130 laqgħa tiegħu u li fuqha tibbaża ruħha r-Repubblika Ellenika ma tkoprix dan l-impenn peress li din seħħet qabel l-ittra ta’ impenn ta’ EN tas-27 ta’ Ottubru 2010, u ma tinkludi ebda deċiżjoni ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili għal perijodu ta’ ħmistax-il sena. Għall-kuntrarju, din sempliċiment tgħid li “l-attività mhux navali bħalissa hija wieqfa għalkollox”.

93.

Imbagħad, kif jirriżulta mis-sentenza definittiva tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK, permezz tal-ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, Privinvest esprimiet b’mod ċar in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-impenji li ħadet EN fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010 ffirmata mill-bord l-antik, b’mod partikolari mal-projbizzjoni tar-riakkwist tal-assi ċivili u tal-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma ( 39 ). Minħabba dan in-nuqqas ta’ qbil mill-azzjonist maġġoritarju tagħha mal-impenji tagħha, ma huwiex sorprendenti li l-Bord tad-Diretturi ta’ EN qatt ma ħa deċiżjoni formali li jinterrompi l-attivitajiet ċivili.

b) Il-bejgħ tal-assi ċivili jew ir-restituzzjoni tagħhom lill-Istat Grieg

94.

Fir-rigward tal-bejgħ tal-assi relatati mal-attivitajiet ċivili ta’ EN, kien hemm qbil bejn l-awtoritajiet Griegi u EN li, jekk l-irkant ma jwassalx għall-bejgħ ta’ dawn l-assi ċivili kollha jew ta’ parti minnhom, EN tittrasferihom lill-Istat Grieg bħala eżekuzzjoni alternattiva tal-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna.

95.

Għalkemm EN xejn ma kkooperat mal-awtoritajiet Griegi sabiex timplimenta dan l-impenn ( 40 ), xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Grieg ma użax il-mezzi ta’ poter pubbliku li għandu biex jissekwestra u jirkupra dawn l-assi.

96.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika targumenta li ma setgħetx tieħu unilateralment dawn l-assi mingħand EN mingħajr ma toħloq kumplikazzjonijiet legali serji, u b’mod partikolari d-deterjorament tal-pożizzjoni tagħha fil-proċedura ta’ arbitraġġ tal-KIK mibdija kontriha minn EN u l-azzjonisti tagħha ( 41 ).

97.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ tagħhom, EN u l-azzjonisti tagħha kkritikaw l-intenzjoni tagħha li tissokta bl-esproprjazzjoni jew bin-nazzjonalizzazzjoni ta’ EN permezz tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 jew bl-implimentazzjoni tal-impenji li jinsabu fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

98.

Permezz tad-digriet provviżorju tiegħu ( 42 ), it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK kien tabilħaqq ipprojbixxa lir-Repubblika Ellenika milli tieħu miżuri ta’ nazzjonalizzazzjoni, ta’ sekwestru jew ta’ pussess tal-assi ta’ EN mingħajr ma tinformah minn qabel.

99.

Barra minn hekk, akkwist bħal dan tal-assi ċivili ta’ EN seta’ jippreġudika l-pożizzjoni tar-Repubblika Ellenika fil-proċedura ta’ arbitraġġ tal-ICSID imnedija kontriha mis-Sinjuri Safa għall-ksur tal-protezzjoni mogħtija lill-investituri Libaniżi fil-Greċja mit-Trattat bilaterali ta’ investiment bejn il-Greċja u l-Libanu.

100.

Madankollu, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tikkostitwixxi ġustifikazzjoni biex ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex jiġu eżegwiti l-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 sabiex tiġi eżegwita d-Deċiżjoni 2009/610, speċjalment fid-dawl tal-fatt li meta ffirmat l-ittra ta’ impenji tas-27 ta’ Ottubru 2010, EN kienet aċċettat li l-Istat Grieg jakkwista l-assi tagħha allokati għall-attivitajiet ċivili f’każ li ma jkunx possibbli li jinbiegħu bl-irkant.

c) Il-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma

101.

Il-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma ngħatat lil EN permezz tal-Artikolu 1(15) tal-Liġi Nru 2302/1995. Għaldaqstant, din setgħet tiġi abolita biss permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, xi ħaġa li saret permezz tal-Artikolu 169(2) tal-Liġi Nru 4099/2012.

102.

Madankollu, kemm it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK kif ukoll il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti Għolja b’Imħallef uniku ta’ Ateni) ikkonstataw li EN qatt ma rrestitwiet l-art pubblika koperta mill-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma ( 43 ). Fil-fatt, peress li EN u l-azzjonisti tagħha kienu qed jikkontestaw l-impenn li din kienet ħadet fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010 li tirritorna din l-art lill-Istat Grieg, EN qatt ma rritornat din l-art.

103.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra ġustament li l-Artikolu 169(2) tal-Liġi Nru 4099/2012 ma huwiex suffiċjenti fih innifsu biex jimplimenta l-impenn inkwistjoni.

d) Il-garanzija ta’ kumpens

104.

Rigward il-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, għandu jiġi nnotat li, skont l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, EN tirrinunzja għaliha u ma tressaq ebda proċedura fuq il-bażi tagħha jew b’konnessjoni magħha. Mill-proċess ma jirriżultax li din ir-rinunzja seħħet u lanqas li r-Repubblika Ellenika abolixxiet din il-garanzija b’mezzi leġiżlattivi ( 44 ). Għaldaqstant, din ma osservatx dan l-obbligu.

e) Ir-rapporti annwali

105.

Finalment, f’dak li jirrigwarda r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 li l-awtoritajiet Griegi kellhom ifasslu u jibagħtu lill-Kummissjoni, dawn kellhom jinkludu provi li juru li EN ma kienet qed twettaq ebda attività ċivili u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni (proprjetà u użu) tal-assi rkuprati mill-awtoritajiet Griegi.

106.

Anki jekk wieħed jaċċetta li fin-nuqqas ta’ karti tal-bilanċ annwali mħejjija minn EN, kien diffiċli għall-awtoritajiet Griegi li jagħtu prova tal-interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Griegi ma rkuprawx l-assi ta’ EN allokati għall-attivitajiet ċivili tagħha skont l-impenn iddettaljat fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika lanqas ma setgħet tirrispetta l-obbligu li tħejji r-rapporti annwali inkwistjoni rigward il-proprjetà u l-użu tal-assi ċivili rkuprati.

107.

Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma eżegwietx l-impenji tagħha stipulati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Għalhekk hija ċaħħdet lilha nfisha mill-opportunità li teżegwixxi d-Deċiżjoni 2009/610 mingħajr ma tikkomprometti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha. Inkwantu setgħet timplimenta l-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 u ma għamlitx hekk, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 346(1) TFUE, anki jekk tali aġir kien parzjalment jew kompletament iddettat mill-istrateġija ta’ difiża tagħha fil-proċeduri ta’ arbitraġġ bejnha, EN u l-azzjonisti tagħha.

108.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha relatati mal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

VIII. Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

109.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Repubblika Ellenika ma kkonformatx mas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), hija tista’, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(2) TFUE, timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas ta’ penali u/jew ta’ somma f’daqqa.

110.

Fid-dawl tan-natura differenti taż-żewġ sanzjonijiet li qed titlob il-Kummissjoni, hemm lok li tiġi eżaminata separatament il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penali u dik tal-kundanna tagħha għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, kif ukoll, skont il-każ, il-kwistjoni tal-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet.

A.   Fuq il-penali

1. L-argumenti tal-partijiet

111.

Fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE ( 45 ), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika biex tħallas penali ta’ EUR 34974 kuljum.

112.

Skont din il-Komunikazzjoni, l-ammont tal-penali ta’ kuljum huwa kkalkolat billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku fiss ta’ EUR 670 b’koeffiċjent tal-gravità u koeffiċjent tad-dewmien ( 46 ). Sussegwentement, ir-riżultat miksub għandu jiġi mmultiplikat b’fattur “n” li jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll in-numru ta’ voti li dan tal-aħħar għandu fil-Kunsill.

113.

Biex tiddetermina l-koeffiċjent tal-gravità (minn “1 sa 20”), il-Kummissjoni kkunsidrat in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-effett detrimentali li l-għajnuna inkompatibbli u mhux irkuprata kellha fuq is-settur tat-tarzniet, l-ammont kunsiderevoli tal-għajnuna li kellu jiġi rkuprat, il-fatt li r-Repubblika Ellenika, sa llum, għadha ma rkuprat lanqas euro wieħed u r-repetizzjoni tal-imġiba illegali ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fuq din il-bażi, hija stabbilixxiet il-valur tal-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur għal “5”.

114.

Fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni qieset it-48 xahar li għaddew bejn is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C 485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395) u d-data li fiha hija ressqet it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri t-22 ta’ Lulju 2016. Fuq din il-bażi hija ffissat il-valur massimu possibbli tal-koeffiċjent tad-dewmien, jiġifieri l-valur “3”.

115.

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-koeffiċjenti tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur stabbiliti mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx sensiela ta’ elementi li jnaqqsu l-gravità tal-ksur, bħall-fatt li EN ilu ma jkollha attività ċivili mill-2010 u għalhekk ma għadhiex tikkompeti ma’ kumpaniji oħra fis-settur navali. Hija tirreferi wkoll għal diversi diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 fosthom id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK tas-27 ta’ Ġunju 2017 ( 47 ). Finalment, hija tikkontesta l-allegata repetizzjoni tal-imġiba illegali tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dawn ir-raġunijiet, hija tqis li l-koeffiċjenti tal-gravità u tad-dewmien ma jistgħux ikunu ikbar minn “1”.

116.

F’dak li jirrigwarda l-kapaċità li tħallas, il-Kummissjoni tipproponi li jintuża l-fattur speċjali “n” l-iktar reċenti fil-mument meta tingħata s-sentenza. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, dan il-fattur huwa kkalkolat skont il-formula li ġejja ( 48 ):

Image

117.

Fir-rigward tal-Greċja, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni l-iktar reċenti tiffissa dan il-fattur għal 3.17 ( 49 ).

118.

Ir-Repubblika Ellenika tqis li l-fattur speċjali “n” applikat għandu jkun l-iktar reċenti possibbli sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis kunsiderevoli tal-PGD fil-Greċja. Hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istat attwali tal-ekonomija Griega u l-fatt li l-pajjiż għadu suġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku peress li ma jistax jiffinanzja lilu nnifsu b’mod effettiv mis-swieq finanzjarji. Finalment, din tqis li l-fattur speċjali “n” ma ġiex ikkalkolat korrettament peress li mill-1 ta’ April 2017, it-Trattat FUE abbanduna b’mod definittiv is-sistema tal-voti ponderati fil-Kunsill ( 50 ) u ssostitwiha b’sistema ta’ maġġoranza doppja tal-Istati Membri u tal-popolazzjonijiet li tistabbilixxi li kull Stat Membru għandu biss vot wieħed fil-Kunsill. Għalhekk ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li l-Istati Membri li għandhom popolazzjoni u PGD simili għal tagħha tilfu ħafna mill-influwenza tagħhom fil-Kunsill.

2. Kunsiderazzjonijiet

119.

Skont ġurisprudenza stabbilita, “l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, fil-prinċipju, hija biss iġġustifikata jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-ineżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti jissokta sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja” ( 51 ). Barra minn hekk, il-pagamenti ta’ penali għandhom jiġu imposti biss fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza ( 52 ).

120.

F’dan il-każ, inqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C 485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395) dam tal-inqas sal-preżentazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika la eżegwiet id-Deċiżjoni 2009/610, u lanqas l-impenji kollha dettaljati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Għalkemm it-tqegħid f’ġestjoni speċjali ta’ EN ( 53 ) huwa pass neċessarju għall-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni 2009/610, fih innifsu dan ma huwiex suffiċjenti biex jitqies li r-Repubblika Ellenika eżegwiet l-obbligi li kellha taħt din id-deċiżjoni.

121.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ penali hija mezz xieraq biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

122.

Fir-rigward tal-ammont u tal-għamla ta’ din il-penali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penali b’mod li jkunu, minn naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati mal-ksur ikkonstatat, kif ukoll, mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat […]. Il-proposti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-pagamenti ta’ penali ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnfisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja […]. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jissokta min-naħa ta’ Stat Membru minkejja l-fatt li dan l-istess nuqqas ikun diġà ġie kkonstatat f’sentenza inizjali mogħtija abbażi […] tal-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jibqa’ jkollha l-libertà li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penali imposti fl-ammont u fl-għamla li hija tikkunsidra xierqa sabiex tinkoraġġixxi lil dan l-Istat Membru jtemm l-ineżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din is-sentenza inizjali tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 54 ).

123.

Skont din l-istess ġurisprudenza, “[g]ħall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tal-pagamenti ta’ penali, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza mixtieqa sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu” ( 55 ).

124.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom natura fundamentali peress li jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet essenzjali mogħtija lill-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(c) TFUE ( 56 ).

125.

F’dan il-każ, biżżejjed li wieħed jinnota li l-awtoritajiet Griegi sa issa għadhom ma rkuprawx euro wieħed mill-għajnuna inkompatibbli sabiex jikkonformaw mas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395). Għall-kuntrarju, l-ammont li għandu jiġi rkuprat qed jiżdied kontinwament bl-interessi applikabbli u sal-ħin tas-seduta, jeċċedi EUR 670 miljun, jiġifieri iktar minn 2.6 darbiet l-ammont inizjali.

126.

Il-fatt li, skont ir-Repubblika Ellenika, EN ma għadhiex teżerċita attivitajiet ċivili ma għandu l-ebda effett fuq il-gravità tal-ksur, peress li bl-ebda mod ma jnaqqas il-vantaġġ ekonomiku li kisbet, sadanittant, fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli matul il-perijodu li fih din kienet twettaq tali attività.

127.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li meta għażlet koeffiċjent ta’ gravità ta’ “5”, il-Kummissjoni ma qisitx b’mod korrett il-gravità tal-ksur fil-proposta tagħha tal-penali.

128.

Għalkemm, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428), il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet penali ta’ EUR 16000 kuljum, somma li skont il-Kummissjoni tikkorrispondi f’dan il-każ għal koeffiċjent ta’ gravità “3”, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat li “l-ammonti ta’ għajnuna li għalihom [ir-Repubblika Ellenika] ma pproduċietx il-prova ta’ ħlas lura [kienu jikkostitwixxu biss] parti relattivament żgħira meta mqabbla mas-somma totali li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni [tal-Kummissjoni]” ( 57 ).

129.

Madankollu, f’dan il-każ, hemm assenza totali tal-irkupru tal-għajnuna jew ta’ eżekuzzjoni tal-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant jidhirli li koeffiċjent ta’ gravità “5” assolutament ma huwiex xieraq għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ( 58 ).

130.

Fit-tieni lok, rigward it-tul ta’ żmien tal-ksur li għandu jiġi evalwat waqt l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 59 ), ninnota li se jkunu għaddew kważi sitt snin mid-data li fiha ngħatat is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395). Għaldaqstant, it-tul ta’ żmien tal-ksur huwa kunsiderevoli.

131.

Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm mill-iktar fis possibbli ( 60 ).

132.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod konsistenti, sabiex tikkalkola s-sanzjonijiet finanzjarji, li tieħu inkunsiderazzjoni l-PGD tal-Istat Membru kkonċernat u l-għadd ta’ voti li għandu fil-Kunsill ( 61 ).

133.

Rigward il-PGD, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, li l-PGD tagħha naqas ħafna mill-2010 ’l hawn b’riżultat tal-kriżi tad-dejn sovran tagħha, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti ta’ dan il-PGD ( 62 ).

134.

Għal dan il-għan, għandu jitqies il-fatt li l-PGD Grieg naqas b’25.5 % bejn l-2010 u l-2016 ( 63 ).

135.

Fir-rigward tal-kriterju tan-numru ta’ voti li għandha r-Repubblika Ellenika fil-Kunsill, għandu jitqies il-fatt li, kif irrileva dan l-Istat Membru, is-sistema tal-ippeżar tal-voti ma għadhiex teżisti.

136.

Minflok, is-sistema tal-maġġoranza doppja stabbilita mill-Artikolu 16(4) TUE tipprovdi li “il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija daqs mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li tinkludi mill-inqas ħmistax fosthom u li tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta’ l-Unjoni.”

137.

Madankollu, ebda wieħed minn dawn il-kriterji l-ġodda ma jista’ jissostitwixxi b’mod adegwat dak tan-numru ta’ voti fil-mekkaniżmu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

138.

Fil-fatt, fil-każ tal-maġġoranza tal-Istati Membri, kuntrarju għalhekk għas-sistema tal-ippeżar tal-voti, l-Istati Membri kollha huma indaqs peress li kull wieħed minnhom għandu vot wieħed. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formula użata mill-Kummissjoni ( 64 ) ma tistax tibqa’ tapplika.

139.

Rigward il-popolazzjoni, ma huwiex eskluż li ċerti Stati Membri li għandhom popolazzjoni speċifika għandhom kapaċità ta’ ħlas iktar baxxa minn Stati Membri oħrajn li għandhom popolazzjoni inqas numeruża. Dan il-kriterju huwa wkoll irrilevanti għall-kalkolu tal-penali.

140.

Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li l-kriterju tan-numri ta’ voti li għandu l-Istat Membru kkonċernat fil-Kunsill għandu jiġi abbandunat, kif diġà sar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98), peress li n-numru ta’ voti ma għadux iseħħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill u li r-regola l-ġdida tal-Artikolu 16(4) TUE ma tipprovdi l-ebda kriterju sodisfaċenti biex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ( 65 ).

141.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, inkluż b’mod partikolari l-ammont kunsiderevoli ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata u t-tul ta’ żmien tal-ksur, u fid-dawl tal-ħtieġa li r-Repubblika Ellenika tiġi mħeġġa ttemm il-ksur allegat, jidhirli li huwa xieraq li tiġi ffissata penali ta’ sitt xhur minflok penali għal kull jum.

142.

Fil-fatt, ninnota li għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet skadenza ta’ erba’ xhur ( 66 ) u li, għall-implimentazzjoni tal-impenji speċifikati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni kienet tat skadenza ta’ sitt xhur lir-Repubblika Ellenika u lil EN. Dan jidher ovvju peress li l-miżuri li għandhom jittieħdu biex din id-deċiżjoni tiġi eżegwita jew biex jiġu implimentati l-impenji speċifikati f’din l-ittra, bħall-bejgħ tal-assi bi rkant jew miżuri leġiżlattivi biex titneħħa l-konċessjoni tal-baċir imbattal mill-ilma, ma jistgħux jittieħdu minn jum għall-ieħor. Attwalment dan għandu importanza partikolari peress li EN tqiegħdet f’ġestjoni speċjali, proċedura li, skont l-Artikolu 69 tal-Liġi Nru 4307/2014, tista’ ddum sa tnax-il xahar.

143.

F’dak li jirrigwarda l-ammont tal-penali, ninnota li fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405) u li kienet tirrigwarda l-ambjent, il-Qorti tal-Ġustizzja ffissat penali ta’ sitt xhur ta’ EUR 14520000 peress li r-Repubblika Ellenika ma kienet ħadet l-ebda miżura għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑502/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:592), filwaqt li l-Kummissjoni kienet ipproponiet penali ta’ EUR 71 193.60 kuljum (li kienet tikkorrispondi għal penali għal sitt xhur ta’ EUR 12814848).

144.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u b’mod iktar partikolari tal-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, iżda wkoll tat-tnaqqis fil-PGD Grieg f’dawn l-aħħar snin, nipproponi li tiġi ffissata penali ta’ sitt xhur ta’ EUR 9500000, jiġifieri madwar 1.5 % tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ( 67 ).

145.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi penali digressiva biex tieħu inkunsiderazzjoni l-progress li eventwalment ikun għamel l-Istat Membru kkonċernat, inqis li tista’ tiġi stabbilita wkoll penali progressiva f’każ li l-Istat Membru jkompli jonqos milli jikkonforma mal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, il-penali tista’ tiżdied b’EUR 2000000 kull sitt xhur sakemm ir-Repubblika Ellenika tkun ikkonformat għal kollox mas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

146.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, mill-jum li fih se tingħata s-sentenza f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), penali kull sitt xhur ta’ EUR 9500000 li tiżdied b’EUR 2000000 għal kull sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur mill-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

B.   Fuq is-somma f’daqqa

1. L-argumenti tal-partijiet

147.

Fir-rigward tal-ammont ta’ somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeterminaha billi timmultiplika ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur.

148.

Il-Kummissjoni tipproponi li għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, jiġu applikati l-istess koeffiċjent ta’ gravità, jiġifieri “5”, u l-istess fattur “n” li ġew applikati għall-penali. Iżda l-ammont b’rata fissa bażiku għall-kalkolu tas-somma f’daqqa għandu jkun iffissat għal EUR 220 kuljum. B’differenza mill-kalkolu tal-penali, ma jiġix applikat koeffiċjent tat-tul ta’ żmien.

149.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ somma f’daqqa kkalkolata billi l-ammont ta’ EUR 3828 jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li għaddew bejn l-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), u d-data tal-eżekuzzjoni mir-Repubblika Ellenika tal-obbligi tagħha jew, fin-nuqqas, dik li fiha se tingħata s-sentenza f’din il-kawża.

150.

Ir-Repubblika Ellenika ma ressqet l-ebda argument speċifiku dwar is-somma f’daqqa. Sa fejn, għall-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni tuża l-istess kriterji użati għall-kalkolu tal-penali, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, jeħtieġ li jitqiesu l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika rigward il-penali.

2. Kunsiderazzjonijiet

151.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam inkwistjoni, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penali u somma f’daqqa ( 68 ).

152.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-prinċipju tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa essenzjalment ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat għall-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil wara l-għoti tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatat tali nuqqas” ( 69 ).

153.

Barra minn hekk, “[d]in il-kundanna għandha, f’kull każ partikolari, tibqa’ tiddependi fuq l-elementi rilevanti kollha li jikkonċernaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni” ( 70 ).

154.

F’din it-tilwima, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika rrepetiet l-aġir illegali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 71 ). Dan l-element u, b’mod partikolari f’din il-kawża, l-assenza ta’ rkupru ta’ euro wieħed sabiex tikkonforma mas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), jikkostitwixxu indikaturi suffiċjenti li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li teżiġi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ( 72 ).

155.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffissa l-ammont ta’ din is-somma b’mod li tkun adatta għaċ-ċirkustanzi f’dan il-każ u proporzjonata mal-ksur imwettaq ( 73 ). F’dan il-kuntest, hija tikkunsidra l-gravità tal-ksur ikkonstatat, it-tul ta’ żmien tiegħu kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni ( 74 ).

156.

Dan il-proċess jinkludi diversi elementi li jitfgħu dubju dwar l-eżistenza ta’ rieda ġenwina min-naħa tal-awtoritajiet Griegi li jeżegwixxu d-Deċiżjoni 2009/610 jew li jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

157.

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, fl-Artikolu 11 tal-Ftehim Qafas, ir-Repubblika Ellenika kienet wiegħdet, essenzjalment, lil EN u lill-azzjonisti tagħha (antiki u ġodda) li b’mod definittiv kienet se tikseb mingħand il-Kummissjoni li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 isseħħ mingħajr ma EN tkun obbligata tirrimborsa l-ammonti tal-għajnuna, u dan kien f’Marzu 2010, jiġifieri saħansitra qabel ma l-Kummissjoni approvat il-lista tal-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 u qabel ma’ EN aċċettathom formalment.

158.

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma setgħetx validament tagħmel din il-wegħda lil EN u lill-akkwirenti tagħha, anki jekk din kienet meħtieġa minn ADM (u wara minn Privinvest) bħala prekundizzjoni għax-xiri ta’ 75.1 % tal-ishma ta’ EN ( 75 ). Fil-fatt, tali wegħda li tinjora n-natura obbligatorja tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna hija invalida.

159.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi ma kkunsidrawx l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli bħala prijorità u minflok aġixxew b’mod li finalment qed itawwal l-irkupru, billi ħadu miżuri ċertament meħtieġa iżda insuffiċjenti għal dan il-għan u barra minn hekk, bil-mod ħafna. Minħabba dan l-ittardjar, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat tela’ minn EUR 256000000 għal EUR 670000000 bl-interessi moratorji.

160.

Pereżempju, l-awtoritajiet Griegi bagħtu l-ewwel ordni ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli lil EN biss fl-4 ta’ Diċembru 2015 ( 76 ), jiġifieri ħdax-il xahar wara l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni u iktar minn tliet snin wara s-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395). Huma ma talbux il-ġestjoni speċjali ta’ EN qabel it-13 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri kważi sentejn wara l-ħruġ tal-ewwel ordni ta’ rkupru.

161.

Barra minn hekk, anki meta kien jidher li EN u l-azzjonisti tagħha ma kinux se jikkooperaw mal-implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ellenika ma ħadet ebda miżura biex tiftaħ proċedura ta’ falliment jew ta’ ġestjoni speċjali kontra EN sabiex tirkupra l-għajnuna, anki jekk il-qrati Griegi ċaħdu t-talba ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ppreżentata minn EN kontra l-ordnijiet tal-irkupru ( 77 ).

162.

Huwa minnu li, permezz tad-digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK kien ipprojbixxa lir-Repubblika Ellenika milli tiftaħ proċedura ta’ falliment kontra EN mingħajr ma tinformah minn qabel u li, bid-deċiżjoni ts-27 ta’ Ġunju 2017, kien ordna lir-Repubblika Ellenika toqgħod lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tibdel il-kontroll fuq EN sakemm tingħata s-sentenza finali, projbizzjoni li kienet tinkludi l-proċedura ta’ ġestjoni speċjali.

163.

Madankollu, il-liġi applikabbli għat-tilwima bejn EN, l-azzjonisti tagħha u r-Repubblika Ellenika hija l-liġi Griega u l-proċedura ta’ arbitraġġ tal-KIK hija suġġetta għal din il-liġi peress li s-sede tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK kienet stabbilita f’Ateni (il-Greċja). Peress li d-dritt tal-Unjoni huwa parti mid-dritt Grieg ( 78 ), minn naħa, dan it-tribunal ma setax b’mod validu jimpedixxi lir-Repubblika Ellenika milli tiftaħ proċedura ta’ insolvenza kontra EN bħala l-aħħar alternattiva sabiex tirkupra l-għajnuna inkompatibbli u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tiġġustifika l-ineżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 billi tibbaża ruħha fuq id-digrieti ta’ dak it-tribunal.

164.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u b’kont meħud tat-tnaqqis ta’ 25.5 % tal-PGD Grieg bejn l-2010 u l-2016, inqis xieraq li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 13000000, jiġifieri madwar 2 % tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

IX. Kumment finali

165.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet kjarifika lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżekuzzjoni mir-Repubblika Ellenika ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li kellha tingħata fil-proċedura ta’ arbitraġġ tal-ICSID u li kienet ser tikkundannaha tħallas id-danni għall-irkupru eventwali tal-għajnuna jew dwar il-miżuri meħuda għal dan il-għan bħal-likwidazzjoni ta’ EN ( 79 ).

166.

Fis-sentenza li għandha tingħata f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss titratta l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha indirizzata lir-Repubblika Ellenika. Ma tistax tingħata l-istess kwalifika lit-talba għal kjarifika tal-Kummissjoni.

167.

Għaldaqstant, din it-talba tal-Kummissjoni tista’ tiġi ttrattata biss fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu separat intiż biex jiġi stabbilit li meta kkonformat ma’ dik is-sentenza, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat FUE.

168.

Finalment, f’kull każ, attwalment ma hemm ebda sentenza fil-proċedura ta’ arbitraġġ tal-ICSID inkwistjoni.

X. Fuq l-ispejjeż

169.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

XI. Konklużjoni

170.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

1)

Billi ma ħaditx il-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din is-sentenza u l-Artikolu 260(1) TFUE.

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, mill-jum tal-għoti tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża u sad-data meta tiġi eżegwita s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), pagament ta’ penali ta’ EUR 9500000 kull sitt xhur li tiżdied b’EUR 2 miljun kull sitt xhur ta’ wara l-ewwel sitt xhur wara l-għoti tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 13000000.

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2009, L 225, p. 104.

( 3 ) Skont il-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna (minbarra l-interessi) li kellha tiġi rkuprata dak iż-żmien ġie stmat provviżorjament għal madwar EUR 256 miljun.

( 4 ) F’Ottubru 2010, l-ammont totali li kellu jiġi rkuprat, inklużi l-interessi, kien ta’ madwar EUR 539 miljun.

( 5 ) ADM huwa grupp ta’ kumpaniji li jispeċjalizza fil-bini ta’ bastimenti tal-gwerra u jottijiet ta’ divertiment u li 70 % tal-ishma tiegħu jappartjenu lill-grupp Al-Ain ikkontrollat mix-sheikh Hamdan Bin Zayed Al Nahyan u 30 % lill-grupp Privinvest ikkontrollat minn ċittadin Libaniż, is-Sur Safa.

( 6 )

( 7 ) FEK A 171/29.9.2012.

( 8 ) Jidher li r-raġuni li ADM irtira kienet il-fatt li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx tippermetti lil EN tuża l-baċir imbattal mill-ilma u ma setgħetx tiggarantixxi li EN kienet se tirċievi ordnijiet għall-kostruzzjoni ta’ għadd kbir ta’ bastimenti militari Griegi.

( 9 ) EN iffirmat l-ittra ta’ impenn tagħha fis-27 ta’ Ottubru 2010 u r-Repubblika Ellenika ffirmat l-ittra ta’ impenn tagħha fid-29 ta’ Ottubru 2010.

( 10 ) Dawn kienu żewġ baċiri mbattla li jżommu f’wiċċ l-ilma, krejn li jżomm f’wiċċ l-ilma, żewġ laneċ tal-irmonk, sittax-il biċċa art proprjetà ta’ EN u l-baċir imbattal nru 5 bl-art li tmiss miegħu (l-art nru 8) li l-Istat Grieg kien ta b’konċessjoni lil EN.

( 11 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395, punt 38).

( 12 ) FEK A’ 250/20.12.2012.

( 13 ) FEK A’ 36/12.2. 2014.

( 14 ) Id-dispożizzjoni inkwistjoni tuża l-kelma “καθόσον” li jista’ jkollha ż-żewġ tifsiriet.

( 15 ) FEK A’ 94/14.4.2014.

( 16 ) FEK A’ 246/15.11.2014.

( 17 ) Ara l-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Il-grupp ThyssenKrupp ma huwiex parti għal din il-proċedura.

( 19 ) Kawża pendenti.

( 20 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF), digriet provviżorju tal-14 ta’ Ottubru 2014, punti 111 sa 114. Ara wkoll, f’dan is-sens, Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF/AYZ), sentenza definittiva tad-29 ta’ Settembru 2017, punti 619 sa 620.

( 21 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF), digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, punti 75, 76 u 92(1).

( 23 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF), digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, punti 84 sa 86 u 92(2).

( 24 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF/AYZ), deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2017, punti 19 sa 24.

( 25 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF/AYZ), sentenza definittiva tad-29 ta’ Settembru 2017, punti 1427 sa 1634 (taħt “Claim 4: EU State aid”).

( 26 ) Ara Iskandar Safa u Akram Safa vs Ir-Repubblika Ellenika (Kawża ICSID Nru ARB/16/20) irreġistrata mis-Segretarju Ġenerali tal-ICSID fil-5 ta’ Lulju 2016.

( 27 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara l-punti 20 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 32); tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 35); tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 27); u L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 45), kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 49).

( 30 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) It-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014. Ara l-punti 28 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑446/10 P(R), mhux ippubblikata EU:C:2011:829, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑63/14, EU:C:2015:458, punt 54).

( 34 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 35) u tat-28 ta’ Frar 2013, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni (C‑246/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:133, punt 17).

( 35 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni (C‑246/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:133, punt 20).

( 36 ) Ara l-punti 20 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395, punt 38).

( 38 ) Din il-kwistjoni hija differenti minn dik ta’ jekk EN interrompitx de facto l-attivitajiet ċivili tagħha minħabba n-nuqqas ta’ xogħol.

( 39 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Każ KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF/AYZ), sentenza definittiva tad-29 ta’ Settembru 2017, punti 341 sa 348.

( 40 ) Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Il-proċeduri ta’ arbitraġġ mibdija f’din il-kawża juru li t-tribunali tal-arbitraġġ kummerċjali jkollhom jittrattaw kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, anki fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L-impossibbiltà tagħhom, fil-prinċipju, li jirreferu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (li din ikkonfermat dan l-aħħar fil-każ tat-tribunali tal-arbitraġġ stabbiliti minn ftehimiet bejn Stati Membri [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 45 sa 49]) toħloq problema għall-konsistenza fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, speċjalment fl-oqsma l-iktar sensittivi bħal dak tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat.

( 42 ) Ara Hellenic Shipyards et. vs Ir-Repubblika Ellenika (Kawża KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF), digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, punti 79 sa 86 u 92(2).

( 43 ) Ara Hellenic Shipyards et vs Ir-Repubblika Ellenika (Kawża KIK Nru 18675/GZ/MHM/AGF/ZF/AYZ) sentenza definittiva tad-29 ta’ Settembru 2017, punti 373, 374, 422, 424 u 573 sa 578, kif ukoll is-sentenza Nru 725/2018, tat-8 ta’ Marzu 2018, tal-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti Għolja b’Imħallef uniku ta’ Ateni), p. 13.

( 44 ) Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2007, C 126, p. 15), kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur (ĠU 2017, C 431 p. 3). F’din il-kawża il-Kummissjoni użat il-Komunikazzjoni tagħha C(2015) 5511 finali tal-5 ta’ Awwissu 2015.

( 46 ) Il-koeffiċjent ta’ gravità jvarja minn “1 sa 20”. Il-koeffiċjent tad-dewmien huwa ta’ “0.10” għal kull xahar ta’ kemm idum il-ksur.

( 47 ) Ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) PGD n = prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru inkwistjoni, f’miljuni ta’ euro, PGD Lux = PGD tal-Lussemburgu, Voti n = numru ta’ voti li għandu l-Istat Membru inkwistjoni fil-Kunsill skont il-ponderazzjoni stabbilita fl-Artikolu 205 tat-TKE, Voti Lux = numru ta’ voti tal-Lussemburgu.

( 49 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur (ĠU 2017, C 431, p. 3).

( 50 ) Ara l-Artikolu 16(4) TUE u l-Artikolu 3(3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU 2012, C 326, p. 322).

( 51 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 47) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 87), u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 61).

( 52 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 51).

( 53 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punti 9596 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 97); tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 70), kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 92).

( 56 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punti 118 sa 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punti 125 sa 127).

( 57 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 122).

( 58 ) Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444), il-Kummissjoni kienet użat koeffiċjent ta’ gravità ta’ “10”. Hija kkritikat lir-Repubblika Franċiża għal nuqqas ta’ konformità tad-daqs minimu tal-malji tax-xbiek mar-regolamenti tal-Unjoni, kontrolli insuffiċjenti fuq il-bejgħ ta’ ħut li ma kienx laħaq id-daqs minimu, u attitudni permissiva tal-awtoritajiet Franċiżi fl-indirizzar ta’ dan il-ksur. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, f’ċerti kawżi ta’ “nuqqas doppju” rigward għajnuna mill-Istat, hija kienet użat koeffiċjenti ta’ gravità li telgħu sa “7 jew 8”.

( 59 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 100).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 88); tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punt 59); tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 48), kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑109/08, EU:C:2009:346, punt 42).

( 62 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 58) u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101).

( 63 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101). Waqt is-seduta, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Repubblika Ellenika ma taw ċifri iktar reċenti.

( 64 ) Ara l-punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Ikun xieraq li l-Kummissjoni tadatta l-komunikazzjoni tagħha għar-regola l-ġdida ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill.

( 66 ) Ara l-Artikolu 18(5) ta’ din id-deċiżjoni.

( 67 ) Il-proposta tal-Kummissjoni tkun tammonta għal penali ta’ sitt xhur ta’ madwar EUR 6300000.

( 68 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428); tal-1 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑354/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:109); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑263/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:673); tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845), kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12).

( 72 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 74) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punti 115116).

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 75); u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 117); tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 94), kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 119).

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punti 7677 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 75 ) Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk it-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK injora kompletament li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx tippermetti li EN tieħu ordnijiet ta’ bini ta’ bastimenti tal-gwerra għal pajjiżi oħrajn, peress li l-Artikolu 346(1) TFUE jipproteġi biss l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, ordinijiet bħal dawn, speċjalment mingħand pajjiżi terzi, jikkostitwixxu attività ċivili pprojbita mill-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 u abbandunata minn EN fl-ittra ta’ impenn tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010.

( 76 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 41).

( 79 ) Ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top