IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2021
COM(2021) 571 final
2021/0202(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030
{SWD(2021) 552 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew nediet strateġija ġdida għat-tkabbir għall-UE bil-għan li tittrasforma l-Unjoni Ewropea f’soċjetà ġusta u għanja b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. Hija tafferma mill-ġdid l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-miri klimatiċi tagħha u tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Barra minn hekk, hija timmira li tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. Il-ħtieġa u l-valur tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kibru biss fid-dawl tal-effetti serji ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni.
L-indirizzar tat-tibdil fil-klima huwa sfida urġenti. F’konformità mas-sejbiet xjentifiċi tar-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), in-newtralità karbonika fl-emissjonijiet globali tas-CO2 trid tinkiseb qrib l-2050, u n-newtralità għall-gassijiet serra l-oħrajn kollha malajr kemm jista’ jkun aktar tard fis-seklu. Din l-isfida urġenti tirrikjedi li l-UE żżid l-azzjoni tagħha u turi tmexxija globali billi ssir newtrali għall-klima sal-2050. Dan l-objettiv huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”.
Abbażi tal-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u valutazzjoni komprensiva tal-impatt, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2020 dwar It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 (“Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030”) ipproponiet li tiżdied l-ambizzjoni tal-UE u li jitressaq pjan komprensiv biex tiżdied il-mira vinkolanti tal-Unjoni Ewropea għall-2030 lejn tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ mill-anqas 55 %, b’mod responsabbli. It-tkabbir tal-ambizzjoni għall-2030 issa jgħin biex tingħata ċertezza lil dawk li jfasslu l-politika u lill-investituri, sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu fis-snin li ġejjin ma jkunux jorbtu livelli tal-emissjonijiet li jkunu inkonsistenti mal-objettiv tal-UE li tkun newtrali għall-klima sal-2050. Il-mira għall-2030 hija konformi mal-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ferm taħt iż-2 °C u li jiġu segwiti l-isforzi biex din tinżamm għal 1,5 °C.
Il-Kunsill Ewropew approva l-mira vinkolanti l-ġdida tal-UE għall-2030 fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2020. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni “biex tivvaluta kif is-setturi ekonomiċi kollha jistgħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-mira għall-2030 u biex tressaq il-proposti meħtieġa akkumpanjati minn eżami fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima u filwaqt li jiġu rieżaminati l-flessibbiltajiet eżistenti”.
Għal dan il-għan, il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, kif miftiehma mal-koleġiżlaturi, se tagħmel il-mira tan-newtralità klimatika tal-UE legalment vinkolanti, u se żżid l-ambizzjoni għall-2030 billi tistabbilixxi l-mira ta’ tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990.
Sabiex issegwi t-triq proposta fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u twassal dan il-livell ogħla ta’ ambizzjoni għall-2030, il-Kummissjoni rieżaminat il-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija attwalment fis-seħħ li hija mistennija li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biss b’40 % sal-2030 u b’60 % sal-2050. Dan il-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %”, kif imħabbar fil-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030, huwa l-aktar komponent komprensiv fl-isforzi għall-implimentazzjoni tal-mira klimatika ambizzjuża l-ġdida għall-2030, u s-setturi u l-politiki ekonomiċi kollha se jkollhom bżonn jagħtu l-kontribut tagħhom.
Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni trid iżżid il-kontribut ambjentali tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (EU ETS) billi temenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Id-Direttiva EU ETS) b’mod proporzjonat mal-mira ġenerali. Barra minn hekk, huma meħtieġa investimenti bla preċedent għal żmien qasir biex jingħeleb l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-impjiegi, id-dħul u n-negozji, inkluż fis-setturi koperti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (EU ETS).
Biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali bejn il-provvista ta’ kwoti fis-suq u d-domanda għalihom, u biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-EU ETS għal xokkijiet kbar, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Deċiżjoni dwar l-MSR) stabbiliet riżerva tal-istabbiltà tas-suq (l-MSR) fl-2018. L-MSR ilha operattiva mill-2019.
Ir-riżerva tiffunzjona billi tattiva l-aġġustamenti għall-volumi annwali tal-irkant. Sabiex jinżamm grad massimu ta’ prevedibbiltà, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (id-Deċiżjoni dwar l-MSR) stabbiliet regoli ċari għat-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva u għall-ħruġ tagħhom minnha.
Dawn ir-regoli ġew emendati bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva (UE) 2018/410 irdoppjat sal-2023 ir-rata ta’ inkorporazzjoni (il-perċentwal mill-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC) li jitqiegħed fir-riżerva) minn 12 % għal 24 %, u l-ammont minimu li għandu jitqiegħed fir-riżerva minn 100 għal 200 miljun kwota.
Ta’ min jinnota li l-ammont minimu ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva jiddetermina indirettament it-TNAC minimu meħtieġ biex jiġi attivat inkorporazzjoni ta’ kwoti fir-riżerva (jiġifieri l-limitu massimu tar-riżerva). It-TNAC irid ikun mill-inqas 833 miljun sabiex 12 % ta’ dak l-ammont jinvolvi t-tqegħid ta’ mill-inqas 100 miljun kwota fir-riżerva. Dan l-ammont minimu ġie rduppjat flimkien mal-irduppjar tal-perċentwal ta’ inkorporazzjoni sabiex il-limitu massimu tar-riżerva baqa’ l-istess (24 % ta’ 833 huwa 200).
Il-bidliet fl-EU ETS biex tiżdied l-ambizzjoni għall-2030, kif ukoll l-impatt ta’ fatturi esterni bħall-COVID-19 jew miżuri nazzjonali bħall-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, ifissru li r-regoli bażiċi tal-MSR iridu jibqgħu adatti biex ikomplu jindirizzaw l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda matul id-deċennju. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni dwar l-MSR jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li tirrieżamina l-funzjonament tal-MSR fi żmien tliet snin mill-bidu tal-operat tagħha, abbażi ta’ analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju. Ir-rieżami jrid jagħti attenzjoni partikolari lill-parametri numeriċi ewlenin u r-regola ta’ invalidazzjoni tal-MSR, u jrid jeżamina l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi, il-kompetittività industrijali tal-Unjoni u r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
L-analiżi mwettqa fil-Valutazzjoni tal-Impatt, fil-kuntest tar-rieżami, turi li l-MSR jenħtieġ li tiġi adattata għall-kundizzjonijiet il-ġodda tal-politika u tas-suq, u x-xokkijiet. Hija sabet ukoll li l-MSR jenħtieġ li tinkludi l-provvista u d-domanda mill-avjazzjoni. Punt ieħor li jirriżulta mill-analiżi kien li l-inkorporazzjoni huwa suxxettibbli għal effett ta’ limitu, li jenħtieġ li jiġi kkoreġut.
Ir-rieżami ta’ dawn l-elementi jenħtieġ li jitqies flimkien mal-effetti għall-istabbiltà tas-suq taż-żieda tal-ambizzjoni tal-EU ETS. B’riżultat ta’ dan, ir-rieżami qed jitwettaq bħala parti mill-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva EU ETS u d-Deċiżjoni dwar l-MSR biex tissaħħaħ l-EU ETS.
Skont l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni tal-MSR, ir-rata ta’ inkorporazzjoni terġa’ lura għal 12 % wara l-2023. Jekk il-parametri tal-MSR ma jiġux aġġustati kif xieraq u fil-ħin, dan joħloq ir-riskju li jirriżulta f’żieda tas-surplus li potenzjalment tagħmel ħsara. Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-parametri attwali tal-MSR, kif stabbilit skont id-Direttiva (UE) 2018/410 (rata ta’ inkorporazzjoni ta’ 24 % u ammont minimu li għandu jitqiegħed fir-riżerva ta’ 200 miljun kwota), jenħtieġ li tiġi adottata separatament mir-rieżami ġenerali tal-EU ETS bħala parti mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tas-suq.
B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni dwar l-MSR jenħtieġ li tiġi emendata biex isir dan l-aġġustament essenzjali għaż-żamma ta’ EU ETS li tiffunzjona tajjeb u li hija ambizzjuża.
•
Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika
L-MSR hija għodda għall-istabbiltà tas-suq stabbilita mill-EU ETS. B’hekk, il-konsistenza tal-MSR ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni hija żgurata prinċipalment permezz tal-konsistenza tal-EU ETS ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Peress li l-proposta attwali tinvolvi biss bidliet fil-karatteristiċi tad-disinn tal-MSR, din ma taffettwax politiki oħrajn tal-Unjoni direttament.
Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni hija żgurata permezz tal-koerenza tal-valutazzjoni tal-impatt għar-rieżami tal-EU ETS u tal-MSR mal-bqija tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija “lesti għall-mira ta’ 55 %”: b’mod partikolari l-valutazzjonijiet tal-impatti relatati mal-ESR; ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF); l-Istandards tal-Rendiment tal-Emissjonijiet tas-CO2 għall-Karozzi u l-Vannijiet; id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II); id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED); u, fi stadju aktar tard, id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq tkopri l-bidliet fid-domanda minħabba dawn il-politiki komplementari.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Il-Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE. F’konformità mal-Artikoli 191 u 192(1) tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi biex, fost l-oħrajn, jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: il-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Id-dritt tal-UE li taġixxi jirriżulta mill-fatt li l-EU ETS topera bħala sistema għall-Unjoni kollha b’mod armonizzat għalkollox. Id-Direttiva EU ETS hija strument ta’ politika tal-UE eżistenti introdotta fl-2003.
It-tibdil fil-klima huwa problema transfruntiera u kemm l-azzjoni internazzjonali kif ukoll dik tal-UE jistgħu jikkomplementaw u jsaħħu b’mod effettiv l-azzjoni reġjonali, nazzjonali u lokali. Iż-żieda tal-mira għall-2030 għat-tnaqqis tal-gassijiet serra tal-UE se jkollha impatt fuq ħafna setturi fl-ekonomija tal-UE u għalhekk, azzjoni koordinata fil-livell tal-UE hija indispensabbli u għandha ċans ħafna akbar li twassal għat-trasformazzjoni meħtieġa, filwaqt li taġixxi bħala mutur b’saħħtu għal bidla kosteffettiva u għal konverġenza ’l fuq.
Għalhekk, l-objettivi tad-Direttiva EU ETS ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri jekk jaġixxu unilateralment, iżda minflok, għal raġunijiet tal-iskala u l-effetti tad-Direttiva, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’estensjoni, peress li l-MSR hija għodda għall-istabbiltà tas-suq stabbilita mid-Direttiva EU ETS, l-objettiv tagħha lanqas ma jinkiseb b’mod suffiċjenti permezz ta’ azzjoni unilaterali mill-Istati Membri. Dan huwa strument ta’ politika tal-UE eżistenti adottat fl-2015. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TFUE, l-objettivi tal-proposta li temenda dan l-istrument jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ proposta mill-Kummissjoni fil-livell ta’ UE.
•Il-proporzjonalità
Kif stabbilit fit-taqsima 7 tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-implimentazzjoni b’mod kosteffettiv tal-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
•L-għażla tal-istrument
Deċiżjoni hija l-istrument xieraq biex tiġi emendata d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-MSR.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità relatat ma’ dawn il-proposti minħabba l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u, konsegwentement, id-disponibbiltà limitata tad-data.
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-konsultazzjoni ġenerali dwar ir-reviżjoni tal-EU ETS ġabret fehmiet tal-partijiet interessati dwar ir-rieżami tal-MSR.
Il-Kummissjoni l-ewwel stiednet feedback dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, li tiddeskrivi l-kunsiderazzjonijiet inizjali u l-għażliet ta’ politika tar-rieżami. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kienet miftuħa għal feedback mid-29 ta’ Ottubru 2020 sas-26 ta’ Novembru 2020 u rċeviet madwar 250 kontribut. Il-Kummissjoni mbagħad organizzat konsultazzjoni pubblika online bi kwestjonarju. Dan kien miftuħ għal 12-il ġimgħa mit-13 ta’ Novembru 2020 sal-5 ta’ Frar 2021 u rċieva kważi 500 risposta. Il-Kummissjoni tat ukoll struzzjonijiet lill-kuntrattur Vivid Economics biex jorganizza żewġ sessjonijiet ta’ ħidma ta’ esperti dwar ir-rieżami tal-MSR.
L-MSR għandha appoġġ wiesa’ fost il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, ma hemm l-ebda kunsens dwar il-bidliet meħtieġa fil-parametri tagħha, b’mod partikolari l-limiti u r-rata ta’ inkorporazzjoni tagħha. Relattivament, is-soċjetà ċivili esprimiet appoġġ għat-tisħiħ tal-parametri tal-MSR, aktar mis-settur privat. Il-proposta li titkompla b’rata ta’ inkorporazzjoni ta’ 24 % u ammont minimu li għandu jitqiegħed fir-riżerva ta’ 200 miljun kwota lil hinn mill-2023 u sa tmiem il-Fażi IV tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet fl-2030 toħloq bilanċ raġonevoli, li tirrifletti wkoll li, bil-parametri attwali tagħha, l-MSR ħadmet tajjeb fil-passat.
•Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi
Din il-proposta tibni fuq l-evidenza miġbura fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030. Hija tagħmel użu mix-Xenarju ta’ Referenza aġġornat tal-UE, li jinkludi l-impatti tal-COVID-19, u xenarji ta’ politika aġġornati, li jibnu fuq ix-xenarji żviluppati għall-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-korp dejjem akbar ta’ riċerka empirika rieżaminata bejn il-pari dwar l-EU ETS u tagħmel użu minn diversi kuntratti ta’ appoġġ. Fost il-kuntratti ta’ appoġġ, Vivid Economics wettaq studju biex jappoġġa lill-Kummissjoni fir-rieżami tal-MSR. Fil-kuntest tal-istudju, ġew organizzati żewġ sessjonijiet ta’ ħidma ta’ esperti minn Vivid Economics, bil-parteċipazzjoni tal-analisti, l-esperti tas-suq u l-partijiet interessati. Dan l-istudju appoġġa ż-żamma tar-rata ta’ inkorporazzjoni attwali wara l-2023.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, li tibni fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt komprensiva dwar il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030. Hija bbażata fuq xenarji integrati ta’ mmudellar li jirriflettu l-interazzjoni ta’ strumenti ta’ politika differenti fuq l-operaturi ekonomiċi, sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà, il-koerenza u l-effettività fil-kisba tal-ambizzjoni klimatika għall-2030 u l-2050. Sommarju eżekuttiv u l-opinjoni pożittiva tal-bord ta’ skrutinju regolatorju se jsiru disponibbli għall-pubbliku. Fir-rigward ta’ din il-proposta, il-valutazzjoni tal-impatt uriet li, sabiex jinżamm il-funzjonament tajjeb tal-EU ETS, jenħtieġ li r-rata ta’ inkorporazzjoni ma titħalliex terġa’ lura għal 12 % wara l-2023, iżda jenħtieġ li tinżamm 24 %, sakemm ikun jista’ jiġi implimentat ir-rieżami sħiħ.
•L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
Din il-proposta ma timplika l-ebda piż amministrattiv dirett għall-intrapriżi peress li hija implimentata mill-Kummissjoni.
F’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni lejn Regolamentazzjoni Aħjar, il-proposta tħejjiet inklussivament, abbażi ta’ trasparenza sħiħa u impenn kontinwu mal-partijiet interessati, is-smigħ ta’ feedback estern u l-kunsiderazzjoni tal-iskrutinju estern biex jiġi żgurat li l-proposta toħloq il-bilanċ ġust (ara wkoll it-taqsima dwar il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert).
•Id-drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-EU ETS tiġġenera dħul sinifikanti għall-baġits tal-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tad-dħul mill-irkant imur għand l-Istati Membri. Il-proposta taffettwa l-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali l-aktar minħabba din ir-rabta. Iż-żamma tar-rata ta’ inkorporazzjoni attwali tal-MSR se tnaqqas il-volumi tal-irkant tal-Istati Membri. Madankollu, din hija mistennija li tiġi kkumpensata mill-effett fuq il-prezz ta’ surplus imnaqqas ta’ kwoti fis-suq minħabba ż-żieda fl-ambizzjoni tal-EU ETS, u miż-żieda proposta fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EU ETS biex jiġu koperti t-trasport marittimu, u t-trasport bit-triq u l-bini. L-aġġustamenti għall-qafas baġitarju tal-UE se jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett li jmiss dwar ir-Riżorsi Proprji, inkluża proposta biex jiġi emendat il-qafas finanzjarju pluriennali.
L-iżvilupp tal-IT u l-għażliet tal-akkwist se jitwettqu skont il-Komunikazzjoni dwar il-linji gwida dwar il-finanzjament tat-teknoloġija tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà, tal-10 ta’ Settembru 2020.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja u tevalwa l-funzjonament tal-EU ETS, inkluża l-MSR, fir-Rapport annwali tagħha dwar is-Suq tal-Karbonju, kif previst fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva EU ETS. L-inizjattiva tibni fuq il-proċess ibbażat fuq pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u fuq il-qafas sod ta’ trasparenza għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u informazzjoni klimatika oħra li jinsabu fir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni se tuża fost l-oħrajn l-informazzjoni ppreżentata u rrapportata mill-Istati Membri skont ir-Regolament dwar il-Governanza bħala bażi għall-valutazzjoni regolari tagħha tal-progress. Dan jinkludi informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-politiki u l-miżuri, it-tbassir u l-adattament. Il-Kummissjoni se tagħmel użu wkoll minn din l-informazzjoni għar-Rieżamijiet tal-Implimentazzjoni Ambjentali u l-monitoraġġ tal-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali.
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-progress dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva EU ETS hija regolata fl-Artikolu 21 tad-Direttiva EU ETS, li jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali li jagħti attenzjoni partikolari lil kwistjonijiet li jinkludu l-allokazzjoni ta’ kwoti, l-operat tar-Reġistru, l-applikazzjoni ta’ monitoraġġ u rapportar, verifika u akkreditazzjoni u kwistjonijiet relatati mal-konformità.
Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni dwar l-MSR jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment l-MSR wara dan l-ewwel rieżami.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kif inhi bħalissa d-Deċiżjoni dwar l-MSR, ir-rata ta’ inkorporazzjoni ta’ 24 % tal-MSR u l-ammont minimu li għandu jitqiegħed fir-riżerva ta’ 200 miljun kwota se jiskadu fl-2023. Mill-2024, ir-rata ta’ inkorporazzjoni ssir 12 %. Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li rata ta’ inkorporazzjoni ta’ 12 % ma tkunx biżżejjed biex tiżgura li l-objettivi tal-MSR f’termini tat-tnaqqis tas-surplus u l-iżgurar tar-reżiljenza tas-suq xorta jiġu ssodisfati. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiżgura li l-parametri attwali tal-MSR (rata ta’ inkorporazzjoni ta’ 24 % u ammont minimu li għandu jitqiegħed fir-riżerva ta’ 200 miljun kwota) jinżammu wara l-2023 u sa tmiem il-Fażi IV tal-EU ETS fil-31 ta’ Diċembru 2030 biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tas-suq. Ir-rata ta’ inkorporazzjoni fl-MSR terġa’ lura għal 12 % wara l-2030.
2021/0202 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat f’Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) daħal fis-seħħ f’Novembru 2016 (“il-Ftehim ta’ Pariġi”). Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali.
(2)L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi huma fil-qalba tal-Komunikazzjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, adottata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2019.
(3)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, din it-tranżizzjoni taffettwa lin-nisa u lill-irġiel b’mod differenti u għandha impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati, bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. Għalhekk irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.
(4)Il-ħtieġa u l-valur tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kibru biss fid-dawl tal-effetti serji ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni, li wrew li s-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna jeħtieġ li jtejbu r-reżiljenza tagħhom għax-xokkijiet esterni u jaġixxu kmieni biex jipprevjenuhom jew jimmitigawhom. Iċ-ċittadini Ewropej għadhom jesprimu fehmiet qawwija li dan japplika b’mod partikolari għat-tibdil fil-klima.
(5)L-Unjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha tal-Unjoni b’mill-inqas 55 % sal-2030 taħt il-livelli tal-1990 fil-kontribut aġġornat stabbilit fil-livell nazzjonali ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta’ Diċembru 2020.
(6)Fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Unjoni stabbiliet il-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 fil-leġiżlazzjoni. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll impenn vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030.
(7)Is-setturi kollha tal-ekonomija jridu jikkontribwixxu biex jinkiseb dak it-tnaqqis fl-emissjonijiet. Għalhekk, l-ambizzjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (EU ETS), stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li tiġi aġġustata biex tkun konformi mal-impenn nett għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra madwar l-ekonomija kollha.
(8)Sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti fis-suq, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbiliet riżerva tal-istabbiltà tas-suq (ir-“riżerva”) fl-2018, li ilha operattiva mill-2019.
(9)Ir-riżerva tiffunzjona billi tattiva aġġustamenti għall-volumi annwali ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati. Sabiex jinżamm grad massimu ta’ prevedibbiltà, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 stabbiliet regoli ċari għat-tqegħid u r-rilaxx ta’ kwoti fir-riżerva.
(10)Meta l-għadd ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ogħla mil-limitu massimu stabbilit, ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għal perċentwal partikolari ta’ dawn il-kwoti jitnaqqas mill-volumi ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati u mqiegħda fir-riżerva. Sadanittant, għadd korrispondenti ta’ kwoti jiġi rilaxxat mir-riżerva lill-Istati Membri, u jiżdied mal-volumi tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati, jekk l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jaqa’ taħt il-limitu l-aktar baxx stabbilit.
(11)Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emendat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 billi rduppjat ir-rata perċentwali li għandha tintuża għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu kull sena fir-riżerva minn 12 % għal 24 % sal-31 ta’ Diċembru 2023.
(12)F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, fi żmien tliet snin mill-bidu tal-operat tar-riżerva, il-Kummissjoni għandha twettaq l-ewwel rieżami tagħha abbażi ta’ analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju u, meta xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(13)Ir-rieżami ta attenzjoni partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva, kif ukoll il-valur numeriku tal-limitu għall-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni u l-għadd ta’ kwoti li għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva.
(14)L-analiżi mwettqa fil-kuntest tar-rieżami tar-riżerva u l-iżviluppi mistennija rilevanti għas-suq tal-karbonju juru li rata ta’ 12 % tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva kull sena wara l-2023 hija insuffiċjenti biex tipprevjeni żieda sinifikanti fis-surplus ta’ kwoti fl-EU ETS. Għalhekk, wara l-2023, iċ-ċifra perċentwali jenħtieġ li tkompli tkun 24 %, u l-għadd minimu ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva jenħtieġ li jkompli jkun 200 miljun.
(15)Jekk ir-rata tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva kull sena terġa’ lura għal 12 % wara l-2023, surplus ta’ kwoti fl-EU ETS, li potenzjalment jagħmel ħsara, jista’ jfixkel l-istabbiltà tas-suq. Barra minn hekk, ir-rata ta’ 24 % wara l-2023 jenħtieġ li tiġi stabbilita separatament mir-rieżami ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 biex tissaħħaħ l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni għall-2030 biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tas-suq.
(16)Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814
Fl-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“B’deroga mill-ewwel u t-tieni sentenzi, sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-perċentwali u l-100 miljun kwota msemmija f’dawk is-sentenzi għandhom jiġu rduppjati.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President