Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0579

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati

COM/2018/579 final

Brussell, 8.8.2018

COM(2018) 579 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati

1. INTRODUZZJONI

L-objettiv tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE 1 (“id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk”) hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw:

(a) l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi ta’ rapportar relatati inklużi l-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, għan-nikotina u għall-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;

(b) ċerti aspetti tat-tikkettar u tal-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk inklużi t-twissijiet tas-saħħa li jridu jidhru fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk u fuq kwalunkwe imballaġġ estern kif ukoll il-miżuri ta’ traċċabbiltà u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li huma applikati għal prodotti tat-tabakk biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk;

(c) il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali;

(d) il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk;

(e) l-obbligu li tiġi ppreżentata notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda;

(f) it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ riforniment, u prodotti erbali għat-tipjip;

biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u għal prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (“FCTC”).

L-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’ċerti każijiet imsemmija fiha u soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati rigward:

·it-tnaqqis tal-livelli massimi ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), fejn dan ikun meħtieġ fuq il-bażi ta’ standards miftiehma f’livell internazzjonali (Artikolu 3(2));

·l-integrazzjoni ta’ standards maqbula mill-partijiet għall-FCTC jew mid-WHO relatati mal-livelli massimi ta’ emissjonijiet għal emissjonijiet minn sigaretti għajr l-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u għal emissjonijiet minn prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti fid-dritt tal-Unjoni (Artikolu 3(4));

·l-adattament tal-metodi ta’ kejl tal-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju, fejn ikun hemm bżonn, fuq il-bażi tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi jew ta’ standards miftiehma f’livell internazzjonali (Artikolu 4(3));

·l-integrazzjoni ta’ standards miftiehma mill-partijiet għall-FCTC jew mid-WHO għall-metodi ta’ kejl fid-dritt tal-Unjoni (Artikolu 4(5));

·id-determinazzjoni tal-livelli massimi ta’ kontenut għal addittivi jew għal taħlita ta’ addittivi li jirriżultaw f’togħma karatteristika, fejn il-livell ta’ kontenut jew il-konċentrazzjoni ta’ dawn l-addittivi jew it-taħlita ta’ dawn jirriżultaw fi projbizzjonijiet skont l-Artikolu 7(1) f’tal-anqas tliet Stati Membri (Artikolu 7(5));

·l-iffissar tal-livelli massimi ta’ kontenut għall-addittivi, fejn jintwera li addittiv jew ċerta kwantità tiegħu jamplifikaw l-effett tossiku jew ta’ dipendenza ta’ prodott tat-tabakk, u fejn dawn jirriżultaw fi projbizzjonijiet skont l-Artikolu 7(9) f’tal-anqas tliet Stati Membri (Artikolu 7(11));

·l-irtirar tal-eżenzjonijiet għall-prodotti tat-tabakk għajr sigaretti u tabakk tal-brim mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (7), jekk ikun hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni (Artikolu 7(12));

·l-adattament tat-test tal-messaġġ ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(2) għall-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq (Artikolu 9(5));

·l-adattament tat-twissijiet testwali elenkati fl-Anness I b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq (Artikolu 10(3)(a)); 

·l-istabbiliment u l-adattament tal-librerija tal-istampi msemmija fl-Artikolu 10(1) b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq (Artikolu 10(3)(b));

·l-irtirar tal-possibbiltà ta’ għoti ta’ eżenzjonijiet għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji partikolari tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 11(1) jekk ikun hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni għall-kategorija tal-prodotti kkonċernata (Artikolu 11(6));

·l-adattament tat-test tat-twissija dwar is-saħħa stabbilit fl-Artikolu 12(1) għall-iżviluppi xjentifiċi (Artikolu 12(3));

·id-definizzjoni tal-elementi ewlenin tal-kuntratti ta’ ħżin tad-data msemmija fl-Artikolu 15(8), bħad-durata, il-possibbiltà ta’ tiġdid, l-għarfien espert meħtieġ jew il-kunfidenzjalità, inklużi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari ta’ dawk il-kuntratti (Artikolu 15(12));

·l-estensjoni ta’ projbizzjoni minn tal-anqas tliet Stati Membri tat-tqegħid fis-suq ta’ sigaretti elettroniċi speċifiċi jew ta’ kontenituri ta’ riforniment jew ta’ tip tagħhom, għall-Istati Membri kollha, jekk it-tali estensjoni tkun ġustifikata u proporzjonata (Artikolu 20(11));

·l-adattament tat-test tat-twissija dwar is-saħħa fl-Artikolu 20(4)(b) (Artikolu 20(12)).

2. BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport hu meħtieġ skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Skont dik id-dispożizzjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ Mejju 2014 u l-Kummissjoni hi meħtieġa tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi b’tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

3.1 Aspetti Proċedurali

Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati fuq il-bażi tal-Artikoli 10(3)(b) u 15(12) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk.

Qabel ma ġew adottati, l-abbozz taż-żewġ atti delegati ġie sottomess lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk 2 , imwaqqaf fost l-oħrajn biex tiġi żgurata konsultazzjoni xierqa tal-esperti għat-tħejjija tal-atti delegati. Il-Parlament Ewropew ġie mistieden b’mod sistematiku għal-laqgħat ta’ dan il-Grupp ta’ Esperti. Id-dokumenti rilevanti għal dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif previst fil-Fehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Atti Delegati 3 . Wara l-adozzjoni, l-atti delegati ġew notifikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma qajmu oġġezzjoni għal xi wieħed mill-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fi ħdan il-perjodu ta’ xahrejn (2) stabbilit fl-Artikolu 27(5) tad-Direttiva. Fil-każ tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 15(12) tad-Direttiva, il-Parlament Ewropew talab estensjoni tal-iskadenza b’xahrejn (2).

3.2 Atti delegati adottati skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk 

3.2.1. Artikolu 10(3)(b)

L-Artikolu 10(3)(b) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex tistabbilixxi u tadatta librerija ta’ stampi. L-istampi li jinsabu f’dik il-librerija huma parti integrali mit-twissija kombinata dwar is-saħħa li hi meħtieġa li tidher fuq kull pakkett ta’ unità u barra l-imballaġġ ta’ prodotti tat-tabakk għat-tipjip imqiegħda fis-suq tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva ta’ Delega 2014/109/UE tal-10 ta’ Ottubru 2014 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi tistabbilixxi librerija ta’ twissijiet bl-istampi li għandhom jintużaw fuq prodotti tat-tabakk 4 . F’konformità mas-setgħat delegati mogħtija lilha, il-Kummissjoni tista’ tisfrutta din is-setgħa delegata fil-ġejjieni biex tadatta l-librerija ta’ stampi.

3.2.2. Artikolu 15(12)

F’konformità mal-Artikolu 15(1) u (5), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti ta’ unitajiet kollha ta’ prodotti tat-tabakk ikunu mmarkati b’identifikatur uniku, biex il-movimenti tagħhom ikunu jistgħu jiġu reġistrati mill-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-kummerċ ta’ prodotti tat-tabakk, mill-manifattur sal-aħħar operatur ekonomiku qabel l-ewwel ħanut tal-bejgħ bl-imnut. L-Artikolu 15(8) jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi ta’ prodotti tat-tabakk jikkonkludu kuntratti ta’ ħżin tad-data ma’ parti terza indipendenti, għall-fini ta’ ospitar ta’ faċilità ta’ ħżin tad-data għad-data rilevanti kollha dwar it-traċċabbiltà f’dan il-kuntest. L-Artikolu 15(12) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex tiddefinixxi l-elementi ewlenin tal-kuntratti ta’ ħżin tad-data, bħad-durata, il-possibbiltà ta’ tiġdid, l-għarfien espert meħtieġ jew il-kunfidenzjalità, inklużi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari ta’ dawk il-kuntratti. Biex tiżgura l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ traċċabbiltà b’mod ġenerali u l-interoperabbiltà tas-sistema ta’ ħżin tad-data b’mod partikolari, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat (UE) 2018/573 tal-15 ta’ Diċembru 2017 dwar l-elementi ewlenin tal-kuntratti tal-ħżin tad-data li għandhom jiġu konklużi bħala parti minn sistema ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk 5 .

3.3 Setgħat delegati mogħtija mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk li ma ġewx eżerċitati

3.3.1. Artikolu 3(2)

Rigward is-setgħa delegata prevista fl-Artikolu 3(2) biex jitnaqqsu l-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, għan-nikotina u għall-monossidu tal-karbonju fuq il-bażi ta’ standards miftiehma f’livell internazzjonali, ma rriżulta ebda standard ġdid bħal dan. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.2. Artikolu 3(4)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 3(4) biex jiġu integrati fid-dritt tal-Unjoni l-istandards miftiehma mill-partijiet għall-FCTC jew mid-WHO relatati mal-livelli massimi ta’ emissjonijiet minn sigaretti għajr l-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u għal emissjonijiet minn prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti, ma rriżulta ebda standard ġdid bħal dan. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.3. Artikolu 4(3)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 4(3) biex jiġu adattati l-metodi ta’ kejl tal-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju għall-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi jew għal standards miftiehma f’livell internazzjonali, ma rriżulta ebda żvilupp jew standard li jkun jiġġustifika aġġustament għall-fini tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.4 Artikolu 4(5)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 4(5) biex jiġu integrati fid-dritt tal-Unjoni l-istandards għall-metodi ta’ kejl miftiehma mill-partijiet għall-FCTC jew mid-WHO, ma rriżulta ebda standard bħal dan. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.5. Artikolu 7(5)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 7(5) biex jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ kontenut għal ċerti addittivi jew taħlitiet ta’ addittivi li jirriżulta f’togħma karatteristika, il-kundizzjonijiet neċessarji (projbizzjonijiet skont l-Artikolu 7(1) f’tal-anqas tliet Stati Membri) ma ġewx issodisfati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.6. Artikolu 7(11)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 7(11) biex jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ kontenut għal addittivi li ntwerew li jamplifikaw l-effetti tossiċi jew ta’ dipendenza ta’ prodott tat-tabakk, il-kundizzjonijiet neċessarji (projbizzjonijiet skont l-Artikolu 7(9) f’tal-anqas tliet Stati Membri) ma ġewx issodisfati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.7 Artikolu 7(12)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 7(12) biex jiġu rtirati l-eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ prodotti mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (7), il-kundizzjoni neċessarja (tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi kif stabbiliti f’rapport tal-Kummissjoni) ma ġietx issodisfata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha m’għamlitx użu minn din is-setgħa delegata.

3.3.8 Artikolu 9(5)

Rigward is-setgħa delegata prevista fl-Artikolu 9(5) biex jiġu adattati t-twissijiet ġenerali u l-messaġġi ta’ informazzjoni fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għall-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq, il-Kummissjoni tqis li hu prematur li t-test tal-messaġġ ta’ informazzjoni jiġi adattat f’dan il-waqt, peress li hi tqis li l-messaġġi kurrenti huma xierqa u effettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.9 Artikolu 10(3)(a)

Rigward is-setgħa delegata prevista fl-Artikolu 10(3) biex jiġu adattati t-twissijiet testwali elenkati fl-Anness I b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq, il-Kummissjoni tqis li hu prematur li t-twissijiet testwali jiġu adattati f’dan il-waqt, peress li hi tqis li l-messaġġi kurrenti huma xierqa u effettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.10 Artikolu 11(6)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 11(6) ta’ rtirar mill-Istati Membri tal-possibbiltà ta’ għoti ta’ eżenzjonijiet għal kategoriji partikolari ta’ prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, tabakk tal-brim u tabakk tal-pipa tal-ilma, il-kundizzjoni neċessarja (tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi kif stabbiliti f’rapport tal-Kummissjoni) ma ġietx issodisfata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha m’għamlitx użu minn din is-setgħa delegata.

3.3.11 Artikolu 12(3)

Rigward is-setgħa delegata prevista fl-Artikolu 12(3) biex jiġi adattat it-test tat-twissijiet dwar is-saħħa fuq prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux għall-iżviluppi xjentifiċi, il-Kummissjoni tqis li hu prematur li t-test tat-twissija dwar is-saħħa jiġi adattat, peress li hi tqis li l-messaġġ kurrenti hu xieraq u effettiv. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.12 Artikolu 20(11)

Rigward is-setgħa delegata prevista skont l-Artikolu 20(11) biex jiġu pprojbiti sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ riforniment, jew it-tipi tagħhom, il-kundizzjonijiet neċessarji (projbizzjonijiet ta’ dawn il-prodotti fuq il-bażi ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq skont l-Artikolu 20(11) f’tal-anqas tliet Stati Membri) ma ġewx issodisfati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

3.3.13 Artikolu 20(12)

Rigward is-setgħa delegata prevista fl-Artikolu 20(12) biex jiġu adattati t-twissijiet dwar is-saħħa fuq is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ riforniment, il-Kummissjoni tqis li hu prematur t-test tat-twissija dwar is-saħħa tal-Artikolu 20(4)(b) li jiġi adattat, peress li hi tqis li l-messaġġ kurrenti hu xieraq u effettiv. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa delegata.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha mill-Artikolu 10(3)(b) u mill-Artikolu 15(12) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk 2014/40/UE f’konformità mal-objettiv, mal-kamp ta’ applikazzjoni u mal-kontenut tad-delega.

Rigward is-setgħat delegati l-oħra mogħtija, il-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju ma ġewx issodisfati s’issa. Id-delega tas-setgħat xorta waħda għandha tiġi estiża, kif previst fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Il-ħsieb wara d-delega ma nbidilx u s-setgħat mogħtija huma essenzjali biex jinkiseb l-objettiv tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-funzjonament mexxej tas-suq intern għat-tabakk u għall-prodotti relatati, bit-teħid ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem bħala bażi.

(1)

   ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)

   Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)3509 final tal-4.6.2014 li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti dwar il-politika tat-tabakk.

(3)

   Anness għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(4)

   ĠU L 360, 17.12.2014, p. 22.

(5)

   ĠU L 96, 16.4.2018, p. 1.

Top