This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0671
Commission Delegated Regulation (EU) 2022/671 of 4 February 2022 supplementing Regulation (EU) 2017/625 of the European Parliament and of the Council as regards specific rules on official controls performed by the competent authorities on animals, products of animal origin and germinal products, follow-up action to be taken by the competent authority in case of non-compliance with identification and registration rules for bovine, ovine and caprine animals or of non-compliance during transit through the Union of certain bovine animals, and repealing Commission Regulation (EC) No 494/98 (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/671 tal-4 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fuq annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu mill-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/671 tal-4 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fuq annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu mill-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/577
ĠU L 122, 25/04/2022, p. 17–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
25.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 122/17 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/671
tal-4 ta’ Frar 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fuq annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu mill-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (c), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għall-verifika tal-konformità mar-regoli f’għadd ta’ oqsma, inklużi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll metodi u tekniki għall-kontrolli uffiċjali, li jinkludu spezzjonijiet ta’ bini, annimali u oġġetti taħt il-kontroll tal-operaturi. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi azzjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ nonkonformità stabbilita, fost l-oħrajn, mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
B’seħħ mill-21 ta’ April 2021, ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ħassar u ssostitwixxa 39 att fil-qasam tas-saħħa tal-annimali. Madankollu, uħud mir-rekwiżiti fl-atti mħassra mir-Regolament (UE) 2016/429 jew skontu huma marbuta ma’ ċerti speċifiċitajiet relatati mas-saħħa tal-annimali tal-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu f’każ ta’ nonkonformitajiet stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2017/625 kif stabbilit fl-Artikolu 138 tiegħu. Għalhekk jenħtieġ li tali regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità stabbilita jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
(3) |
L-ispeċifiċitajiet tal-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformitajiet stabbiliti relatati mas-saħħa tal-annimali huma interrelatati. Dawn japplikaw għal stadji sussegwenti ta’ sitwazzjoni partikolari u ħafna drabi, japplikaw għall-istess tipi ta’ operaturi u stabbilimenti. F’każ li jkunu meħtieġa azzjonijiet ta’ segwitu speċifiċi, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti flimkien mar-rekwiżiti għall-ispeċifiċitajiet tal-kontrolli uffiċjali relatati mas-saħħa tal-annimali. Dan jagħti lok għal sett komprensiv ta’ miżuri li jippermettu implimentazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni ġenerali tal-qafas legali f’dan il-qasam. |
(4) |
It-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu fi stabbilimenti approvati f’konformità mar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (3), (UE) 2020/686 (4), (UE) 2020/688 (5) jew (UE) 2020/990 (6) jeħtieġ kwalifiki u kompetenzi speċifiċi fil-qasam veterinarju. Il-kontrolli uffiċjali f’dawk l-istabbilimenti approvati jinkludu valutazzjoni u verifika ta’ varjetà wiesgħa ta’ data u informazzjoni speċifiċi relatati mal-annimali miżmuma fihom. Uħud minn dawn id-data u l-informazzjoni huma r-riżultati tal-osservazzjonijiet li jsiru fl-annimali, filwaqt li oħrajn jinġabru u jiġu rreġistrati mill-operaturi, mill-professjonisti tas-saħħa tal-annimali, mill-veterinarji, jew mill-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi. Tali data u informazzjoni jistgħu jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-istat fiżjoloġiku jew patoloġiku tal-annimali, il-fatturi epidemjoloġiċi, ir-riżultati tal-eżamijiet fiżiċi, kliniċi jew post-mortem u t-testijiet tal-laboratorju, u d-data u l-informazzjoni miġbura b’rabta mal-miżuri ta’ bijosigurtà fl-istabbilimenti u l-użu u l-manutenzjoni xierqa tat-tagħmir u tal-faċilitajiet. |
(5) |
Barra minn hekk, fl-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali, il-kumplessità u t-teknikalità ta’ dan is-settur partikolari jeħtieġu għarfien speċjalizzat mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali sabiex jiġi żgurat it-twettiq effiċjenti u effettiv tad-dmirijiet tagħha. |
(6) |
Għalhekk jixraq li l-veterinarji uffiċjali jwettqu l-kontrolli uffiċjali fl-istabbilimenti approvati li jżommu annimali jew li jimmanipulaw prodotti ġerminali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429. Jenħtieġ li r-regoli dwar it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali f’dawk l-istabbilimenti jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
(7) |
Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, għal raġunijiet storiċi, jew minħabba n-nuqqas ta’ veterinarji li jittrattaw mard akkwatiku, teżisti professjoni speċjalizzata msejħa “professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi”. Dawn il-professjonisti tradizzjonalment mhumiex veterinarji iżda jipprattikaw il-mediċina tal-annimali akkwatiċi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrispetta d-deċiżjoni ta’ dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu dik il-professjoni. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-professjonisti uffiċjali tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet assenjati lil veterinarji uffiċjali meta jwettqu kontrolli uffiċjali fl-istabbilimenti tal-akkwakultura approvati. F’konformità mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 dawn il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi jistgħu jwettqu attivitajiet assenjati lill-veterinarji fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, dment li jkunu awtorizzati jagħmlu dan mill-Istat Membru kkonċernat skont id-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li dan il-prinċipju japplika wkoll f’dan ir-Regolament. |
(8) |
Fost l-istabbilimenti approvati skont ir-Regolament (UE) 2016/429, l-istabbilimenti konfinati huma partikolari peress li ta’ sikwit iżommu b’mod permanenti varjetà wiesgħa ta’ speċijiet tal-annimali u jiskambjawhom ma’ stabbilimenti konfinati oħra. Ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni u l-operat sikur tal-istabbilimenti konfinati fir-rigward tal-kwarantina, l-iżolament u miżuri oħra ta’ bijosigurtà, is-sorveljanza tal-mard u l-miżuri ta’ kontroll taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarji tal-istabbiliment, għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-iskambji tal-annimali ma joħolqux riskju fit-tixrid tal-mard tal-annimali elenkat jew emerġenti bejn l-Istati Membri jew fi ħdanhom. Għalhekk jixraq li jiġu speċifikati l-kontrolli uffiċjali li jenħtieġ isiru fl-istabbilimenti konfinati. |
(9) |
Fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini u kaprini, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-riskju għall-għażla tal-annimali u l-istabbilimenti li għandhom jiġu spezzjonati. Meta dawk il-kontrolli uffiċjali jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv ta’ annimali u dawk il-kontrolli uffiċjali jindivdwaw nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jispezzjonaw l-annimali kollha f’dak l-istabbiliment bħala azzjoni ta’ segwitu. |
(10) |
Ir-regoli tal-Unjoni jawtorizzaw it-tranżitu mill-Unjoni ta’ annimali bovini għat-tnissil u l-produzzjoni li altrimenti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, skont derogi u kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 (7) u (UE) 2020/692 (8). Tali tranżitu ma għandux jipperikola s-saħħa tal-annimali u dik pubblika fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li, f’każ ta’ nonkonformità, ta’ irregolarità jew ta’ emerġenza waqt it-tranżitu, l-awtorità kompetenti tordna t-tbiċċir jew il-qtil ta’ dawk l-annimali, peress li dik hija l-aktar miżura xierqa biex tissalvagwardja s-saħħa tal-annimali u dik pubblika u l-benessri tal-annimali. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tordna wkoll ir-rimi sikur tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jirriżultaw f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill (9). |
(11) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 (10) jistabbilixxi sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu applikati meta jiġu stabbiliti każijiet ta’ nonkonformità mal-kundizzjonijiet jew mar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini. Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma ħassarx espressament dak ir-Regolament. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 494/98 saru superfluwi fid-dawl tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 138(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-konsistenza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament iħassar ir-Regolament (KE) Nru 494/98. |
(12) |
Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ ċerti regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (11) b’rabta mal-annimali, mal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u mal-prodotti ġerminali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, ta’ dak ir-Regolament u, fejn meħtieġ, fir-rigward ta’ ċerti azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti wara l-kontrolli uffiċjali:
(a) |
f’ċerti stabbilimenti li jżommu l-annimali; |
(b) |
f’ċerti stabbilimenti li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali. |
2. Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ azzjoni speċifika meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wara kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ ċerti annimali bovini fi tranżitu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/686, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/688, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/990:
(a) |
“stabbiliment” kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429; |
(b) |
“mafqas” kif definit fil-punt (47) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429; |
(c) |
“operazzjoni tal-ġbir f’daqqa” kif definit fil-punt (49) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429. |
(d) |
“ċentru ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa” kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; |
(e) |
“santwarju tal-annimali” kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; |
(f) |
“postijiet tal-kontroll” kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. |
(g) |
“stabbiliment ta’ produzzjoni iżolati ambjentalment” kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; |
(h) |
“stabbiliment ta’ kwarantina approvat” kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688; |
(i) |
“stabbiliment konfinat”: kif definit fil-punt (48) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429. |
(j) |
“stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat” kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2, tar-Regolament (UE) 2020/686; |
(k) |
“stabbiliment tal-akkwakultura approvat” kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990; |
(l) |
“grupp ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvat” kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990. |
(m) |
“veterinarju tal-istabbiliment” kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. |
(n) |
“annimal bovin” kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. |
Artikolu 3
Kontrolli uffiċjali f’ċerti stabbilimenti approvati
1. Veterinarji uffiċjali jew, fil-każ ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati u fi gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati, veterinarji uffiċjali jew professjonisti uffiċjali tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi, għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625 u stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u skontu, fit-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin li jkunu kisbu l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti:
(a) |
mfaqas u stabbilimenti li jżommu t-tjur; |
(b) |
stabbilimenti għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-annimali ungulati u t-tjur; |
(c) |
ċentri ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa; |
(d) |
santwarji tal-annimali għal klieb, qtates u inmsa; |
(e) |
postijiet tal-kontroll; |
(f) |
stabbilimenti tal-produzzjoni iżolati ambjentalment għan-naħal bagħli; |
(g) |
stabbiliment ta’ kwarantina approvat; |
(h) |
stabbilimenti konfinati; |
(i) |
stabbilimenti ta’ prodotti ġerminali approvati; |
(j) |
stabbilimenti tal-akkwakultura approvati |
(k) |
gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati. |
Il-kontrolli uffiċjali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivverifikaw b’mod partikolari li l-operaturi responsabbli mill-istabbilimenti approvati jkomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni għal dawk l-istabbilimenti.
2. Il-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 14, tar-Regolament (UE) 2017/625 li għandhom jitwettqu f’konformità ma’ mill-inqas il-frekwenzi minimi, meta t-tali frekwenzi jkunu stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/160 (12).
3. L-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jsiru flimkien ma’:
(a) |
kontrolli uffiċjali kif definit fil-punt (3), tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625; |
(b) |
kontrolli uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625; jew |
(c) |
kontrolli uffiċjali, spezzjonijiet jew żjarat oħra previsti fir-regoli tal-Unjoni. |
Artikolu 4
Regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fi stabbilimenti konfinati ta’ annimali terrestri
Meta jwettaq kontrolli uffiċjali fi stabbilimenti konfinati ta’ annimali terrestri, il-veterinarju uffiċjali għandu b’mod partikolari:
(a) |
jivverifika permezz tal-eżami tar-rekords tal-moviment li l-annimali li jidħlu fl-istabbiliment konfinat partikolari jiġu biss minn stabbiliment konfinat ieħor jew jitqiegħdu fi kwarantina f’konformità mal-punt 1, tal-Parti 9, tal-Anness I, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; |
(b) |
jivverifika li r-riżultati tal-eżamijiet kliniċi, tal-laboratorju u post-mortem imwettqa mill-veterinarju tal-istabbiliment konfinat jeskludu kull suspett ta’ mard elenkat jew emerġenti; |
(c) |
jivverifika li jekk tkun suspettata l-preżenza ta’ mard elenkat jew emerġenti, l-operatur responsabbli għall-istabbiliment konfinat jinnotifika dak is-suspett lill-awtorità kompetenti u jtaffi r-riskji potenzjali għat-tixrid ta’ tali mard fl-istabbiliment konfinat u barra minnu; u |
(d) |
jagħmel awditu tal-attività tal-veterinarju tal-istabbiliment konfinat u tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt 2(a), tal-Parti 9, tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u b’mod partikolari jivverifika li l-pjan ta’ sorveljanza tal-mard ikun ġie rieżaminat u aġġornat mill-inqas kull sena f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. |
Artikolu 5
Regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini u dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformità magħhom
1. Il-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 14, tar-Regolament (UE) 2017/625 ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini fl-istabbilimenti li jżommu dawk l-annimali, imwettqa f’konformità mill-inqas mal-frekwenza minima stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/160.
2. L-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru flimkien ma’:
(a) |
kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu (3), tal-Artikolu 9, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/625; |
(b) |
kontrolli uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625; jew |
(c) |
kontrolli uffiċjali, spezzjonijiet jew żjarat oħra previsti fir-regoli tal-Unjoni. |
3. Meta tagħżel l-istabbilimenti li għandhom jiġu spezzjonati, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kriterji li ġejjin fl-analiżi tar-riskju tagħha flimkien ma’ dawk stabbiliti fil-paragrafu (1), tal-Artikolu 9, tar-Regolament (UE) 2017/625:
(a) |
l-għadd tal-annimali fi stabbiliment; |
(b) |
l-ispeċijiet tal-annimali preżenti u identifikati fi stabbiliment; |
(c) |
il-bidliet sinifikanti meta mqabbla mal-għadd jew mal-ispeċijiet ta’ annimali fl-istabbiliment matul l-aħħar ħames (5) snin; |
(d) |
kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor definit mill-Istat Membru tiegħu. |
4. Meta titwettaq spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona l-annimali bovini, ovini u kaprini kollha f’dak l-istabbiliment.
5. B’deroga mill-paragrafu 4, meta l-għadd ta’ annimali li jridu jiġu spezzjonati fl-istabbiliment jaqbeż l-20, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tispezzjona kampjun rappreżentattiv ta’ dawk l-annimali jekk l-għadd ta’ annimali spezzjonati jkun biżżejjed biex jindividwa 5 % tal-każijiet ta’ nonkonformità b’livell ta’ fiduċja ta’ 95 %.
6. Meta spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq fuq kampjun rappreżentattiv ta’ annimali fi stabbiliment skont il-paragrafu 5, u dik l-ispezzjoni tikkonferma nonkonformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona l-annimali bovini, ovini u kaprini l-oħra kollha fl-istabbiliment.
7. B’deroga mill-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tispezzjona kampjun rappreżentattiv ta’ annimali f’dak l-istabbiliment filwaqt li tiżgura li l-għadd ta’ annimali spezzjonati jkun biżżejjed għall-istima ta’ nonkonformità ta’ aktar minn 5 % bi preċiżjoni bejn wieħed u ieħor ta’ 2 % għal livell ta’ fiduċja ta’ 95 %.
Artikolu 6
Azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu fl-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini
Meta l-kunsinni ta’ annimali bovini, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni jkunu fi tranżitu mill-Unjoni skont il-punt (b), tal-paragrafu (1), tal-Artikolu 176, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 flimkien mal-punt (a), tal-paragrafu (1), tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2124, l-awtorità kompetenti għandha tordna t-tbiċċir jew il-qtil tal-annimali u r-rimi tagħhom bħala materjal tal-Kategorija 2 imsemmi fil-punt (f)(i) tal-Artikolu 9, tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, fi kwalunkwe każ ta’ nonkonformità matul il-moviment bejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni meta l-kunsinni ta’ kontroll fuq il-fruntiera jħallu t-territorju.
Artikolu 7
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 494/98 huwa mħassar.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 1)
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/990 tat-28 ta’ April 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 42).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 73).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 tas-27 ta’ Frar 1998 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi minimi fl-istruttura tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-bovini (ĠU L 60, 28.2.1998, p. 78).
(11) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-“Istati Membri” jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/160 ta’ 4 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi frekwenzi minimi uniformi ta’ ċerti kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006 (ĠU L 26, 7.2.2022, p. 11).