Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0788

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Ir-Regolament (UE) 2019/788 jaġġorna r-regoli dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li hija maħsuba sabiex tikkontribwixxi biex issaħħaħ id-demokrazija permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tal-UE.
    • Dan għandu l-għan li jagħti liċ-ċittadini tal-UE vuċi akbar fil-politiki tal-UE li jaffettwaw ħajjithom bi proċedura li tippermettilhom jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda f’oqsma li fihom il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tagħmel dan.

    PUNTI EWLENIN

    L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea stabbilixxa d-dritt għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. L-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

    Id-dritt li wieħed jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

    • Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jissottometti dikjarazzjoni ta’ appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej wara li tkun ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni. Ladarba jkunu nġabru miljun firma, l-organizzaturi tal-inizjattiva jistgħu javviċinaw lill-Kummissjoni direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għad-dritt tal-Unjoni, dment li l-inizjattiva tkun tikkonċerna qasam tad-dritt tal-Unjoni li fih il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tagħmel dan għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati tal-UE.
    • Kull ċittadin tal-UE li għandu biżżejjed żmien biex jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jappoġġja l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej billi jiffirma dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu l-età minima biex wieħed jappoġġja inizjattiva għal 16-il sena. Ladarba inizjattiva tiġbor miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-azzjoni ta’ segwitu li għandha tittieħed, jekk ikun hemm.
    • Il-persuni b’diżabilità għandu jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni dwar inizjattivi u opportunitajiet indaqs biex jappoġġjawhom.

    Informazzjoni u assistenza mill-Kummissjoni u pajjiżi tal-UE

    • Il-Kummissjoni se:
      • tipprovdi liċ-ċittadini u lill-gruppi ta’ organizzaturi b’informazzjoni faċilment aċċessibbli u komprensiva kif ukoll assistenza li tikkonċerna l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, inkluż li tirreferihom għal sorsi ta’ informazzjoni u assistenza;
      • tagħmel disponibbli għall-pubbliku, online u f’forma stampata, u bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE, gwida għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej;
      • tipprovdi pjattaforma kollaborattiva online mingħajr ħlas iddedikata għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej;
      • tipprovdi traduzzjonijiet tal-inizjattivi rreġistrati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE.
    • Il-pjattaforma tipprovdi parir prattiku u legali, kif ukoll forum għal diskussjoni u skambju ta’ informazzjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għal ċittadini, gruppi ta’ organizzaturi, partijiet ikkonċernati, organizzazzjonijiet mhux governattivi, esperti u istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-UE li jixtiequ jipparteċipaw.
    • Il-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni dwar l-inizjattivi rreġistrati tkun ippubblikata fir-reġistru online mħejji għal dak l-iskop.
    • Kull pajjiż tal-UE jistabbilixxi punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar sabiex jinforma u jassisti lil gruppi ta’ organizzaturi, mingħajr ħlas.

    Reġistrazzjoni

    • Il-grupp ta’ organizzaturi għandu jissottometti l-formola ta’ reġistrazzjoni lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru.
    • Il-Kummissjoni għandha:
      • tivverifika li l-kriterji ta’ reġistrazzjoni stabbiliti fir-regolament huma sodisfatti;
      • tagħti raġunijiet meta tirrifjuta reġistrazzjoni u tinforma lill-grupp ta’ organizzaturi b’kull rimedju ġudizzjarju u rimedji oħrajn disponibbli għaliha;
      • tagħmel disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru online d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ talbiet għar-reġistrazzjoni ta’ proposti għall-inizjattivi taċ-ċittadini li adottat.

    Ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

    • Il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva rreġistrata għandu 12-il xahar biex jiġbor in-numru meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ (total ta’ miljun bil-limiti minimi milħuqa f’mill-inqas kwart tal-pajjiżi tal-UE).
    • Fl-Anness III għar-regolament huma stabbiliti mudelli għad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.
    • L-organizzaturi jistgħu jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma stampata u/jew online.
    • Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli sistema ċentrali ta’ ġbir online li grupp ta’ organizzaturi jista’ juża għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet online.
    • Ladarba jinġabar l-għadd minimu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, kull pajjiż tal-UE għandu jivverifika u jiċċertifika li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ iffirmati miċ-ċittadini tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament. Għal dak il-għan, il-grupp ta’ organizzaturi għandu jissottometti d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ (miġbura online u stampati) lill-pajjiżi tal-UE kkonċernati fi żmien 3 xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir ta’ 12-il xahar. Huma jistgħu jużaw is-servizz ta’ trasferiment tal-fajls tal-Kummissjoni biex jagħmlu dan, madankollu dan mhuwiex obbligatorju jekk ikunu użaw is-sistema ta’ ġbir online individwali tagħhom stess minflok is-sistema ċentrali ta’ ġbir online tal-Kummissjoni. Il-grupp ta’ organizzaturi jista’ juża wkoll is-servizz ta’ trasferiment tal-fajls tal-Kummissjoni biex jittrasferixxi d-dikjarazzjonijiet stampati, jew jiddeċiedi li jittrasferixxi dawn id-dikjarazzjonijiet huwa stess.

    Pubblikazzjoni u seduta pubblika

    • Meta l-Kummissjoni tirċievi inizjattiva valida li tkun laħqet in-numru meħtieġ ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ validi, tippubblika avviż għal dak l-għan fir-reġistru u tittrażmetti l-inizjattiva lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali.
    • Fi żmien 3 xhur mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva, il-grupp ta’ organizzaturi jingħata l-opportunità li jippreżenta l-inizjattiva fi smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament.
    • Wara dan is-smigħ pubbliku li jsir fil-bini tiegħu, il-Parlament jivvaluta l-appoġġ politiku għall-inizjattiva (ara hawn taħt).

    Eżaminazzjoni mill-Kummissjoni u evalwazzjoni mill-Parlament

    • Fi żmien 6 xhur mill-pubblikazzjoni tal-inizjattiva u wara s-smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva u l-azzjoni li beħsiebha tieħu, jekk ikun hemm, u r-raġunijiet tagħha għat-teħid jew in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni.
    • Fejn il-Kummissjoni beħsiebha ssegwi dwar l-inizjattiva, inkluż, fejn xieraq, billi tadotta proposti għal liġi tal-UE, il-komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll skeda ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aġġornamenti, fir-reġistru u fis-sit web pubbliku għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, dwar il-miżuri adottati bħala riżultat tal-inizjattiva.
    • Il-Parlament imbagħad jivvaluta l-miżuri li ttieħdu mill-Kummissjoni.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ir-Regolament (UE) 2019/788 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020, minbarra l-Artikoli 9(4), 10, 11(5) u 20-24, li ilhom japplikaw mis-6 ta’ Ġunju 2019.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, pp. 55-81)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/788 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea — Titolu II — Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi — Artikolu 11 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 21)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tieni Parti — Non-diskriminazzjoni u ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 24 (ex Artikolu 21 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 58)

    l-aħħar aġġornament 31.01.2023

    Fuq