Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1304

Fond Soċjali Ewropew

Fond Soċjali Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 1304/2013 – il-Fond Soċjali Ewropew

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-istandards għall-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE).
  • Fl-2014-2020, l-FSE jkopri 4 oqsma ta’ investiment prinċipali:
    • l-impjieg, u b’mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ;
    • l-inklużjoni soċjali;
    • l-edukazzjoni; u
    • il-governanza tajba (jiġifieri l-kwalità mtejba tal-amministrazzjoni pubblika).

PUNTI EWLENIN

Għanijiet ġenerali

L-FSE jinvesti fin-nies bl-għan illi jtejjeb l-opportunitajiet għall-impjiegi u l-edukazzjoni madwar l-UE. Matul il-perjodu 2014-2020, huwa għandu l-għan li jagħti attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, inklużi ż-żgħażagħ. Ir-regolament jiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE u r-relazzjoni tiegħu mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI).

Temi ewlenin

Il-FSE jiffoka fuq numru ta’ temi ewlenin fosthom:

Reġjuni eliġibbli

Il-pajjiżi tal-UE kollha huma ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-FSE. Firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet, kemm minn setturi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati jistgħu japplikaw permezz tal-pajjiżi tal-UE.

Prijoritajiet baġitarji

Għall-ewwel darba, ġie introdott sehem minimu għall-FSE, stabbilit f’23.1 % tal-politika ta’ koeżjoni li jikkorrispondi għal aktar minn EUR 80 biljun allokati għall-ipprogrammar tal-FSE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

F’kull pajjiż tal-UE, mill-inqas 20 % tal-FSE jridu jkunu allokati għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Dan ifisser għajnuna għal nies vulnerabbli u gruppi żvantaġġjati sabiex jakkwistaw il-ħiliet u l-impjiegi li għandhom bżonn sabiex jintegraw fis-suq tax-xogħol.

L-FSE jrid jipprovdi għajnuna mmirata liż-żgħażagħ billi jagħmel pagament supplimentari lill-YEI b’tal-anqas EUR 3.2 biljun. Din l-inizjattiva trid tappoġġja b’mod esklussiv liż-żli jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ fir-reġjuni li jesperjenzaw rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ aktar minn 25 %.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-livelli persistenti għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE, ir-Regolament (UE) 2015/779 jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013. Dan iżid il-livell tal-prefinanzjament inizjali mħallas lill-programmi operazzjonali appoġġati mill-YEI fl-2015 minn 1% għal 30%.

Fokus fuq ir-riżultati

Il-programmi jridu jkunu orjentati fuq ir-riżultati u bbażati fuq il-prinċipju tal-addizzjonalità.*. Il-mekkaniżmu tal-konċentrazzjoni (jiġifieri miżuri ffukati ħafna fuq grupp fil-mira partikolari) huwa importanti sabiex jitħalla impatt reali fil-post.

Implimentazzjoni

Ftehimiet ta’ Sħubija u programmi operazzjonali, miftiehema bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kumissjoni Ewropea, jistabbilixxu l-qafas għall-investimenti strateġiċi fuq livell nazzjonali u reġjonali.

Sħubiji Pubbliċi-Privati

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistipula li fir-rigward tal-operazzjoni ta’ Sħubija Pubblika-Privata (“PPP”), il-benefiċjarju jista’ jkun jew korp irregolat mil-liġi privata ta’ pajjiż tal-UE (“sieħeb privat”). Is-sieħeb privat (li jintgħażel biex jimplimenta l-operazzjoni) jista’ jiġi sostitwit bħala benefiċjarju waqt l-implimentazzjoni — fejn dan ikun mitlub — taħt it-termini u l-kundizzjonijiet tal-PPP jew tal-ftehim ta’ finanzjament sottostanti bejn is-sieħeb privat u l-istituzzjoni finanzjarja li tikkofinanzja l-operazzjoni.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1076 jistabbilixxi regoli addizzjonali dwar is-sostituzzjoni ta’ benefiċjarju u dwar ir-responsabbiltajiet relatati, Fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ benefiċjarju f’operazzjoni PPP iffinanzjata mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), huwa meħtieġ li jiġi żgurat li wara s-sostituzzjoni, is-sieħeb jew il-korp il-ġdid jipprovdi mill-anqas l-istess servizz, u skont l-istess standards ta’ kwalità minima, li kienu meħtieġa mill-kuntratt inizjali tal-PPP. Dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll fir-rigward ta’ proposti li jiġi sostitwit sieħeb privat u konferma ta’ sostituzzjoni tas-sieħeb privat, kif ukoll rekwiżiti minimi li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet PPP iffinanzjati mill-FSIE.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prinċipju tal-addizzjonalità: Il-finanzjament mill-FSE ma jistax jissostitwixxi l-infiq nazzjonali minn pajjiż tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 470-486)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 1304/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kodifikata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kumissjoni (UE) 2015/1076 tat-28 ta’ April 2015 li, skont ir-Regolament (UE) Nru 303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistabbilixxi regoli addizzjonali dwar is-sostituzzjoni ta’ benefiċjarju u dwar ir-responsabbiltajiet relatati, u rekwiżiti minimi li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet ta’ Sħubija Pubblika Privata ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ĠU L 175, 4.7.2015, pp. 1-3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 288/2014 tal-25 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd fir-rigward ta’ mudell għal programmi operazzjonali skont l-għan ta’ Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u skont ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea fir-rigward ta’ mudell għall-programmi ta’ kooperazzjoni skont il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. (ĠU L 87, 22.3.2014, pp. 1-48)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE tat-18 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi l-lista ta’ reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew u ta’ Stati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 50, 20.2.2014, pp. 22-34)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320-469)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.05.2018

Fuq