Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0505

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marittimu (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) [SEG(2005) 1290]

/* KUMM/2005/0505 finali - COD 2005/0211 */

52005PC0505




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2005

KUMM(2005) 505 finali

2005/0211 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marittimu (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) [SEG(2005) 1290]

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta L-ambjent marittimu hu ffaċċjat b’għadd ta’ theddidiet inkluż it-telfien jew degradazzjoni tal-bijodiversità u tibdil fl-istruttura tiegħu, telfien ta’ l-ambjenti naturali, il-kontaminazzjoni minn sustanzi u nutrijenti perikolużi u l-effetti tal-bidla klimatika. Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (Is-sitt EAP) jitlob l-iżvilupp ta’ Strateġija Tematika għall-protezzjoni u konservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Istrateġija) bil-għan ġenerali li "tippromwovi użu sostenibbli ta’ l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marittimi". Bħala l-ewwel pass fl-iżvilupp ta’ l-Istrateġija, fl-2002 il-Kummissjoni ipproduċiet il-Komunikazzjoni intitolata "Lejn strateġija għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu". Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjentali ta’ l-4 ta’ Marzu 2003 laqgħu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, approvaw l-approċċ u l-punti prinċipali ta’ l-għanijiet tagħha u talbu Strateġija ambizzjuża sa l-2005. Il-Programm ta’ Ħidma Leġiżlattiv tal-Kummissjoni 2005 jikkommetti ruħu għall-adozzjoni ta’ l-Istrateġija sa l-2005. |

Kuntest Ġenerali Filwaqt li miżuri li jikkontrollaw u jnaqqsu l-pressjonijiet u l-impatti fuq l-ambjent marittimu jeżistu, dawn ġew żviluppati f’approċċ ta’ settur b’settur li rriżulta f’mużajk ta’ politika, leġiżlazzjoni, programmi u pjanijiet ta’ azzjoni fuq livelli nazzjonali, reġjonali, ta’ l-UE u internazzjonali, li jikkontribwixxu għall-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. Fil-livell ta’ l-UE, filwaqt li hemm numru ta’ politiki li jolqtu l-ambjent marittimu, u filwaqt li bdiet riflessjoni dwar Politika Marittima futura għall-Unjoni, li tinkludi kollox, m’hemmx politika ġenerali u integrata għall-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. L-istampa ġenerali li toħroġ minn dan il-qafas ta’ politika hi waħda mħallta. Mil-lat pożittiv, sar xi progress f’ċerti oqsma, per eżempju fit-tnaqqis ta’ l-introduzzjoni ta’ nutrijenti jew it-tniġġis minn sustanzi perikolużi partikularment metalli tqal. Madankollu, kollox ma’ kollox, l-istat ta’ l-ambjent marittimu ilu sejjer għall-agħar b’mod sinifikanti matul l-aħħar għexieren ta’ snin. B’riżultat ta’ dan, l-oċeani u l-ibħra ta’ l-Ewropa huma mhedda, f’ċerti każi sal-punt li l-istruttura u l-funzjoni tagħhom qed jitqiegħdu fil-periklu. L-istruttura tal-politika kurrenti m’hix qed tagħti livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l- ambjent marittimu. Għalhekk hi meħtieġa politika ta’ l-UE qawwija u integrata dwar il-protezzjoni marittimua. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Varjetà wiesgħa ta’ miżuri ta’ l-UE jikkontribwixxu għall-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. Madankollu, peress li l-qafas ta’ politika eżistenti hu settorjali u billi l-iskop ġeografiku jvarja, m’hemmx politika integrata ffukata fuq il-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. |

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Il-livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu li d-Direttiva proposta se tipprovdi hu essenzjali sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ekonomiku u soċjali ta’ l-oċeani u ibħra, biex b’hekk jingħata kontribut qawwi lill-Aġenda ta’ Liżbona u l-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli ta’ l-UE. Il-proposta se tagħti wkoll kontribut importanti għax-xogħol fuq Politika Marittima ta’ l-UE futura, imħabbra fl-Għanijiet Strateġiċi tal-Kummissjoni għall-2005-2009, bl-iskop li jkunu żviluppati ekonomija marittima qawwija u l-potenzjal sħiħ ta’ attività bbażata fuq il-baħar b’mod ambjentalment sostenibbli. Waħda mill-kwistjonijiet ċentrali li trid tiġi ffaċċjata f’din il-politika se tkun il-kwistjoni tal-qafas ta’ kontroll ġenerali li permezz tiegħu dawk li jużaw u l-użi ta’ l-oċeani u ibħra jkunu jistgħu jiġu rregolati. Din se tkun indirizzata fil-Green Paper dwar il-Politika Marittima prevista għall-2006. L-arranġamenti ta’ regolazzjoni maħsuba għall-Istrateġija Marittima jikkostitwixxu l-ewwel pass. L-għażliet għall-iżvilupp ulterjuri ta’ qafas ta’ kontroll aktar wiesa’ li għandhom jiġu elaborati taħt il-Politika Marittima għandhom jikkunsidraw ukoll l-ispeċifiċitajiet legali u politiċi diversi ħafna ta’ kull wieħed mill-ibħra reġjonali Ewropej, li jwasslu mill-Baħar Baltiku b’seba’ Stati Membri UE u l-Federazzjoni Russa għall-Mediterran fejn ma ġewx iddikjarati Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZs) u l-UE trid taħdem b’mod konġunt ma’ numru ta’ pajjiżi terzi. |

KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi prinċipali fil-mira u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu L-Istrateġija kienet ippreparata bl-għajnuna ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mill-2002 sa l-2004 li inkluda l-Istati Membri u pajjiżi kandidati kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, pajjiżi terzi ewlenin Ewropej li jikkondividu oċeani u ibħra ma’ l-Unjoni, 16-il kummissjoni u konvenzjoni internazzjonali, 21 organizzazzjoni industrijali u tas-soċjetà ċivili ewlenin kif ukoll xjenzjati u akkademiċi. Il-proċess ingħata bidu f’konferenza għall-partijiet interessati li saret f’Koge, id-Danimarka, bejn l-4 u s-6 ta’ Diċembru 2002. Sussegwenti għall-konferenza ta’ Koge, ġew imwaqqfa erba’ gruppi ta’ xogħol ad hoc li involvew il-kostitwenzi ewlenin kollha tal-partijiet interessati biex jittrattaw aspetti ewlenin ta’ l-iżvilupp ta’ l-Istrateġija. |

Sommarju tar-reazzjonijiet u kif ittieħdu fil-kunsiderazzjoni Il-gruppi ta’ ħidma kollha wasslu l-kontribuzzjonijiet waqt konferenza ta’ l-għeluq għall-partijiet interessati li saret f’Rotterdam, l-Olanda, fil-11-12 ta’ Novembru 2004, minn fejn ħareġ konsensus wiesa’ dwar l-approċċ propost fl-Istrateġija. Il-bżonn ta’ azzjoni qawwija mill-UE ġie sottolinjat minn maġġoranza kbira ta’ partijiet interessati. Id-Direttiva proposta tintegra bis-sħiħ ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru mill-2002 ’l hawn. B’mod partikolari, il-bżonn għal metodu dupliċi UE/reġjonali, it-twaqqif ta’ Reġjuni Marittimi bħala unitajiet ta’ maniġment għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija u l-bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex ifasslu Strateġiji Marittimi b’mod speċjali permezz ta’ l-użu ta’ strumenti eżistenti li ġejjin minn ftehimiet internazzjonali, huma fil-qalba tad-Direttiva proposta. |

Konsultazzjoni miftuħa saret permezz ta’ l-internet mill-14/03/2005 sad-09/05/2005. Il-Kummissjoni rċeviet 133 tweġiba. Ir-riżultati jinsabu fl-indirizz http://europa.eu.int/comm/environment/water/pdf/consultation_marine.pdf. |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

Oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert involuti Ix-xogħol preparatorju ffoka b’mod speċjali fuq (a) l-applikazzjoni ta’ l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi ta’ mmaniġġjar ta’ l-attivitajiet umani li jħallu impatt fuq l-ambjent marittimu; u (b) kwistjonijiet ta’ monitoraġġ u valutazzjoni; u (c) l-sfida partikulari ta’ sustanzi perikolużi. Barra dan, il-Kummissjoni tat attenzjoni mill-qrib ħafna matul l-aħħar tliet snin għal rapporti, studji u stqarrijiet dwar politika minn organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, pajjiżi, istituzzjonijiet ta’ riċerka u korpi tan-N.U. rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu. |

Metodoloġija użata Sar xogħol sostantiv dwar l-aspetti kollha rilevanti għall-iżvilupp ta’ Strateġija Marittima ta’ l-UE bħala parti mill-proċess konsultattiv. Żewġ riżultati importanti minn dan il-proċess jinkludu l-produzzjoni ta’ (a) dokument ta’ gwida dwar l-applikazzjoni ta’ l-approċċ għall-ambjent marittimu ibbażat fuq l-ekosistemi; u ta’ (b) studju dwar l-identifikazzjoni ta’ Reġjuni Marittimi Ewropej fuq il-bażi ta’ karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u bijoġeografiċi biex jiggwidaw l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija. |

Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni ta’ l-Ibħra (ICES) kien sħab privileġġjat fil-proċess ta’ konsultazzjoni li għamel ix-xogħol fuq iż-żewġ dokumenti msemmija hawn fuq. Numru ta’ esperti u organizzazzjonijiet xjentifiċi oħra kienu involuti wkoll fil-proċess preparatorju. |

Sommarju tal-pariri milqugħa u użati L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irreversibbli ġiet imsemmija. Hemm konsensus mifrux dwar l-eżistenza ta’ riskji bħal dawn. |

Konsensus wiesa’ intlaħaq dwar il-kobor tat-theddid li qed jiffaċċja l-ambjent marittimu, li jiġġeneraw tibdiliet potenzjalment irriversibbli jew nonlinjari fl-ekosistemi marittimi, li għandhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali fuq firxa wiesgħa. It-theddidiet prinċipali għall-ambjent marittimu li ġew identifikati jinkludu l-effetti tat-tibdil fil-klima; l-impatt tas-sajd kummerċjali; it-tixrid jew il-ħruġ taż-zejt; l-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni; l-ewtrofikazzjoni u l-iżvilupp relatat ta’ fjorituri ta’ algi detrimentali; il-kontaminazzjoni minn skart; il-kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi u t-tniġġis mikrobijoloġiku, rimi ta’ sustanzi radjunuklidi; u tniġġis mill-istorbju. Tibdil fil-klima u s-sajd kienu indikati bħala tnejn mill-iktar pressjonijiet importanti fuq l-ambjent marittimu. Fil-qosor, dak li joħroġ minn dan il-proċess hu messaġġ ċar li l-ibħra u l-oċeani ta’ l-Ewropa jinsabu f’riskju kbir u hemm bżonn li jsiru sforzi urġenti biex tiġi mħarsa l-produttività tagħhom fil-medda t-twila u għalhekk l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali relatati mal-baħar. |

Mezzi użati biex il-pariri ta’ l-esperti jitwasslu lill-pubbliku L-analiżi rilevanti kollha li saret waqt il-fażi preparatorja tad-Direttiva proposta se tkun disponibbli. Id-dokument gwida ta’ l-ICES dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema diġà ġie ppubblikat mill-ICES u se jkun disponibbli fil-websajt tal-Kummissjoni. L-istudju ta’ l-ICES dwar ir-Reġjuni Marittimi ta’ l-UE sar disponibbli għall-partijiet interessati kollha permezz tas-sistema CIRCA. |

Valutazzjoni ta’ l-impatt Żewġ għażliet ewlenin gew ikkunsidrati. L-ewwel għażla kkonsistiet f’approċċ strettament volontarju bbażat fuq Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel rakkomandazzjonijiet mhux obbligatorji dwar kif jiġi protett b’mod effettiv l-ambjent marittimu ta’ l-Ewropa permezz ta’ l-iżvilupp ta’ Strateġiji Marittimi Reġjonali fil-livell ta’ Reġjuni Marittimi li jridu jiġu ddefiniti fil-livell ta’ l-UE. It-tieni għażla eżaminata kienet taħlita ta’ strument legali flessibli u ta’ Komunikazzjoni. L-istrument legali jieħu forma ta’ Direttiva ta’ Strateġija Marittima, ambizzjuża fl-ambitu tagħha iżda mhux preskrittiva żżejjed fl-għodda tagħha. L-ebda miżuri ta’ maniġment speċifiċi ma jkunu stabbiliti fil-livell ta’ l-UE peress li d-Direttiva tkun imħaddma u implimentata fil-livell reġjonali. Barra minn dawn iż-żewġ għażliet, xenarju mingħajr teħid ta’ azzjoni ġie kkunsidrat bħala x-xenarju ta’ referenza biex f’paragun miegħu jiġu stmati l-ispejjeż mistennija mill-miżuri proposti fiż-żewġ għażliet. |

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni ta’ l-impatt, li hija aċċessibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta L-għan aħħari tad-Direttiva proposta huwa li jintlaħaq status ambjentali tajjeb ta’ l-ambjent marittimu sa l-2021. Id-Direttiva proposta se tiddefinixxi biss l-għanijiet u l-prinċipji komuni fil-livell ta’ l-UE. Id-Direttiva proposta se tistabbilixxi Reġjuni Marittimi Ewropej bħala unitajiet ta’ maniġment għall-implimentazzjoni. Għall-ilmijiet marittimi tagħhom f’kull Reġjun Marittimu, l-Istati Membri se jkun meħtieġa jiżviluppaw Strateġiji Marittimi fuq il-bażi tat-tlestija ta’ numru ta’ passi. Fl-iżvilupp ta’ Strateġiji Marittimi, l-Istati Membri se jiġu mistiedna biex jikkooperaw b’mod attiv bejniethom u anke ma’ pajjiżi terzi rilevanti. Finalment, sabiex jitqiesu l-kuntesti partikulari ta’ ċerti Reġjuni Marittimi, id-Direttiva tipprevedi sitwazzjonijiet u oqsma speċjali fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti fil-qafas tad-Direttiva. |

Bażi legali L-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE huwa l-bażi legali xierqa. |

Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sa fejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba r-raġuni(jiet) segwenti. |

L-ambjent marittimu ma jaqbilx mal-konfini ġeo-politiċi eżistenti. Hu essenzjalment transkonfinanti u għalhekk jeħtieġ kooperazzjoni u prinċipji komuni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ metodu purament nazzjonali hu destinat li jfalli. |

L-Istati Membri li jikkonfinaw ma’ reġjuni marittimi jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti li jikkonċernaw l-approċċi, id-dijanjosi u l-programmi ta’ miżuri li jridu jiġu attwati, irrispettivament mill-unità ta’ l-ekosistemi marittimi. L-Istati Membri jistgħu jieħdu toroq differenti jew saħansitra kontradittorji u tulijiet ta’ żmien differenti biex jieħdu azzjoni xierqa, u dan jirriżulta fi protezzjoni ineffettiva ta’ l-ambjent marittimu. Ir-riżultat ikun li l-ambjent marittimu ma jitjiebx. Il-kapaċità ta’ l-oċean li jassorbi pressjonijiet ġodda fuq l-ambjent marittimu, bħal m’hu t-tibdil fil-klima u ż-żieda fit-trasport marittimu, titnaqqas għalhekk b’mod sinjifikanti. |

L-azzjoni tal-Komunità se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni(jiet) segwenti. |

Il-proposta se tistabbilixxi qafas komuni ta’ l-UE biex tindirizza sfidi komuni u se tistabbilixxi prinċipji u approċċi komuni għall-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu madwar l-Ewropa. |

Filwaqt li diversi Stati Membri ta’ l-UE żviluppaw miżuri nazzjonali sabiex jipproteġu l-ambjent marittimu u qed jikkooperaw b’mod attiv fi ftehimiet internazzjonali rilevanti, il-progress ġie mfixkel mill-fatt li miżuri nazzjonali ma jinfluwenzawx l-attivitajiet ta’ pajjiżi oħra li jikkonfinaw ma’ żona marittima partikulari; u l-kooperazzjoni internazzjonali l-aktar fil-qafas ta’ konvenzjonijiet marittimi reġjonali pproduċiet riżultati mħallta minħabba n-nuqqas ta’ infurzar u kontroll ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. |

L-istrument leġiżlattiv propost huwa limitat għal dak li l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu b’mod sodisfaċenti - jiġifieri t-twaqqif ta’ qafas ma’ l-UE kollha li permezz tiegħu l-ambjent marittimu ta’ l-Ewropa jista’ jiġi protett b’mod aktar effettiv. Għanijiet u miżuri ta’ maniġment dettaljati li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb f’kull Reġjun Marittimu ta’ l-UE m’humiex hu se jkunu definiti fil-livell ta’ l-UE. |

Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-propjorzonalità għar-raġuni(jiet) segwenti. |

L-istrument legislattiv propost jieħu l-forma ta’ Direttiva ta’ Strateġija Marittima. Se jitħalla spazju biżżejjed għal deċiżjonijiet nazzjonali u djalogu u konsultazzjoni reġjonali. L-iffissar ta’ miri ambjentali fil-livell reġjonali u l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu dawn il-miri u, għalhekk, status ambjentali tajjeb ta’ l-ambjent marittimu fl-ilmijiet Ewropej taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE f’kull Reġjun Marittimu, se jkun responsabbiltà ta’ l-Istati Membri. |

Il-piż amministrattiv tad-Direttiva proposta ġie stmat għal madwar €90 miljun fis-sena għall-UE kollha kemm hi fl-ewwel sentejn, u €70 miljun minn hemm ‘il quddiem. Min-naħa l-oħra, se jkun hemm żieda sinifikanti fl-effiċjenza billi tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni Se jkun hemm spejjeż ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minn programmi ta’ miżuri maqbula fuq livell reġjonali. Huwa previst li valutazzjonijiet dettaljati ta’ l-impatt tal-programmi ta’ miżuri li għandhom jiġu żviluppati minn Stati Membri se ssir biex jiġi żgurat li l-miri ambjentali jintlaħqu bi spejjeż minimi. Mill-Valutazzjoni ta’ l-Impatt jidher li filwaqt li jista’ jkun hemm spejjeż soċjali u ekonomiċi importanti fil-medda l-qasira, il-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi fil-medda l-medja u t-twila jissuperaw dawn l-ispejjeż b’ammont konsiderevoli. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: Direttiva ta’ Strateġija Marittima. |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) segwenti. L-iżvilupp ta’ strument leġiżlattiv preskrittiv (f’forma ta’ Regolament jew Direttiva aktar stretta) seta’ kien għażla. Madankollu, ir-riżultat ta’ Regolament jew Direttiva aktar stretta kien ikun li jiġu injorati d-diversità tal-kundizzjonijiet u bżonnijiet ta’ l-ambjent marittimu ta’ l-UE billi ma jippermettux lill-Istati Membri jagħmlu numru ta’ għażliet ta’ politika għall-implimentazzjoni fil-livell reġjonali. Għalhekk, approċċ bħal dan ma nżammx. Għażla oħra setgħet kienet li tiġi adottata Rakkomandazzjoni li tagħti deskrizzjoni qasira tal-passi li jridu jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Marittima fil-livell reġjonali. Madankollu, peress li r-Rakkomandazzjonijiet m’humiex obbligatorji, ma kien ikun hemm ebda garanzija li l-Istati Membri kienu jikkommettu ruħhom għal implimentazzjoni rigoruża. Għalhekk, din l-għażla ġiet imwarrba. It-tielet għażla kienet tkun l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni, li torbot fl-intier tagħha n-numru limitat ta’ Stati Membri li għalihom hi indirizzata. Madankollu, peress li 20 minn 25 Stat Membru huma pajjiżi marittimi u t-tkabbir ippjanat se jżid din ix-xejra; u peress li protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent marittimu tirrikjedi wkoll l-involviment ta’ pajjiżi mdawrin bl-art li tagħti għal ġo baħar reġjonali, ma jkunx xieraq li tindirizza numru limitat ta’ destinatarji speċifiċi. Finalment, Deċiżjoni ma kienet tipprovdi ebda flessibilità fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni peress li din torbot fl-intier tagħha. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJI |

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Eżami mill-ġdid/reviżjoni/klawsola ta’ temporanjetà |

Il-proposta tinkludi klawsola ta’ eżami mill-ġdid. |

Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda ż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

1. 2005/0211 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marittimu (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) (Test b’relevanza għall-EEA)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) ta’ dan,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1) L-ambjent marittimu huwa wirt prezzjuż li għandu jiġi protett, restawrat u ttrattat bħala tali bil-għan aħħari li jipprovdi oċeani u ibħra bijoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu sikuri, nodfa, f’saħħithom u produttivi.

(2) Konformi mad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità, strateġija tematika għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu għandha tiġi żviluppata, sa żmien tliet snin mill-adozzjoni ta’ dak il-Programm, bl-għanijiet ġenerali li tippromwovi użu sostenibbli ta’ l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marittimi.

(3) Biex jiġi promoss użu sostenibbli ta’ l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marittimi, għandha tingħata prijorità lill-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marittimu tal-Komunità, it-tkomplija tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ dak l-ambjent, u l-iżgurar li ma jkunx hemm iktar deterjorament.

(4) Biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, hemm bżonn struttura leġiżlattiva trasparenti u koerenti, biex tipprovdi qafas ġenerali ta’ azzjoni u tippermetti li l-azzjoni meħuda tkun koordinata, konsistenti, u integrata sew ma’ azzjonijiet marbuta ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Komunità kif ukoll ma’ ftehimiet internazzjonali.

(5) Il-kundizzjonijiet, il-problemi u l-ħtiġijiet diversi tar-Reġjuni Marittimi varji li jiffurmaw l-ambjent marittimu fil-Komunità jeħtieġu soluzzjonijiet differenti u speċifiċi. Dik id-diversità għandha titqies fil-preparazzjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ambjent marittimu tal-Komunità fil-qafas tar-Reġjuni u Sotto-Reġjuni Marittimi.

(6) Għalhekk huwa xieraq li kull Stat Membru għandu jiżviluppa Strateġija Marittima għall-ilmijiet Ewropej tiegħu li, filwaqt li tkun speċifika għall-ilmijiet tiegħu, tkun tirrifletti l-perspettiva ġenerali tar-Reġjun Marittimu partikolari. L-Istrateġiji Marittimi għandhom jirriżultaw fl-eżekuzzjoni ta’ programmi ta’ miżuri mfassla biex jilħqu status ambjentali tajjeb.

(7) Minħabba n-natura transkonfinanti ta’ l-ambjent marittimu, l-iżvilupp ta’ Strateġiji Marittimi għandu jkun koordinat għal kull Reġjun Marittimu. Peress li r-Reġjuni Marittimi huma kondiviżi kemm bejn Stati Membri kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw l-aktar koordinazzjoni mill-viċin possibbli ma’ l-Istati Membri kollha u l-pajjiżi oħrajn konċernati. Fejn hu prattiku u xieraq, strutturi istituzzjonali eżistenti stabbiliti f’Reġjuni Marittimi għandhom jintużw biex jiżguraw tali koordinazzjoni.

(8) Billi azzjoni fil-livell internazzjonali hija indispensabbli biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, din id-Direttiva għandha ttejjeb l-effettività tal-kontribut tal-Komunità taħt ftehimiet internazzjonali.

(9) Il-Komunità u l-Istati Membri huma parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea ta’ l-UNCLOS u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 relatat ma’ l-implimentazzjoni ta’ Parti XI ta’ dan([5]). L-obbligi tal-Komunità u l-Istati Membri taħt dawk il-ftehimiet għandhom għalhekk jitqiesu bis-sħiħ f’din id-Direttiva.

(10) Din id-Direttiva għandha wkoll issostni l-pożizzjoni qawwija meħuda mill-Komunità, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika[6], dwar il-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità, waqt li tiżgura l-użu konservazzjonali u sostenibbli tal-bijodiversità marittima u dwar il-ħolqien ta’ netwerk globali ta’ żoni marittimi protetti sa l-2012. Barra dan, hi għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Seba’ Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD/COP7), li adottat programm elaborat ta’ ħidma dwar il-bijodiversità marittima u kostali b’numru ta’ skopijiet, għanijiet u attivitajiet maħsuba biex iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità bijoloġika nazzjonali, reġjonali u globali u li jassiguraw il-kapaċità ta’ l-ekosistema marittima li ssostni l-provvista ta’ prodotti u servizzi, u programm ta’ ħidma dwar żoni protetti bl-għan li jitwaqqfu u jinżammu sistemi nazzjonali u reġjonali rappreżentattivi ekoloġikament ta’ żoni marittimi protetti sa l-2012. L-obbligu li l-Istati Membri jiddeżinjaw żoni Natura 2000 taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats jagħmel kontribut importanti lil dan il-proċess.

(11) Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-issodisfar ta’ l-obbligi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri skond diversi ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn li permezz tagħhom daħlu għal impenji importanti rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu mit-tniġġis: il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu taż-Żona tal-Baħar Baltiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE ([7]), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE ([8]), u l-Anness V il-ġdid tagħha dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ekosistemi u d-Diversità Bijoloġika taż-Żona Marittima u l-Appendiċi III relatat, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/340/KE([9]), u tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu u ż-Żona Kostali tal-Mediterran, kif emendata fl-1995 u approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE([10]), u l-Protokoll tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran Mit-Tniġġis minn Sorsi Bbażati Fuq l-Art, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE ([11]).

(12) Peress li l-programmi ta’ miżuri esegwiti skond l-Istrateġiji Marittimi jkunu effettivi biss jekk ikunu maħsuba fuq il-bażi ta’ għarfien sod ta’ l-istat ta’ l-ambjent marittimu f’żona partikolari u mfassla viċin kemm jista’ jkun tal-bżonnijiet ta’ l-ilmijiet konċernati fil-każ ta’ kull Stat Membru u fil-perspettiva ġenerali tar-Reġjun Marittimu konċernat, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-preparazzjoni f’livell nazzjonali ta’ qafas xieraq għat-tfassil ta’ politika b’mod infurmat.

(13) Bħala l-ewwel pass f’dik il-preparazzjoni, l-Istati Membri li jmissu ma’ Reġjun Marittimu għandhom jagħmlu analiżi tal-karatteristiċi ta’ l-ilmijiet marittimi tagħhom, b’mod li jidentifikaw il-pressjonijiet u l-impatti predominanti fuq dawk l-ilmijiet, l-użu ekonomiku u soċjali tagħhom u l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marittimu.

(14) Fuq il-bażi ta’ tali analiżi, l-Istati Membri għandhom imbagħad jiddeterminaw għall-ilmijiet Ewropej sett ta’ karatteristiċi li jikkostitwixxu status ambjentali tajjeb. Għal dawn l-għanijiet, huwa xieraq li ssir dispożizzjoni għal termini li jiddeskrivu kwalitajiet ġeneriċi, kriterji dettaljati u standards li jridu jiġu żviluppati fil-futur qrib mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha.

(15) Il-pass li jmiss biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb għandu jkun li jiġu stabbiliti miri ambjentali u programmi ta’ monitoraġġ għal valutazzjoni kontinwa, li jippermettu li l-istat ta’ l-ilmijiet konċernati jiġi evalwat fuq bażi regolari.

(16) Fuq il-bażi ta’ dawn l-oqsfsa, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta’ miżuri maħsuba biex jilħqu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet konċernati, filwaqt li jakkomodaw il-ħtiġijiet Komunitarji u internazzjonali eżistenti u l-ħtiġijiet tar-Reġjun Marittimu konċernat.

(17) Minkejja li hu xieraq, meta titqies il-preċiżjoni tal-punt fokali meħtieġ, li dawk il-passi jittieħdu mill-Istati Membri, huwa essenzjali, sabiex tkun żgurata l-koeżjoni ta’ l-azzjoni madwar il-Komunità kollha u fir-rigward ta’ l-impenji f’livell globali, li kemm il-qafas preparatorju u kemm il-programmi ta’ miżuri jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(18) Għall-finijiet ta’ ġustizzja u fattibilità, huwa xieraq li jsiru dispożizzjonijiet għall- każijiet fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti.

(19) F’dak il-kuntest hu neċessarju li ssir dispożizzjoni għal żewġ tipi ta’ każi speċjali. L-ewwel wieħed jikkonċerna sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-miri ambjentali stabbiliti minħabba azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ pajjiż ieħor, kawżi naturali jew force majeure , jew minħabba azzjonijiet li dak l-Istat Membru jkun ħa hu stess għal raġunijiet ta’ interess pubbliku li kienu meqjusa li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent. Huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jieħdu miżuri ad hoc f’tali każijiet minflok il-miżuri integrati fil-programm ta’ miżuri tagħhom. Miżuri a d hoc għandhom ikunu mfassla biex ma jħallux aktar deterjorament fl-istatus ta’ l-ilmijiet marittimi affettwati u biex itaffu l-impatt ħażin fuq ir-Reġjun Marittimu konċernat.

(20) It-tieni tip ta’ każ speċjali huwa fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li għandha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marittimi Ewropej tiegħu, anke forsi tar-Reġjun Marittimu konċernat kollu, iżda li ma tistax tiġi solvuta b’miżuri meħuda fil-livell nazzjonali. F’tali każijiet, għandha ssir dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tiġi infurmata fil-qafas tas-sottomissjoni ta’ programmi ta’ miżuri.

(21) Madankollu, huwa meħtieġ li l-flessibilità introdotta għall-każijiet speċjali tkun soġġetta għal kontroll f’livell Komunitarju. Rigward l-ewwel tip ta’ każ, huwa għalhekk xieraq li, matul il-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni qabel tapprova l-programm ta’ miżuri, tingħata l-attenzjoni dovuta lill-effikaċja ta’ kwalunkwe miżura ad hoc meħuda. Barra dan, f’każijiet fejn l-Istat Membru jirreferi għal azzjoni meħuda għal raġunijiet ta’ importanza massima fl-interess pubbliku, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe modifika jew alterazzjoni li ssir lill-ambjent marittimu bħala konsegwenza ma jeskludux jew jikkompromettux b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun Marittimu konċernat.

(22) Fir-rigward tat-tieni tip ta’ każ speċjali, il-Kummissjoni għandha, qabel tapprova l-programm ta’ miżuri, tikkunsidra l-validità tal-pożizzjoni meħuda mill-Istat Membru konċernat, jiġifieri, li l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali ma jkunux biżżejjed, u li għalhekk l-azzjoni f’livell Komunitarju hija meħtieġa.

(23) Minħabba n-natura dinamika ta’ l-ekosistemi marittimi u tal-varjabilità naturali tagħhom, u l-fatt li l-pressjonijiet u l-impatti fuqhom ikunu se jvarjaw bl-evolviment ta’ tipi differenti ta’ attività umana u l-impatt tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jingħaraf li d-definizzjoni ta’ status ambjentali tajjeb hija dinamika u flessibbli u trid tiġi adattata maż-żmien. B’hekk, huwa xieraq li l-protezzjoni ta’ l-ambjent marittimu tkun flessibbli u adattabbli. Għalhekk huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall- aġġornar ta’ l-Istrateġiji Marittimi fuq bażi regolari.

(24) Hu neċessarju wkoll li ssir dispożizzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri u aġġornamenti tagħhom, u għal rapporti interim li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni, u li jiddeskrivu l-progress fl-implimentazzjoni tal-programm.

(25) Biex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-pubbliku ġenerali fit-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marittimi, huwa meħtieġ li tingħata informazzjoni xierqa dwar l-elementi differenti tal-Istrateġiji Marittimi, jew l-aġġornamenti relatati magħhom, kif ukoll, meta jintalbu, dokumenti u informazzjoni ta’ sfond rilevanti użati għall-iżvilupp ta’ l-Istrateġiji Marittimi.

(26) Huwa xieraq li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi ta’ miżuri kollha u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2021. Rapporti sussegwenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati kull sitt snin minn dakinhar ’il quddiem.

(27) Għandha ssir dispożizzjoni għall-adozzjoni ta’ adattamenti ta’ standards għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marittimu, monitoraġġ, miri ambjentali u ta’ formati tekniċi għall-finijiet ta’ trasmissjoni u pproċessar ta’ data sabiex ikunu kompatibbli mad-Direttiva [12].

(28) Miżuri li jirregolaw l-immaniġġjar tas-sajd jistgħu jittieħdu biss fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd,[13] ibbażata fuq pariri xjentifiċi, u għalhekk m’humiex indirizzati minn din id-Direttiva. Il-kontroll tar-rimi u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ materjal radjuattiv huwa regolat mill-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat EURATOM u għalhekk m’hux indirizzat minn din id-Direttiva.

(29) Billi l-għanijiet ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(30) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikulari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikulari, din tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fl-oqsma ta’ politika tal-Komunità ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u titjib fil-kwalità ambjentali konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(31) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni ta’ poteri konferiti fuq il-Kummissjoni[14],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1Materja tas-suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-iżvilupp ta’ Strateġiji Marittimi maħsuba biex jilħqu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marittimu [sa mhux aktar tard mis-sena 2021], u biex tiżgura l-protezzjoni u l-preservazzjoni kontinwa ta’ dak l-ambjent u l-prevenzjoni tad-deterjorament.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “status ambjentali” jfisser l-istat ġenerali ta’ l-ambjent fl-ilmijiet marittimi, filwaqt li jitqiesu l-istruttura, l-funzjoni u l-proċessi ta’ l-ekosistemi marittimi kostitwenti flimkien mal-fatturi naturali fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi, kif ukoll il-kundizzjonijiet fiżiċi u kimiċi inklużi dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata.

Artikolu 2 Firxa ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva hija applikabbli għall-ilmijiet Ewropej kollha fuq in-naħa marittima tal-linja bażi minn fejn il-firxa ta’ l-ilmijiet territorjali tiġi mkejla li testendi sat-tarf nett taż-żona li taqa’ taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri inkluż il-qiegħ ta’ dawk l-ilmijiet kollha u l-ħamrija ta’ taħthom, minn hawn ’il quddiem imsejħa “ilmijiet marittimi Ewropej”.

Artikolu 3Reġjuni u Sotto-Reġjuni Marittimi

1. L-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, jikkunsidraw il-fatt li l-ilmijiet marittimi Ewropej tagħhom jiffurmaw parti integrali minn dawn ir-Reġjuni Marittimi li ġejjin:

(a) il-Baħar Baltiku;

(b) l-Oċean Atlantiku tal-Grigal;

(ċ) il-Baħar Mediterran.

2. L-Istati Membri jistgħu, biex jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet ta’ żona partikulari, jimplimentaw din id-Direttiva b’referenza għas-suddiviżjonijiet ta’ l-ilmijiet marittimi msemmija fil-paragrafu 1, sakemm dawn is-suddiviżjonijiet jkunu delimitati b’mod kompatibbli mas-Sotto-Reġjuni Marittimi li ġejjin:

(a) fl-Atlantiku tal-Grigal:

(i) fil-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, inklużi l-Kattegat, il-Kanal Ingliż, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit;

(ii) fl-Ibħra Ċeltiċi, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit;

(iii) fil-Bajja ta’ Biscay u l-Kosta ta’ l-Iberja, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Franza, il-Portugall u Spanja;

(iv) fl-Oċean Atlantiku, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Portugall li jdawru l-Azores u l-Madejra, u ta’ Spanja, li jdawru l-Gżejjer Kanarji;

(b) fil-Mediterran:

(i) fil-Baħar Mediterran tal-Punent, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Spanja, Franza u l-Italja;

(ii) fil-Baħar Adrijatiku, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Italja u s-Slovenja;

(iii) fil-Baħar Jonju, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Greċja, l-Italja u Malta;

(iv) fil-Baħar Eġew u tal-Lvant, l-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tal-Greċja u Ċipru.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe suddiviżjoni sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(1).

Artikolu 4Strateġiji Marittimi

Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull Reġjun Marittimu konċernat, jiżviluppa Strateġija Marittima għall-ilmijiet marittimi Ewropej tiegħu f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni li ġej:

(a) Preparazzjoni:

(i) valutazzjoni inizjali, li trid titlesta sa [ 4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ], ta’ l-istatus ambjentali kurrenti ta’ l-ilmijiet konċernati u l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 7;

(ii) determinazzjoni, li trid tiġi stabbilita sa [ 4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ], ta’ l-istatus ambjentali kurrenti ta’ l-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 8(1);

(iii) it-twaqqif, sa [ 5 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ], ta’ serje ta’ miri ambjentali, skond l-Artikolu 9(1);

(iv) it-twaqqif u l-implimentazzjoni, sa [ 6 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ] ħlief fejn speċifikat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, ta’ programm ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa u aġġornamenti regolari tal-miri, skond l-Artikolu 10(1);

(b) Programmi ta’ miżuri:

(i) l-iżvilupp, sa mhux aktar tard mill-2016, ta’ programm ta’ miżuri maħsub biex jilħaq status ambjentali tajjeb, skond l-Artikolu 12(1), (2) u (3);

(ii) id-dħul fis-seħħ tal-programm previst fil-punt (i), sa mhux aktar tard mill-2018, skond l-Artikolu 12(6).

Artikolu 5Koordinazzjoni u kooperazzjoni

1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri b’ilmijiet marittimi fl-istess Reġjun jew Sotto-Reġjun Marittimu għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.

Fejn prattiku u xieraq, l-Istati Membri għandhom jużaw strutturi istituzzjonali eżistenti stabbiliti f’dak ir-Reġjun jew Sotto-Reġjun Marittimu.

2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom, f’kull Reġjun jew Sotto-Reġjun Marittimu, jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq ilmijiet fl-istess Reġjun jew Sotto-Reġjun.

F’dak il-kuntest, Stati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jibnu fuq programmi u attivitajiet eżistenti żviluppati fil-qafas ta’ strutturi li ħerġin minn ftehimiet internazzjonali.

Artikolu 6Awtoritajiet kompetenti

1. L-Istati Membri għandhom, sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(1), jaħtru għal kull Reġjun Marittimu l-awtorità kompetenti ghall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-ilmijiet marittimi Ewropej tagħhom.

Sa sitt xhur minn dik id-data, L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti maħtura, flimkien mal-punti ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness I.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-korpi internazzjonali kollha rilevanti li jipparteċipaw fihom.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull tibdil fl-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafu 1 sa tliet xhur minn mindu tali bidlatidħol fis-seħħ

Kapitolu II Strateġiji Marittimi: Preparazzjoni

Artikolu 7Valutazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ l-ilmijiet marittimi Ewropej tagħhom, li tinkludi dawn li ġejjin:

(a) analiżi tal-karatteristiċi essenzjali u l-istatus ambjentali kurrenti ta’ dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-lista mhux eżawrjenti ta’ l-elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness II, u li tkopri t-tipi ta’ ħabitats, il-komponenti bijoloġiċi, il-karatteristiċi fiżjokimiċi u l-idromorfoloġija;

(b) analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti predominanti, inkluża l-attività tal-bniedem, fuq il-karatteristiċi u l-istatus ambjentali ta’ dawk l-ilmijiet ibbażata fuq il-lista mhux eżawrjenti ta’ l-elementi stabbilita fit-Tabella 2 ta’ l-Anness II, u li tkopri t-taħlita kwalitattiva u kwantitattiva tal-pressjonijiet varji, kif ukoll ix-xejriet li jintlemħu;

(ċ) analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu tagħhom u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marittimu.

2. L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw elementi li jirrigwardaw ilmijiet kostali, tranżizzjonali u territorjali koperti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/60/KE sabiex jipproduċu valutazzjoni komprensiva ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marittimu.

Artikolu 8 Determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

1. B’referenza għall-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun Marittimu konċernat, jiddeterminaw għall-ilmijiet marittimi Ewropej sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb, fuq il-bażi ta’ deskritturi kwalitattivi, kriterji u standards ġeneriċi previsti fil-paragrafu 3.

Huma għandhom jikkunsidraw l-elementi elenkati fl-Anness II u, partikolarment, it-tipi ta’ ħabitats, il-komponenti bijoloġiċi, il-karatteristiċi fiżjokimiċi, l-idromorfoloġija.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni magħmula skond l-Artikolu 7(1) u d-determinazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun tlestiet din ta’ l-aħħar.

3. Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati kollha, sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ] tistipula, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu [22(2)] u fuq il-bażi ta’ l-Anness II, deskritturi kwalitattivi ġeneriċi, kriterji u standards dettaljati għall-għarfien ta’ status ambjentali tajjeb.

Artikolu 9 Stabbiliment ta’ miri ambjentali

1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula f’konformità ma’ l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun Marittimu konċernat, jistabbilixxu sett komprensiv ta’ miri ambjentali u indikaturi assoċjati għall-ilmijiet marittimi Ewropej kollha tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw il-lista mhux eżawrjenti ta’ karatteristiċi mogħtija fl-Anness III.

Fit-tfassil ta’ dawk il-miri u l-indikaturi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-applikazzjoni kontinwa tal-miri ambjentali eżistenti, stabbiliti fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali fir-rigward ta’ l-istess ilmijiet.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miri ambjentali mhux aktar tard minn tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

Artikolu 10 Stabbiliment ta’ programmi ta’ monitoraġġ

1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni inizjali skond l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta’ monitoraġġ biex jivvalutaw kontinwament l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marittimi Ewropej tagħhom fuq il-bażi tal-listi mogħtija fl-Annessi II u IV, u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 9.

Dawk il-programmi għandhom ikunu konsistenti fir-Reġjuni jew Sotto-Reġjuni Marittimi u għandhom jibnu fuq dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti jew taħt ftehimiet internazzjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta’ monitoraġġ sa mhux aktar tard minn tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

3. Fejn hu xieraq, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu [22(2)], tadotta speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għal monitoraġġ u valutazzjoni li jikkunsidraw l-obbligi eżistenti u jiżguraw il-komparabilità bejn ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

Artikolu 11 Approvazzjoni

Fuq il-bażi tan-notifiki magħmula skond l-Artikoli 7(1), 8(2), 9(2) u 10(2) għal kull Reġjun Marittimu, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fil-każ ta’ kull Stat Membru, l-elementi nnotifikati jikkostitwixxux qafas li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Fl-għemil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ta’ l-oqfsa fir-Reġjuni Marittimi varji mal-Komunità kollha.

Għall-fini tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat biex jipprovdi kull informazzjoni addizzjonali neċessarja li tippermettilha tasal għad-deċiżjoni tagħha.

Sa sitt xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 10, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fil-każ ta’ kwalunkwe Stat Membru, li tirrifjuta l-qafas jew kull element minnu, fuq il-bażi li dan ma jkunx konformi ma’ din id-Direttiva.

Kapitolu III Strateġiji Marittimi: Programmi ta’ miżuri

Artikolu 12 Programmi ta’ miżuri

1. L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun Marittimu konċernat, jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb, kif determinat skond l-Artikolu 8(1), fl-ilmijiet marittimi Ewropej kollha tagħhom.

Dawk il-miżuri għandhom jitfasslu fuq il-bażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 7(1) u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti f’konformità ma’ l-Artikolu 9(1), u b’kunsiderazzjoni tat-tipi ta’ miżuri elenkati fl-Anness V.

2. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri mfassla f’konformità mal-paragrafu 1 fi programm ta’ miżuri, filwaqt li jikkunsidraw il-miżuri meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew ftehimiet internazzjonali rilevanti.

3. Fit-tfassil tal-programm ta’ miżuri skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu lill-iżvilupp sostenibbli u, partikolarment, lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri huma effettivi f’termini ta’ nfiq, li huma teknikament fattibbli u għandhom jagħmlu valutazzjonijiet ta’ l-impatt, inklużi analiżi dettaljati tal-benefiċċji f’termini ta’ nfiq, qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

4. L-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi ta’ miżuri tagħhom kif il-miżuri se jiġu implimentati u kif se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 9(1).

5. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru konċernat bil-programmi ta’ miżuri tagħhom, sa mhux aktar tard minn tliet xhur minn mindu jitlestew.

6. Suġġetti għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi jibdew jitħaddmu sa sentejn minn mindu jitlestew.

Artikolu 13 Żoni Speċjali

1. Fejn Stat Membru jidentifika żona fl-ilmijiet marittimi Ewropej tiegħu fejn, minħabba kwalunkwe mir-raġunijiet li ġejjin, il-miri ambjentali ma jkunux jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, dan għandu jidentifika b’mod ċar dik iż-żona fil-programm ta’ miżuri tiegħu u jipprovdi lill-Kummissjoni bl-evidenza neċessarja biex jissostanzja l-fehma tiegħu:

(a) azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ Stat Membru ieħor jew pajjiż terz;

(b) kawżi naturali jew force majeure ;

(ċ) modifiki jew alterazzjonijiet fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-ilmijiet marittimi kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet prijoritarji ta’ interess pubbliku li kien ta’ importanza ikbtar mill-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Madankollu, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu miżuri ad hoc xierqa biex jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marittimi affettwati u biex itaffi l-impatt ħażin fuq ir-Reġjun Marittimu konċernat.

2. Fis-sitwazzjoni koperta mill-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modifiki jew l-alterazzjonijiet ma jeskludux jew ma jikkompromettux b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun Marittimu konċernat.

3. Il-miżuri ad hoc imsemmija fi-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiffurmaw parti integrali minn programm ta’ miżuri.

Artikolu 14 Informazzjoni

Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li għandha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marittimi Ewropej tiegħu u li ma tistax tiġi ffaċċjata b’miżuri adottati fil-livell nazzjonali, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan u jipprovdi l-evidenza neċessarja biex jissostanzja l-fehma tiegħu.

Artikolu 15 Approvazzjoni

Fuq il-bażi tan-notifiki ta’ programmi ta’ miżuri f’konformità ma’ l-Artikolu 12(5), il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, fil-każ ta’ kull Stat Membru, il-programmi nnotifikati jikkostitwixxux mod xieraq kif jinkiseb status ambjentali tajjeb kif determinat skond l-Artikolu 8(1).

Fl-għemil ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza madwar il-Komunità tal-programmi ta’ miżuri.

Għall-iskopijiet tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex tgħinha tasal għad-deċiżjoni tagħha.

Fi żmien sitt xhur minn mindu tirċievi n-notifiki tal-programmi ta’ miżuri, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fil-każ ta’ kwalunkwe Stat Membru, li tirrifjuta programm jew kwalunkwe aspett tiegħu, fuq il-bażi li dan ma jkunx konformi ma’ din id-Direttiva.

Kapitolu IVAġġornar, rapporti u informazzjoni pubblika

Artikolu 16 Aġġornar

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun Marittimu konċernat, l-Istrateġiji Marittimi tagħhom jinżammu aġġornati.

2. Għal-għanijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marittimi tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, previsti fl-Artikoli 7(1) u 8(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 9(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 12(2).

3. Dettalji ta’ kwalunkwe aġġornamenti li jsiru wara r-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 18(2).

4. L-Artikoli 11 u 15 għandhom japplikaw mutatis mutandis .

Artikolu 17 Rapporti interim

L-Istati Membri għandhom, sa tliet snin mill-pubblikazzjoni ta’ kull programm ta’ miżuri jew aġġornament tiegħu skond l-Artikolu 18(2), jissottomettu lill-Kummissjoni rapport interim li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.

Artikolu 18 Konsultazzjoni u informazzjoni pubbliċi

1. F’konformità mad-Direttiva 2003/35/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fl-istabbiliment ta’ l-Istrateġiji Marittimi previsti fil- Kapitoli II and III, u l-aġġornament tagħhom skond l-Artikolu 16.

2. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-kummenti tal-pubbliku, sommarji ta’ l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marittimi tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, prevista fl-Artikoli 7(1) and 8(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 9(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 12(2).

3. Skond id-Direttiva 2003/4/KE, għandu jingħata aċċess meta mitlub għal dokumenti ta’ sfond u informazzjoni użati għall-iżvilupp ta’ l-Istrateġiji Marittimi. B’mod partikolari, id- data u l-informazzjoni li jirriżultaw mill-valutazzjoni inizjali u l-programmi ta’ monitoraġġ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet jew kwalunkwe mezz xieraq ieħor ta’ telekomunikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-eżekuzzjoni tal-ħidma tagħha, aċċess bla restrizzjonijiet u bid-drittijiet ta’ l-użu fir-rigward ta’ dik id- data u informazzjoni.

Artikolu 19 Rapporti tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi kollha ta’ miżuri u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn l-2021.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti oħra kull sitt snin minn dakinhar ‘il quddiem.

Hi għandha tissottometti r-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2. Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu li ġej:

(a) reviżjoni tal-progress ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b) reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marittimu fil-Komunità, magħmul f’koordinazzzjoni ma’ l-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent u l-organizzazzjonijiet u konvenzjonijiet reġjonali marittimu u tas-sajd rilevanti;

(c) servej ta’ l-Istrateġiji Marittimi, flimkien ma’ suġġerimenti għat-titjib tagħhom;

(d) sommarju tal-valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 15, fir-rigward ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri f’konformità ma’ l-Artikolu 14;

(e) sommarju tar-reazzjoni għal kull wieħed mir-rapporti lill-Kummissjoni magħmula mill-Istati Membri f’konformità ma’ l-Artikolu 17;

(f) sommarju tat-tweġibiet għall-kummenti magħmula mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Strateġiji Marittimi preċedenti.

Artikolu 20 Reviżjoni ta’ din id-Direttiva

Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta’ din id-Direttiva sa [ 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ] u għandha, fejn hu xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda neċessarja.

Kapitolu V Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 21Adattamenti tekniċi

1. L-Annessi II, III u IV għandhom ikunu adattati għal progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu [22(2)], bil-kunsiderazzjoni tal-perjodi tar-reviżjoni u l-aġġornar ta’ l-Istrateġiji Marittimi , stipulati fl-Artikolu 16(2).

2. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu [22(2)], tadotta dawn li ġejjin:

(a) standards għall-applikazzjoni ta’ l-Annessi [II], [III] u [IV];

(b) formati tekniċi għal skopijiet ta’ trażmissjoni u pproċessar ta’ data , inkluża data statistika u kartografika.

Artikolu 22 Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu [21(1)] tad-Direttiva 2000/60/KE, minn hawn ’il quddiem "il-Kumitat".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 23 Trażpożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn [ tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 25 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

Anness I Artikolu 6 (2)

(1) L-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti – l-isem u l-indirizz uffiċċjali ta’ l-awtorità identifikata.

(2) L-istatus legali ta’ l-awtorità kompetenti – deskrizzjoni ta’ l-istatus legali ta’ l-awtorità kompetenti u, fejn hu relevanti, sommarju jew kopja ta’ l-istatut tagħha, it-trattat tat-twaqqif jew dokument legali ekwivalenti.

(3) Responsabbiltajiet – deskrizzjoni tar-responsabbiltajiet legali u amministrattivi ta’ l-awtorità kompetenti u tar-rwol tagħha fl-ibħra kkonċernati.

(4) Sħubija – meta l-awtorità kompetenti taġixxi bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħra, hemm bżonn ta’ lista ta’ dawn il-korpi flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti biex tassigura koordinazzjoni.

(5) Koordinazzjoni reġjonali – Hemm bżonn ta’ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tassigura koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li l-ibħra Ewropej tagħhom jaqgħu fl-istess Reġjun Marittimu.

Anness IIArtikoli 7(1), 8(1) u 10(1)

Tabella 1 - Karatteristiċi |

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi | karatteristiċi batimetriċi; ir-reġim tat-temperatura annwali u staġjonali; kurrenti predominanti u ż-żmien stmat għar- riċiklaġġ/sostituzzjoni; Salinità inklużi xejriet u gradjenti madwar ir-reġjun kollu. |

Tipi ta’ ħabitats | - It-tip(i) predominanti ta’ ħabitats b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tipiċi - fond, reġim ta’ temperatura, kurrenti, salinità, struttura u sottostrat tal-qiegħ; - Identifikazzjoni u mmappjar ta’ tipi ta’ ħabitats speċjali l-iżjed dawk rikonoxxuti jew identifikati taħt il-leġislazzjoni ta’ l-UE (id-direttivi dwar il-ħabitats u l-għasafar) jew konvenzjonijiet internazzjonali bħala ta’ interess speċjali xjentifiku jew ta’ bijodiversità; - Oqsma oħra speċjali li minħabba l-karatteristiċi, post, jew importanza strateġika tagħhom jistħoqqilhom referenza partikolari. Din tista’ tinkludi oqsma suġġetti għal pressjonijiet intensi jew speċifiċi jew żoni li jistħoqqilhom reġim ta’ protezzjoni speċifika. |

Elementi Bijoloġiċi | - Deskrizzjoni tal-komunitajiet bijoloġiċi assoċjati mal-ħabitats predominanti. Din tkun tinkludi informazzjoni dwar il-komunitajiet tipiċi ta’ fitoplankton u żooplankton li jinkludu l-ispeċi tipiċi, il-varjabilità staġjonali u ġeografika u stimi tal-produttività primarja u sekondarja. Informazzjoni dwar il-fawna invertebrata tal-qiegħ li tinkludi l-kompożizzjoni ta’ l-ispeċi, il-bijomassa, il-produttività u l-varjabilità annwali/staġjonali għandha tiġi pprovduta wkoll. Fl-aħħarnett, għandha tiġi ppreżentata informazzjoni dwar l-istruttura tal-popolazzjonijiet ta’ ħut li tinkludi l-abbundanza, distribuzzjoni u l-istruttura ta’ età/daqs tal-popolazzjonijiet. - Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-status naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha tal-mammiferi marini li jinsabu fir-reġjun/sottoreġjun. Għal dawk l-ispeċi koperti minn leġislazzjoni ta’ l-UE (direttiva dwar il-ħabitats) jew ftehimiet internazzjonali, għandha tiġi pprovduta wkoll deskrizzjoni tat-theddid prinċipali u l-miżuri eżistenti ta’ protezzjoni/immaniġġjar; - Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar tal-baħar li jinsabu fir-reġjun/sottoreġjun. Għal dawk l-ispeċi koperti minn leġislazzjoni ta’ l-UE (direttiva dwar l-għasafar) jew ftehimiet internazzjonali, għandha tiġi pprovduta wkoll deskrizzjoni tat-theddid prinċipali u l-miżuri eżistenti ta’ protezzjoni/immaniġġjar; - Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi l-oħra kollha li jinsabu fir-reġjun/sottoreġjun li huma s-suġġett ta’ leġislazzjoni ta’ l-UE jew ftehimiet internazzjonali inkluża deskrizzjoni tat-theddid prinċipali u l-miżuri eżistenti ta’ protezzjoni/immaniġġjar. - Inventarju tal-preżenza, abbundanza u distribuzzjoni ta’ speċi eżotiċi mhux indiġeni li jinsabu fir-reġjun/sottoreġjun. |

Karatteristiċi Oħra | - Deskrizzjoni ta’ inċidenzi ta’ żidiet fl-arrikament tan-nutrijenti, iċ-ċikli tan-nutrijenti (kurrenti u interazzjonijiet sediment/ilma), distribuzzjoni fl-ispazju, konsegwenzi; - Deskrizzjoni ta’ l-istat ġenerali ta’ tniġġis bil-kimi`i li tinkludi kimiċi problematiċi, kontaminazzjoni tas-sediment, sitwazzjonijiet jaħarqu, kwistjonijiet ta’ saħħa (kontaminazzjoni tal-laħam tal-ħut); - Kull karatteristika oħra, tipika/partikolari għar-reġjun/sottoreġjun (eż. munizzjon mormi) |

Tabella 2 – Pressjonijiet u Impatti Ġenerali It-tniġġis f’forma ta’ introduzzjoni diretta jew indiretta, kaġun ta’ attività umana, ta’ sustanzi jew enerġija, li jinkludi storbju taħt il-baħar ikkawżat mill-bniedem, fl-ambjent marittimu li jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta f’effetti detrimentali bħal m’huma l-ħsara lir- riżorsi ħajja u l-ħajja tal-baħar, perikli għas-saħħa tal-bniedem, tfixkil ta’ attivitajiet marittimi, inklużi s-sajd, it-turiżmu u r-rekreazzjoni u użu leġittimu ieħor tal-baħar, ħsara fil-kwalità ta’ l-użu ta’ l-ilma baħar u tnaqqis ta’ amenitajiet. |

Telf fiżiku | Soppressjoni (eż. bi strutturi artifiċjali, rimi ta’ ħama tal-gangmu) Issiġillar (eż. permezz ta’ kostruzzjonijiet permanenti) |

Ħsara fiżika | Ġbir ta’ ħama (eż. Ilma tax-xita minn fuq l-art, tħammil, drenaġġ) Tgħawwir tal-Blat (ez. Tbaħħir, ankraġġ) Estrazzjoni selettiva (ez. tħammil aggregat, taħbil) |

Disturbi mhux fiżiċi | Storbju (eż. attività tat-tbaħħir, sismiku) Viżwali (eż. attività rikreattiva) |

Kontaminazzjoni Tossika | Introduzzjoni ta’ komposti sintetiċi (eż. pestiċidi, żebgħat antifawling, kimiċi PCBs) Introduzzjoni ta’ komposti mhux sintetiċi (eż. metalli tqal, idrokarboni) Introduzzjoni ta’ radjunuklidi |

Kontaminazzjoni mhux tossika | Arrikiment tan-nutrijenti (eż. Ilma tax-xaba’ ta’ l-art, drenaġġ) Arrikkiment organiku (eż. marikultura, drenaġġ) Tibdil fir-reġim termali (eż. skarikar ta’ ilma skart ittrattat, power stations) Tibdil fit-turbidity (eż. Ilma tax-xita mill-art, tħammil) |

Disturbi bijoloġiċi | Introduzzjoni ta’ patoġeni mikrobiċi Introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni u traslokazzjonijiet Estrazzjoni selettiva ta’ speċi (eż. sajd kummerċjali u rikreattiv) |

Anness IIIArtikolu 9(1)

(1) Kopertura adegwata ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun jew Sottoreġjun Marittimu.

(2) Il-ħtieġa li jitwaqqfu (a) miri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet mixtieqa bbażati fuq id-definizzjoni ta’ status ambjentali tajjeb; (b) miri li jistgħu jitkejlu u jippermettu l-monitoraġġ; u (c) miri ta’ l-operat relatati ma’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni biex jappoġġjaw l-ilħuq tagħhom.

(3) Speċifikazzjoni ta’ l-istatus ambjentali li għandu jintlaħaq u formulazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar espress f’termini ta’ kwalitajiet li jistgħu jiġu mkejla ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marittimi Ewropej ta’ Stat Membru f’Reġjun jew Sottoreġjun Marittimu.

(4) Konsistenza tas-sett ta’ miri; assenza ta’ konflitti bejniethom.

(5) Speċifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri.

(6) Formulazzjoni tal-miri b’perjodu definit ta’ żmien biex jintlaħqu.

(7) Speċifikazzjoni ta’ indikaturi maħsuba biex jissorveljaw il-progress u biex jiggwidaw deċiżjonijiet maniġerjali biex jintlaħqu l-miri.

(8) Fejn hu xieraq, speċifikazzjoni ta’ punti ta’ riferiment (punti ta’ riferiment għall-miri u limiti).

(9) Konsiderazzjoni dovuta ta’ l-interessi soċjali u ekonomiċi fl-issettjar tal-miri.

(10) Eżaminazzjoni tas-sett ta’ miri ambjentali, l-indikaturi assoċjati u l-punti ta’ riferiment tal-limiti u l-miri żviluppati fid-dawl ta’ l-għan ambjentali stipulat fl-Artikolu [1] biex ikun ivvalutat jekk l-ilħuq tal-miri jwassalx l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun Marittimu għal status li jikkorrispondi magħhom.

(11) Kompatabilità tal-miri ma’ l-objettivi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha ikkommettew ruħhom għalihom taħt ftehimiet internazzjonali u reġjonali relevanti.

(12) Meta s-sett ta’ miri u indikaturi jkunu twaqqfu, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien relattivament ma’ l-għan ambjentali stipulat fl-Artikolu [1] biex ikun ivvalutat jekk l-ilħuq tal-miri jwassalx l-ambjent marittimu għal status li jikkorrispondi magħhom.

Anness IVArtikolu 10(1)

(1) Ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni għal valutazzjoni ta’ l-istatus ambjentali u għal kejl tad-distanza minn u l-progress lejn status ambjentali tajjeb konformi ma’ l-Anness [II] u ma’ l-istandards iddettaljati u l-kriterji li għandhom jiġu definiti skond ma’ l-Artikolu [8(3)].

(2) Ħtieġa li tiġi assigurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tagħmel possibbli l-identifikazzjoni ta’ indikaturi adattati għall-miri ambjentali fl-Artikolu [9].

(3) Ħtieġa li tiġi assigurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-valutazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu [12].

(4) Ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet biex tiġi identifikata l-kawża tal-bidla u għalhekk il-miżuri korrettivi possibbli li jkun jinħtieġ jittieħdu biex jirritorna l-istatus ambjentali tajjeb, meta d-devjazzjonijiet mill-parametri ta’ l-status mixtieq ikunu identifikati.

(5) Ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar sustanzi kimiċi li jikkontaminaw fi speċi li jittieklu min-nies minn żoni ta’sajd kummerċjali.

(6) Ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet biex jikkonfermaw li l-miżuri korrettivi jwasslu għat-tibdil mixtieq u mhux għal effetti sekondarji mhux mixtieqa.

(7) Ħtieġa li tinġabar flimkien l-informazzjoni fuq il-bażi ta’ Reġjuni Marittimi.

(8) Ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi u metodi standardizzati għal monitoraġġ fuq livell tal-Komunità biex tkun tista’ tiġi kkomparata l-informazzjoni.

(9) Ħtieġa li tkun assigurata kemm jista’ jkun il-kompatibilità ma’ programmi eżistenti li ġew żviluppati fuq livell reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li titrawwem konsistenza bejn dawn il-programmi u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi .

(10) Ħtieġa li tiġi nkluża bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu [7] il-valutazzjoni ta’ bidliet kbar fil-kondizzjonijiet ambjentali u wkoll, fejn hemm bżonn, kwistjonijiet ġodda u emerġenti.

(11) Ħtieġa li jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu [7] l-elementi elenkati fl-Anness II u l-varjabilità naturali tagħhom u biex jiġu evalwati x-xejriet lejn l-ilħuq tal-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu [9(1)], bl-użu, kif jixraq, ta' l-indikaturi stabbiliti u l-punti ta’ referenza tal-limiti jew miri tagħhom.

Anness VArtikolu 1 2(1)

(1) Kontrolli ta’ l- inputs : miżuri ta’ maniġment li jinfluwenzaw l-ammont ta’ attività umana li hi permessa .

(2) Kontrolli ta’ l- outputs : miżuri ta’ maniġment li jinfluwenzaw il-grad ta’ perturbazzjoni ta’ komponent fl-ekosistema li hu permess.

(3) Kontrolli tad-distribuzzjoni ta’ spazju u ħin: miżuri ta’ maniġment li jinfluwenzaw fejn u meta xi attività titħalla sseħħ.

(4) Miżuri ta’ koordinazzjoni tal-maniġment: għodda biex jiżguraw li l-maniġment ikun koordinat.

(5) Inċentivi ekonomiċi: miżuri ta’ maniġment li jagħmluha fl-interess ekonomiku ta’ dawk li jużaw l-ekosistema marittima li jaġixxu b’modi li jgħinu l-ilħuq ta’ l-għanijiet ekoloġiċi għall-ekosistema.

(6) Għodda ta’ mitigazzjoni u rimedju: għodda ta’ maniġment li tiggwida attivitajiet umani biex jirrestawraw komponenti mħassra ta’ l-ekosistemi marittimi.

(7) Komunikazzjoni, involviment tal-partijiet interessati u t-tqajjim ta’ kuxjenza pubblika.

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU L 179, tat-23.6.1998, p.1.

[6] Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KE, 25.10.1993, ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1-20

[7] ĠU L 73, tas-16.3.1994, p.19.

[8] ĠU L 104, tat-3.4.1998, p.1.

[9] ĠU L 118, tal-8.5.2000, p.44.

[10] ĠU L 240, tad-19.9.1977, p.1. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 99/802/KE (ĠU L 322, ta’ l-14.12.1999).

[11] ĠU L 67, tat-12.3.1983, p.1.

[12] daħħal referenza għad-Direttiva INSPIRE meta tiġi adottata

[13] ĠU L 358, tal-31/12/2002, p. 59.

[14] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

Top