This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026R0137
Commission Delegated Regulation (EU) 2026/137 of 15 January 2026 supplementing Council Regulation (EC) No 6/2002 on European Union designs with rules specifying the details of certain proceedings concerning registered designs, and repealing Commission Regulation (EC) No 2245/2002
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/137 tal-15 ta’ Jannar 2026 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea b’regoli li jispeċifikaw id-dettalji ta’ ċerti proċedimenti li jikkonċernaw id-disinji rreġistrati, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/137 tal-15 ta’ Jannar 2026 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea b’regoli li jispeċifikaw id-dettalji ta’ ċerti proċedimenti li jikkonċernaw id-disinji rreġistrati, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002
C/2026/54
ĠU L, 2026/137, , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/137/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/137 |
19.3.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/137
tal-15 ta’ Jannar 2026
li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea b’regoli li jispeċifikaw id-dettalji ta’ ċerti proċedimenti li jikkonċernaw id-disinji rreġistrati, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47b, l-Artikolu 53a, l-Artikolu 55a, l-Artikolu 64a, l-Artikolu 65a, l-Artikolu 66a, l-Artikolu 66d, l-Artikolu 66f, l-Artikolu 66i, l-Artikolu 67c, l-Artikolu 78a u l-Artikolu 106a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 ħoloq sistema speċifika għall-Unjoni għall-protezzjoni tad-disinji li jridu jinkisbu fil-livell tal-Unjoni abbażi ta’ applikazzjoni lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Uffiċċju”). |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 billi allinja s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sabiex ikun hemm konformità mal-qafas legali l-ġdid li jirriżulta minn dak l-allinjament, ċerti regoli jridu jiġu adottati permezz ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Dawk ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jissostitwixxu r-regoli attwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 (3). Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 jenħtieġ li jitħassar. |
|
(3) |
L-Uffiċċju huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni kemm tat-trademark tal-UE kif ukoll tad-disinn irreġistrat tal-UE. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, tal-konsistenza u tas-simplifikazzjoni, ir-regoli li jridu jiġu adottati permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu allinjati, sa fejn ikun possibbli, mar-regoli applikabbli għat-trademarks tal-UE kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 (4). |
|
(4) |
L-eżami u r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE jenħtieġ li jitwettqu b’mod effettiv, effiċjenti u rapidu, bl-użu ta’ proċeduri li huma trasparenti, dettaljati, ġusti u ekwi. Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġu speċifikati b’mod ċar id-dettalji dwar il-proċedura għall-emendar ta’ applikazzjoni għal disinn tal-UE f’dettalji immaterjali, jew biex jiġi rrimedjat nuqqas jew fuq inizjattiva proprja tal-applikant. Filwaqt li jiġu segwiti d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-emenda tat-trademarks tal-UE, dak ir-reġim jenħtieġ li jiġi adattat għall-partikolaritajiet tar-rappreżentazzjonijiet tad-disinji biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-preżentazzjoni għad-disinji. |
|
(5) |
Id-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li disinn irreġistrat tal-UE jista’ jiġi ddikjarat invalidu b’mod effettiv u effiċjenti permezz ta’ proċedura trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ċarezza u konsistenza akbar, jixraq li d-dispożizzjonijiet proċedurali jiġu allinjati, sa fejn ikun possibbli, ma’ dawk applikabbli għall-proċedimenti ta’ invalidità tat-trademark tal-UE. Għal dan il-għan, jixraq li jiġu speċifikati b’mod ċar kemm il-kontenut li jenħtieġ li jifforma parti minn kwalunkwe applikazzjoni għal invalidità kif ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kontenut skont ir-raġunijiet għal invalidità invokati. Bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinkludu wkoll ir-rekwiżiti għas-sostanzjar ta’ drittijiet preċedenti f’każijiet fejn il-kontenut tal-evidenza rilevanti jkun aċċessibbli online minn sors rikonoxxut mill-Uffiċċju. Huwa neċessarju wkoll li tiġi kkonfermata l-prattika attwali tal-Uffiċċju fir-rigward ta’ talbiet għal prova tal-użu meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq trademark preċedenti. |
|
(6) |
Bħala kontromiżura għall-eżami sostantiv limitat tal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE qabel ir-reġistrazzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-invalidazzjoni effiċjenti ta’ disinji tal-UE rreġistrati b’mod illegali, jenħtieġ li ssir disponibbli proċedura mħaffa tal-invalidità għal każijiet fejn id-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE ma jikkontestax r-raġunijiet tal-invalidità jew l-eżenzjoni mitluba. |
|
(7) |
Sabiex jiġi żgurat rieżami effettiv, effiċjenti u komplut tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju fil-prima istanza permezz ta’ proċedura ta’ appell trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa adatta għan-natura speċifika tad-dritt fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, jixraq li jissaħħu ċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà, u l-konsistenza tal-qafas legali billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet proċedurali eżistenti għat-trademarks tal-UE fir-Regolament Delegat (UE) 2018/625. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 jenħtieġ li japplikaw ukoll fir-rigward tal-iżgurar ta’ organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Bordijiet tal-Appell fil-qasam tad-disinji tal-UE. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u konsistenza, u sabiex jiġi żgurat tħaddim bla xkiel, effettiv u effiċjenti tas-sistema tad-disinji tal-UE, jixraq ukoll li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet proċedurali eżistenti għat-trademarks tal-UE fir-Regolament Delegat (UE) 2018/625 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar id-dettalji dwar proċedimenti orali u l-arranġamenti dettaljati għat-teħid tax-xhieda, ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw in-notifiki mill-Uffiċċju u l-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju, ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu, id-durata u l-estensjoni tal-limiti ta’ żmien, l-arranġamenti dettaljati għat-tkomplija tal-proċedimenti wara l-interruzzjoni tagħhom, u d-dettalji dwar ir-rappreżentazzjoni quddiem l-Uffiċċju fi kwistjonijiet ta’ disinn. |
|
(9) |
Sabiex tiġi mmodernizzata s-sistema tad-disinji tal-UE, jixraq ukoll li jiġu previsti kemm notifiki mill-Uffiċċju kif ukoll komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju b’mezzi elettroniċi bħala l-uniku mezz ta’ notifika u ta’ komunikazzjoni. Fl-interess tal-effiċjenza, jenħtieġ li jkun permissibbli għall-Uffiċċju li jwettaq it-trażmissjoni ta’ dokumenti lill-partijiet ikkonċernati billi jipprovdi aċċess elettroniku għal dawk id-dokumenti. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, trasparenza u faċilità tal-użu għall-utenti, l-Uffiċċju jenħtieġ li jagħmel disponibbli online l-formoli elettroniċi bl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni għall-komunikazzjoni fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju. |
|
(10) |
Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 li ġew emendati bir-Regolament (UE) 2024/2822 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2026. Għalhekk, huwa neċessarju li dan ir-Regolament isir applikabbli fl-istess data. |
|
(11) |
Minkejja t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002, huwa neċessarju li jkomplu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak ir-Regolament għal ċerti proċedimenti li kienu nbdew qabel id-data msemmija hawn fuq sal-konklużjoni ta’ dawk il-proċedimenti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tal-applikazzjoni
1. Talba għal emenda tar-rappreżentazzjoni tal-applikazzjoni għal disinn tal-UE f’dettalji immaterjali skont l-Artikolu 47a(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
|
(a) |
in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni; |
|
(b) |
l-isem u l-indirizz tal-applikant f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/138 (5); |
|
(c) |
indikazzjoni tal-karatteristiċi li jridu jiġu emendati u tad-dehra jew tad-dehriet li jridu jiġu emendati jew irtirati; |
|
(d) |
rappreżentazzjoni tad-disinn kif emendat, f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138. |
2. Meta r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Uffiċċju”) għandu jikkomunika n-nuqqas lill-applikant u għandu jispeċifika limitu ta’ żmien biex jiġi rrimedjat in-nuqqas. Meta l-applikant ma jirrimedjax in-nuqqas sal-limitu ta’ żmien speċifikat, l-Uffiċċju għandu jiċħad it-talba għal emenda.
3. Tista’ ssir talba unika għal emenda biex jiġu emendati l-istess karatteristiċi f’żewġ disinji jew aktar, dment li l-applikant ikun l-istess għad-disinji kollha koperti mit-talba.
Artikolu 2
Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità
1. Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
|
(a) |
in-numru tar-reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE li għalih tintalab id-dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-isem tad-detentur tiegħu; |
|
(b) |
indikazzjoni tar-raġunijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal invalidità; |
|
(c) |
dikjarazzjoni motivata li tistabbilixxi l-fatti, l-evidenza u l-argumenti b’appoġġ għar-raġunijiet għall-invalidità invokati; |
|
(d) |
l-evidenza ta’ sostenn imsemmija fil-punt (c); |
|
(e) |
l-identifikazzjoni tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138 u, meta jkun applikabbli, l-identifikazzjoni tar-rappreżentant maħtur f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (c), u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138; |
|
(f) |
indikazzjoni li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni jew l-intitolament biex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 25(2) sa (6) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u l-evidenza ta’ sostenn. |
2. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jkun fiha, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:
|
(a) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (b), flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-indikazzjoni u l-evidenza ta’ divulgazzjoni tad-disinn/disinji preċedenti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002; |
|
(b) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, deċiżjoni finali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat rigward l-intitolament għad-disinn tal-UE skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002; |
|
(c) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, ir-rappreżentazzjoni u d-dettalji li jidentifikaw id-disinn preċedenti, akkumpanjati, meta ma jkunx disinn irreġistrat tal-UE, mill-evidenza tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni tiegħu, li tikkonsisti f’kopja tal-preżentazzjoni, tar-reġistrazzjoni, u, jekk applikabbli, taċ-ċertifikat ta’ tiġdid jew ta’ dokument ekwivalenti rilevanti mill-amministrazzjoni fejn ikun ġie ppreżentat jew irreġistrat id-disinn biex tingħata prova tal-eżistenza u tal-validità; |
|
(d) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002:
|
|
(e) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (f), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002:
|
|
(f) |
meta tiġi invokata r-raġuni stabbilita fl-Artikolu 25(1), il-punt (g), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, ir-rappreżentazzjoni u d-dettalji tal-oġġett rilevanti kif imsemmi f’dak l-Artikolu. |
3. Meta l-evidenza msemmija fil-paragrafu 2 dwar il-preżentazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet invokati jew tad-disinji preċedenti, jew dwar il-kontenut tal-liġi nazzjonali rilevanti tkun aċċessibbli online minn sors rikonoxxut mill-Uffiċċju, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ jipprovdi tali evidenza billi jagħmel referenza għal dak is-sors.
4. Meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 tkun ibbażata fuq aktar minn disinn preċedenti wieħed jew dritt preċedenti wieħed, il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull wieħed minn dawk id-disinji jew drittijiet.
Artikolu 3
Ilsna użati fi proċedimenti ta’ invalidità
Il-partijiet fil-proċedimenti ta’ invalidità jistgħu jinformaw lill-Uffiċċju qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ xahrejn minn meta d-detentur jirċievi l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament, li jkun intlaħaq qbil dwar ilsien tal-proċedimenti differenti skont l-Artikolu 98(5) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002. Meta l-applikazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata b’dak l-ilsien, id-detentur jista’ jitlob li l-applikant jippreżenta traduzzjoni tal-applikazzjoni b’dak l-ilsien. Tali talba għandha tasal għand l-Uffiċċju qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ xahrejn minn meta d-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE jirċievi l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċċju għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għall-applikant biex jippreżenta tali traduzzjoni. Meta dik it-traduzzjoni ma tiġix ippreżentata jew tiġi ppreżentata tard, l-ilsien tal-proċedimenti għandu jibqa’ l-istess.
Artikolu 4
Informazzjoni lill-partijiet dwar applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità
Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u kwalunkwe dokument ippreżentat mill-applikant, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lil waħda mill-partijiet mill-Uffiċċju qabel il-konstatazzjoni ta’ ammissibbiltà, għandhom jintbagħtu mill-Uffiċċju lill-parti l-oħra sabiex tiġi infurmata dwar l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
Artikolu 5
Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità
1. Meta ma tkunx tħallset it-tariffa għal applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità meħtieġa skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant iħallas it-tariffa f’perjodu speċifikat minnu. Meta t-tariffa meħtieġa ma titħallasx sal-perjodu speċifikat, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità titqies li ma ġietx ippreżentata. Meta t-tariffa tkun tħallset wara li jkun skada l-perjodu speċifikat, din għandha tiġi rimborżata lill-applikant.
2. Meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant kif xieraq u għandu jirrikjedi lill-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet osservati f’perjodu ta’ xahrejn. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati sal-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli.
3. Meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament tkun ġiet ippreżentata bi lsien differenti mil-ilsien tal-proċedimenti skont l-Artikolu 98(4) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant jipproduċi traduzzjoni b’dak l-ilsien fi żmien xahar. Meta dik it-traduzzjoni ma tiġix ippreżentata sal-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala inammissibbli. Meta t-traduzzjoni nieqsa tkun limitata għall-evidenza ta’ sostenn skont l-Artikolu 2(1), il-punt (d), u l-Artikolu 2(3) u (4) ta’ dan ir-Regolament u ma tkun tapplika l-ebda raġuni oħra għal inammissibbiltà, l-Uffiċċju għandu jinjora dik l-evidenza bħala inammissibbli u jipproċedi bl-eżami tal-applikazzjoni.
4. L-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138 għandu japplika għal kwalunkwe dokument ta’ sostenn ieħor mhux meħtieġ għall-finijiet tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
5. L-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-partijiet dwar kwalunkwe konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija meqjusa li ma ġietx ippreżentata u dwar kwalunkwe deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-bażi ta’ inammissibbiltà skont il-paragrafi 2 jew 3. Meta applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi miċħuda bħala inammissibbli qabel ma tintbagħat il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1), ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-kostijiet.
Artikolu 6
Eżami tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità
1. Meta jinstab li l-applikazzjoni hija ammissibbli skont l-Artikolu 5, l-Uffiċċju għandu jibgħat komunikazzjoni lill-partijiet li fiha jinformahom li bdiet il-parti kontradittorja tal-proċedimenti ta’ invalidità u jistieden lid-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE biex jippreżenta l-osservazzjonijiet fi żmien perjodu speċifikat.
2. Meta, f’konformità mal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju jkun stieden lil xi parti biex tippreżenta l-osservazzjonijiet fi żmien perjodu speċifikat u dik il-parti ma tissottometti l-ebda osservazzjoni sa dak il-perjodu, l-Uffiċċju għandu jagħlaq il-parti kontradittorja tal-proċedimenti u jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar l-invalidità abbażi tal-evidenza li jkollu quddiemu.
3. Jekk id-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE kkontestat jitlob prova ta’ użu ġenwin skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità biex jipprovdi prova ta’ użu ġenwin tat-trademark tal-UE jew tat-trademark nazzjonali invokata bħala sinjal distintiv, jew biex jipprovdi raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu, fi żmien perjodu speċifikat. L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandu japplika mutatis mutandis.
4. L-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandhom jintbagħtu mill-Uffiċċju lill-parti kkonċernata l-oħra.
5. Meta d-detentur ikun jixtieq iċedi d-disinn irreġistrat tal-UE kkontestat, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ dokument separat, u l-proċedimenti għandhom jingħalqu ħlief meta l-applikant juri interess leġittimu li jikseb deċiżjoni dwar il-merti f’konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
6. Meta l-Uffiċċju jiddikjara l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Unjoni bħala invalidi, huwa għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”) hekk kif id-deċiżjoni ssir finali.
Artikolu 7
Eżami tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Invalidità bħala kwistjoni ta’ prijorità
Meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-Artikolu 25(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, flimkien mal-Artikoli 5 u 6 ta’ dak ir-Regolament, u d-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE kkontestat ma jkunx ikkontesta r-raġunijiet tal-invalidità jew l-eżenzjoni mitluba, l-Uffiċċju għandu jiddeċiedi dwar l-invalidità bħala kwistjoni ta’ prijorità.
Artikolu 8
Applikazzjonijiet multipli għal dikjarazzjoni ta’ invalidità
1. Meta jkunu ġew ippreżentati diversi applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità relatati mal-istess disinn irreġistrat tal-UE, l-Uffiċċju jista’ jittrattahom f’sett wieħed ta’ proċedimenti. Wara, l-Uffiċċju jista’ jiddeċiedi li jeżamina dawk l-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità separatament.
2. Meta eżami preliminari ta’ applikazzjoni waħda jew aktar jiżvela li d-disinn irreġistrat tal-UE jista’ jkun invalidu, l-Uffiċċju jista’ jissospendi l-proċedimenti l-oħra ta’ invalidità. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikanti li jifdal affettwati mis-sospensjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda fil-kuntest ta’ dawk il-proċedimenti li jkunu għaddejjin.
3. Ladarba deċiżjoni li tiddikjara l-invalidità tad-disinn issir finali, l-applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-proċedimenti jkunu ġew sospiżi f’konformità mal-paragrafu 2 għandhom jitqiesu li ngħalqu u l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikanti kkonċernati b’dan. Tali dispożizzjoni għandha titqies li tikkostitwixxi każ li ma jkunx wassal għal sentenza skont it-tifsira tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
4. L-Uffiċċju għandu jirrimborża 50 % tat-tariffa għal applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 imħallsa minn kull applikant li l-applikazzjoni tiegħu titqies li ngħalqet f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 9
Parteċipazzjoni ta’ persuna allegata bi ksur tal-liġi
Meta, skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, persuna allegata bi ksur tal-liġi tfittex li tingħaqad fil-proċedimenti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-persuna allegata bi ksur tal-liġi.
Artikolu 10
Appelli
L-Artikoli 21 sa 48 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-appelli ttrattati mill-Bordijiet tal-Appell skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u għad-dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell skont l-Artikolu 106 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Artikolu 11
Proċedimenti orali u teħid tax-xhieda
L-Artikoli 49 sa 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedimenti orali u għall-teħid tax-xhieda skont l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, inkluż l-arranġamenti dettaljati għall-użu tal-ilsna f’konformità mal-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar in-notifiki mill-Uffiċċju
Fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, in-notifiki li jridu jsiru mill-Uffiċċju f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandhom jikkonsistu mit-trażmissjoni tad-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati. It-trażmissjoni tista’ sseħħ billi jingħata aċċess elettroniku għal dak id-dokument.
Artikolu 13
Notifika lir-rappreżentanti
1. Meta jkun inħatar rappreżentant jew meta l-applikant imsemmi għall-ewwel darba f’applikazzjoni komuni jitqies bħala r-rappreżentant komuni skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625, l-Uffiċċju għandu jibgħat notifika lil tali rappreżentant maħtur jew komuni.
2. Meta parti unika tkun ħatret diversi rappreżentanti, l-Uffiċċju għandu jibgħat notifika f’konformità mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138. Meta diversi partijiet ikunu ħatru rappreżentant komuni, in-notifika lir-rappreżentant komuni għandha tkun biżżejjed.
3. Notifika indirizzata mill-Uffiċċju lir-rappreżentant awtorizzat kif xieraq għandu jkollha l-istess effett daqslikieku ġiet indirizzata lill-persuna rappreżentata.
Artikolu 14
Irregolaritajiet fin-notifika
L-Artikolu 61 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandu japplika mutatis mutandis għall-konsegwenzi rigward l-irregolaritajiet fin-notifika tad-dokumenti.
Artikolu 15
Notifika tad-dokumenti fil-każ ta’ diversi partijiet
L-Artikolu 62 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandu japplika mutatis mutandis għar-rekwiżiti rigward in-notifika ta’ dokumenti fil-każ ta’ diversi partijiet.
Artikolu 16
Komunikazzjoni mal-Bureau Internazzjonali
Il-komunikazzjonijiet mal-Bureau Internazzjonali għandhom ikunu b’mod u b’format miftiehma bejn il-Bureau Internazzjonali u l-Uffiċċju, u kull meta jkun possibbli, b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 17
Komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju
1. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE kif ukoll ta’ kwalunkwe applikazzjoni oħra prevista fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 u l-komunikazzjonijiet l-oħra kollha indirizzati lill-Uffiċċju għandhom jiġu trażmessi b’mezzi elettroniċi. L-indikazzjoni tal-isem tal-emittent għandha titqies bħala ekwivalenti għall-firma.
2. Fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, id-data li fiha komunikazzjoni tasal għand l-Uffiċċju jew issir aċċessibbli b’mod elettroniku lilu għandha titqies li hija d-data tal-preżentazzjoni jew tas-sottomissjoni tagħha.
3. Meta komunikazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx tista’ tinqara minħabba raġunijiet tekniċi jew meta l-Uffiċċju jkollu dubji raġonevoli dwar l-akkuratezza tat-trażmissjoni, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-emittent kif xieraq u għandu jistieden lill-emittent biex jerġa’ jittrażmetti l-kontenut tad-dokument jew jipprovdi aċċess għalih f’perjodu speċifikat mill-Uffiċċju. Meta ma tintlaħaqx konformità ma’ dik it-talba fil-perjodu speċifikat, id-data tal-wasla għandha titqies bħala d-data tal-wasla tal-komunikazzjoni oriġinali jew id-data li fiha l-kontenut oriġinali jkun sar disponibbli għall-Uffiċċju. Madankollu, meta n-nuqqas jikkonċerna l-għoti ta’ data tal-preżentazzjoni għal applikazzjoni biex jiġi rreġistrat disinn, id-dispożizzjonijiet dwar id-data tal-preżentazzjoni għandhom japplikaw skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002. Meta ma tintlaħaqx konformità mat-talba fil-perjodu speċifikat, il-komunikazzjoni għandha titqies li ma tkunx waslet.
Artikolu 18
Formoli
L-Uffiċċju għandu jagħmel il-formoli elettroniċi disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas bl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Artikolu 19
Komunikazzjonijiet mir-rappreżentanti
Kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lill-Uffiċċju mir-rappreżentant awtorizzat kif xieraq imsemmi fl-Artikoli 77 u 78 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkollha l-istess effett daqslikieku oriġinat mill-persuna rappreżentata.
Artikolu 20
Kalkolu u durata tal-limitu ta’ żmien
1. Il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 66e tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jibda mill-jum wara li fih ikun seħħ l-avveniment rilevanti, jew stadju proċedurali jew l-iskadenza ta’ limitu ta’ żmien ieħor. Meta dak l-istadju proċedurali jkun notifika, l-avveniment għandu jkun il-wasla tad-dokument innotifikat, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.
2. Meta limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 66e tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jiġi espress bħala sena jew ċertu numru ta’ snin, dan għandu jiskadi fis-sena sussegwenti rilevanti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fihom ikun seħħ l-avveniment rilevanti. Meta x-xahar rilevanti ma jkollu l-ebda jum bl-istess numru, il-limitu ta’ żmien għandu jagħlaq fl-aħħar jum tax-xahar.
3. Meta limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 66e tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jiġi espress bħala xahar jew ċertu numru ta’ xhur, dan għandu jiskadi fix-xahar sussegwenti rilevanti fil-jum li jkollu l-istess numru bħall-jum li fih ikun seħħ l-avveniment rilevanti. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollu l-ebda jum bl-istess numru, il-limitu ta’ żmien għandu jagħlaq fl-aħħar jum tax-xahar.
4. Meta limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 66e tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jiġi espress bħala ġimgħa jew ċertu numru ta’ ġimgħat, dan għandu jiskadi fil-ġimgħa sussegwenti rilevanti fil-jum li jkollu l-istess isem bħall-jum li fih ikun seħħ l-avveniment rilevanti.
Artikolu 21
Estensjoni tal-limiti ta’ żmien
Soġġett għal limiti ta’ żmien speċifiċi jew massimi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 6/2002, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/138 jew dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista’ jagħti estensjoni ta’ limitu ta’ żmien fuq talba motivata. Din it-talba għandha tiġi sottomessa mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien inkwistjoni. Meta jkun hemm żewġ partijiet jew aktar, l-Uffiċċju jista’ jagħmel l-estensjoni ta’ limitu ta’ żmien soġġetta għall-qbil min-naħa tal-partijiet l-oħra.
Artikolu 22
Skadenza ta’ limiti ta’ żmien f’każijiet speċjali
1. Meta limitu ta’ żmien jiskadi f’jum li fih l-Uffiċċju ma jkunx miftuħ, il-limitu ta’ żmien għandu jiġi estiż sal-ewwel jum minn hemm ’il quddiem li fih l-Uffiċċju jkun miftuħ.
2. Meta limitu ta’ żmien jiskadi f’jum li fih ikun hemm interruzzjoni reali tal-konnessjoni tal-Uffiċċju ma’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 66e(3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, il-limitu ta’ żmien għandu jiġi estiż sal-ewwel jum wara dak li fih terġa’ tiġi stabbilita l-komunikazzjoni elettronika.
Artikolu 23
Kanċellazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru u revoka ta’ deċiżjoni
1. Meta, fuq inizjattiva proprja jew skont l-informazzjoni korrispondenti pprovduta mill-partijiet fil-proċedimenti, l-Uffiċċju jsib li entrata fir-Reġistru jew deċiżjoni hija soġġetta għal kanċellazzjoni jew revoka skont l-Artikolu 66h tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, huwa għandu jinforma lill-parti affettwata dwar il-kanċellazzjoni jew ir-revoka maħsuba.
2. Il-parti affettwata għandha tissottometti l-osservazzjonijiet dwar il-kanċellazzjoni jew ir-revoka maħsuba f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju.
3. Meta l-parti affettwata taqbel mal-kanċellazzjoni jew mar-revoka maħsuba, jew ma tissottometti l-ebda osservazzjoni sal-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jikkanċella l-entrata fir-Reġistru jew jirrevoka d-deċiżjoni. Jekk il-parti affettwata ma taqbilx mad-deċiżjoni jew mar-revoka maħsuba, l-Uffiċċju għandu jieħu deċiżjoni dwar il-kanċellazzjoni jew ir-revoka maħsuba.
4. Meta l-kanċellazzjoni jew ir-revoka maħsuba aktarx taffettwa aktar minn parti waħda, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis. F’dawk il-każijiet, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn waħda mill-partijiet skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu kkomunikati mill-Uffiċċju lill-parti jew lill-partijiet l-oħra bi stedina biex l-osservazzjonijiet jiġu sottomessi f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju.
5. Meta l-kanċellazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru jew ir-revoka ta’ deċiżjoni taffettwa entrata jew deċiżjoni li tkun ġiet ippubblikata, il-kanċellazzjoni jew ir-revoka għandha tiġi ppubblikata wkoll.
6. Il-kompetenza għal kanċellazzjoni jew revoka skont il-paragrafi 1 sa 4 għandha tkun tad-dipartiment jew tal-unità li tkun ħadet id-deċiżjoni.
Artikolu 24
Kundizzjonijiet għal sospensjoni ta’ proċedimenti
1. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-proċedimenti ta’ appell, id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell jista’ jissospendi l-proċedimenti:
|
(a) |
fuq inizjattiva proprja meta sospensjoni tkun xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-każ; |
|
(b) |
fuq talba motivata ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedimenti inter partes meta sospensjoni tkun xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-każ, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-partijiet u l-istadju tal-proċedimenti. |
2. Fuq talba taż-żewġ partijiet fil-proċedimenti inter partes, id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell għandu jissospendi l-proċedimenti għal perjodu li ma għandux ikun itwal minn 6 xhur. Dik is-sospensjoni tista’ tiġi estiża fuq talba taż-żewġ partijiet sa massimu totali ta’ sentejn.
3. Kwalunkwe limitu ta’ żmien marbut mal-proċedimenti inkwistjoni, minbarra l-limitu ta’ żmien għall-ħlas tat-tariffa applikabbli, għandu jkun interrott mid-data tas-sospensjoni. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 170(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-limiti ta’ żmien għandhom jerġgħu jiġu kkalkolati biex jibdew mill-ġdid mill-jum li fih jitkomplew il-proċedimenti.
4. Meta jkun xieraq fiċ-ċirkostanzi tal-każ, id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell jista’ jistieden lill-partijiet biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-sospensjoni jew tat-tkomplija tal-proċedimenti.
Artikolu 25
Tkomplija ta’ proċedimenti
1. Meta l-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jkunu ġew interrotti skont l-Artikolu 67b tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju għandu jiġi infurmat dwar l-identità tal-persuna awtorizzata biex tkompli l-proċedimenti quddiemu skont l-Artikolu 67b(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002. L-Uffiċċju għandu jikkomunika lil dik il-persuna u lil kwalunkwe parti terza interessata li l-proċedimenti għandhom jitkomplew minn data li trid tiġi stabbilita mill-Uffiċċju.
2. Meta, 3 xhur wara li tibda l-interruzzjoni tal-proċedimenti skont l-Artikolu 67b(1), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju ma jkunx ġie infurmat dwar il-ħatra ta’ rappreżentant ġdid, huwa għandu jinforma lill-applikant għal disinn irreġistrat tal-UE, jew lid-detentur tiegħu li:
|
(a) |
meta japplika l-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni ma tiġix ippreżentata fi żmien xahrejn minn meta tiġi nnotifikata l-komunikazzjoni; |
|
(b) |
meta ma jkunx japplika l-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, il-proċedimenti se jitkomplew mal-applikant għal disinn irreġistrat tal-UE, jew mad-detentur tiegħu mid-data li fiha tiġi nnotifikata din il-komunikazzjoni. |
3. Il-limiti ta’ żmien fis-seħħ fir-rigward tal-applikant għal disinn irreġistrat tal-UE, jew id-detentur tiegħu, fid-data tal-interruzzjoni tal-proċedimenti, minbarra l-limiti ta’ żmien għall-ħlas tat-tariffi ta’ tiġdid, għandhom jerġgħu jibdew mill-jum li fih jitkomplew il-proċedimenti.
Artikolu 26
Rappreżentazzjoni
L-Artikoli 73, 74 u 75 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rappreżentazzjoni fi kwistjonijiet ta’ disinn skont l-Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Artikolu 27
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 huwa mħassar.
Artikolu 28
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Minkejja l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal proċedimenti li jkunu għaddejjin fejn dan ir-Regolament ma japplikax skont il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, sa meta jiġu konklużi tali proċedimenti.
2. L-Artikolu 12(2), (3) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal talbiet għal korrezzjoni tal-applikazzjoni ppreżentata qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
3. L-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal evidenza b’appoġġ għall-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
4. L-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal proċedimenti orali mibdija qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
5. L-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal applikazzjonijiet għal disinn irreġistrat tal-UE u għal applikazzjonijiet għal trasferiment li jaslu qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/6/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 (ĠU L, 2024/2822, 18.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2822/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 17.12.2002, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2245/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU L 104, 24.4.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/625/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/138 tal-15 ta’ Jannar 2026 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L, 2026/138, 19.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/138/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1001/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/137/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)