Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0671

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/671 tal-4 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fuq annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu mill-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/577

    ĠU L 122, 25/04/2022, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/671/oj

    25.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 122/17


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/671

    tal-4 ta’ Frar 2022

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fuq annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu mill-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (c), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 20 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għall-verifika tal-konformità mar-regoli f’għadd ta’ oqsma, inklużi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll metodi u tekniki għall-kontrolli uffiċjali, li jinkludu spezzjonijiet ta’ bini, annimali u oġġetti taħt il-kontroll tal-operaturi. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi azzjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ nonkonformità stabbilita, fost l-oħrajn, mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    B’seħħ mill-21 ta’ April 2021, ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ħassar u ssostitwixxa 39 att fil-qasam tas-saħħa tal-annimali. Madankollu, uħud mir-rekwiżiti fl-atti mħassra mir-Regolament (UE) 2016/429 jew skontu huma marbuta ma’ ċerti speċifiċitajiet relatati mas-saħħa tal-annimali tal-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu f’każ ta’ nonkonformitajiet stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2017/625 kif stabbilit fl-Artikolu 138 tiegħu. Għalhekk jenħtieġ li tali regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f’każ ta’ nonkonformità stabbilita jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (3)

    L-ispeċifiċitajiet tal-kontrolli uffiċjali u l-azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformitajiet stabbiliti relatati mas-saħħa tal-annimali huma interrelatati. Dawn japplikaw għal stadji sussegwenti ta’ sitwazzjoni partikolari u ħafna drabi, japplikaw għall-istess tipi ta’ operaturi u stabbilimenti. F’każ li jkunu meħtieġa azzjonijiet ta’ segwitu speċifiċi, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti flimkien mar-rekwiżiti għall-ispeċifiċitajiet tal-kontrolli uffiċjali relatati mas-saħħa tal-annimali. Dan jagħti lok għal sett komprensiv ta’ miżuri li jippermettu implimentazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni ġenerali tal-qafas legali f’dan il-qasam.

    (4)

    It-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu fi stabbilimenti approvati f’konformità mar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (3), (UE) 2020/686 (4), (UE) 2020/688 (5) jew (UE) 2020/990 (6) jeħtieġ kwalifiki u kompetenzi speċifiċi fil-qasam veterinarju. Il-kontrolli uffiċjali f’dawk l-istabbilimenti approvati jinkludu valutazzjoni u verifika ta’ varjetà wiesgħa ta’ data u informazzjoni speċifiċi relatati mal-annimali miżmuma fihom. Uħud minn dawn id-data u l-informazzjoni huma r-riżultati tal-osservazzjonijiet li jsiru fl-annimali, filwaqt li oħrajn jinġabru u jiġu rreġistrati mill-operaturi, mill-professjonisti tas-saħħa tal-annimali, mill-veterinarji, jew mill-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi. Tali data u informazzjoni jistgħu jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-istat fiżjoloġiku jew patoloġiku tal-annimali, il-fatturi epidemjoloġiċi, ir-riżultati tal-eżamijiet fiżiċi, kliniċi jew post-mortem u t-testijiet tal-laboratorju, u d-data u l-informazzjoni miġbura b’rabta mal-miżuri ta’ bijosigurtà fl-istabbilimenti u l-użu u l-manutenzjoni xierqa tat-tagħmir u tal-faċilitajiet.

    (5)

    Barra minn hekk, fl-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali, il-kumplessità u t-teknikalità ta’ dan is-settur partikolari jeħtieġu għarfien speċjalizzat mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali sabiex jiġi żgurat it-twettiq effiċjenti u effettiv tad-dmirijiet tagħha.

    (6)

    Għalhekk jixraq li l-veterinarji uffiċjali jwettqu l-kontrolli uffiċjali fl-istabbilimenti approvati li jżommu annimali jew li jimmanipulaw prodotti ġerminali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429. Jenħtieġ li r-regoli dwar it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali f’dawk l-istabbilimenti jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (7)

    Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, għal raġunijiet storiċi, jew minħabba n-nuqqas ta’ veterinarji li jittrattaw mard akkwatiku, teżisti professjoni speċjalizzata msejħa “professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi”. Dawn il-professjonisti tradizzjonalment mhumiex veterinarji iżda jipprattikaw il-mediċina tal-annimali akkwatiċi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrispetta d-deċiżjoni ta’ dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu dik il-professjoni. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-professjonisti uffiċjali tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet assenjati lil veterinarji uffiċjali meta jwettqu kontrolli uffiċjali fl-istabbilimenti tal-akkwakultura approvati. F’konformità mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 dawn il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi jistgħu jwettqu attivitajiet assenjati lill-veterinarji fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, dment li jkunu awtorizzati jagħmlu dan mill-Istat Membru kkonċernat skont id-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li dan il-prinċipju japplika wkoll f’dan ir-Regolament.

    (8)

    Fost l-istabbilimenti approvati skont ir-Regolament (UE) 2016/429, l-istabbilimenti konfinati huma partikolari peress li ta’ sikwit iżommu b’mod permanenti varjetà wiesgħa ta’ speċijiet tal-annimali u jiskambjawhom ma’ stabbilimenti konfinati oħra. Ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni u l-operat sikur tal-istabbilimenti konfinati fir-rigward tal-kwarantina, l-iżolament u miżuri oħra ta’ bijosigurtà, is-sorveljanza tal-mard u l-miżuri ta’ kontroll taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarji tal-istabbiliment, għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-iskambji tal-annimali ma joħolqux riskju fit-tixrid tal-mard tal-annimali elenkat jew emerġenti bejn l-Istati Membri jew fi ħdanhom. Għalhekk jixraq li jiġu speċifikati l-kontrolli uffiċjali li jenħtieġ isiru fl-istabbilimenti konfinati.

    (9)

    Fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini u kaprini, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-riskju għall-għażla tal-annimali u l-istabbilimenti li għandhom jiġu spezzjonati. Meta dawk il-kontrolli uffiċjali jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv ta’ annimali u dawk il-kontrolli uffiċjali jindivdwaw nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jispezzjonaw l-annimali kollha f’dak l-istabbiliment bħala azzjoni ta’ segwitu.

    (10)

    Ir-regoli tal-Unjoni jawtorizzaw it-tranżitu mill-Unjoni ta’ annimali bovini għat-tnissil u l-produzzjoni li altrimenti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, skont derogi u kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 (7) u (UE) 2020/692 (8). Tali tranżitu ma għandux jipperikola s-saħħa tal-annimali u dik pubblika fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li, f’każ ta’ nonkonformità, ta’ irregolarità jew ta’ emerġenza waqt it-tranżitu, l-awtorità kompetenti tordna t-tbiċċir jew il-qtil ta’ dawk l-annimali, peress li dik hija l-aktar miżura xierqa biex tissalvagwardja s-saħħa tal-annimali u dik pubblika u l-benessri tal-annimali. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tordna wkoll ir-rimi sikur tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jirriżultaw f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill (9).

    (11)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 (10) jistabbilixxi sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu applikati meta jiġu stabbiliti każijiet ta’ nonkonformità mal-kundizzjonijiet jew mar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini. Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma ħassarx espressament dak ir-Regolament. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 494/98 saru superfluwi fid-dawl tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 138(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-konsistenza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament iħassar ir-Regolament (KE) Nru 494/98.

    (12)

    Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ ċerti regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (11) b’rabta mal-annimali, mal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u mal-prodotti ġerminali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, ta’ dak ir-Regolament u, fejn meħtieġ, fir-rigward ta’ ċerti azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti wara l-kontrolli uffiċjali:

    (a)

    f’ċerti stabbilimenti li jżommu l-annimali;

    (b)

    f’ċerti stabbilimenti li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali.

    2.   Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ azzjoni speċifika meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wara kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ ċerti annimali bovini fi tranżitu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/686, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/688, fir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/990:

    (a)

    “stabbiliment” kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (b)

    “mafqas” kif definit fil-punt (47) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (c)

    “operazzjoni tal-ġbir f’daqqa” kif definit fil-punt (49) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429.

    (d)

    “ċentru ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa” kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (e)

    “santwarju tal-annimali” kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (f)

    “postijiet tal-kontroll” kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

    (g)

    “stabbiliment ta’ produzzjoni iżolati ambjentalment” kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (h)

    “stabbiliment ta’ kwarantina approvat” kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688;

    (i)

    “stabbiliment konfinat”: kif definit fil-punt (48) tal-Artikolu 4, tar-Regolament (UE) 2016/429.

    (j)

    “stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat” kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2, tar-Regolament (UE) 2020/686;

    (k)

    “stabbiliment tal-akkwakultura approvat” kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

    (l)

    “grupp ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvat” kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990.

    (m)

    “veterinarju tal-istabbiliment” kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

    (n)

    “annimal bovin” kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

    Artikolu 3

    Kontrolli uffiċjali f’ċerti stabbilimenti approvati

    1.   Veterinarji uffiċjali jew, fil-każ ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati u fi gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati, veterinarji uffiċjali jew professjonisti uffiċjali tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi, għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (d), tal-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625 u stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u skontu, fit-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin li jkunu kisbu l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti:

    (a)

    mfaqas u stabbilimenti li jżommu t-tjur;

    (b)

    stabbilimenti għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-annimali ungulati u t-tjur;

    (c)

    ċentri ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa;

    (d)

    santwarji tal-annimali għal klieb, qtates u inmsa;

    (e)

    postijiet tal-kontroll;

    (f)

    stabbilimenti tal-produzzjoni iżolati ambjentalment għan-naħal bagħli;

    (g)

    stabbiliment ta’ kwarantina approvat;

    (h)

    stabbilimenti konfinati;

    (i)

    stabbilimenti ta’ prodotti ġerminali approvati;

    (j)

    stabbilimenti tal-akkwakultura approvati

    (k)

    gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura approvati.

    Il-kontrolli uffiċjali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivverifikaw b’mod partikolari li l-operaturi responsabbli mill-istabbilimenti approvati jkomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni għal dawk l-istabbilimenti.

    2.   Il-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 14, tar-Regolament (UE) 2017/625 li għandhom jitwettqu f’konformità ma’ mill-inqas il-frekwenzi minimi, meta t-tali frekwenzi jkunu stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/160 (12).

    3.   L-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jsiru flimkien ma’:

    (a)

    kontrolli uffiċjali kif definit fil-punt (3), tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625;

    (b)

    kontrolli uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625; jew

    (c)

    kontrolli uffiċjali, spezzjonijiet jew żjarat oħra previsti fir-regoli tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fi stabbilimenti konfinati ta’ annimali terrestri

    Meta jwettaq kontrolli uffiċjali fi stabbilimenti konfinati ta’ annimali terrestri, il-veterinarju uffiċjali għandu b’mod partikolari:

    (a)

    jivverifika permezz tal-eżami tar-rekords tal-moviment li l-annimali li jidħlu fl-istabbiliment konfinat partikolari jiġu biss minn stabbiliment konfinat ieħor jew jitqiegħdu fi kwarantina f’konformità mal-punt 1, tal-Parti 9, tal-Anness I, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

    (b)

    jivverifika li r-riżultati tal-eżamijiet kliniċi, tal-laboratorju u post-mortem imwettqa mill-veterinarju tal-istabbiliment konfinat jeskludu kull suspett ta’ mard elenkat jew emerġenti;

    (c)

    jivverifika li jekk tkun suspettata l-preżenza ta’ mard elenkat jew emerġenti, l-operatur responsabbli għall-istabbiliment konfinat jinnotifika dak is-suspett lill-awtorità kompetenti u jtaffi r-riskji potenzjali għat-tixrid ta’ tali mard fl-istabbiliment konfinat u barra minnu; u

    (d)

    jagħmel awditu tal-attività tal-veterinarju tal-istabbiliment konfinat u tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt 2(a), tal-Parti 9, tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u b’mod partikolari jivverifika li l-pjan ta’ sorveljanza tal-mard ikun ġie rieżaminat u aġġornat mill-inqas kull sena f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

    Artikolu 5

    Regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini u dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformità magħhom

    1.   Il-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 14, tar-Regolament (UE) 2017/625 ta’ annimali bovini, ovini jew kaprini fl-istabbilimenti li jżommu dawk l-annimali, imwettqa f’konformità mill-inqas mal-frekwenza minima stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/160.

    2.   L-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru flimkien ma’:

    (a)

    kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu (3), tal-Artikolu 9, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/625;

    (b)

    kontrolli uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu (2), tal-Artikolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625; jew

    (c)

    kontrolli uffiċjali, spezzjonijiet jew żjarat oħra previsti fir-regoli tal-Unjoni.

    3.   Meta tagħżel l-istabbilimenti li għandhom jiġu spezzjonati, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kriterji li ġejjin fl-analiżi tar-riskju tagħha flimkien ma’ dawk stabbiliti fil-paragrafu (1), tal-Artikolu 9, tar-Regolament (UE) 2017/625:

    (a)

    l-għadd tal-annimali fi stabbiliment;

    (b)

    l-ispeċijiet tal-annimali preżenti u identifikati fi stabbiliment;

    (c)

    il-bidliet sinifikanti meta mqabbla mal-għadd jew mal-ispeċijiet ta’ annimali fl-istabbiliment matul l-aħħar ħames (5) snin;

    (d)

    kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor definit mill-Istat Membru tiegħu.

    4.   Meta titwettaq spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona l-annimali bovini, ovini u kaprini kollha f’dak l-istabbiliment.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 4, meta l-għadd ta’ annimali li jridu jiġu spezzjonati fl-istabbiliment jaqbeż l-20, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tispezzjona kampjun rappreżentattiv ta’ dawk l-annimali jekk l-għadd ta’ annimali spezzjonati jkun biżżejjed biex jindividwa 5 % tal-każijiet ta’ nonkonformità b’livell ta’ fiduċja ta’ 95 %.

    6.   Meta spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq fuq kampjun rappreżentattiv ta’ annimali fi stabbiliment skont il-paragrafu 5, u dik l-ispezzjoni tikkonferma nonkonformità mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona l-annimali bovini, ovini u kaprini l-oħra kollha fl-istabbiliment.

    7.   B’deroga mill-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tispezzjona kampjun rappreżentattiv ta’ annimali f’dak l-istabbiliment filwaqt li tiżgura li l-għadd ta’ annimali spezzjonati jkun biżżejjed għall-istima ta’ nonkonformità ta’ aktar minn 5 % bi preċiżjoni bejn wieħed u ieħor ta’ 2 % għal livell ta’ fiduċja ta’ 95 %.

    Artikolu 6

    Azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nonkonformità matul it-tranżitu fl-Unjoni ta’ ċerti annimali bovini

    Meta l-kunsinni ta’ annimali bovini, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni jkunu fi tranżitu mill-Unjoni skont il-punt (b), tal-paragrafu (1), tal-Artikolu 176, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 flimkien mal-punt (a), tal-paragrafu (1), tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2124, l-awtorità kompetenti għandha tordna t-tbiċċir jew il-qtil tal-annimali u r-rimi tagħhom bħala materjal tal-Kategorija 2 imsemmi fil-punt (f)(i) tal-Artikolu 9, tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, fi kwalunkwe każ ta’ nonkonformità matul il-moviment bejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni meta l-kunsinni ta’ kontroll fuq il-fruntiera jħallu t-territorju.

    Artikolu 7

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 494/98 huwa mħassar.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 1)

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/990 tat-28 ta’ April 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 42).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 73).

    (8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 tas-27 ta’ Frar 1998 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi minimi fl-istruttura tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-bovini (ĠU L 60, 28.2.1998, p. 78).

    (11)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-“Istati Membri” jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/160 ta’ 4 ta’ Frar 2022 li jistabbilixxi frekwenzi minimi uniformi ta’ ċerti kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1082/2003 u (KE) Nru 1505/2006 (ĠU L 26, 7.2.2022, p. 11).


    Top