EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0107

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ST/5400/2022/REV/1

ĠU L 18, 27/01/2022, p. 110–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 22/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/107/oj

27.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/110


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/107

tal-25 ta’ Jannar 2022

dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt tal-moviment liberu.

(2)

Skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati sabiex dan jitwettaq. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi wkoll il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Peress li jirriżulta li l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat, u t-Trattati ma jipprovdux b’modi oħra s-setgħat meħtieġa, il-Kunsill jista’ jadotta dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilita l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza liberi.

(3)

Skont l-Artikolu 168(1) tat-Trattat, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni jrid jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali ta’ coronavirus ġdid, li jikkawża l-marda tal-Coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.

(5)

Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment ħieles biex jagħmlu testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.

(6)

Peress li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat emerġenza tas-saħħa mingħajr preċedent, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika saret prijorità prevalenti kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha. Fuq il-bażi li tiġi protetta s-saħħa pubblika, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 168(7) tat-Trattat, id-definizzjoni tal-politiki nazzjonali tas-saħħa, inkluż l-organizzazzjoni u l-forniment ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u għalhekk tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar l-aktar miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika, huwa xieraq li tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta’ tali miżuri, bil-għan li jiġi ssalvagwardat l-eżerċitar tad-dritt tal-moviment liberu u tiġi miġġielda theddida transfruntiera serja għas-saħħa bħall-COVID-19.

(7)

Meta jadottaw u japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni hija maħsuba biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ikkoordinat, għas-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

(8)

Miżuri unilaterali f’dan il-qasam għandhom il-potenzjal li jikkawżaw tħarbit sinifikanti peress li n-negozji u ċ-ċittadini qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti u li jinbidlu malajr. Dan huwa partikolarment dannuż f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija tal-Unjoni diġà ġiet affettwata b’mod sinifikanti mill-virus.

(9)

Approċċ ikkoordinat għandu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. L-għeluq tal-fruntieri jew il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar b’mod ġenerali, kif ukoll is-sospensjoni tat-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim tal-ilma, ma humiex ġustifikati, peress li miżuri aktar immirati, bħal ċertifikati COVID-19 jew l-ittestjar, għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas tħarbit. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” (2) għandha żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi, u b’hekk jiġi evitat it-tħarbit fil-katina tal-provvista.

(10)

Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fit-13 ta’ Ottubru 2020, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (3). Dik ir-Rakkomandazzjoni stabbiliet approċċ ikkoordinat fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fuq il-bażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/119 (4) li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 fid-dawl ta’ livell għoli ħafna ta’ trażmissjoni komunitarja madwar l-UE, possibbilment marbuta maż-żieda fit-trażmissibbiltà tal-varjanti l-ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2.

(11)

Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (5). Il-qafas ġie stabbilit biex, matul il-pandemija tal-COVID-19, jiffaċilita l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu li għandhom id-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Dak ir-Regolament jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(12)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 beda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Minn dik id-data, il-persuni mlaqqmin, ittestjati jew li fiequ kellhom id-dritt li jiksbu Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE wara t-tilqim, it-test jew il-fejqan fi Stat Membru. Sabiex isir l-aħjar użu mill-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kunsill adotta, fl-14 ta’ Ġunju 2021, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/961 (6) li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.

(13)

Minn Ġunju 2021, seħħew żewġ żviluppi importanti b’impatt fuq il-moviment liberu fl-Unjoni. L-ewwel nett, it-teħid tal-vaċċin żdied b’mod sinifikanti, bit-teħid kumulattiv tat-tilqim komplut fost il-popolazzjoni totali tal-Unjoni li laħaq aktar minn 68 % sal-10 ta’ Jannar 2022 (7) meta mqabbel ma’ inqas minn 30 % meta ġew adottati l-aħħar emenda għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 u r-Regolament (UE) 2021/953 (8). Bħala riżultat tal-vaċċini kontra l-COVID-19 li huma disponibbli bħalissa, perċentwal ogħla b’mod sinifikanti tal-popolazzjoni huwa għalhekk protett aħjar milli jimrad b’mod serju u jmut minħabba l-COVID-19. It-tieni nett, id-distribuzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għamlet progress rapidu.

Sa Jannar 2022, l-Istati Membri ħarġu aktar minn biljun Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Għalhekk, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa għodda disponibbli, affidabbli u aċċettata b’mod wiesa’ biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE mhux biss jintuża mill-Istati Membri tal-UE, mit-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea mhux tal-UE u mill-Iżvizzera (9), iżda wkoll minn 29 pajjiż u territorju terz ieħor, b’aktar pajjiżi terzi mistennija jissieħbu fil-futur. Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni għadha ta’ sfida, u tiġġustifika ż-żamma ta’ miżuri li għandhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-mira tagħhom.

(14)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-approċċ komuni stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 għandu jiġi adattat aktar, kif mitlub ukoll mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2021 (10). B’mod partikolari, l-istatus tat-tilqim, tat-test jew tal-fejqan ta’ persuna b’rabta mal-COVID-19, kif muri minn Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għandu jkun il-fattur determinanti ewlieni. Peress li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jistgħu jinħarġu, jiġu vverifikati u jiġu aċċettati b’mod sikur, il-vjaġġaturi fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal testijiet ulterjuri għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. B’mod partikolari, il-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni fil-prinċipju ma għandhomx ikunu meħtieġa li jagħmlu kwarantina, minħabba li din tikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti tal-moviment liberu.

(15)

Dan huwa appoġġat minn rakkomandazzjonijiet maħruġa mid-WHO (11), li skonthom il-vjaġġaturi kompletament imlaqqma, kif ukoll il-vjaġġaturi li jkunu fiequ mill-COVID-19 fis-sitt xhur ta’ qabel ma jivvjaġġaw, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Il-persuni li ma jaqgħux f’dawn iż-żewġ kategoriji għandhom fil-prinċipju jkunu jistgħu jivvjaġġaw abbażi ta’ test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.

(16)

Sabiex jiġi ssimplifikat il-moviment liberu fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit fehim komuni tal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw it-tliet tipi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE sabiex jiġu aċċettati.

(17)

Fil-21 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2288 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-perijodu ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jindikaw it-tlestija tas-sensiela primarja tat-tilqim (12). Dak ir-Regolament Delegat stabbilixxa li, għall-fini tal-ivvjaġġar, ċertifikati li jindikaw it-tlestija tas-sensiela primarja tat-tilqim għandhom jiġu aċċettati biss jekk ma jkunux għaddew aktar minn 270 jum mid-data tal-aħħar doża ta’ dik is-sensiela. Peress li ma kienx għadu possibbli li jiġi ddeterminat perijodu ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati li jindikaw l-għoti ta’ dożi booster, ir-Regolament Delegat innota li f’dan l-istadju ma għandu japplika ebda perijodu ta’ aċċettazzjoni għal ċertifikati li jindikaw l-għoti ta’ doża booster.

(18)

L-Istati Membri għandhom jieħdu minnufih il-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għat-tilqim għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom li ilhom li nħarġu jkunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perijodu standard ta’ aċċettazzjoni, billi jitqiesu għalkollox id-deċiżjonijiet interni dwar il-prijoritizzazzjoni għal gruppi differenti tal-popolazzjoni fl-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tat-tilqim fid-dawl tal-politika nazzjonali u s-sitwazzjoni epidemjoloġika.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna twettaq monitoraġġ u tevalwa mill-ġdid b’mod regolari l-approċċ fir-rigward tal-perijodu ta’ aċċettazzjoni biex tivvaluta jekk jistgħux ikunu meħtieġa adattamenti jew bidliet abbażi ta’ evidenza xjentifika emerġenti ġdida inkluż b’rabta mal-perijodu ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati maħruġa wara l-għoti ta’ doża booster.

(20)

Sabiex jiġi ssimplifikat il-moviment liberu fl-Unjoni, għandhom jinżammu l-perijodi ta’ validità standard għaċ-ċertifikati tat-test. Il-kampjunar meħtieġ għal test ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (NAAT), sabiex ikun eliġibbli, għandu jkun sar mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla. Perijodu ta’ validità iqsar ta’ mhux aktar minn 24 siegħa huwa ġġustifikat għal testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fl-Anness I tal-lista komuni tal-UE tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (13) fid-dawl tad-disponibbiltà ta’ dawk it-testijiet.

(21)

Matul l-aħħar ftit xhur, il-prestazzjoni klinika tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tjiebet. F’Mejju 2021, il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar it-testijiet dijanjostiċi tal-COVID-19 stabbilit mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (14), responsabbli għaż-żamma tal-lista komuni tal-UE ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni, stabbilixxa proċedura aktar strutturata, koerenti u rapida għall-aġġornament tal-lista. Barra minn hekk, fil-21 ta’ Settembru 2021, il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku qabel dwar definizzjonijiet u kriterji addizzjonali li għandhom jitqiesu għal studji ta’ validazzjoni indipendenti li jivvalutaw il-prestazzjoni klinika tat-testijiet rapidi tal-antiġeni għad-dijanjożi tal-COVID-19. Għall-ħruġ taċ-ċertifikati tat-testijiet fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għandhom ikunu validi biss ir-riżultati ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni bbażati fuq kampjuni nażali, orofarinġali u/jew nażofarinġali. Il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku qabel li jeskludi mil-lista t-testijiet rapidi tal-antiġeni bbażati biss fuq tipi ta’ kampjuni alternattivi bħas-saliva.

Barra minn hekk, la t-testijiet tal-antiġeni rapidi miġbura u lanqas l-awtotestijiet rapidi tal-antiġeni ma huma inklużi fil-lista, u dan ikompli jżid il-konsistenza probabbli tal-prestazzjoni tat-testijiet inklużi. Is-seba’ u l-aħħar aġġornament tal-lista komuni ġie maqbul mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fl-10 ta’ Novembru 2021. Minħabba dan it-titjib, l-Istati Membri kollha għandhom, għall-finijiet tal-ivvjaġġar, jaċċettaw kemm ċertifikati tat-test maħruġa wara NAAT kif ukoll ċertifikati tat-test maħruġa wara test rapidu tal-antiġeni preżenti fil-lista komuni tal-UE.

(22)

Fid-dawl tal-evidenza li tappoġġa rakkomandazzjoni li persuni li jkunu fiequ mill-marda tal-COVID-19 li tkun ġiet ikkonfermata minn laboratorju ma għandhomx bżonn ittestjar addizzjonali b’rabta mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew awtoiżolament jew kwarantina b’rabta mal-ivvjaġġar mill-inqas fl-ewwel 180 jum mill-ewwel test NAAT pożittiv, id-detenturi ta’ tali ċertifikati tal-fejqan għandhom ikunu eżentati wkoll minn restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar għal dak il-perijodu.

(23)

Is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE toffri l-possibbiltà li r-regoli ta’ validazzjoni jiġu applikati awtomatikament għas-settijiet tad-data taċ-ċertifikati, filwaqt li jiġi żgurat li r-regoli tal-ivvjaġġar jiġu applikati malajr, b’mod affidabbli u prevedibbli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ validazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-funzjonalità standardizzata tal-ipproċessar tar-regoli operattivi offruta mis-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (15).

(24)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 ’l hawn, il-Kummissjoni adottat diversi atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn ċertu pajjiż terz lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa mill-Istati Membri f’konformità ma’ dak ir-Regolament bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tad-detenturi tagħhom. Meta din ir-Rakkomandazzjoni tagħmel referenza għaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, dan għandu jinftiehem li jkopri wkoll iċ-ċertifikati maħruġa lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom koperti minn dawn l-atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll joħorġu Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 għal persuni koperti minn dik id-dispożizzjoni li jkunu tlaqqmu f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi terzi li ċ-ċertifikati tagħhom ma humiex koperti minn tali atti ta’ implimentazzjoni.

(25)

Kif iddikjarat fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2021/953, il-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma għandux ikun prekundizzjoni għall-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu. Għalhekk, il-persuni li ma għandhomx Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma għandhomx jiġu mwaqqfa milli jivvjaġġaw, iżda jistgħu, jekk ikun meħtieġ, ikunu meħtieġa jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel jew wara l-wasla biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet importati.

(26)

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-użu taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19. Din la tippreskrivi u lanqas tipprojbixxi l-użu taċ-Ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, bħall-aċċess għal avvenimenti, postijiet fejn isiru l-avvenimenti jew il-lant tax-xogħol. Kif innotat fil-premessa 48 tar-Regolament (UE) 2021/953, fejn Stat Membru jiddeċiedi li juża Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE għal skopijiet oħra, il-bażi ġuridika għal tali użi domestiċi għandha tiġi prevista fil-liġi nazzjonali, li għandha tikkonforma, fost affarijiet oħra, mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Kif innutat fil-Premessa 49 tar-Regolament (UE) 2021/953, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema taċ-ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, għandu jiżgura li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jistgħu wkoll jintużaw u jiġu aċċettati għalkollox. Dan sabiex jiġi żgurat li d-detenturi ta’ tali ċertifikati li jmorru fi Stat Membru ieħor waqt li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma jkollhomx għalfejn jiksbu ċertifikat nazzjonali addizzjonali.

(27)

Minħabba s-sitwazzjoni speċifika jew il-funzjoni essenzjali tagħhom, ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Fl-istess ħin, din il-lista tista’ tkun aktar limitata meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, minħabba li ħafna persuni li jivvjaġġaw għal funzjoni jew ħtieġa essenzjali diġà huma mlaqqma. Din għandha tkopri l-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri tas-servizzi tat-trasport, il-pazjenti li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi imperattivi, il-baħħara, il-persuni li jaqsmu l-fruntieri kuljum jew ta’ spiss biex imorru jaħdmu jew imorru l-iskola, biex iżuru qraba stretti, biex ifittxu kura medika, jew biex jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, u t-tfal taħt it-12-il sena.

(28)

Fid-dawl tal-progress li sar f’termini tat-teħid tal-vaċċin u t-tnedija b’suċċess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għandhom jiġu applikati miżuri tal-ivvjaġġar COVID-19 fil-livell personali minflok f’dak reġjonali, li jfisser li l-istatus tat-tilqim, it-test jew l-irkupru tal-COVID-19 tal-vjaġġatur kif muri minn Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu għandu jkun il-fattur determinanti ewlieni. Vjaġġaturi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu b’ċertifikat validu, fil-prinċipju, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Dan l-approċċ huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li l-virus għadu preżenti fir-reġjuni kollha madwar l-UE u s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’dawk ir-reġjuni tinbidel b’mod kostanti u rapidu. Approċċ ibbażat fuq il-persuna ser jissimplifika b’mod sostanzjali l-qafas applikabbli għall-ivvjaġġar matul il-pandemija fl-UE, u ser jipprovdi ċarezza u prevedibbiltà addizzjonali lill-vjaġġaturi fir-rigward tar-regoli applikabbli.

(29)

Peress li hija għodda utli u li tinftiehem faċilment, għall-pubbliku u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku li tindika s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-livell reġjonali għandha tinżamm għal skopijiet ta’ informazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ żoni ta’ mmappjar fejn il-virus qed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna u fejn huma meħtieġa miżuri addizzjonali. Il-kriterji u l-livelli limitu tal-mappa, kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475, għandhom madankollu jiġu adattati sabiex tingħata enfasi akbar lill-każijiet tal-COVID-19 notifikati ġodda bħala l-kriterju ewlieni biex jiġi approssimat ir-riskju ta’ vjaġġatur li jimporta infezzjonijiet bis-SARS-CoV-2. Dan il-kriterju għandu jiġi ponderat abbażi tat-teħid tal-vaċċin fl-istess reġjun, biex jitqies li t-tilqim inaqqas ir-riskju għas-saħħa pubblika kkawżat mill-COVID-19.

Ir-rata ponderata li tirriżulta għandha tiġi assenjata kodiċi tal-kuluri bl-użu tal-livelli limitu tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju żviluppat mill-ECDC, għajr għar-reġjuni b’rata mhux suffiċjenti tal-ittestjar. L-ispeċifiċitajiet tal-mappa għandhom jiġu inklużi f’anness tar-Rakkomandazzjoni. Bl-użu tad-data pprovduta mill-Istati Membri, il-mappa għandha tiġi ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard kull ġimgħa.

(30)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, minħabba l-probabbiltà akbar ta’ każijiet importati minn dawn iż-żoni, kif ukoll il-pressjoni li perijodi twal ta’ każijiet għoljin tista’ tqiegħed fuq is-sistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa ta’ dawn iż-żoni. Sabiex jittaffew dawn ir-riskji għas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jagħtu pariri kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn tali żoni u minnhom. Barra minn hekk, persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn tali żoni għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel it-tluq kif ukoll li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament wara l-wasla. Għandhom japplikaw eċċezzjonijiet għal vjaġġaturi essenzjali, b’mod partikolari għall-ħaddiema tat-trasport u għall-fornituri tas-servizzi tat-trasport, sabiex jiġi limitat it-tħarbit għas-suq intern u biex jiġi ppreżervat il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-unità tal-familji li jivvjaġġaw, it-tfal taħt it-12-il sena li jkollhom fil-pussess tagħhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, kemm jekk ikun ċertifikat tat-tilqim, ċertifikat tat-test jew ċertifikat tal-fejqan, jew test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina/awtoiżolament b’rabta mal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, it-tfal taħt is-sitt snin għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-ivvjaġġar.

(32)

Il-feġġ ta’ varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2, kif deher bil-feġġ tal-varjant “Omicron”, għadha raġuni ta’ tħassib u għandha titqies mill-Istati Membri fil-kuntest tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta regolarment evidenza ġdida dwar varjanti identifikati permezz ta’ intelliġenza epidemika, skrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħrajn (16). Dan ikopri, b’mod partikolari, il-varjanti ta’ tħassib, li għalihom hemm evidenza ċara disponibbli li tindika impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità li x’aktarx ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE, u varjanti ta’ interess, li għalihom hemm evidenza disponibbli dwar il-proprjetajiet ġenomiċi, l-evidenza epidemjoloġika jew l-evidenza in vitro li jistgħu jimplikaw impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità jew l-immunità, li realistikament ikollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE.

Sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proporzjon tal-varjanti ta’ tħassib u tal-varjanti ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE flimkien mal-volumi tas-sekwenzjar, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard qiegħed jippubblika wkoll mapep u data oħra kull ġimgħa (17). Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar il-feġġ u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, huwa importanti li l-Istati Membri jżommu jew jiksbu volum ta’ sekwenzjar suffiċjentement għoli. Volum insuffiċjenti ta’ sekwenzjar jirriżulta f’kapaċità baxxa li jiġu identifikati varjanti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiċċirkolaw qabel ma jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Istati Membri jqisu d-differenzi fil-volum ta’ sekwenzjar, sabiex ma jiskoraġġixxux livelli għoljin ta’ sekwenzjar.

(33)

Il-varjanti tas-SARS-CoV-2 “Alpha”, “Delta” u “Omicron”, b’dan tal-aħħar fil-proċess li jsir il-varjant dominanti fl-Unjoni, urew l-impatt negattiv li jista’ jkollhom il-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2 fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Filwaqt li jista’ jkun diffiċli ħafna li jitwaqqaf it-tixrid ta’ varjant ladarba jiġi identifikat fl-Unjoni, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom, huwa madankollu xieraq li tiġi stabbilita proċedura ta’ brejk ta’ emerġenza għal approċċ ikkoordinat bil-għan li jiġi ttardjat it-tixrid ta’ varjanti ġodda fl-Unjoni. Biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, dan għandu japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimponu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, restrizzjonijiet minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’żona tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari f’żoni diġà affettwati serjament.

(34)

Kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/953, meta Stat Membru jesiġi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li d-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, jagħmlu kwarantina jew awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni mis-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta’ tali ċertifikati minħabba li, pereżempju, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari b’riżultat ta’ varjant tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew ta’ interess, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan, jekk possibbli 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ tali restrizzjonijiet ġodda. Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi r-raġunijiet għal tali restrizzjonijiet u l-ambitu tagħhom, filwaqt li jispeċifika liema detenturi taċ-ċertifikati huma soġġetti għal tali restrizzjonijiet jew eżenti minnhom, u d-data u t-tul ta’ tali restrizzjonijiet, inkluż li jiddeskrivi l-konformità tagħhom mal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

(35)

Il-proċedura ta’ brejk ta’ emerġenza tista’ tiġi skattata jew minn Stat Membru, abbażi tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa skont ir-Regolament (UE) 2021/953, jew mill-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni regolari ta’ evidenza ġdida dwar il-varjanti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Din tista’ tirriżulta fi ftehim, ibbażat fuq proposta mill-Kummissjoni, biex jiġu applikati, għal perijodu ta’ żmien limitat, restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar miż-żoni kkonċernati, bħall-ittestjar jew ir-rekwiżiti ta’ kwarantina/awtoiżolament għall-vjaġġaturi jew it-tnejn li huma. Il-qafas għad-definizzjoni u l-valutazzjoni tal-kriterji li jistgħu jirriżultaw fl-iskattar ta’ interventi tas-saħħa pubblika kontra varjanti ta’ tħassib, li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat mill-grupp Ewropew ta’ esperti dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2 (18), għandu jitqies ladarba jkun disponibbli.

(36)

Sabiex jiġi ppreżervat il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”, ir-rekwiżiti tal-ittestjar imposti fuq il-ħaddiema tat-trasport u tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport minħabba li jiskatta l-brejk ta’ emerġenza għandhom ikunu limitati għat-testijiet rapidi tal-antiġeni, u ma għandha tkun meħtieġa l-ebda kwarantina/awtoiżolament. Tali rekwiżiti tal-ittestjar ma għandhomx iwasslu għal tħarbit fit-trasport. Jekk iseħħ tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan għandu jitneħħa jew jitħassar immedjatament.

(37)

It-traċċar tal-kuntatti jibqa’ pilastru ċentrali tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus, speċjalment b’rabta mal-feġġ ta’ varjanti ġodda. Fl-istess ħin, it-traċċar tal-kuntatti effettiv u f’waqtu huwa aktar diffiċli meta jkun jeħtieġ li jitwettaq b’mod transfruntiera u għal volumi kbar ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw qrib xulxin. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, ġiet żviluppata Formola Diġitali tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (“PLF”) (19), u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu minn dan il-format komuni biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll jingħaqdu mal-Pjattaforma ta’ Skambju għall-PLFs, stabbilita abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858 (20), biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tat-traċċar transfruntiera tal-kuntatti għall-modi kollha tat-trasport. Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF tippermetti l-iskambju sigur, f’waqtu u effettiv tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi tippermettilhom jittrażmettu informazzjoni mis-sistemi diġitali nazzjonali eżistenti tal-PLF tagħhom u informazzjoni epidemjoloġika rilevanti lil awtoritajiet kompetenti oħrajn b’mod interoperabbli u awtomatiku.

(38)

Meta l-PLFs jintużaw ukoll għal skopijiet oħra għajr it-traċċar tal-kuntatti, pereżempju biex jiġi ddeterminat jekk vjaġġatur li jkun ser jidħol għandux jagħmel test għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2, in-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ PLF fil-ħin qabel il-wasla ma għandhiex tirriżulta fiċ-ċaħda tad-dħul tal-vjaġġatur fil-pajjiż ikkonċernat, peress li dan jammonta għal restrizzjoni serja tal-moviment liberu. Fejn xieraq, tali vjaġġaturi jistgħu madankollu jkunu meħtieġa jissottoponu ruħhom għal miżuri oħra, bħal test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jsir wara l-wasla.

(39)

Informazzjoni ċara, f’waqtha u komprensiva għall-pubbliku ġenerali tibqa’ kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta’ kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, filwaqt li tiżgura prevedibbiltà, ċertezza tad-dritt u konformità miċ-ċittadini. L-Istati Membri għandhom jipprovdu tali informazzjoni f’waqtha, inkluż permezz tal-pjattaforma web “Re-open EU” (21). L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll jipprovdu, fuq “Re-open EU”, informazzjoni dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, minħabba r-rilevanza ta’ tali informazzjoni għall-vjaġġaturi minn Stati Membri oħra.

(40)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qiegħda tevolvi, u hekk kif issir disponibbli evidenza xjentifika aktar rilevanti, il-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, għandha tirrevedi din ir-Rakkomandazzjoni regolarment, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn meħtieġ. B’mod partikolari, f’konformità mal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità, li jipprevedu li kwalunkwe restrizzjoni għandha titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti dan, il-Kummissjoni hija mistiedna tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni fis-sitwazzjoni epidemjoloġika u tevalwa mill-ġdid jekk ir-rekwiżit li jinżamm Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għadux ġustifikat ladarba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE kollha jew fil-livell reġjonali tkun tjiebet.

(41)

Minħabba li din ir-Rakkomandazzjoni tadatta u tiżviluppa aktar l-approċċ komuni biex tiffaċilita l-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 għandha tiġi sostitwita.

(42)

Sabiex jingħata lok għal żmien biżżejjed biex l-approċċ ikkoordinat stabbilit f’din ir-Rakkomandazzjoni jiġi implimentat, ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2022.

(43)

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-mekkaniżmi stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu strettament limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien għar-restrizzjonijiet adottati b’reazzjoni għal din il-pandemija. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tieqaf tapplika wkoll mhux aktar tard minn meta r-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqax japplika,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Prinċipji Ġenerali

Meta jadottaw u japplikaw miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

1.

Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbilita biex tillimita t-tixrid tal-COVID-19 għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa neċessarju li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe miżura li tittieħed ma għandhiex testendi lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika.

2.

Kwalunkwe restrizzjoni, inkluż fl-isptarijiet, għandha titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.

3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit impost fuq iċ-ċittadini u n-negozji jipprovdi benefiċċju konkret għall-isforzi tas-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-pandemija u ma joħloqx piż amministrattiv żejjed u bla bżonn.

4.

Ma jista’ jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju billi jiġu applikati regoli aktar ġenerużi għall-ivvjaġġar lejn u minn Stat Membru ġar meta mqabbel mal-ivvjaġġar lejn u minn Stati Membri oħra.

5.

Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu diskriminatorji, jiġifieri, għandhom japplikaw bl-istess mod għaċ-ċittadini li jirritornaw tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.

6.

L-Istati Membri dejjem għandhom idaħħlu liċ-ċittadini tagħhom stess u liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jkunu residenti fit-territorju tagħhom. Fil-prinċipju, l-Istati Membri ma għandhomx jirrifjutaw id-dħul ta’ persuni oħra li jivvjaġġaw minn Stati Membri oħra, u għandhom jiffaċilitaw it-tranżitu rapidu mit-territorji tagħhom.

7.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet ta’ reġjuni transfruntiera, lir-reġjuni ultraperiferiċi, l-esklavi u ż-żoni ġeografikament iżolati u lill-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali u dak reġjonali.

8.

L-Istati Membri għandhom jevitaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista u fl-ivvjaġġar essenzjali u għandhom iżommu għaddejjin il-flussi tat-trasport skont is-sistema tal-“Korsiji Ħodor”.

9.

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw regolarment l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u jinformaw liċ-ċittadini kif meħtieġ.

10.

Ir-restrizzjonijiet ma għandhomx jieħdu l-forma ta’ projbizzjonijiet fuq l-operat ta’ ċerti servizzi tat-trasport.

Qafas ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19

11.

Il-vjaġġaturi fil-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953 li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 12 ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu. B’mod partikolari, il-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina.

F’dan il-kuntest, id-derogi li ġejjin japplikaw għall-ewwel subparagrafu:

(a)

l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punt 16;

(b)

miżuri addizzjonali stabbiliti fil-punt 19 għall-wasliet minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna u għalhekk x’aktarx li jirriżultaw f’livell sinifikanti ta’ każijiet importati;

(c)

miżuri addizzjonali miftiehma skont il-punt 25 biex jiġi ttardjat it-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2.

12.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għandu jiġi aċċettat jekk l-awtentiċità, il-validità u l-integrità tiegħu jkunu jistgħu jiġu vverifikati u jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċini kontra l-COVID-19 koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament u li jindikaw li d-detentur irċieva:

it-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi;

vaċċin ta’ doża waħda;

f’konformità mal-istrateġija tat-tilqim tal-Istat Membru tat-tilqima, doża waħda ta’ vaċċin ta’ żewġ dożi wara li diġà kellu infezzjoni preċedenti tas-SARS-CoV-2;

doża booster wara t-tlestija tas-sensiela primarja tat-tilqim;

dment li l-perijodu tal-aċċettazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/953 ma jkunx għadu skada u, għaċ-ċertifikati li jaqgħu taħt il-punti (i) sa (iii), ikunu għaddew mill-inqas 14-il jum mill-aħħar doża.

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ukoll ċertifikati tat-tilqim maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċini kontra l-COVID-19 koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għat-tilqim b’dożi booster għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom li jindikaw it-tlestija tas-sensiela primarja tat-tilqim ikunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perijodu standard ta’ aċċettazzjoni u li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali ħarġu rakkomandazzjoni biex jirċievu doża booster.

Abbażi ta’ evidenza xjentifika ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid b’mod regolari l-approċċ stabbilit fil-punt (a).

(b)

Iċ-ċertifikati tat-test maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 li jindikaw riżultat negattiv tat-test miksub:

mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT); jew

mhux aktar minn 24 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test rapidu tal-antiġeni (rapid antigen test, RAT) elenkat fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 (22) stabbiliti abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (23).

Għall-finijiet tal-ivvjaġġar fl-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iż-żewġ tipi ta’ testijiet.

L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw li ċ-ċertifikati tat-test jinħarġu mill-aktar fis possibbli wara l-ġbir tal-kampjun tat-test.

(c)

Iċ-ċertifikati tal-fejqan maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 li jindikaw li ma jkunux għaddew aktar minn 180 jum mid-data tal-ewwel riżultat pożittiv tan-NAAT.

13.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-funzjonalità standardizzata tal-ipproċessar tar-regoli operattivi offruta mis-sistema taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.

14.

Fejn din ir-Rakkomandazzjoni tagħmel referenza għaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, dan għandu jinftiehem ukoll li jkopri ċ-ċertifikati koperti minn att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament maħruġa minn pajjiżi terzi lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll joħorġu ċertifikati tat-tilqim skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/953.

15.

Persuni li ma għandhomx Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE maħruġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 jistgħu jkunu meħtieġa li, qabel jew mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-wasla, jagħmlu NAAT jew RAT elenkati fil-lista komuni u aġġornata. Dan ma japplikax għal persuni eżentati milli jkollhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE f’konformità mal-punt 16.

Eżenzjonijiet

16.

Il-kategoriji ta’ vjaġġaturi li ġejjin ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953:

(a)

it-tipi ta’ vjaġġaturi li ġejjin b’funzjoni jew bi ħtieġa essenzjali, meta jeżerċitaw din il-funzjoni jew bżonn essenzjali:

il-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri ta’ servizzi tat-trasport, inklużi s-sewwieqa u l-ekwipaġġ ta’ vetturi tal-merkanzija li jkunu qegħdin iġorru oġġetti għall-użu fit-territorju kif ukoll dawk li sempliċiment jgħaddu bi tranżitu;

il-pazjenti li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi imperattivi;

il-baħħara.

(b)

il-persuni li jgħixu f’reġjuni tal-fruntieri u li jivvjaġġaw bejn il-fruntieri kuljum jew ta’ spiss għal finijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew biex jipprovdu kura;

(c)

tfal taħt l-età ta’ 12-il sena.

Mappa tal-UE bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku u eċċezzjonijiet u miżuri addizzjonali bbażati fuqha

17.

Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jippubblika mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, li tindika r-riskju potenzjali li persuna li tivvjaġġa mir-reġjun tkun infettata bis-SARS-CoV-2 skont sistema ta’ kuluri tad-dawl tat-traffiku. Din il-mappa għandha tinkludi wkoll data mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja u, malli l-kundizzjonijiet jippermettu (24), mill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji, il-livelli limitu u l-kodiċi tal-kuluri stabbiliti fl-Anness.

18.

Kull ġimgħa, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jippubblika verżjonijiet aġġornati tal-mapep u d-data sottostanti.

19.

Il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha sservi biex tipprovdi lill-pubbliku u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, abbażi tal-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku, japplikaw il-miżuri li ġejjin lejn u minn żoni fejn il-virus ikun qed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna u li huma kklassifikati bħala “ħomor skuri” f’konformità mal-punt 3 (g) tal-Anness:

(a)

l-Istati Membri għandhom jiskoraġġixxu kull vjaġġar mhux essenzjali lejn u minn dawk iż-żoni;

(b)

il-persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn dawk iż-żoni għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu NAAT jew RAT elenkati fil-lista komuni u aġġornata qabel it-tluq u li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament għal għaxart ijiem wara l-wasla. Il-kwarantina/l-awtoiżolament għandhom jintemmu kmieni jekk il-persuna kkonċernata tagħmel test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, l-aktar kmieni fil-ħames jum wara l-wasla li jirriżulta f’riżultat negattiv tat-test.

Meta tali persuni jkunu koperti mill-punt 16(a) jew (b), dawn ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu awtoiżolament/kwarantina iżda jaf ikunu meħtieġa jkollhom ċertifikat tat-test negattiv fil-pussess tagħhom. Permezz ta’ deroga, il-ħaddiema tat-trasport u tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu awtoiżolament/kwarantina jew ikollhom ċertifikat tat-test negattiv fil-pussess tagħhom meta jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.

It-tfal taħt it-12-il sena li jkollhom fil-pussess tagħhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jew test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jaslu minn żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri” ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina/awtoiżolament. Barra minn hekk, it-tfal taħt is-sitt snin ma għandhomx ikunu meħtieġa li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament b’rabta mal-ivvjaġġar jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-ivvjaġġar.

L-indirizzar ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess u l-brejk ta’ emerġenza

20.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lit-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, speċjalment varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà jew is-severità tal-mard jew li jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin. Għal din il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw id-data u l-valutazzjonijiet tar-riskju ppubblikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE.

Sabiex jappoġġa lill-Istati Membri, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jkompli jippubblika informazzjoni u mapep dwar il-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, b’mod partikolari dwar il-volumi ta’ sekwenzjar u d-distribuzzjoni tal-varjanti.

21.

Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar il-feġġ u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, l-Istati Membri għandhom jiksbu jew iżommu volumi għoljin ta’ sekwenzjar, idealment f’livell li jippermetti d-detezzjoni ta’ varjanti li jammontaw għal 1 % jew inqas tal-viruses li jiċċirkolaw.

L-Istati Membri, fuq bażi ta’ kull ġimgħa, għandhom jipprovdu data dwar ir-riżultati tas-sekwenzjar tal-każijiet pożittivi tas-SARS-CoV-2 u l-volum ta’ sekwenzjar, inkluż fil-livell reġjonali biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura tista’ tiġi mmirata lejn dawk ir-reġjuni fejn tkun strettament meħtieġa.

22.

Meta Stat Membru jirrikjedi li l-vjaġġaturi, inklużi d-detenturi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta’ tali ċertifikati, b’reazzjoni għall-feġġ ta’ varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun possibbli, tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet ġodda. Kull fejn ikun possibbli, tali miżuri għandhom ikunu limitati għal-livell reġjonali.

Dan għandu japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jimponi rekwiżiti addizzjonali ta’ kwarantina/awtoiżolament jew ta’ ttestjar, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’żona fi Stat Membru tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari f’żoni diġà kklassifikati bħala “ħomor skuri”. F’dan il-każ, l-informazzjoni pprovduta għandha tindika b’mod ċar għaliex il-miżuri addizzjonali huma meħtieġa u proporzjonati.

23.

Fejn Stat Membru jiskatta l-brejk ta’ emerġenza u, bħala riżultat, jirrikjedi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, għandhom jintużaw testijiet rapidi tal-antiġeni u ma tkun meħtieġa ebda kwarantina, u dan ma għandux iwassal għal tħarbit fit-trasport. Jekk ikun hemm tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, l-Istati Membri għandhom ineħħu jew iħassru immedjatament kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan sabiex jippreservaw il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”. Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda test meta l-brejk ta’ emerġenza jiġi attivat skont it-tieni subparagrafu tal-punt 22.

24.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-punt 22, il-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u appoġġat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, għandu jirrevedi s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat. Matul laqgħa ta’ koordinazzjoni bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeskrivi r-raġunament għall-miżuri tiegħu.

Il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni regolari ta’ evidenza ġdida dwar il-varjanti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u, ladarba jkun disponibbli, tal-qafas żviluppat mill-grupp ta’ esperti Ewropew dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, tista’ tissuġġerixxi wkoll diskussjoni fi ħdan il-Kunsill dwar varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 jew dwar sitwazzjoni epidemjoloġika li tiddeterjora malajr fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru.

25.

Matul diskussjoni skont il-punt 24, il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ u kif xieraq, tipproponi li l-Kunsill jaqbel dwar approċċ ikkoordinat rigward l-ivvjaġġar miż-żoni kkonċernati li jkollu l-għan li, b’mod partikolari, jittardja t-tixrid tal-varjant fl-Unjoni, bħal rekwiżiti ta’ ttestjar u/jew kwarantina/awtoiżolament għall-vjaġġaturi.

26.

Kwalunkwe sitwazzjoni li tirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri skont dan il-punt għandha tiġi riveduta regolarment. Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jissuġġerixxu t-tneħħija tal-miżuri stabbiliti f’konformità mal-approċċ ikkoordinat dwar il-varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2.

Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri u t-traċċar tal-kuntatti

27.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jirrikjedu li l-persuni li jivvjaġġaw lejn it-territorju tagħhom permezz ta’ modi kollettivi ta’ trasport b’sit jew kabina assenjati minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (Passenger Locator Forms, “PLF”) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-Formola Diġitali tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri komuni żviluppata mill-EU Healthy Gateways (25) u jissieħbu fil-Pjattaforma ta’ Skambju għall-PLF biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tat-traċċar transfruntiera tal-kuntatti għall-modi kollha tat-trasport.

28.

Jekk persuna tiżviluppa s-sintomi mal-wasla fid-destinazzjoni tagħha, l-ittestjar, id-dijanjożi, l-iżolament u t-traċċar tal-kuntatti għandhom isiru skont il-prattika lokali, u d-dħul ma għandux jiġi miċħud. L-informazzjoni dwar każijiet misjuba mal-wasla għandha tiġi kondiviża minnufih mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li l-persuna kkonċernata kienet qiegħda tirrisjedi fihom matul l-14-il jum preċedenti għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti, bl-użu, meta jkun applikabbli, tal-Pjattaforma ta’ Skambju għall-PLFs, jew inkella tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons.

Komunikazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku

29.

F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/953, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha dwar kwalunkwe miżura li taffettwa d-dritt tal-moviment liberu u kwalunkwe rekwiżit ta’ akkumpanjament, bħall-ħtieġa li tiġi ppreżentata PLF, mill-aktar fis possibbli qabel ma jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda. Bħala regola ġenerali, din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-inqas 24 siegħa qabel ma l-miżuri jidħlu fis-seħħ, b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi. L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata wkoll f’format li jinqara mill-magni.

30.

Din l-informazzjoni għandha tkun regolarment aġġornata mill-Istati Membri u tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web “Re-open EU”, li għandha tinkludi l-mappa ppubblikata regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont il-punt 17. Fejn hu applikabbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fuq “Re-open EU”, informazzjoni dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.

31.

Is-sustanza tal-miżuri, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħhom u l-kategoriji ta’ persuni li l-miżuri japplikaw għalihom għandhom jiġu deskritti b’mod ċar.

Dispożizzjonijiet finali

32.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi riveduta regolarment mill-Kummissjoni, bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwarha b’mod regolari lill-Kunsill.

33.

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 hija sostitwita b’din ir-Rakkomandazzjoni.

34.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2022.

35.

Din ir-Rakkomandazzjoni ser tieqaf tapplika mhux aktar tard mill-istess waqt bħal dak tar-Regolament (UE) 2021/953.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19” (COM(2020) 685 final).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/119 tal-1 ta’ Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 36 I, 2.2.2021, p. 1).

(5)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/961 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 213I, 16.6.2021, p. 1).

(7)  https://vaccinetracker.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/vaccine-tracker.html#summary-tab

(8)  https://vaccinetracker.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/vaccine-tracker.html#uptake-tab

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1126 tat-8 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Iżvizzera għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 49).

(10)  EUCO 17/21.

(11)  WHO-2019-nCoV-Policy-Brief-Risk-based-international-travel-2021,1, jinsab hawn: https://www.who.int/publications/i/item/WHO-2019-nCoV-Policy-Brief-Risk-based-international-travel-2021,1

(12)  ĠU L 458, 22.12.2021, p. 459.

(13)  Jinsab hawn:https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf

(14)  https://ec.europa.eu/health/security/crisis-management/twg_covid-19_diagnostic_tests_mt

(15)  https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/eu-dcc_validation-rules_en.pdf

(16)  https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/variants-concern

(17)  https://covid19-country-overviews.ecdc.europa.eu/#4_EUEEA:_variants_of_concern

(18)  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupId=3791&fromMeetings=true&meetingId=27935

(19)  https://www.euplf.eu/mt/eu-dplf-mt/index.html

(20)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ passiġġieri identifikati permezz tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 106).

(21)  https://reopen.europa.eu/mt

(22)  Jinsab hawn: https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf

(23)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).

(24)  Soġġett għal ftehim konkluż bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fis-saħħa pubblika, inkluż dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fiċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(25)  https://www.euplf.eu/mt/eu-dplf-mt/index.html


ANNESS

Mappa tal-UE bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku

1.   

Il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

“ir-rata fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet”, jiġifieri, in-numru totali ta’ każijiet ta’ COVID-19 notifikati ġodda għal kull 100 000 abitant fl-aħħar 14-il jum fil-livell reġjonali;

(b)

“it-teħid tal-vaċċin”, jiġifieri, it-teħid kumulattiv tat-tilqim komplut b’kors primarju fil-popolazzjoni totali fil-livell reġjonali;

(c)

“ir-rata tal-ittestjar”, jiġifieri, in-numru ta’ testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant imwettqa matul l-aħħar ġimgħa.

2.   

Sabiex jinkiseb punteġġ kumplessiv, ir-rata fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet (C) għandha tiġi ponderata abbażi tat-teħid tal-vaċċin (V) f’reġjun speċifiku. Jekk il-valur għal kwalunkwe wieħed miż-żewġ kriterji ma jkunx disponibbli fil-livell reġjonali, għandu jintuża l-valur fil-livell nazzjonali.

Għal dan il-għan, għandha tintuża l-formula li ġejja:

(C+C*(100-V)/100)/2 = rata ponderata

3.   

Fil-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku, żona għandha tiġi mmarkata bil-kuluri li ġejjin:

(d)

aħdar, jekk ir-rata ponderata tkun inqas minn 40;

(e)

oranġjo, jekk ir-rata ponderata tkun inqas minn 100 iżda 40 jew aktar;

(f)

aħmar, jekk ir-rata ponderata tkun inqas minn 300 iżda 100 jew aktar;

(g)

aħmar skur, jekk ir-rata ponderata tkun 300 jew aktar;

(h)

griż skur, jekk ir-rata tal-ittestjar tkun 600 jew inqas;

(i)

griż, jekk ma tkunx disponibbli data suffiċjenti għall-valutazzjoni tal-punti (a) sa (e).


Top