Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Q1222(01)

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda

ĠU L 433I, 22/12/2020, p. 28–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj

22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 433/28


FTEHIM INTERISTITUZZJONALI BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR DIXXIPLINA BAĠITARJA, DWAR KOOPERAZZJONI F’MATERJI BAĠITARJI U DWAR ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA, KIF UKOLL DWAR RIŻORSI PROPRJI ĠODDA, INKLUŻ PJAN DIREZZJONALI LEJN L-INTRODUZZJONI TA’ RIŻORSI PROPRJI ĠODDA

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

tas-16 ta’ Diċembru 2020

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istituzzjonijiet”,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 295 tiegħu,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li tiġi implimentata dixxiplina baġitarja, li jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll li jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba, u li jimplimenta kooperazzjoni u jistabbilixxi pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni, matul il-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (‘QFP 2021-2027’), ta’ riżorsi proprji ġodda li jkunu biżżejjed biex ikopru l-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (1) (“ir-Regolament EURI”).

2.

Id-dixxiplina baġitarja kif imsemmija f’dan il-Ftehim tkopri n-nefqa kollha. Dan il-Ftehim huwa vinkolanti fuq l-Istituzzjonijiet sakemm jibqa’ fis-seħħ. L-Annessi għal dan il-Ftehim jifformaw parti integrali minnu.

3.

Dan il-Ftehim ma jibdilx is-setgħat baġitarji u leġiżlattivi rispettivi tal-Istituzzjonijiet kif stipulati fit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (2) (“ir-Regolament dwar il-QFP”), fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053. (4) (“id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji”), u huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tar-riżorsi proprji.

4.

Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim tirrikjedi l-qbil komuni tal-Istituzzjonijiet.

5.

Dan il-Ftehim jinqasam f’erba’ partijiet:

il-Parti I fiha dispożizzjonijiet relatati mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mal-istrumenti speċjali tematiċi u mhux tematiċi;

il-Parti II tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali f’materji baġitarji;

il-Parti III fiha dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ fondi tal-Unjoni;

il-Parti IV fiha dispożizzjonijiet relatati mal-kwalità u l-komparabbiltà tad-data dwar il-benefiċjarji fil-kuntest tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

6.

Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2020 u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5).

PARTI I

QFP U STRUMENTI SPEĊJALI

A.   DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-QFP

7.

L-Istituzzjonijiet għandhom, għall-finijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jiżguraw, sa fejn ikun possibbli matul il-proċedura baġitarja u fiż-żmien tal-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jkun fadal biżżejjed marġni disponibbli taħt il-livelli massimi għad-diversi intestaturi tal-QFP, ħlief għas-sottointestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”.

Aġġornament tal-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta’ pagament

8.

Kull sena, il-Kummissjoni għandha taġġorna il-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta’ pagament mill-inqas għall-perijodu sal-2027. Dak l-aġġornament għandu jqis l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż l-implimentazzjoni reali ta’ approprjazzjonijiet baġitarji għal impenji u approprjazzjonijiet baġitarji għal pagamenti, kif ukoll il-previżjonijiet tal-implimentazzjoni. Għandu jqis ukoll ir-regoli mfassla biex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament jiżviluppaw b’mod ordnat meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mal-previżjoni tat-tkabbir tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni (DNG).

B.   DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-ISTRUMENTI SPEĊJALI TEMATIĊI U MHUX TEMATIĊI

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

9.

Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex timmobilizzah, u d-deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fl-istess żmien li tressaq il-proposta tagħha għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment għal-linji baġitarji rilevanti.

It-trasferimenti relatati mal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza

10.

Fejn il-Kummissjoni tqis li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tar- Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza, għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment minn dik ir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Id-deċiżjoni biex jiġu mobilizzati ammonti skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar il-QFP għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, f’konformità mal-att bażiku rilevanti.

Qabel ma tagħmel kwalunkwe proposta għal trasferiment mir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza għall-assistenza skont il-punt (b) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

11.

Fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit li jinsabu fl-istrument rilevanti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment għal-linji baġitarji rilevanti.

It-trasferimenti relatati mar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Strument ta’ Marġini Uniku

12.

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li timmobilizza l-ammonti li jkunu ekwivalenti għall-marġnijiet kollha, jew għal parti minnhom, imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-QFP, b’rabta ma’ abbozz ta’ baġit jew abbozz ta’ baġit emendatorju. Il-mobilizzazzjoni ta’ kwalunkwe ammont imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibiltajiet finazjarji l-oħra kollha.

Dawk l-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE).

Strument ta’ Flessibbiltà

13.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li teħtieġ nefqa addizzjonali.

Dik il-proposta għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti u l-ammont. Tali proposta tista’ ssir b’rabta ma’ abbozz ta’ baġit jew ma’ abbozz ta’ baġit emendatorju.

L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

PARTI II

TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI F’MATERJI BAĠITARJI

A.   PROĊEDURA TA’ KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI

14.

Id-dettalji dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja jinsabu fl-Anness I.

15.

F’konformità mal-Artikolu 312(5) TFUE, l-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ QFP ġdid jew reviżjoni tiegħu, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali msemmija fl-Artikolu 312(2) TFUE. Tali miżuri ser jinkludu laqgħat regolari u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, laqgħat tal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 324 TFUE sabiex tiġi promossa il-konsultazzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istituzzjonijiet. Meta tiġi mressqa proposta għall-QFP ġdid jew għal reviżjoni sostanzjali, l-Istituzzjonijiet ser ifittxu li jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu bejniethom tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tagħha.

Trasparenza baġitarja

16.

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jiġbor flimkien l-informazzjoni disponibbli li mhix kunfidenzjali relatata ma’:

(a)

l-attivi u l-passivi tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa mill-Unjoni skont is-setgħat tagħha skont it-Trattati;

(b)

d-dħul, l-infiq, l-attivi u l-passivi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (6), tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u ta’ mekkaniżmi oħrajn possibbli fil-futur;

(c)

in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sakemm din ma tkunx inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(d)

in-nefqa fuq il-klima, abbażi ta’ metodoloġija effettiva stabbilita mill-Kummissjoni u, fejn rilevanti, f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, għall-monitoraġġ tal-infiq fuq il-klima u l-prestazzjoni tagħha bil-ħsieb li tintlaħaq mira ġenerali ta’ mill-anqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni u tal-infiq tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru b’sostenn tal-objettivi klimatiċi, filwaqt li jitqiesu l-effetti tal-eliminazzjoni gradwali tal-finanzjament skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u ssir id-distinzjoni bejn il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, fejn ikun fattibbli.

Fejn ma jsirx biżżejjed progress lejn il-mira tal-infiq fuq il-klima f’wieħed jew aktar mill-programmi rilevanti, l-Istituzzjonijiet, f’konformità mar-responsabbiltajiet tagħhom u l-leġiżlazzjoni rilevanti, jikkonsultaw bejniethom dwar miżuri xierqa li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-infiq tal-Unjoni fuq l-objettivi klimatiċi matul il-perijodu kollu tal-QFP 2021-2027 ikun ekwivalenti għal mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni u tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru.

(e)

nefqa li tikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-tnaqqis tal-bijodiversità, fuq il-bażi ta’ metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva stabbilita mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, u, fejn rilevanti, f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, bil-ħsieb li ssir ħidma lejn l-ambizzjoni li fl-2024 jiġi allokat 7,5 % u fl-2026 u fl-2027 jiġi allokat 10 % tal-infiq annwali tal-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet dwar il-klima u dawk dwar il-bijodiversità;

(f)

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll id-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd matul l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi rilevanti, u l-integrazzjoni ta’ dawk l-objettivi kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, anki permezz tat-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet skont il-qafas dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-Kummissjoni ser teżamina kif tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel in-nefqa rilevanti fil-livell ta’ programm fil-QFP 2021-2027. Il-Kummissjoni ser tuża dik il-metodoloġija hekk kif issir disponibbli. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni ser timplimenta dik il-metodoloġija għal ċerti programmi ġestiti b’mod ċentrali biex tittestja l-fattibbiltà tagħha. F’nofs it-terminu, ser jiġi esplorat jekk il-metodoloġija tistax tiġi estiża għal programmi oħra għall-bqija tal-QFP 2021-2027;

(g)

l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fil-programmi rilevanti kollha tal-Unjoni tal-QFP 2021-2027

Il-metodoloġiji effettivi msemmija fil-punti (d) u (e) tal-ewwel paragrafu ser jinkludu, sa fejn ikun possibbli, referenza għall-kontribuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tinkludi l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”.

Il-metodoloġija effettiva msemmija fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu ser tkun trasparenti, komprensiva, orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-prestazzjoni, ser tinkludi konsultazzjoni annwali mill-Kummissjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u ser tidentifika l-miżuri rilevanti li għandhom jittieħdu f’każ li l-progress lejn il-kisba tal-miri applikabbli jkun insuffiċjenti.

Jenħtieġ li l-ebda waħda mill-metodoloġiji msemmija f’dan il-punt ma jwasslu għal piż amministrattiv eċċessiv fuq id-detenturi tal-proġetti jew fuq il-benefiċjarji.

17.

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dak ir-rapport annwali għandu jiġbor flimkien l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali relatata ma’:

l-attivi u l-passivi li jirriżultaw minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji;

l-ammont aggregat ta’ rikavati assenjati lill-programmi tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru fis-sena preċedenti, maqsum skont il-programm u l-linja baġitarja;

il-kontribuzzjoni tal-fondi missellfa lejn il-kisbiet tal-objettivi tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-programmi speċifiċi tal-Unjoni.

B.   INKORPORAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI F’ATTI LEĠIŻLATTIVI

18.

Kull att leġiżlattiv, li jikkonċerna programm pluriennali, adottat f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jkun fih dispożizzjoni li fiha l-leġiżlatur jistipula l-pakkett finanzjarju għall-programm.

Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

Għall-programmi msemmija fl-Anness II għar-Regolament dwar il-QFP, l-ammont ta’ referenza primarja jiġi miżjud awtomatikament bl- allokazzjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-QFP.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta tħejji l-abbozz ta’ baġit, jimpenjaw ruħhom li tul il-programm ikkonċernat ma jitbegħdux b’aktar minn 15 % minn dak l-ammont, sakemm ma jirriżultawx ċirkostanzi ġodda, oġġettivi u fit-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi, filwaqt li jitqiesu r-riżultati miksuba mill-implimentazzjoni tal-programm, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet. Kwalunkwe żieda li tirriżulta minn tali varjazzjoni għandha tibqa’ taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-użu tal-istrumenti msemmija fir-Regolament dwar il-QFP u f’dan il-Ftehim.

Ir-raba’ paragrafu ma japplikax għall-allokazzjonijiet addizzjonali msemmija fit-tielet paragrafu.

Dan il-punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet għall-koeżjoni adottati f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel għal kull Stat Membru, li fihom pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm u lanqas għall-proġetti fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar il-QFP.

19.

Atti tal-Unjoni legalment vinkolanti li jikkonċernaw programmi pluriennali li mhumiex adottati f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma għandux ikun fihom “ammont meqjus neċessarju”.

F’każ li l-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta’ referenza finanzjarja, dak l-ammont għandu jitqies bħala turija tar-rieda tal-leġiżlatur u ma għandux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbiliti fit-TFUE. Fl-atti kollha legalment vinkolanti tal-Unjoni li fihom ammont ta’ referenza finanzjarja bħal dak, għandu jkun hemm dispożizzjoni f’dak ir-rigward.

C.   NEFQA RELATATA MA’ FTEHIMIET DWAR IS-SAJD

20.

In-nefqa fuq ftehimiet dwar is-sajd għandha tkun soġġetta għar-regoli speċifiċi li ġejjin.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm lill-Parlament Ewropew informat b’mod regolari dwar it-tħejjija u t-tmexxija tan-negozjati dwar ftehimiet dwar is-sajd, inkluż l-implikazzjonijiet baġitarji ta’ dawk il-ftehimiet.

Matul il-proċedura leġiżlattiva relatata ma’ ftehimiet dwar is-sajd, l-Istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu kemm jista’ jkun malajr.

L-ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta’ ftehimiet dwar is-sajd li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitpoġġew fir-riżerva.

Jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet relatati mal-ftehimiet dwar is-sajd, inkluż ir-riżerva, ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni u dwar il-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont il-proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri adatti.

Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena.

21.

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tirregola n-negozjati ta’ ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, biex jaslu għal ftehim f’waqtu dwar il-finanzjament adegwat ta’ ftehimiet dwar is-sajd.

D.   FINANZJAMENT TAL-POLITIKA ESTERA U TA’ SIGURTÀ KOMUNI (PESK)

22.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu kemm hu f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas li jistabbilixxi l-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ tbassir imħejji kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, (“ir-Rappreżentant Għoli”). Għandu jitħalla marġni raġonevoli biex ikopri azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f’riżerva.

23.

Fir-rigward tan-nefqa fuq il-PESK li hija addebitata lill-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 41 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom, fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 314(5) TFUE, u fuq il-bażi tal-abbozz ta’ baġit stabbilit mill-Kummissjoni, biex kull sena jiżguraw li jkun hemm qbil dwar l-ammont tan-nefqa operattiva u dwar it-tqassim ta’ dak l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jinsab fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz ta’ baġit, skont liema wieħed ikun l-aktar baxx.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK kif issuġġerit fit-tielet paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri azzjonijiet diġà adottati, azzjonijiet li huma previsti iżda li għadhom ma ġewx adottati u ammonti għal azzjonijiet futuri — jiġifieri mhux previsti — li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet tal-PESK jistgħu jkunu fit-termini li ġejjin:

missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Finanzjarju;

missjonijiet oħra (għal operazzjonijiet tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, prevenzjoni ta’ kunflitti, riżoluzzjoni u stabbilizzazzjoni, u monitoraġġ u implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà);

nonproliferazzjoni u diżarm;

miżuri ta’ emerġenza;

miżuri ta’ tħejjija u ta’ segwitu;

Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità li tittrasferixxi b’mod awtonomu approprjazzjonijiet bejn l-artikoli fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, għandha tiġi żgurata kif xieraq il-flessibbiltà li titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni malajr tal-azzjonijiet tal-PESK. F’każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK matul is-sena finanzjarja ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ifittxu soluzzjoni b’urġenza, fuq proposta mill-Kummissjoni.

24.

Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument ta’ prospettiva, li għandu jiġi trażmess sal-15 ta’ Ġunju tas-sena kkonċernata, li jistabbilixxi l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u l-kumplementarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm informat b’mod regolari lill-Parlament Ewropew billi jorganizza laqgħat konġunti ta’ konsultazzjoni mill-anqas ħames darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jintlaħaq ftehim dwarhom mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena. Il-parteċipazzjoni f’dawk il-laqgħat għandha tiġi determinata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f’dawk il-laqgħat.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawk il-laqgħat.

Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tal-PESK li tinvolvi nefqa, ir-Rappreżentant Għoli għandu minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara, jibgħat lill-Parlament Ewropew estima tal-ispejjeż previsti (“dikjarazzjoni finanzjarja”), b’mod partikolari dawk l-ispejjeż marbuta maż-żmien meħtieġ„ persunal impjegat, użu ta’ bini u infrastruttura oħra, faċilitajiet tat-trasport, rekwiżiti tat-taħriġ u arranġamenti dwar is-sigurtà.

Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u l-previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena finanzjarja.

E.   INVOLVIMENT TAL-ISTITUZZJONIJIET FIR-RIGWARD TA’ KWISTJONIJIET TA’ POLITIKA TAL-IŻVILUPP

25.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ politika tal-iżvilupp.

PARTI III

ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA TAL-FONDI TAL-UNJONI

A.   PROGRAMMAR FINANZJARJU

26.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta darbtejn fis-sena, l-ewwel darba flimkien mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz ta’ baġit u t-tieni darba wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, programmar finanzjarju komplut għall-intestaturi 1, 2 (ħlief għas-sottointestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”), 3 (għal “Ambjent u azzjoni dwar il-klima” u “Politika marittima u sajd”), 4, 5 u 6 tal-QFP. Dak l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, il-qasam ta’ politika u linja baġitarja, jenħtieġ li jidentifika:

(a)

il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’distinzjoni bejn programmi pluriennali u azzjonijiet annwali:

(i)

għal programmi pluriennali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-proċedura li skontha jkunu ġew adottati (proċedura leġiżlattiva ordinarja jew dik speċjali), it-tul ta’ żmien tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva;

(ii)

għall-programmi pluriennali msemmija fl-Anness II għar-Regolament tal-QFP, il-Kummissjoni għandha tindika b’mod trasparenti l-allokazzjonijiet addizzjonali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-QFP;

(iii)

għal azzjonijiet annwali (relatati ma’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji u aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati skont il-prerogattivi tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi estimi pluriennali;

(b)

proposti leġiżlattivi pendenti: proposti li għaddejjin bħalissa tal-Kummissjoni, bl-aħħar aġġornament.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis modi ta’ kontroreferenzjar tal-ipprogrammar finanzjarju mal-ipprogrammar leġiżlattiv tagħha biex tipprovdi previżjonijiet aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika jekk hijiex inkluża fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien meta tressaq l-abbozz ta’ baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod partikolari:

(a)

bl-atti leġiżlattivi ġodda kollha adottati u l-proposti pendenti kollha mressqa iżda mhux inklużi fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien tal-abbozz ta’ baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit (bl-ammonti korrispondenti);

(b)

bil-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta’ ħidma leġiżlattiva annwali tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni ta’ jekk l-azzjonijiet x’aktarx ikollhom impatt finanzjarju jew le.

Kull fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-ipprogrammar mill-ġdid li jirriżulta mill-proposti leġiżlattivi ġodda.

B.   AĠENZIJI U SKEJJEL EWROPEJ

27.

Qabel ma tressaq proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra, fost oħrajn, il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-ispejjeż f’termini ta’ benefiċċji, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni, u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġiżlattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija proposta.

Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin:

l-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tressaq b’mod sistematiku kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu wara l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tressaq id-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva għall-ħolqien tal-aġenzija u għandha turi l-konsegwenzi tagħha għall-bqija tal-perijodu tal-ipprogrammar finanzjarju;

it-tieni, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġiżlatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Jenħtieġ li dawk il-konsegwenzi finanzjarji jitqiesu waqt it-trilogi leġiżlattivi rilevanti;

it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tressaq dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis l-emendi potenzjali mil-leġiżlatur; dik id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġiżlattiv finali u tiġi approvata b’mod formali mil-leġiżlatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda ta’ trilogu baġitarju sussegwenti (f’każijiet urġenti, f’forma simplifikata), bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-finanzjament;

ir-raba’, il-ftehim milħuq waqt trilogu, li jqis il-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f’dikjarazzjoni konġunta. Dak il-ftehim għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kull wieħed minnhom f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

L-istess proċedura tiġi applikata għal kwalunkwe emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija li jista’ jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.

F’każ li l-kompiti ta’ aġenzija jiġu modifikati b’mod sostanzjali mingħajr emenda għall-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ dikjarazzjoni finanzjarja riveduta, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaslu għal ftehim f’waqtu dwar il-finanzjament tal-aġenzija.

28.

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta’ Lulju 2012 jitqiesu b’mod xieraq fil-proċedura baġitarja.

29.

Meta l-Bord tal-Gvernaturi jipprevedi l-ħolqien ta’ skola Ewropea ġdida, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit tal-Unjoni.

PARTI IV

IL-PROTEZZJONI TAL-BAĠIT TAL-UNJONI: IL-KWALITÀ U L-KOMPARABBILTÀ TAD-DATA DWAR IL-BENEFIĊJARJI

30.

F’konformità mat-talbiet tal-Parlament Ewropew u bħala reazzjoni għall-punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta’ Lulju 2020, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u talIstrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkuprukontra l-frodi u l-irregolaritajiet, l-Istituzzjonijiet jaqblu dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri standardizzati biex jiġbru, iqabblu u jaggregaw l-informazzjoni u l-figuri dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ kontroll u awditjar.

31.

Sabiex jiġu żgurati kontrolli u awditjar effettivi, huwa meħtieġ li tinġabar data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni b’ġestjoni kondiviża u minn proġetti u riformi appoġġati mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż id-data dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament. Ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ tali data ser ikollhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

32.

Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli sistema ta’ informazzjoni u monitoraġġ integrata u interoperabbli li tinkludi għodda unika ta’ estrazzjoni tad-data u ta’ kejl tar-riskju biex jinkiseb aċċess għad-data msemmija fil-punt 31 u biex tiġi analizzata bil-ħsieb li tiġi applikata b’mod ġenerali mill-Istati Membri. Dik is-sistema tiżgura verifiki effiċjenti dwar kunflitti ta’ interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta’ finanzjament doppju, u kwalunkwe użu ħażin tal-fondi. Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) u korpi investigattivi u ta’ kontroll oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-aċċess meħtieġ għal dik l-informazzjoni sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet superviżorji tagħhom b’rabta mal-kontrolli u l-awditjar li għandhom jitwettqu l-ewwel mill-Istati Membri biex jidentifikaw irregolaritajiet u jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi dwar l-użu ħażin tal-finanzjament ikkonċernat tal-Unjoni, u biex jiksbu stampa ġenerali preċiża tad-distribuzzjoni tiegħu.

33.

Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istituzzjonijiet skont it-Trattati, matul il-proċedura leġiżlattiva relatata mal-atti bażiċi rilevanti, l-Istituzzjonijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw b’mod sinċier sabiex jiżguraw li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta’ Lulju 2020 jkollhom segwitu, f’konformità mal-approċċ deskritt f’din il-Parti.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Image 1

David Maria SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

Image 2

Michael ROTH

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Image 3

Johannes HAHN


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ara paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(5)   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)  Kif stabbilit fil-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1) u l-Ftehimiet Interni preċedenti.


ANNESS I

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI MATUL IL-PROĊEDURA BAĠITARJA

Parti A.   Kalendarju tal-proċedura baġitarja

1.

L-Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena fi żmien debitu qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja fuq il-bażi tal-prattika attwali.

2.

Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżerċitaw il-prerogattivi baġitarji tagħhom b’mod effettiv, il-pożizzjonijiet baġitarji, it-trasferimenti jew notifiki oħra li jinvolvu l-attivazzjoni ta’ skadenzi għandhom jiġu ppreżentati billi jqisu b’mod xieraq kwalunkwe perijodu ta’ waqfien li l-Istituzzjonijiet ikunu infurmaw lil xulxin fi żmien debitu dwar id-dati tagħhom permezz tas-servizzi rispettivi tagħhom.

Parti B.   Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja

3.

Fi żmien debitu qabel il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ baġit, għandu jitlaqqa’ trilogu biex jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss u kwalunkwe mistoqsija li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja attwali, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-punt 37.

Parti C.   Stabbiliment tal-abbozz ta’ baġit u l-aġġornament tal-estimi

4.

L-istituzzjonijiet, għajr il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw id-dikjarazzjoni tal-estimi tagħhom qabel l-aħħar ta’ Marzu.

5.

Il-Kummissjoni għandha tressaq kull sena abbozz ta’ baġit li juri r-rekwiżiti finanzjarji reali tal-Unjoni.

Hija għandha tqis:

(a)

il-previżjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri b’rabta mal-Fondi Strutturali;

(b)

il-kapaċità għall-utilizzazzjoni ta’ approprjazzjonijiet, waqt li tagħmel kull sforz biex tinżamm relazzjoni stretta bejn approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament;

(c)

il-possibbiltajiet li jitniedu politiki ġodda permezz ta’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji ġodda, jew it-tnejn li huma, jew għat-tkomplija ta’ azzjonijiet pluriennali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi valutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat att bażiku, fis-sens tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta’ att bażiku, n-neċessità ta’ att bażiku għall-implementazzjoni u l-eċċezzjonijiet);

(d)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe bidla fin-nefqa b’rabta mas-sena preċedenti tkun f’konformità mar-restrizzjonijiet tad-dixxiplina baġitarja.

6.

L-Istituzzjonijiet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jevitaw li jdaħħlu partiti fil-baġit li jinvolvu ammonti insinifikanti ta’ nefqa operattiva.

7.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom ukoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit magħmula mill-Kummissjoni fl-abbozzi tagħha u b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja attwali.

8.

Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba l-effett ta’ bidliet kbar fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura tal-baġit dwar ir-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla kbira waqt il-konċiljazzjoni.

9.

Fl-interess ta’ kooperazzjoni istituzzjonali leali u tajba, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu l-impenn li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha u, b’mod partikolari, matul il-perijodu kollu ta’ konċiljazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw skambju reċiproku f’waqtu u kontinwu tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kemm f’livell formali kif ukoll dak informali, kif ukoll li jorganizzaw laqgħat tekniċi jew informali kif meħtieġ, matul il-perijodu ta’ konċiljazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom aċċess f’waqtu u ugwali għall-informazzjoni u d-dokumenti.

10.

Saż-żmien li jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk meħtieġ, tippreżenta ittri ta’ emenda tal-abbozz ta’ baġit f’konformità mal-Artikolu 314(2) TFUE, inkluż ittra emendatorja li taġġorna, b’mod partikolari l-estimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni dwar l-aġġornamenti, hekk kif issir disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidrawha. Hija għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-raġunijiet motivati kollha li huma jistgħu jeħtieġu.

Parti D.   Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta’ konċiljazzjoni

11.

Għandu jitlaqqa’ trilogu fi żmien debitu qabel il-qari tal-Kunsill, biex l-Istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ baġit.

12.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta f’ħin debitu l-eżegwibbiltà tal-emendi, previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li joħolqu azzjonijiet preparatorji jew proġetti pilota ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dak ir-rigward, sabiex tkun tista’ ssir fil-pront l-ewwel diskussjoni f’dak it-trilogu.

13.

Jista’ jitlaqqa’ trilogu qabel il-votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Parti E.   Proċedura ta’ konċiljazzjoni

14.

Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess seduta plenarja, jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jinforma lill-President tal-Parlament Ewropew bil-qbil tiegħu li jitlaqqa’ b’mod immedjat il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. L-ittra li tlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara tmiem is-sessjoni parzjali parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perijodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perijodu ta’ 21 jum għandu jiġi kkalkulat f’konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (1).

15.

Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, jenħtieġ li jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista matul il-perijodu ta’ konċiljazzjoni. F’dak il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punti li ġejjin.

16.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-kopresidenza tal-istituzzjoni li tospita l-laqgħa. Kull istituzzjoni, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha stess, għandha tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rrappreżentati f’livell adatt fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, b’tali mod li kull delegazzjoni tkun tista’ timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha, u jkun jista’ jsir progress reali lejn il-ftehim finali.

17.

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

18.

It-trilogi għandhom isiru matul il-perijodu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti u titwitta t-triq għal ftehim li għandu jintlaħaq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

19.

Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u t-trilogi għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u f’dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jiġu kondiviżi ndaqs, inkluż il-faċilitajiet ta’ interpretazzjoni.

20.

Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu stabbiliti minn qabel bi ftehim bejn l-Istituzzjonijiet.

21.

Sett komuni ta’ dokumenti (“dokumenti inizjali”) li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (2). Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-QFP u dokument konsolidat b’ċifri u rimarki għal-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament “miftuħa”. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jkun hemm dokument speċifiku li jelenka l-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament magħluqa (3). Dawk id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.

Għandhom jiġu mehmuża wkoll dokumenti oħra mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inkluż ittra ta’ implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew, u kwalunkwe ittra minn istituzzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw il-pożizzjoni tal-Kunsill jew l-emendi tal-Parlament Ewropew.

22.

Bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perijodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom:

(a)

jiddefinixxu l-ambitu tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;

(b)

japprovaw il-lista tal-linji baġitarji li jitqiesu teknikament magħluqa, soġġett għall-ftehim finali dwar il-baġit sħiħ tas-sena finanzjarja;

(c)

jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati fil-punt (a) bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet possibbli li għandhom jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

(d)

jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, inkluż skont l-intestaturi tal-QFP.

Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u, b’mod simultanju, għandha tiġi miftiehma l-aġenda tal-laqgħa li jmiss. Dawk il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tospita t-trilogu u għandhom jitqiesu approvati b’mod proviżorju wara 24 siegħa, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

23.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni tiegħu l-konklużjonijiet tat-trilogi u dokument li possibbilment jiġi approvat, kif ukoll il-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogi.

24.

It-test konġunt previst fl-Artikolu 314(5) TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-assistenza tal-Kummissjoni. Huwa għandu jikkonsisti minn ittra ta’ trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u lil dak tal-Kunsill, li jkun fiha d-data tal-ftehim fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u annessi li għandhom jinkludu:

(a)

ċifri linja b’linja għall-partiti kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-QFP;

(b)

dokument konsolidat, li jindika ċ-ċifri u t-test finali għal-linji kollha li jkunu ġew emendati matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni;

(c)

il-lista tal-linji mhux emendati fir-rigward tal-abbozz ta’ baġit jew tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwarha.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ japprova wkoll konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti possibbli b’rabta mal-baġit.

25.

It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (mis-servizzi tal-Parlament Ewropew) u għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’perijodu ta’ 14-il jum mid-data tal-ftehim dwar it-test konġunt imsemmi fil-punt 24.

Il-baġit għandu jkun soġġett għal reviżjoni mill-ġuristi lingwisti wara l-adozzjoni tat-test konġunt billi jiġu integrati l-annessi tat-test konġunt mal-linji baġitarji mhux emendati matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

26.

L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi faċilitajiet ta’ interpretazzjoni b’reġim lingwistiku sħiħ applikabbli għal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u reġim lingwistiku ad hoc għat-trilogi.

L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa għandha tipprevedi l-ikkupjar u t-tqassim ta’ dokumenti tal-kamra.

Is-servizzi tal-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw fil-kodifikazzjoni tar-riżultati tan-negozjati sabiex jiġi ffinalizzat it-test konġunt.

Parti F.   Baġits emendatorji

Prinċipji ġenerali

27.

Konsapevoli li ħafna drabi l-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi kultant urġenti, l-Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa biex il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar baġits emendatorji jkun mingħajr diffikultajiet u ma jdumx, filwaqt li jiġi evitat, safejn ikun possibbli, li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

28.

Sa fejn ikun possibbli, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jillimitaw l-għadd ta’ baġits emendatorji.

Kalendarju

29.

Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli għall-adozzjoni tal-abbozzi ta’ baġits emendatorji, mingħajr preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.

30.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kull wieħed minnhom f’konformità mar-regoli interni ta’ proċedura tiegħu, għandhom jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw l-abbozz ta’ baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

31.

Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li jkunu ikkoordinati l-kalendarji ta’ ħidma rispettivi tagħhom sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, kemm jista’ jkun malajr, għandhom ifittxu li jistabbilixxu skeda ta’ żmien indikattiva għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li japprovawh fi żmien debitu biex ikun effettiv matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Kooperazzjoni waqt il-qari

32.

L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw bona fide matul il-proċedura, billi jwittu t-triq, sa fejn ikun possibbli, għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji fi stadju bikri tal-proċedura.

Fejn xieraq, u meta jkun hemm il-potenzjal ta’ diverġenza, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, qabel ma kull wieħed minnhom jieħu l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jitlaqqa’ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jipprova jintlaħaq kompromess.

33.

L-abbozzi ta’ baġits emendatorji kollha proposti mill-Kummissjoni u li jkunu għadhom ma ġewx approvati b’mod finali għandhom jiddaħħlu b’mod sistematiku fuq l-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-abbozzi ta’ baġits emendatorji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, sa fejn ikun possibbli, jgħarrfu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom qabel it-trilogu.

34.

Jekk jintlaħaq kompromess waqt trilogu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu meta jiddeliberaw fuq il-baġit emendatorju f’konformità mat-TFUE u mar-regoli ta’ proċedura tagħhom.

Kooperazzjoni wara l-qari

35.

Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat f’konformità mat-TFUE.

36.

Jekk il-Parlament Ewropew jadotta l-emendi permezz ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, għandu japplika l-punt (c) tal-Artikolu 314(4) TFUE. Madankollu, qabel ma jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jissejjaħ trilogu:

(a)

jekk jintlaħaq ftehim matul dak it-trilogu u soġġett għall-qbil tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

(b)

jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim matul dak it-trilogu, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ u jorganizza l-ħidma tiegħu f’konformità maċ-ċirkostanzi, bil-ħsieb li jtemm il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qabel l-iskadenza ta’ 21 jum stipulata fl-Artikolu 314(5) TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jikkonkludi permezz ta’ skambju ta’ ittri.

Parti G.   Implimentazzjoni tal-baġit, pagamenti u mpenji pendenti (reste à liquider (RAL)

37.

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li jsir progress ordnat tal-approprjazzjonijiet totali ta’ pagament b’rabta mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn sabiex jiġi evitat kwalunkwe riport anormali tar-RAL minn sena għal oħra, l-Istituzzjonijiet jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-previżjonijiet tal-pagamenti u l-livell tar-RAL sabiex jitnaqqas ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagamenti fi tmiem il-QFP.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm livell u profil maniġġabbli għall-pagamenti fl-intestaturi kollha, ir-regoli ta’ diżimpenn għandhom jiġu applikati b’mod strett fl-intestaturi kollha, b’mod partikolari r-regoli għad-diżimpenji awtomatiċi.

Matul il-proċedura baġitarja, l-Istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b’mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b’mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena finanzjarja attwali u fis-snin finanzjarji futuri. Dik il-valutazzjoni għandha ssir permezz ta’ laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq, li qabilhom il-Kummissjoni għandha tinforma b’mod dettaljat dwar is-sitwazzjoni attwali, skont il-fond u l-Istat Membru, tal-implimentazzjoni tal-pagamenti, tat-trasferimenti, tat-talbiet għal rimborżi riċevuti u tal-previżjonijiet riveduti, inkluż previżjonijiet fit-tul, fejn applikabbli. B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha li jirriżultaw mill-impenji eżistenti u futuri fil-perijodu 2021-2027 f’konformità mal-Artikolu 323 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom janalizzaw u jiddiskutu l-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament meħtieġ.

Parti H.   Kooperazzjoni fir-rigward tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (4)

38.

Bl-għan ewlieni li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ser tingħata s-setgħa li tissellef fondi fuq is-swieq tal-kapital f’isem l-Unjoni sa EUR 750 000 miljun fi prezzijiet tal-2018, li minnhom sa mhux aktar minn EUR 390 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għan-nefqa u sa mhux aktar minn EUR 360 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għall-għoti ta’ self skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. Kif previst fir-Regolament EURI, l-ammont li għandu jintuża għan-nefqa jikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-finijiet tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

39.

L-Istituzzjonijiet jaqblu li r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ awtorità baġitarja, jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, bil-ħsieb li jiġu żgurati sorveljanza xierqa ta’ dak id-dħul u involviment fl-użu tiegħu, fil-limiti stabbiliti fir-Regolament EURI u, kif xieraq, fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti. L-Istituzzjonijiet jaqblu wkoll dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati trasparenza u viżibbiltà sħiħa tal-fondi kollha skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru.

Dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

40.

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-governanza tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-proċedura stabbilita fil-punti 41 sa 46.

41.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi informazzjoni dettaljata mal-abbozz tal-estimi tagħha fil-kuntest tal-proċedura baġitarja. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi estimi dettaljati tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kif ukoll tal-impenji legali, imqassma skont l-intestatura u skont il-programm li jirċievi d-dħul assenjat skont ir-Regolament EURI. Il-Kummissjoni ser tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali mitluba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Il-Kummissjoni ser tehmeż mal-abbozz ta’ baġit emendatorju dokument li jiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, inkluż tabelli sommarji li jaggregaw l-approprjazzjonijiet tal-baġit u d-dħul assenjat skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dak id-dokument ser ikun parti mill-anness għall-baġit ġenerali tal-Unjoni dwar id-dħul assenjat estern previst fil-punt 44.

42.

Il-Kummissjoni ser tressaq aġġornamenti regolari tal-informazzjoni msemmija fil-punt 41 matul is-sena finanzjarja kollha u mill-inqas qabel kull laqgħa speċifika kif imsemmi fil-punt 45. Il-Kummissjoni ser tpoġġi l-informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’ħin biżżejjed minn qabel li jippermetti diskussjonijiet u deliberazzjonijiet sinifikanti dwar dokumenti ta’ ppjanar korrispondenti, inkluż qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet rilevanti.

43.

It-tliet Istituzzjonijiet ser jiltaqgħu regolarment fil-kuntest tal-proċedura baġitarja bil-ħsieb li jivvalutaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, b’mod partikolari s-sitwazzjoni attwali u l-prospetti u biex jiddiskutu l-estimi annwali pprovduti mal-abbozzi ta’ baġits rispettivi u d-distribuzzjoni tagħhom, billi jqisu debitament il-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament EURI u, kif xieraq, fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti.

44.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jehmżu mal-baġit ġenerali tal-Unjoni, fil-forma ta’ anness, dokument li jistabbilixxi l-linji baġitarji kollha li jirċievu dħul assenjat mill- Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Barra minn hekk, huma ser jużaw l-istruttura tal-baġit biex jakkomodaw id-dħul assenjat skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, u b’mod partikolari r-rimarki baġitarji, biex jeżerċitaw kontroll dovut fuq l-użu ta’ dak id-dħul. F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament Finanzjarju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tan-nefqa, ser jinkludu rimarki, inklużi rimarki ġenerali, li juru liema linji baġitarji jistgħu jirċievu l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat fuq il-bażi tar-Regolament EURI u jindikaw l-ammonti rilevanti. Il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tad-dħul assenjat, tintrabat li tqis debitament dawk ir-rimarki.

45.

L-Istituzzjonijiet jaqblu li jorganizzaw laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq bil-ħsieb li jivvalutaw is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dawk il-laqgħat ser isiru mill-inqas tliet darbiet f’sena finanzjarja eżattament qabel jew wara t-trilogi baġitarji. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu fuq bażi ad hoc jekk istituzzjoni waħda tipprovdi talba motivata. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu fi kwalunkwe ħin iressqu osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta’ dħul assenjat estern. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tqis debitament kwalunkwe kumment u suġġeriment magħmul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawk il-laqgħat jistgħu jindirizzaw devjazzjonijiet sinifikanti fin-nefqa tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, f’konformità mal-punt 46.

46.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe devjazzjoni mill-previżjonijiet inizjali tagħha qabel laqgħa interistituzzjonali speċifika kif imsemmi fil-punt 45 u fuq bażi ad hoc f’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti. Devjazzjoni min-nefqa prevista tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru tkun sinifikanti jekk in-nefqa f’sena finanzjarja partikolari u fi programm partikolari tiddevja mill-previżjonijiet b’aktar minn 10 %. F’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-previżjonijiet inizjali, l-Istituzzjonijiet ser jiddiskutu l-kwistjoni, f’każ li ssir talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ġimgħatejn wara l-avviż ta’ tali devjazzjoni sinifikanti. L--Istituzzjonijiet ser jivvalutaw il-kwistjoni b’mod konġunt bil-ħsieb li jsibu bażi komuni fi żmien tliet ġimgħat mit-talba għal laqgħa. Il-Kummissjoni ser tqis bis-sħiħ kwalunkwe kumment li jaslilha. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li ma tieħu l-ebda deċiżjoni sakemm id-deliberazzjonijiet ikunu ġew konklużi jew il-perijodu ta’ tliet ġimgħat ikun skada. Fil-każ tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha debitament tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. F’każ ta’ urġenza, l-Istituzzjonijiet jistgħu jaqblu li jqassru l-iskadenzi b’ġimgħa waħda.

Self ipprovdut skont Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

47.

Sabiex tiġi żgurata informazzjoni sħiħa kif ukoll trasparenza u viżibbiltà fir-rigward tal-komponent tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, il-Kummissjoni ser tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar self ipprovdut lill-Istati Membri skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru flimkien mal-abbozz tal-estimi tagħha, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil informazzjoni sensittiva, li hija protetta.

48.

L-informazzjoni dwar is-self skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru ser tintwera fil-baġit f’konformità mar-rekwiżiti fil-punt (d) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Finanzjarju u ser tinkludi wkoll l-anness imsemmi fil-punt (iii) ta’ dak il-punt.

(1)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(2)  Id-diversi stadji jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja attwali (inkluż baġits emendatorji adottati); l-abbozz ta’ baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emendi mressqa mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà ġew approvati b’mod sħiħ mill-Istituzzjonijiet).

(3)  Linja baġitarja li titqies teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li dwarha ma tkun ġiet imressqa l-ebda ittra emendatorja.

(4)  Fejn il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 TFUE b’implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment apprezzabbli, il-proċedura kif stabbilita fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020. dwar l-iskrutinju baġitarju ta’ proposti ġodda fuq il-bażi tal-Artikolu 122 TFUE b’implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni (ĠU C 444, 22.12.2020, p. 5) hija applikabbli.


ANNESS II

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR PJAN DIREZZJONALI LEJN L-INTRODUZZJONI TA’ RIŻORSI PROPRJI ĠODDA

Preambolu

A.

L-Istituzzjonijiet huma impenjati lejn kooperazzjoni sinċiera u trasparenti u l-ħidma lejn l-implimentazzjoni ta’ pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda matul il-perijodu tal-QFP 2021-2027.

B.

L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kuntest tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, li fih jenħtieġ jiġu introdotti r-riżorsi proprji l-ġodda.

C.

Bl-għan ewlieni li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ser tingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li tissellef fondi mis-swieq kapitali f’isem l-Unjoni sa mhux aktar minn EUR 750 000 miljunfi prezzijiet tal-2018, li minnhom mhux aktar minn EUR 390 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għan-nefqa skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Deċiżjoni.

D.

Il-ħlas lura tal-kapital ta’ dawk il-fondi li għandhom jintużaw għan-nefqa skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-imgħax dovut relatat ser ikollhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021. L-obbligazzjonijiet relatati kollha ser jitħallsu lura kompletament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2058 previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. L-ammonti annwali pagabbli ser jiddependu fuq il-maturitajiet tal-bonds maħruġa u l-istrateġija tal-ħlas lura tad-dejn, filwaqt li jirrispettaw il-limitu għall-ħlas lura tal-kapital tal-fondi msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dak il-paragrafu stabbilit għal 7,5 % tal-ammont massimu li għandu jintuża għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) ta’ dik id-Deċiżjoni.

E.

In-nefqa mill-baġit tal-Unjoni relatata mal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru jenħtieġ li ma twassalx għal tnaqqis mhux dovut fin-nefqa tal-programm jew fl-istrumenti ta’ investiment taħt il-QFP. Huwa mixtieq ukoll li jiġu mitigati l ż-żidiet fir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG għall-Istati Membri.

F.

Għalhekk, u sabiex jissaħħu l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-pjan ta’ ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, l-Istituzzjonijiet ser jaħdmu biex jintroduċu biżżejjed riżorsi proprji ġodda bil-ħsieb li jkopru ammont li jikkorrispondi għan-nefqa mistennija relatata mal-ħlas lura. F’konformità mal-prinċipju ta’ universalità, dan ma jkunx jimplika allokazzjoni jew assenjazzjoni ta’ kwalunkwe riżorsa proprja partikolari biex tkopri tip speċifiku ta’ nefqa.

G.

L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu li l-introduzzjoni ta’ pakkett ta’ riżorsi proprji ġodda jenħtieġ li tappoġġa l-finanzjament adegwat tan-nefqa tal-Unjoni fil-QFP, filwaqt li tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq id-DNG fil-finanzjament tal-baġit annwali tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ dħul tista’ twassal biex in-nefqa fil-livell tal-Unjoni tkun iffukata aħjar fuq oqsma ta’ prijorità u beni pubbliċi komuni b’kisbiet kbar fl-effiċjenza meta mqabbla mal-infiq nazzjonali.

H.

Għalhekk, jenħtieġ li r-riżorsi proprji l-ġodda jiġu allinjati mal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni u jenħtieġ li jappoġġaw il-prijoritajiet tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u Ewropa adatta għall-Era Diġitali, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għal tassazzjoni ġusta u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa.

I.

L-Istituzzjonijiet jaqblu li jenħtieġ li riżorsi proprji ġodda preferibbilment jinħolqu b’mod li jippermettu li jiġi ġġenerat “flus ġodda”. B’mod parallel, dawn għandhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija u l-piż għall-kumpaniji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u għaċ-ċittadini.

J.

Ir-riżorsi proprji ġodda jenħtieġ li jissodisfaw il-kriterji ta’ sempliċità, trasparenza, prevedibbiltà u ġustizzja. Il-kalkolu, it-trasferiment u l-kontroll tar-riżorsi proprji l-ġodda jenħtieġ li ma jwasslux għal piż amministrattiv eċċessiv għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

K.

Meta jitqiesu r-rekwiżiti proċedurali kbar għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, l-Istituzzjonijiet jaqblu li r-riforma meħtieġa tas-sistema tar-riżorsi proprji jenħtieġ li tinkiseb b’għadd limitat ta’ reviżjonijiet tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

L.

L-Istituzzjonijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw matul il-perijodu 2021-2027 fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti f’dan l-Anness sabiex jaħdmu lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda f’konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-Parti B u mad-dati stabbiliti fih.

M.

L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu wkoll l-importanza tal-għodod għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet kif stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (1), b’mod partikolari tal-valutazzjoni tal-impatt.

Parti A.   Prinċipji għall-implimentazzjoni

1.

Il-Kummissjoni ser tagħmel il-proposti leġiżlattivi meħtieġa għal riżorsi proprji ġodda u għal riżorsi proprji ġodda oħra potenzjali kif imsemmi fil-punt 10 f’konformità mal-prinċipji ta’ Tftassil Aħjar tal-Liġijiet. F’dak il-kuntest ser tqis kif xieraq is-suġġerimenti magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawk il-proposti leġiżlattivi ser ikunu akkumpanjati mil-leġiżlazzjoni dwar l- implimentazzjoni tar-riżorsi proprji rilevanti.

2.

L-Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji gwida li ġejjin għall-introduzzjoni ta’ pakkett ta’ riżorsi proprji ġodda:

(a)

li jinġabar ammont permezz tar-riżorsi proprji l-ġodda li jkun biżżejjed biex ikopri l-livell tan-nefqa globali mistennija għar-rimborż tal-kapital u l-interessi tal-fondi mislufa biex jintużaw għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ universalità. Id-dħul mir-riżorsi proprji li jkun aktar minn li hu meħtieġ għall-ħlas lura għandu jkompli jiffinanzja l-baġit tal-Unjoni bħala dħul ġenerali f’konformità mal-prinċipju ta’ universalità;

(b)

l-infiq li jkopri l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru għandu jkollu l-għan li ma jnaqqasx in-nefqa għall-programmi u l-fondi tal-Unjoni;

(c)

l-allinjament tar-riżorsi proprji mal-prijoritajiet tal-Unjoni, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, Ewropa lesta għall-Era Diġitali u l-kontribut għal tassazzjoni ġusta u għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa;

(d)

ir-rispett tal-kriterji ta’ sempliċità, trasparenza u ġustizzja;

(e)

l-iżgurar tal-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-fluss tad-dħul;

(f)

li ma jwasslux għal piż amministrattiv eċċessiv għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

(g)

preferibbilment jiġġeneraw dħul “ġdid” addizzjonali;

(h)

b’mod parallel, għandhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija u l-piż għall-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs, u għaċ-ċittadini.

3.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser janalizzaw, jiddiskutu u jipproċedu mingħajr dewmien żejjed fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi msemmija fil-punt 1 f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjoni rapida. Wara li l-Kummissjoni tkun ressqet il-proposti tagħha, membri tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti tal-Kunsill ser jiltaqgħu, matul id-deliberazzjonijiet tagħhom, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni sabiex jinfurmaw lil xulxin dwar is-sitwazzjoni attwali rispettiva. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet ser jidħlu fi djalogu regolari biex iqisu l-progress fir-rigward tal-pjan direzzjonali.

Parti B.   Pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda

L-ewwel pass: 2021

4.

Bħala l-ewwel pass, ser tiġi introdotta riżorsa proprja ġdida li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 magħmula minn sehem ta’ dħul minn kontribuzzjonijiet nazzjonali kkalkulat fuq il-piż ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat kif previst fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. Huwa ppjanat li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ f’Jannar 2021, soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

5.

Il-Kummissjoni ser tħaffef il-ħidma tagħha u, wara l-valutazzjonijiet tal-impatt imnedija fl-2020, ser tressaq proposti dwar mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera u dwar imposta diġitali kif ukoll proposta ta’ akkumpanjament biex jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda fuq dik il-bażi sa Ġunju 2021 bil-ħsieb li jiġu introdotti sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023.

6.

Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet fir-rebbiegħa tal-2021, inkluż il-possibilità li tiġi estiżal għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Sa Ġunju 2021 ser tipproponi riżorsa proprja bbażata fuq l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet.

7.

L-Istituzzjonijiet jaqblu li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri u l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet huma tematikament interkonnessi u li għalhekk ikun iġġustifikat li jiġu diskussi fl-istess spirtu.

It-tieni pass: 2022 u 2023

8.

Wara l-proċeduri applikabbli skont it-Trattati u soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda huma previsti li jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2023.

9.

Il-Kunsill ser jiddelibera dwar dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2022 bil-ħsieb li jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2023.

It-tielet pass: 2024-2026

10.

Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ser tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali, li jistgħu jinkludu Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mas-settur korporattiv jew bażi komuni ġdida għat-taxxa korporattiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tippreżenta proposta sa Ġunju 2024.

11.

Wara l-proċeduri applikabbli skont it-Trattati u soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda huma previsti li jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2026.

12.

Il-Kunsill ser jiddelibera dwar dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2025 bil-ħsieb li jiġu introdotti sal-1 ta’ Jannar 2026.

(1)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).


Top