Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1904

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta' Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ST/13999/2018/INIT

ĠU L 310, , pp. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 22/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1904/oj

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/25


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1904

tal-4 ta' Diċembru 2018

li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li ma eżerċitawx l-għażla skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (2), jistgħu jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(2)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta' Lulju 2018, in-Netherlands talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex japplika livell limitu tal-eżenzjoni ta' EUR 25 000. B'dik il-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000 ikunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT, kif imsemmi fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b'mod sinifikanti. Dik l-iskema speċjali hi fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

(4)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tan-Netherlands lill-Istati Membri l-oħra b'ittri datati d-9 ta' Awwissu 2018, għajr għal Spanja u Ċipru, li lilhom it-talba intbagħtitilhom b'ittri datati l-10 ta' Awwissu 2018. B'ittra datata t-13 ta' Awwissu 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ipproċessar tat-talba.

(5)

Id-deroga mitluba hija f'konformità mal-għanijiet ta' politika tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjon lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2018 — “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(6)

Billi n-Netherlands jistenna li ż-żieda fil-livell limitu ser iwassal biex jonqsu l-obbligi tal-VAT u b'hekk jonqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' konformità għall-impriżi żgħar, jenħtieġ li n-Netherlands jiġi awtorizzat japplika l-miżura speċjali għal perjodu ta' żmien limitat, sal-31 ta' Diċembru 2022. L-iskema speċjali għall-impriżi żgħar hija fakultattiva, u għalhekk il-persuni taxxabbli xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu li jħaddmu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7)

Peress li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar huma soġġetti għal rieżami, tista' tiġi adottata direttiva li temenda dawk l-Artikoli u li tistabbilixxi data li minnha l-Istati Membri jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2022. F'dak il-każ, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(8)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija min-Netherlands, il-livell limitu miżjud ser ikollu biss impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali tad-dħul mit-taxxa tan-Netherlands miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(9)

Id-deroga ma tħalli l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT peress illi n-Netherlands irid jagħmel kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) Nru 1553/89 (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, in-Netherlands huwa awtorizzat jeżenta lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000 mill-VAT.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2020 sal-aktar data kmieni minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2022;

(b)

id-data li minnha l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta' April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju — L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


Top