Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0237

2014/237/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta' April 2014 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fi ħdan l-Unjoni ta' organiżmi ta' ħsara fir-rigward ta' ċertu frott u ħxejjex tal-ikel li joriġinaw fl-Indja (notifikata did-dokument C(2014) 2601)

ĠU L 125, 26/04/2014, p. 93–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016: This act has been changed. Current consolidated version: 22/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/237/oj

26.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/93


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' April 2014

dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fi ħdan l-Unjoni ta' organiżmi ta' ħsara fir-rigward ta' ċertu frott u ħxejjex tal-ikel li joriġinaw fl-Indja

(notifikata did-dokument C(2014) 2601)

(2014/237/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa mill-Istati Membri fuq kunsinni ta' ċerti pjanti u prodotti tal-pjanti li joriġinaw fl-Indja żvelaw għadd kbir ta' interċettazzjonijiet minħabba l-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara, prinċipalment Tephritidae (mhux Ewropew), Thrips palmi Karny jew Bemisia tabaci Genn. In-numru ta' kunsinni mill-Indja interċettati b'organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni wera xejra 'l fuq mill-2010. Ħafna mill-interċezzjonijiet jikkonċernaw pjanti għajr żrieragħ u għeruq ta' Colocasia Schott., u pjanti oħra għajr żrieragħ ta' Mangifera L., Momordica L., Solanum Melongena L. u Trichosanthes L., (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-prodotti speċifikati”).

(2)

Awditi mwettqa mill-Kummissjoni fl-Indja, b'mod partikolari fl-2010 u l-2013, żvelaw nuqqasijiet fis-sistema fitosanitarja ta' ċertifikazzjoni tal-esportazzjoni. Minkejja l-assigurazzjonijiet u l-azzjonijiet meħuda mill-Indja, in-numru ta' interċettazzjonijiet żdied aktar fl-2013.

(3)

Fid-dawl tar-riżultati ta' dawk l-awditi u n-numru ta' interċettazzjonijiet, ġie konkluż li s-salvagwardji fitosanitarji attwali tal-Indja huma insuffiċjenti biex jiżguraw li l-konsenji huma ħielsa minn organiżmi ta' ħsara jew biex jindirizzaw ir-riskju tal-introduzzjoni ta' organiżmi ta' l-ħsara fl-Unjoni permezz tal-importazzjoni tal-prodotti speċifikati.

(4)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat ir-riskju li jirriżulta minn importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti speċifikati li joriġinaw fl-Indja. Għalhekk, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti speċifikati li joriġinaw fl-Indja għandha tiġi pprojbita.

(5)

Il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2015 sabiex jiġi indirizzat ir-riskju kontinwu ta' introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara, filwaqt li jippermettu lill-Indja taġġorna s-sistema ta' ċertifikazzjoni tagħha.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta' pjanti għajr żrieragħ u għeruq ta' Colocasia Schott., u pjanti oħra għajr żrieragħ ta' Mangifera L., Momordica L., Solanum Melongena L. u Trichosanthes L., li joriġinaw fl-Indja għandha tiġi pprojbita.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tiskadi nhar il-31 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p.1.


Top