Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0800

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat- 22 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK

    ĠU L 341, 23/12/2010, p. 32–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/04/2013; Imħassar b' 32013D0183

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/800/oj

    23.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 341/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/800/PESK

    tat-22 ta’ Diċembru 2010

    dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (1) (“ir-RDPK”) li implimentat ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1718 (2006).

    (2)

    Fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/573/PESK (2) li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK u li implimentat il-UNSCR 1874 (2009).

    (3)

    Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/1002/PESK (3) li emendat l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK.

    (4)

    Skont l-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK, il-Kunsill wettaq reviżjoni sħiħa tal-listi kif stabbiliti fl-Annessi II u III għal dik il-Pożizzjoni Komuni, tal-persuni u l-entitajiet li għalihom kienu japplikaw l-Artikoli 3(1)(b) u 4(1)(b) u (c) ta' dik il-Pożizzjoni Komuni. Il-Kunsill ikkonkluda li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (5)

    Il-Kunsill identifika persuni u entitajiet addizzjonali li għandhom ikunu soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (6)

    Il-proċedura biex jiġu emendati l-Annessi I u II għal din id-Deċiżjoni għandha tinkludi provvediment li l-persuni u l-entitajiet indikati jingħataw ir-raġunijiet għaliex iddaħħlu fil-lista sabiex ikollhom l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, notevolment, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata skont dawn id-drittijiet u prinċipji.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta bis-sħiħ ukoll l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

    (9)

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK għandha tkun revokata u sostitwita b'din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Il-miżuri implimentattivi tal-Unjoni huma mniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 rigward il-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (4),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett tal-oġġetti u t-teknoloġija li ġejjin, inkluż is-software, lir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri jew bi transitu fi jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-ajruplani li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, kemm jekk joriġina u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tal-Istati Membri:

    (a)

    armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u spare parts għal dan imsemmi qabel, bl-eċċezzjoni ta' vetturi mhux tal-kumbattiment li nbnew jew li ġew mgħammra b'materjali biex jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv tal-persunal tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-RDPK;

    (b)

    l-oġġetti, il-materjali, it-tagħmir, il-merkanzija u t-teknoloġija kollha kif stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 12 tal-UNSCR 1718 (2006) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) skont il-paragrafu 8(a)(ii) tal-UNSCR 1718 (2006), li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva.

    (c)

    ċerti oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva jew li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet militari tagħha, li għandhom jinkludu l-oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija kollha elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (5). L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jkunu koperti b'din id-dispożizzjoni.

    2.   Għandu wkoll ikun ipprojbiti li:

    (a)

    jiġi pprovdut taħriġ tekniku, pariri, servizzi, assistenza, jew servizzi ta' sensarija, relatati ma' oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RDPK jew għall-użu tagħha;

    (b)

    tiġi pprovduta assistenza finanzjarja jew ta' finanzjament relatata ma' oġġetti u teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1, inklużi, b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq il-krediti għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-għoti ta' taħriġ tekniku relatat, pariri, servizzi, assistenza, jew servizzi ta' sensarija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RDPK jew għall-użu tagħha;

    (c)

    li wieħed jipparteċipa, konxjament jew intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu li tkun evitata l-projbizzjoni msemmija fil-punti (a) u (b).

    3.   L-akkwist mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri, ta’ oġġetti jew teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-forniment liċ-ċittadini tal-Istati Membri ta’ taħriġ tekniku, konsulenza, servizzi, assistenza, finanzjament u assistenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 mir-RDPK, għandu wkoll ikun pprojbit, kemm jekk joriġina fit-territorju tar-RDPK kif ukoll jekk le.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri ma għandhomx jidħlu f’impenji ġodda għal għotjiet, assistenza finanzjarja jew self aġevolanti lir-RDPK, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, ħlief għal finijiet umanitarji u ta’ żvilupp li jindirizzaw direttament il-ħtieġa tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni ta' denuklearizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw ukoll viġilanza bil-ħsieb li jitnaqqsu l-impenji attwali, u jekk possibbli, li jtemmuhom.

    2.   L-Istati Membri m’għandhomx jipprovdu appoġġ finanzjarju pubbliku għall-kummerċ mar-RDPK, inkluż l-għoti ta’ krediti, garanziji jew assigurazzjoni ta’ esportazzjoni, liċ-ċittadini jew l-entitajiet tagħhom involuti f’tali kummerċ, fejn tali appoġġ finanzjarju jista’ jikkontribwixxi għall-programmi jew attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari jew mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva.

    Artikolu 3

    Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett ta' merkanzija ta' lussu lir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri jew bi transitu fi jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-ajruplani li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tal-Istati Membri.

    Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom ta':

    (a)

    il-persuni maħturin mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà bħala responsabbli għal-linji ta’ politika tar-RDPK, inkluż permezz ta’ appoġġ jew promozzjoni, fir-rigward ta’ programmi tagħha relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra tal-qerda massiva, flimkien mal-membri tal-familji tagħhom, kif elenkat fl-Anness I;

    (b)

    il-persuni mhux koperti bl-Anness I li huma responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, inkluż permezz ta’ appoġġ jew promozzjoni, kif elenkat fl-Anness II;

    (c)

    il-persuni mhux koperti bl-Anness I jew l-Anness II li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, kif elenkat fl-Anness III.

    2.   Il-paragrafu 1(a) m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina fuq bażi ta' każ b'każ li tali vjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inklużi obbligi reliġjużi, jew fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi b'xi mod l-objettivi tal-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009).

    3.   Il-paragrafu 1 m'għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

    4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn Stat Membru ikun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a)

    bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni interogovernattiva internazzjonali;

    (b)

    bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċju, tan-Nazzjonijiet Uniti;

    (c)

    taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet;

    (d)

    taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt tal-Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    5.   Il-paragrafu 4 għandu jkun meqjus li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru ikun pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    6.   Il-Kunsill għandu jkun debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 4 jew 5.

    7.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti fil-paragrafu 1 (b) u (c) fejn l-ivvjaġġar huwa ġustifikat għar-raġunijiet ta' ħtieġa urġenti umanitarja, jew għar-raġunijiet ta’ attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-kariga tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-RDPK.

    8.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 7 għandu jinnotifika bil-miktub lill-Kunsill dwarhom. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma jqajjimx oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta’ ħidma minn meta tiġi rċevuta n-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    9.   F'każijiet fejn, skont il-paragrafi 4, 5 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew tranżitu fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Annessi I, II jew III, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-għan li għalih tkun ingħatat u lill-persuni konċernati b'dan.

    Artikolu 5

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

    (a)

    il-persuni u l-entitajiet nnominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan bħala li huma impenjati jew jipprovdu appoġġ għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, kif elenkat fl-Anness I;

    (b)

    il-persuni u l-entitajiet mhux koperti bl-Anness I li huma responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjeta’ jew kkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness II;

    (c)

    il-persuni u l-entitajiet mhux koperti bl-Anness I jew l-Anness II li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjeta’ jew kkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness III,

    għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni u lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.   Jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi u riżorsi ekonomiċi li jkunu:

    (a)

    meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet bażiċi, inklużi ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet għal servizzi ta' utilità pubblika;

    (b)

    maħsuba esklusivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma konnessi mal-għoti ta' servizzi legali; jew

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji jew ħlasijiet għal servizz, skont il-liġijiet nazzjonali, għal servizzi ta' rutina taż-żamma jew manteniment ta' fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi, wara n-notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għall-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness I, dwar l-intenzjoni li jawtorizza, fejn adatt, l-aċċess għal tali fondi u riżorsi ekonomiċi oħra u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

    4.   Jistgħu wkoll isiru eżenzjonijiet għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li jkunu:

    (a)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u approvat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness I; jew

    (b)

    is-suġġett ta' garanzija jew sentenza ġuridika, amministrattiva jew arbitrali, f'liema każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dik il-garanzija jew is-sentenza, bil-kondizzjoni li l-garanzija jew is-sentenza kienet imdaħħla qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità msemmija fil-paragrafu 1 ġiet innominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill, u mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness I.

    5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

    (a)

    interessi jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b)

    ħlas dovut taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew inqalgħu qabel l-14 ta’ Ottubru 2006,

    bil-kundizzjoni li kwalunkew imgħaxx, qligħ ieħor u ħlasijiet bħal dawn ikomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    1.   Sabiex jipprevjenu l-għoti ta’ servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew minn jew għal ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw sorveljanza msaħħa tal-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma’:

    (a)

    banek domiċiljati fir-RDPK;

    (b)

    fergħat u sussidjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta' banek domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness IV;

    (c)

    fergħat u sussidjarji barra l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta' banek domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness V; u

    (d)

    entitajiet finanzjarji li la huma domiċiljati fir-RDPK u lanqas fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri iżda li huma kkontrollati minn persuni u entitajiet domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness IV,

    sabiex jiġi evitat li tali attivitajiet jikkontribwixxu għall-programmi jew l-attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew armi oħrajn tal-qerda massiva.

    2.   Għall-finijiet ta' hawn fuq, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu meħtieġa, fl-attivitajiet tagħhom ma' banek u entitajiet finazjarji mniżżla fil-paragrafu 1, biex:

    (a)

    jeżerċitaw sorveljanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontijiet, inkluż permezz tal-programmi tagħhom ta' miżuri ta' viġilanza tal-klijenti u skont l-obbligi marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu;

    (b)

    jeħtieġu li l-oqsma ta' informazzjoni kollha tal-istruzzjonijiet ta' ħlas li jirrelataw mal-oriġinatur u mal-benefiċjarju tat-tranżazzjoni inkwistjoni jimtlew; u jekk dik l-informazzjoni ma tingħatax, it-tranżazzjoni tinċaħad;

    (c)

    iżommu r-rekords kollha dwar it-tranżazzjonjiet għal perijodu ta’ ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali meta jintalbu;

    (d)

    jekk huma jissusspettaw jew ikollhom bażi raġjonevoli li jissusspettaw li l-fondi huma relatati mal-programmi jew l-attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew armi oħrajn tal-qerda massiva, jirrappurtaw minnufih is-suspetti tagħhom lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) jew awtorita kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. L-UIF jew tali awtorità oħra kompetenti għandha jkollha aċċess, dirett jew indirett, fuq bażi ta’ żmien f’waqtu għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u ta’ infurzar tal-liġi li tkun teħtieġ biex twettaq din il-funzjoni korrettament, inkluż l-analiżi ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet ta’ suspett.

    Artikolu 7

    1.   F’konformità mal-awtoritajiet u l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, u konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mir-RDPK fit-territorju tagħhom, inklużi l-ajruporti u l-portijiet tagħhom, jekk huma għandhom informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-bastimenti fl-ibħra internazzjonali, bil-kunsens tal-Istat tal-bandiera, jekk huma jkollhom informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-merkanzija ta' tali bastimenti tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mal-ispezzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2.

    4.   Ajruplani u bastimenti li jġorru merkanzija lejn jew mir-RDPK għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq għall-merkanzija kollha li tinġieb ġewwa jew li toħroġ minn Stat Membru.

    5.   F'każijiet fejn titwettaq l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkonfiskaw u jiddisponu mill-oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment u l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni f'konformità mal-paragrafu 14 tal-UNSCR 1874 (2009).

    6.   L-għoti miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri ta’ servizzi ta’ bunkering, servizzi ta’ forniment lill-bastimenti, jew manutenzjoni oħra ta’ bastimenti, lill-bastimenti tar-RDPK għandhom jiġu pprojbiti jekk huma għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevolii biex wieħed jemmen li l-bastimenti qegħdin iġorru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni sakemm l-għoti ta’ tali servizzi mhuwiex meħtieġ għall-finijiet umanitarji jew sakemm il-merkanzija ma ġietx spezzjonata, u kkonfiskata u disponuta jekk ikun meħtieġ, f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 4.

    Artikolu 8

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeżerċitaw viġilanza u jipprevjenu tagħlim jew taħriġ speċjalizzat ta’ ċittadini tar-RDPK, fit-territorji tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, ta’ dixxipplini li jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi ta’ proliferazzjoni tar-RDPK u għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari.

    Artikolu 9

    1.   Il-Kunsill għandu jadotta modifiki għall-Anness I abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Istati Membri jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-listi fl-Annessi II u III u jadotta modifiki għalihom.

    Artikolu 10

    1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna jew entità fl-Anness I.

    2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 4(1)(b) u (c) u 5(1)(b) u (c), huwa għandu jemenda l-Anness II kif opportun.

    3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew entità msemmija fil-paragrafi (1) u (2), inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, jew b'mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

    4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.

    Artikolu 11

    1.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet elenkati, kif provduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat fir-rigward tal-Anness I.

    2.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jiġu identifikati, kif provduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Anness I. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 12

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, jew, jekk meħtieġ, emendata, b’mod partikolari fir-rigward tal-kategoriji ta' persuni, entitajiet jew oġġetti jew persuni, entitajiet jew oġġetti addizzjonali li għandhom ikunu koperti mill-miżuri restrittivi, jew b'kont meħud tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

    2.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 6 għandhom jiġu riveduti fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 4(1)(b) u (c) u 5(1)(b) u (c) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-anqas kull 12-il xahar. Huma ma għandhomx ikomplu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet konċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2), li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom m’għadhomx jintlaħqu aktar.

    Artikolu 13

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK hija hawnhekk revokata.

    Artikolu 14

    Din id-Deċiżjoni għandu tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 32.

    (2)  ĠU L 197, 29.7.2009, p. 111.

    (3)  ĠU L 346, 23.12.2009, p. 47.

    (4)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1.

    (5)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1


    ANNESS I

    A.   Lista ta' persuni li jirreferu għalihom l-Artikoli 4(1)(a) u 5(1)(a)

     

    Isem

    Psewdonimu

    Data tat-twelid

    Data tal-indikazzjoni

    Informazzjoni oħra

    1.

    Yun Ho-jin

    magħruf ukoll bħala Yun Ho-chin

    13.10.1944

    16.7.2009

    Direttur tan-Namchongang Trading Corporation; jieħu ħsieb l-importazzjoni ta’ oġġetti meħtieġa għall-programm ta’ arrikkament tal-uranju.

    2.

    Ri Je-son

    magħruf ukoll bħala Ri Che-son

    1938

    16.7.2009

    Direttur tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (UĠEA), l-aġenzija prinċipali li tmexxi l-programm nukleari tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea; jiffaċilita diversi proġetti nukleari inkluża l-ġestjoni mill-GBAE tal-Yongbyon Nuclear Research Centre u n-Namchongang Trading Corporation.

    3.

    Hwang Sok-hwa

     

     

    16.7.2009

    Direttur fl-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (GBAE); involut fil-programm nukleari tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea; bħala Kap tal-Uffiċċju ta’ Gwida Xjentifika fil-GBAE, serva fil-Kumitat Xjentifiku ġewwa l-Istitut Konġunt għar-Riċerka Nukleari.

    4.

    Ri Hong-sop

     

    1940

    16.7.2009

    Ex direttur taċ-Ċentru tar-Riċerka Nukleari ta’ Yongbyon, ħa ħsieb tliet faċilitajiet prinċipali li jassistu fil-produzzjoni ta’ plutonju adattat għall-armi: il-Faċilità għall-Fabbrikazzjoni tal-Karburant, ir-Reattur Nukleari u l-Impjant tar-Riproċessar.

    5.

    Han Yu-ro

     

     

    16.7.2009

    Direttur tal-Korea Ryongaksan General Trading Corporation; involut fil-programm tal-missili ballistiċi tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea


    B.   Lista ta' entitajiet msemmijin fl-Artikolu 5(1)(a)

     

    Isem

    Psewdonimu

    Lokalità

    Data tal-indikazzjoni

    Informazzjoni oħra

    1.

    Korea Mining Development Trading Corporation

    magħrufa wkoll bħala CHANGGWANG SINYONG CORPORATION; magħrufa wkoll bħala EXTERNAL TECHNOLOGY GENERAL CORPORATION; magħrufa wkoll bħala DPRKN MINING DEVELOPMENT TRADING COOPERATION; magħrufa wkoll bħala “KOMID”

    Central District, Pyongyang, RDPK.

    24.4.2009

    Negozjant tal-armi primarju u esportatur prinċipali ta’ oġġetti u tagħmir relatat ma’ missili ballistiċi u armi konvenzjonali.

    2.

    Korea Ryonbong General Corporation

    magħrufa wkoll bħala KOREA YONBONG GENERAL CORPORATION; qabel magħrufa wkoll bħala LYONGAKSAN GENERAL TRADING CORPORATION

    Pot'onggang District, Pyongyang, RDPK; Rakwon-dong, Pothonggang District, Pyongyang, RDPK.

    24.4.2009

    Konglomerat tad-difiża li jispeċjalizza fl-akkwisti għall-industriji tad-difiża tar-RDPK u l-appoġġ għall-bejgħ relatat mal-militar ta’ dak il-pajjiż.

    3.

    Tanchon Commercial Bank

    qabel magħrufa wkoll bħala CHANGGWANG CREDIT BANK; qabel magħrufa wkoll bħala, KOREA CHANGGWANG CREDIT BANK

    Saemul 1-Dong Pyongchon District, Pyongyang, RDPK.

    24.4.2009

    L-entità finanzjarja prinċipali tar-RDPK għall-bejgħ tal-armi konvenzjonali, missili ballistiċi, u oġġetti relatati mal-assemblaġġ u l-manifattura ta’ armi bħal dawn.

    4.

    Namchongang Trading Corporation

    magħrufa wkoll bħala NCG; magħrufa wkoll bħala NAMCHONGANG TRADING; magħrufa wkoll bħala NAM CHON GANG ·CORPORATION; magħrufa wkoll bħala NOMCHONGANG TRADING CO.; magħrufa wkoll bħala NAM CHONG GAN TRADING CORPORATION

    Pyongyang, RDPK.

    16.7.2009

    Namchongang hija kumpannija kummerċjali tar-RDPK subordinata għall-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (GBAE). Namchongang kienet involuta fl-akkwist ta’ pompi tal-vakwu ta’ oriġini Ġappuniża li ġew identifikati f’faċilità nukleari tar-RDPK, kif ukoll ta’ akkwist relatat ma’ oġġetti nukleari assoċjat ma’ individwu Ġermaniż. Hija kienet involuta wkoll fl-akkwist ta’ tubi tal-aluminju u tagħmir ieħor adatt speċifikament għall-programm tal-arrikkament tal-uranju mill-aħħar tas-snin disgħin. Ir-rappreżentant tagħha huwa ex diplomatiku li serva bħala rappreżentant tar-RDPK għall-ispezzjoni mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tal-faċilitajiet Nukleari ta’ Yongbyon fl-2007. L-attivitajiet ta’ proliferazzjoni ta’ Namchongang huma ta’ tħassib kbir b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni passati tar-RDPK.

    5.

    Hong Kong Electronics

    magħrufa wkoll bħala HONG KONG ELECTRONICS KISH CO

    Sanaee St., Kish Island, Iran.

    16.7.2009

    Proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn, jew taġixxi jew bil-ħsieb li taġixxi għal jew f’isem Tanchon Commercial Bank u KOMID. Hong Kong Electronics ittrasferiet miljuni ta’ dollari ta’ fondi relatati mal-proliferazzjoni f’isem Tanchon Commercial Bank u KOMID (it-tnejn indikati mill-Kumitat f’April 2009) mill-2007. Hong Kong Electronics iffaċilitat il-moviment tal-flus mill-Iran għar-RDPK f’isem KOMID.

    6.

    Korea Hyoksin Trading Corporation

    magħrufa wkoll bħala KOREA HYOKSIN EXPORT AND IMPORT CORPORATION

    Rakwon-dong, Pothonggang District, Pyongyang, RDPK.

    16.7.2009

    Kumpannija tar-RDPK ibbażata fi Pyongyang li hija subordinata għall-Korea Ryonbong General Corporation (indikata mill-Kumitat f’April 2009) u hija involuta fl-iżvilupp ta’ armi ta’ qerda massiva.

    7.

    General Bureau of Atomic Energy (GBAE) (Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika, GBAE)

    magħruf ukoll bħala General Department of Atomic Energy (GDAE)

    Haeudong, Pyongchen District, Pyongyang, RDPK.

    16.7.2009

    Il-GBAE huma responsabbli għall-programm nukleari tar-RDPK, li jinkludi ċ-Ċentru ta’ Riċerka Nukleari ta’ Yongbyon u r-reattur ta’ riċerka ta’ produzzjoni nukleari tiegħu ta’ 5 MWe (25 MWt), kif ukoll tal-faċilitajiet tiegħu ta’ fabbrikazzjoni u ripproċessar tal-karburant. Il-GBAE kellu laqgħat u diskussjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet nukleari mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika. Il-GBAE huwa l-aġenzija primarja tal-Gvern tar-RDPK li tieħu ħsieb il-programmi nukleari, inkluż l-operat taċ-Ċentru ta’ Riċerka Nukleari ta’ Yongbyon.

    8.

    Korean Tangun Trading Corporation

     

    Pyongyang, RDPK.

    16.7.2009

    Korea Tangun Trading Corporation hija subordinata għat-Tieni Akkademja tax-Xjenzi Naturali tar-RDPK u hija primarjament responsabbli għall-akkwist tal-oġġetti bażiċi u t-teknoloġiji li jappoġġaw il-programmi ta’ difiża tar-RDPK għar-riċerka u l-iżvilupp, inklużi, iżda mhux limitati, għall-armi ta’ qerda massiva u għal programmi ta’ sistemi ta’ forniment u akkwist, inklużi materjali li huma kkontrollati jew ipprojbiti taħt ir-reġimi rilevanti ta’ kontroll multilaterali.


    ANNESS II

    A.   Lista ta' persuni msemmijin fl-Artikoli 4(1)(b) u 5(1)(b)

    #

    Isem

    (u psewdonimi possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    CHANG Song-taek (magħruf ukoll bħala JANG Song-Taek)

    Data tat-twelid: 02.02.1946 jew 06.02.1946 jew 23.02.1946 (il-provinċja ta' Hamgyong tat-Tramuntana)

    Numru tal-passaport (mill-2006): PS 736420617

    Membru tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża. Direttur tad-Dipartiment Amministrattiv tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea

    2.

    CHON Chi Bu

     

    Membru tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika, ex-direttur tekniku ta' Yongbyon.

    3.

    CHU Kyu-Chang (magħruf ukoll bħala JU Kyu-Chang)

    Data tat-twelid: bejn l- 1928 u l-1933

    Prim Viċi-Direttur tad-Dipartiment tal-Industrija tad-Difiża (programm ballistiku), Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, Membru tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża.

    4.

    HYON Chol-hae

    Data tat-twelid: 1934 (Mandchourie, Ċina

    Viċi-Direttur tad-Dipartiment tal-Politika Ġenerali tal-Forzi Armati Popolari (konsulent militari ta' Kim Jong Il).

    5.

    JON Pyong-ho

    Data tat-twelid: 1926

    Segretarju tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, Kap tal-Kumitat Ċentrali tad-Dipartiment tal-Industrija tal-Provvisti Militari li jikkontrolla t-Tieni Kumitat Ekonomiku tal-Kumitat Ċentrali, membru tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża.

    6.

    KIM Yong-chun (magħruf ukoll bħala Young-chun)

    Data tat-twelid:

    04.03.1935

    Numru tal-passaport: 554410660

    Viċi-President tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża, Ministru tal-Forzi Armati Popolari, konsulent speċjali ta' Kim Jong II dwar l-istrateġija nukleari.

    7.

    O Kuk-Ryo

    Data tat-twelid: 1931

    (Provinċja ta' Jilin, Ċina)

    Viċi-President tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża, li jissorvelja l-akkwist barra l-pajjiż tat-teknoloġiji avvanzati għall-programmi nukleari u ballistiċi.

    8.

    PAEK Se-bong

    Data tat-twelid: 1946

    President tat-Tieni Kumitat Ekonomiku (responsabbli mill-programm ballistiku) tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea. Membru tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Difiża.

    9.

    PAK Jae-gyong (magħruf ukoll bħala Chae-Kyong

    Data tat-twelid: 1933

    Numru tal-passaport: 554410661

    Viċi-Direttur tad-Dipartiment tal-Politika Ġenerali tal-Forzi Armati Popolari u Viċi-Direttur tal-Uffiċċju tal-Loġistika tal-Forzi Armati Popolari (Konsulent militari ta' Kim Jong Il).

    10.

    PYON Yong Rip (magħruf ukoll bħala Yong-Nip)

    Data tat-twelid:

    20.09.1929

    Numru tal-passaport: 645310121 (maħruġ fit- 13.09.2005)

    President tal-Akkademja tax-Xjenza, involut f'riċerka bijoloġika relatata mal-AQM.

    11.

    RYOM Yong

     

    Direttur tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (entità indikata min-Nazzjonijiet Uniti) responsabbli mir-relazzjonijiet internazzjonali.

    12.

    SO Sang-kuk

    Data tat-twelid: bejn l-1932 u l-1938

    Kap tad-Dipartiment tal-Fiżika Nukleari, Università Kim Il Sung.


    B.   Lista ta' entitajiet msemmijin fl-Artikolu 5(1)(b)

    #

    Isem

    (u psewdonimi possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    Green Pine Associated Corporation (magħrufa wkoll bħala: Chongsong Yonhap ; Ch’o’ngsong Yo’nhap)

    c/o Reconnaissance General Bureau Headquarters, Hyongjesan-Guyok, Pyongyang / Nungrado, Pyongyang

    Ch’o’ngsong Yo’nhap ġiet identifikata għal sanzjonijiet għall-esportazzjoni tal-armi jew materjal relatat mill-Korea ta' Fuq. Green Pine tispeċjalizza fil-produzzjoni ta' inġenji u armamenti militari marittimi, bħal sottomarini, dgħajjes militari u sistemi ta' missili, u esportat torpedoes u assistenza teknika lil ditti Iranjani relatati mad-difiża. Green Pine hija responsabbli għal madwar nofs l-armi u materjal relatat esportat mill-Korea ta' Fuq u assumiet ħafna mill-attivitajiet tal-KOMID wara li din ġiet indikata mill-KSNU.

    2.

    Korea Heungjin Trading Company

    Lokalità: Pyongyang

    Entità bbażata f'Pyongyang użata mill-Korea Mining Development Trading Corporation (KOMID) għall-finijiet ta' kummerċ (il-KOMID ġiet indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 24.4.2009). Korea Heungjin Trading Company hi suspettata wkoll li kienet involuta fil-forniment ta' oġġeti relatati ma' missili lil Shahid Hemmat Industrial Group tal-Iran.

    3.

    Korea Pugang mining and Machinery Corporation ltd

     

    Sussidjarja ta' Korea Ryongbong General Corporation (entità indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 24.04.2009); topera faċilitajiet għall-produzzjoni ta' trab tal-aluminju, li jista' jintuża fil-missili.

    4.

    Korea Taesong Trading Company

    Lokalità: Pyongyang

    Entità bbażata f'Pyongyang użata minn Korea Mining Development Trading Corporation (KOMID) għall-finijiet ta' kummerċ (KOMID kienet indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 24.4.2009). Korea Taesong Trading Company aġixxiet f'isem KOMID f'operazzjonijiet mas-Sirja.

    5.

    Korean Ryengwang Trading Corporation

    Rakwon-dong, Pothonggang District, Pyongyang, Korea ta' Fuq

    Sussidjarja ta' Korea Ryongbong General Corporation (entità indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 24.04.2009).

    .6

    It-Tieni Kumitat Ekonomiku u t-Tieni Akkademja tax-Xjenzi Naturali

     

    It-Tieni Kumitat Ekonomiku huwa involut f'aspetti ċentrali tal-programm ta' missili tal-Korea ta' Fuq. It-Tieni Kumitat Ekonomiku huwa responsabbli għas-sorveljanza tal-produzzjoni tal-missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq. Huwa jiddirieġi wkoll l-attivitajiet tal-KOMID (il-KOMID ġiet indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 24.4.2009). Huwa organizzazzjoni ta' livell nazzjonali għar-riċerka u l-iżvilupp tas-sistemi ta' armamenti avvanzati tal-Korea ta' Fuq, inklużi missili u probabbilment armamenti nukleari. Huwa juża numru ta' organizzazzjonijiet subordinati biex jikseb teknoloġija, tagħmir, u informazzjoni minn barra l-pajjiż, inkluża l-Korea Tangun Trading Corporation, għall-użu fil-programmi ta' missili u probabbilment ta' armamenti nukleari tal-Korea ta' Fuq.

    7.

    Sobaeku United Corp (magħrufa wkoll bħala Sobaeksu United Corp.)

     

    Kumpannija Statali, involuta fir-riċerka fi, u l-akkwist, ta' prodotti u tagħmir sensittiv. Hija tippossjedi diversi depożiti ta' grafita naturali, li jipprovdu l-materja prima lil żewġ faċilitajiet ta' proċessar, li, fost l-oħrajn, jipproduċu blokki tal-grafita li jistgħu jintużaw fil-missili.

    8.

    Yongbyon Nuclear Research Centre

     

    Ċentru tar-Riċerka li ħa sehem fil-produzzjoni ta' plutonju ta' kwalità militari. Ċentru li jiddependi mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (entità indikata min-Nazzjonijiet Uniti, 16.07.2009).


    ANNESS III

    A.   Lista ta' persuni li jirreferu għalihom l-Artikoli 4(1)(c) u 5(1)(c)

    #

    Isem

    (u psewdonimi possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    JON Il-chun

    Data tat-twelid:

    24.08.1941

    Fi Frar tal-2010, KIM Tong-un tkeċċa mill-kariga tiegħu ta' direttur tal-Uffiċċju 39, li hu involut fil-finanzjament tal-proliferazzjoni u li huwa, fost affarijiet oħra, inkarigat mix-xiri ta' merkanzija mir-rappreżentanzi diplomatiċi tar-RDPK billi jevita s-sanzjonijiet. Huwa ġie sostitwit minn JON Il-chun. Jingħad li JON Il-chun huwa wkoll wieħed mill-figuri prinċipali fis-State Development Bank.

    2.

    KIM Tong-un

     

    Ex-direttur tal-“Uffiċċju 39” tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema li huwa involut fil-finanzjament tal-proliferazzjoni.


    B.   Lista tal-entitajiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1)(b)

    #

    Isem

    (u psewdonimi possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    Korea Daesong Bank

    (alias: Choson Taesong Unhaeng; Taesong Bank)

    Indirizz:

    Segori-dong, Gyongheung St., Potonggang District, Pyongyang

    Telefon: 850 2381 8221

    Telefon: 850 2 18111 ext. 8221

    Fax: 850 2381 4576

    L-istituzzjoni finanzjarja tal-Korea ta' Fuq hija direttament issubordinata għall-Uffiċċju 39 u hija involuta fl-iffaċilitar tal-proġetti ta' finanzjament tal-proliferazzjoni tal-Korea ta' Fuq.

    2.

    Korea Daesong General Trading Corporation

    (magħrufa wkoll bħala: Daesong Trading; Daesong Trading Company; Korea Daesong Trading Company; Korea Daesong Trading Corporation)

    Indirizz:

    Pulgan Gori Dong 1, Potonggang District, Pyongyang

    Telefon: 850 2 18111 ext. 8204/8208

    Telefon: 850 2381 8208/4188

    Fax: 850 2381 4431/4432

    Kumpannija li hija ssubordinata għall-Uffiċċju 39 u hija użata għall-iffaċilitar ta' transazzjonijiet barranin f'isem l-Uffiċċju 39.

    Id-Direttur tal-Uffċċju 39, Kim Tong-un huwa elenkat fl-Anness V ta' CR Nru 1283/2009.


    ANNESS IV

    Lista ta' fergħat u sussidjarji li jirreferi għalihom l-Artikolu 6(1)(b)


    ANNESS V

    Lista ta' fergħat, u sussidjarji u entitajiet finanzjarji li jirreferi għalihom l-Artikolu 6(1)(c) u (d)


    Top