Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1135

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1135/2009 tal- 25 ta’ Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 311, 26/11/2009, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/02/2015; Imħassar b' 32015R0170

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1135/oj

26.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1135/2009

tal-25 ta’ Novembru 2009

li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji u l-ħtiġijiet ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel u li jistipula proċeduri fi kwistjonijiet tas-sikurezza tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53 (1) (b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

F’Settembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ġiet mgħarrfa li fiċ-Ċina nstabu livelli għolja ta’ melamina fil-ħalib tat-trabi u fi prodotti oħra tal-ħalib. Sabiex tilqa’ kontra r-riskju li jista’ jirriżulta mill-esponiment għal kontenut għoli ta’ melamina fl-għalf u fil-prodotti tal-ikel, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE tal-14 ta’ Ottubru 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE (2) tipprovdi għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ prodotti li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib, is-soja jew il-prodotti tas-soja intiżi għall-użu nutrittiv partikolari għat-trabi u għat-tfal żgħar, u titlob lill-Istati Membri jwettqu verifiki sistematiċi fuq il-kunsinni kollha li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina ta’ għalf u ta’ ikel li jkun fih il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja u ta’ bikarbonat tal-ammonju intiż għall-ikel u għall-għalf. F’dik id-Deċiżjoni, il-livell ta’ 2.5 mg/kg kien tqies bħala l-livell xieraq biex wieħed jiddistingwi bejn il-preżenza sekondarja inevitabbli tal-melamina u l-adulterazzjoni inaċċettabbli.

(3)

L-għadd ta’ notifiki tas-Sistema ta’ Allarm fil-Pront għall-Ikel u l-Għalf (ir-Rapid Alert System for Food and Feed, RASFF), kif ipprovdut fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2008/798/KE, fir-rigward ta’ livelli inaċċettabbli ta’ melamina f’dawk il-prodotti tal-ikel u tal-għalf miċ-Ċina naqas b’mod sinifikanti minn Jannar 2009, u l-awtoritajiet Ċiniżi pprovdew garanziji fir-rigward tal-verifiki fuq il-melamina fi prodotti bħal dawn esportati lejn il-Komunità. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu riveduti l-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni 2008/798/KE.

(4)

Minħabba li l-prodotti li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib, is-soja jew il-prodotti tas-soja intiżi għall-użu nutrittiv partikolari għat-trabi u għat-tfal żgħar jirrappreżentaw is-sors primarju, u f’xi każi l-uniku sors, ta’ nutriment għat-trabi u t-tfal iż-żgħar, huwa xieraq li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ prodotti bħal dawn li joriġinaw miċ-Ċina tibqa’ hemm. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk jinstabu prodotti bħal dawn fis-suq għandhom jinqerdu mingħajr dewmien.

(5)

Fl-istess ħin, il-verifiki sistematiċi fuq il-kunsinni kollha ta’ għalf u ikel li fih il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja u ta’ bikarbonat tal-ammonju li joriġinaw jew jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, intiżi għall-ikel u għall-għalf, ma għadhomx neċessarji minħabba t-tnaqqis sinifikanti fin-notifikazzjonijiet tar-RASFF. Għaldaqstant għandha titnaqqas l-intensità tal-verifiki fiżiċi. Minħabba li l-livell ta’ 2.5 mg/kg għadu jitqies xieraq biex wieħed jiddistingwi bejn il-preżenza sekondarja inevitabbli tal-melamina u l-adulterazzjoni inaċċettabbli, il-prodotti li fihom livell ogħla ta’ melamina ma għandhomx jibdew jagħmlu parti mill-katina tal-għalf u tal-ikel u għandhom jitwarrbu b’mod sikur.

(6)

Id-Deċiżjoni 2008/798/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq, Madankollu, minħabba n-natura tad-dispożizzonijiet emendatorji, huwa f’loku li wieħed jissostitwixxi dik id-deċiżjoni b’Regolament li jkun jista’ jiġi rivedut fi stadju aktar tard fuq il-bażi tar-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-Istati Membri.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għaċ-Ċina għandhom jinftiehmu bħala għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Artikolu 2

Projbizzjoni fuq l-importazzjoni

1.   L-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ prodotti li fihom il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja intiżi għall-użu nutrittiv partikolari għat-trabi u għat-tfal żgħar fil-kuntest tad-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (3), li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tkun ipprojbita.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk jinstab xi prodott bħal dawn fis-suq, dan għandu jiġi rtirat jew jinqered mingħajr dewmien.

Artikolu 3

Notifika minn qabel

L-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem lill-punt ta’ verifika, imsemmi fl-Artikolu 4(3), tad-data u l-ħin stmat tal-wasla tal-kunsinni kollha tal-bikarbonat tal-ammonju intiż għall-ikel u għall-għalf u tal-għalf u l-ikel li fihom il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja li joriġinaw jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina.

Artikolu 4

Miżuri ta’ verifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu verifika tad-dokumenti, dawk marbuta mal-identità kif ukoll verifiki fiżiċi, inkluża analiżi fil-laboratorju tal-kunsinni li joriġinaw jew li jiġu kkunsinjati miċ-Ċina, li jkunu se jiġu impurtati lejn il-Komunità, tal-bikarbonat tal-ammonju intiż għall-ikel u għall-għalf u tal-għalf u l-ikel li fihom il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja apparti dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1).

Il-verifiki tal-identità u dawk fiżiċi, inkluż it-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-verifiki tal-preżenza tal-melamina, għandhom jitwettqu fuq bejn wieħed u ieħor 20 % ta’ kunsinni bħal dawn.

L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fiżiċi addoċċ fuq prodotti oħra tal-għalf u tal-ikel b’kontenut għoli ta’ proteina li joriġinaw miċ-Ċina u li jkunu se jiġu importati lejn il-Komunità.

Il-verifiki fiżiċi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom, partikolarment, jimmiraw li jiżguraw il-livell ta’ melamina, jekk din teżisti, fil-prodott. Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

2.   Kull prodott li jinstab li fih aktar minn 2.5 mg/kg melamina, wara verifiki mwettqa skont il-paragrafu 1, ma għandux jitħalla jibda jagħmel parti mill-katina tal-għalf u tal-ikel u għandu jitwarrab b’mod sikur.

3.   Il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu f’punti ta’ verifika speċifikament magħżula mill-Istati Membri għal dak l-iskop.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista ta’ punti ta’ verifika disponibbli għall-pubbliku u jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kunsinni għandu jkun soġġett għat-tressiq, min-naħa tal-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel jew mir-rappreżentant tiegħu, ta’ evidenza lill-aworitajiet tad-dwana li l-verifiki uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 twettqu u li r-riżultati favorevoli li ħarġu mit-testijiet fiżiċi, fejn dawn it-testijiet jintalbu, huma magħrufa.

Artikolu 5

Rapporti

Kull tliet xhur l-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni rapport tar-riżultati kollha tat-testijiet analitiċi msemmija fl-Artikolu 4(1). Dawn ir-rapporti għandhom jitressqu matul ix-xahar wara kull kwart tas-sena.

Artikolu 6

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-verifiki uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1), inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħżin u kull miżura li tittieħed b’riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità għandu jagħmel tajjeb għalihom l-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE hija rrevokata.

Referenza għad-Deċiżjoni mħassra tkun imfissra bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 273, 15.10.2008, p. 18.

(3)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21.


Top