Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0439

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 439/2009 tat- 23 ta’ Marzu 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    ĠU L 129, 28/05/2009, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/439/oj

    Related international agreement

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 439/2009

    tat-23 ta’ Marzu 2009

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa nnegozjaw u inizjalaw Ftehim dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u fil-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin fil-Baħar Baltiku.

    (2)

    Il-Ftehim jipprovdi għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet abbażi tal-prinċipju ta’ benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-għan ta’ konservazzjoni, sfruttar u ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku.

    (3)

    Huwa fl-interess tal-Komunità li jiġi approvat dan il-Ftehim,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa, b’dan awtorizzat li jinnomina persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim u b’hekk jorbtu lill-Komunità

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GANDALOVIČ


    (1)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 86.


    Top

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/2


    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u fil-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA

    U

    L-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA,

    minn issa ‘l quddiem “il-Partijiet”,

    JINNUTAW li l-Konvenzjoni dwar is-Sajd u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin fil-Baħar Baltiku u l-Belts (Il-Konvenzjoni ta’ Gdansk) tal-1973 mhux se tibqa’ tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007;

    JIRRIKONOXXU li wara l-adeżjoni tal-Iżvezja u l-Finlandja mal-Komunità fl-1 ta’ Jannar 1995 u tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja fl-1 ta’ Mejju 2004, elementi tal-ftehimiet dwar is-sajd fil-Baħar Baltiku, konkluż mill-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Latvja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja rispettivament mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, issa jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Komunità;

    JIRRIKONOXXU l-bżonn li dan il-ftehim tas-sajd, sa fejn jikkonċerna is-sajd marittimu fil-Baħar Baltiku, u l-Konvenzjoni ta’ Gdansk tal-1973, jiġi sostitwit minn ftehim ġdid bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa;

    ISOSTNU ix-xewqa komuni tagħhom li jassiguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Baltiku fuq medda twila ta’ żmien;

    IMMEXXIJA mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 u tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 marbuta mal-konservazzjoni u t-tmexxija tal-istokkijiet ta’ ħut transżonali u l-istokkijiet ta’ ħut b’tendenza kbira li jpassi tal-4 ta’ Diċembru 1995;

    IMMEXXIJA mill-Ftehim dwar is-sħubija u l-kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa ‘l waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, tal-24 ta’ Ġunju 1994, minn issa ‘l quddiem il-“PCA”, u mix-xewqa komuni li jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet;

    FILWAQT LI JQISU l-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Konferenza tal-FAO fl-1995;

    FILWAQT LI JQISU d-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli adottata mis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Settembru 2002;

    JIKKUNSIDRAW li xi wħud mir-riżorsi marittimi ħajjin tal-Baħar Baltiku jikkonsistu minn stokkijiiet transżonali li jpassu bejn iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi taż-żewġ Partijiet u stokkijiet assoċjati u dipendenti, u li l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli effettiv ta’ dawn l-istokkijiet jistgħu għalhekk jinkisbu biss permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-ġestjoni tas-sajd kif ukoll permezz tal-kontroll u l-infurzar;

    JIRRIKONOXXU li l-Partijiet huma marbuta li jiżviluppaw approċċ imsejjes fuq l-ekosistema u l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli kif ukoll fuq ir-rispett lejn id-doveri tal-Istat kostali sabiex jassigura miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni xierqa għall-manteniment tar-riżorsi ħajjin fiż-Żona Ekonomika Esklussiva skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982;

    ĦERQANA li jissoktaw bil-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tal-organizzazzjonijiet tas-sajd internazzjonali relattivi, bl-għan tal-konservazzjoni konġunta, l-isfruttar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd konċernati kollha u b’konferma tal-intenzjoni tal-Partijiet li jkomplu jiżviluppaw il-prinċipji rikonoxxuti fil-Konvenzjoni ta’ Gdansk;

    JIRRIKONOXXU l-importanza tar-riċerka xjentifika għall-konservazzjoni, l-isfruttar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, b’mod partikolari fi ħdan il-kuntest tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u ħerqana li jippromwovu aktar kooperazzjoni f’dan il-qasam;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Użu tat-termini

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    “Żona Ekonomika Esklussiva tal-Partijiet” tfisser iż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Federazzjoni Russa u ż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament;

    (b)

    “baħar territorjali tal-Partijiet” tfisser il-baħar territorjali tal-Federazzjoni Russa u l-baħar territorjali tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament;

    (c)

    “riżorsi ħajjin tal-baħar” tfisser l-ispeċijiet ħajjin u disponibbli tal-baħar, li jinkludu speċijiet anadromiċi u katadromiċi;

    (d)

    “bastimenti tas-sajd tal-Partijiet” tfisser bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Federazzjoni Russa u l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, rispettivament; mgħammra għall-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar permezz tas-sajd;

    (e)

    “sfruttar sostenibbli” tfisser l-isfruttar ta’ stokk b’tali mod li l-isfruttar tal-istokk fil-ġejjieni ma jiġix preġudikat u li ma jkollux impatt ħażin fuq l-ekosistemi tal-baħar;

    (f)

    “stokkijiet transżonali” tfisser kwalunkwe stokk ta’ ħut li jpassi regolament billi jaqsam il-limiti taż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Partijiet fil-Baħar Baltiku;

    (g)

    “sforz tas-sajd” tfisser il-prodott tal-kapaċità u l-attività ta’ bastiment tas-sajd; għal grupp ta’ bastimenti ikun it-total tal-isforz fis-sajd tal-bastimenti kollha fil-grupp;

    (h)

    “approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni tas-sajd” tfisser li n-nuqqas ta’ tagħrif xjentifiku adegwat m’għandux jintuża bħala raġuni għall-postponiment jew in-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri ta’ ġestjoni biex jiġu konservati speċijiet fil-mira, speċijiet assoċjati jew dipendenti u speċijiet mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom.

    Artikolu 2

    Żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

    Iż-żona ġeografika li għaliha japplika dan il-Ftehim, minn issa ‘l-quddiem “il-Baħar Baltiku” tfisser l-ilmijiet kollha tal-Baħar Baltiku u tal-Belts, minbarra l-ilmijiet interni, konfinati mill-punent ma’ linja minn Hasenore Head sa Gniben Point, minn Korshage sa Spodsbierg u minn Gilbierg Head sa Kullen.

    Artikolu 3

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa ‘l waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u bil-kundizzjonijiet preskritti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għall-Federazzjoni Russa.

    Artikolu 4

    Għanijiet

    1.   L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet abbażi tal-prinċipju ta’ benefiċċji ġusti u reċiproċi, bl-għan ta’ konservazzjoni, sfruttar u ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet kollha transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku.

    2.   Il-Ftehim jistipula l-prinċipji u l-proċeduri marbuta mal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet bil-għan li jiġi żgurat li l-isfruttar tal-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku jipprovdi kundizzjonijiet sostenibbli ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    3.   Il-Partijiet għandhom isejsu l-kooperazzjoni tagħhom fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u fuq kwalunkwe data oħra rilevanti, għandhom japplikaw l-approċċ ta’ prekawzjoni u għandhom jaqblu li jiżviluppaw ġestjoni tas-sajd imsejsa fuq l-ekosistema.

    Artikolu 5

    Miżuri ta’ ġestjoni konġunta

    1.   Kull Parti tista’, abbażi tal-prinċipju ta’ benefiċċju reċiproku u b’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha stess, tippermetti li bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra jistadu fi ħdan iż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ din il-Parti fil-Baħar Baltiku.

    2.   Il-Partijiet jisgħu jagħmlu skambju ta’ kwoti fil-Baħar Baltiku fuq bażi reċiproka.

    3.   Sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim il-Partijiet għandhom jistabbilixxu miżuri li jirregolaw l-isfruttar tal-istokkijiet transżonali fil-Baħar Baltiku, filwaqt li jqisu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti. Il-miżuri jistgħu jinkludu, inter alia:

    (a)

    Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għall-istokkijiet transżonali u gruppi ta’ stokkijiet transżonali kif ukoll allokazzjonijiet bejn il-Partijiet. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu msejsa fuq id-distribuzzjoni storika tal-possibilitajiet tas-sajd li jqisu l-bżonn li jkun hemm ġestjoni aktar speċifika għall-istokk kif irrakkomandat mill-ICES;

    (b)

    Pjanijiet fuq medda twila taż-żmien għall-ġestjoni tas-sajd għall-istokkijiet transżonali;

    (c)

    Limitazzjoni tal-isforz tas-sajd; kif ukoll

    (d)

    Miżuri tekniċi.

    4.   L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi trattata f’Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku msemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    Miżuri ta’ ġestjoni awtonoma mill-Partijiet

    1.   Kull Parti għandha tistabbilixxi l-qabdiet totali permissibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni fuq medda twila ta’ żmien għall-istokkijiet li mhumiex transżonali fil-Baħar Baltiku, waqt li tqis l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti.

    2.   Jekk, fil-qafas tal-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku msemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim, ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar miżuri xierqa ta’ ġestjoni li għandhom jiġu rrakkomandati lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu miżuri awtonomi sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim dwar il-ġestjoni tal-isfruttar u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Baltiku, waqt li jqisu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti.

    3.   Il-miżuri li jittieħdu skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu msejsa fuq kriterji xjentifiċi oġġettivi u m’għandhomx jiddiskriminaw fil-fatt jew fid-dritt kontra l-Parti l-oħra.

    4.   Minbarra r-rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri adottati mill-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku kull Parti tista’ tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li tiqs meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim.

    5.   Il-miżuri għar-regolazzjoni tas-sajd li jittieħdu minn kull Parti fiż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-baħar territorjali tagħha bil-għan tal-konservazzjoni għandhom jiġu msejsa fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi, filwaqt li jitqiesu l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti, u m’għandhomx jiddiskriminaw fil-fatt jew fid-dritt kontra l-Parti l-oħra.

    Artikolu 7

    Għotja ta’ Liċenzji

    1.   Kull Parti għandha tirrikjedi li s-sajd f’żoni speċifiċi taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku minn bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra jkunu soġġetti għal liċenzja (permess).

    2.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Parti għandha tikkomunika fi żmien xieraq lill-Parti l-oħra, l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, u l-partikolaritajiet relevanti l-oħrajn tal-bastimenti tas-sajd li għandhom ikunu eliġibbli li jistadu fiż-żoni tas-sajd speċifikati taż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Parti l-oħra fil-Baħar Baltiku.

    3.   L-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-liċenzjar għandha ssir skont ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim.

    4.   Hekk kif tirċievi l-applikazzjoni għal-liċenzja (permess), kull Parti għandha, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tagħha, toħroġ il-liċenzja (permess) meħtieġa għas-sajd fiż-żoni speċifikati taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku.

    Artikolu 8

    Konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni kif ukoll ma’ regolamenti oħra tas-sajd

    1.   Kull Parti għandha, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi tagħha stess, tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li l-bastimenti tas-sajd tagħha josservaw ir-regoli u r-regolamenti stabbiliti bil-liġi mill-Parti l-oħra għall-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ dik il-Parti l-oħra fil-Baħar Baltiku.

    2.   Kull Parti tista’, fir-rigward taż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku u skont il-leġiżlazzjoni u l-liġi internazzjonali applikabbli, tieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-konformità mad-dispożiżżjonijiet ta’ dan il-Ftehim mill-bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra.

    3.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, minn qabel u kif suppost, bir-regolamenti u bil-miżuri dwar ir-regolazzjoni tas-sajd kif ukoll bi kwalunkwe emendi għal dawk ir-regolamenti u miżuri.

    4.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tassigura konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fi ħdan iż-Żona Ekonomika Esklussiva u fi ħdan il-baħar territorjali tagħha.

    Artikolu 9

    Kooperazzjoni fil-kontroll u l-infurzar

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-kontroll u l-infurzar fil-Baħar Baltiku. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu pjan għall-iskambju ta’ strateġiji ta’ kontroll u infurzar.

    Artikolu 10

    Spezzjonijiet

    Kull Parti għandha taqbel dwar spezzjonijiet fuq il-bastimenti tas-sajd tagħha eżegwiti mill-korpi kompetenti tal-Parti l-oħra responsabbli għall-operazzjonijiet tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tagħha fil-Baħar Baltiku. Kull Parti għandha tiffaċilita tali spezzjonijiet bl-għan ta’ monitoraġġ għall-osservanza tal-miżuri regolatorji u regolamenti msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    Arrest u detenzjoni tal-bastimenti

    1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Parti għandhom, fil-każ tal-arrest jew tad-detenzjoni ta’ bastimenti tas-sajd tal-Parti l-oħra, jinnotifikaw minnufih lill-korpi kompetenti ta’ dik il-Parti permezz ta’ mezzi diplomatiċi jew mezzi uffiċjali oħra dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet u kwalunkwe penali li jkunu ġew imposti sussegwentement.

    2.   Il-korpi kompetenti ta’ kull Parti għandhom minnufih jilliberaw l-bastimenti tas-sajd u l-membri tal-ekwipaġġ arrestati, mad-depożitu ta’ ammont raġonevoli ta’ pleġġ jew garanzija oħra mis-sid tal-bastiment jew rappreżentant tiegħu, determinat skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Federazzjoni Russa u fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

    Artikolu 12

    Kooperazzjoni xjentifika

    1.   Il-Partijiet għandhom jitolbu lill-ICES biex tipprovdi l-pariri xjentifiċi dwar l-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku sabiex jiffurmaw l-bażi għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni konġunta ta’ dawn l-istokkijiet.

    2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom sabiex fi ħdan il-qafas tal-ICES, jikkooperaw fit-twettiq tar-riċerka xjentifika ta’ relevanza għal dan il-Ftehim.

    3.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati u l-esperti dwar kwistjonijiet tas-sajd ta’ interess reċiproku fosthom s-setturi tal-akkwakultura.

    Artikolu 13

    Speċijiet anadromiċi u katadromiċi

    1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet anadromiċi u katadromiċi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, fil-qafas ta’ dan il-Ftehim u arranġamenti internazzjonali rilevanti, sabiex jippromwovu l-konservazzjoni, ir-restawr, it-titjib u l-ġestjoni razzjonali ta’ dawn l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku.

    2.   Minkejja ż-żona ġeografika tal-applikazzjoni tal-Ftehim definit fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jaqblu biex il-kooperazzjoni tiġi estiża għall-ġestjoni tal-ispeċijiet anadromiċi u katadromiċi, minbarra l-iispeċijiet li jqattgħu iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom fl-ilmijiet interni.

    Artikolu 14

    Il-Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku

    1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt għas-Sajd fil-Baħar Baltiku (minn issa ‘l quddiem il-Kumitat).

    2.   Kull Parti għandha tinnomina rappreżentant u assistent rappreżentant tagħha għall-Kumitat u tinforma lill-Parti l-oħra permezz ta’ mezzi uffiċjali dwar dan.

    3.   Il-Kumitat għandu jqis il-kwistjonijiet kollha dwar l-għan u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet.

    4.   Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari:

    (a)

    Jeżamina l-iżvilupp u d-dinamika tal-istokkijiet transżonali, assoċjati u dipendenti fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfruttahom;

    (b)

    Jissorvelja l-implimetazzjoni, l-interpretazzjoni u t-tħaddim effiċjenti tal-Ftehim, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll, l-infurzar u l-ispezzjoni;

    (c)

    Jiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa fir-rigward ta’ kwistjonjiet ta’ interess komuni marbuta mas-sajd;

    (d)

    Iservi bħala forum biex tilwim li jista’ jinqala’ dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jiġu solvuti bonarjament.

    5.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’, kif maqbul bejn il-Partijiet, mill-inqas darba fis-sena, alternattivament fit-territorju ta’ kull Parti sabiex jirrakomanda lill-awtoritajiet rispettivi inkarigati mis-sajd dwar miżuri rileventi tas-sajd u tal-istokkijiet fil-Baħar Baltiku kif stipulat fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f’sessjoni straordinarja fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

    6.   Il-Kumitat għandu, fejn ikun applikabbli, jistabbilixxi korpi addizzjonali biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

    7.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa.

    Artikolu 15

    Konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet

    Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-implementazzjoni u t-tħaddim xieraq ta’ dan il-Ftehim, jew fil-każ ta’ kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 16

    Kooperazzjoni internazzjonali

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali relattivi, dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni u konservazzjoni ta’ interess reċiproku, li jistgħu jitqiesu minn tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Artikolu 17

    Klawżola ta’ Kwalifika

    1.   Il-kontenut ta’ dan il-Ftehim ma għandu, bl-ebda mod, jaffettwa jew jippreġudika l-pożizzjonijiet jew l-opinjonijiet ta’ kwalunkwe Parti fir-rigward tad-drittijiet jew obbligi tagħhom eżistenti skont ftehimiet internazzjonali tas-sajd u l-pożizzjonijiet jew opinjoniijiet dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-Liġi tal-Baħar.

    2.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-limiti taż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Partijiet.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Ftehim għandu japplika proviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu u għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tiġi rċevuta l-aħħar notifika bil-miktub li l-proċeduri interni kollha meħtieġa għad-dħul tiegħu fis-seħħ, ikunu ġew sodisfatti mill-Partijiet.

    2.   Fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, sakemm il-ftehimiet segwenti jikkonċernaw is-sajd marittimu fil-Baħar Baltiku, il-Ftehim għandu jissorpassa kwalunkwe ftehimiet tas-sajd li ġew konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-21 ta’ Lulju 1992, bejn il-Gvern tar-Renju tal-Iżvezja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-11 ta’ Diċembru 1992, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-11 ta’ Marzu 1994, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fl-4 ta’ Mejju 1994, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fil-5 ta’ Lulju 1995, u bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 1999.

    Artikolu 19

    Perjodu ta’ validità tal-Ftehim

    Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu inizjali ta’ sitt snin mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ. Sakemm il-Ftehim ma jiġix itterminat minn waħda mill-Partijiet permezz ta’ avviż ta’ terminazzjoni mogħti mill-anqas disa’ xhur qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodi addizzjonali ta’ tliet snin wara dak il-perjodu, sakemm l-avviż għat-terminazzjoni ma jkunx ingħata mill-anqas disa’ xhur qabel l-iskadenza ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-perjodi.

    Artikolu 20

    Lingwi

    Magħmul fi Brussell f’żewġ kopji, fit-tmienja u għoxrin jum ta’ April 2009, bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Polakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż u r-Russu, u kull test huwa ugwalment awtentiku. F’każ ta’ tilwim it-testi bl-Ingliż u bir-Russu ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu determinanti.

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    På Europeiska gemenskapens vägnar

    За Европейское сообшество

    Image

    Image

    За правителството на Руската федерация

    Por el Gobierno de la Federación de Rusia

    Za vládu Ruské federace

    På regeringen for Den Russiske Føderations vegne

    Für die Regierung der Russischen Föderation

    Venemaa Föderatsiooni valitsuse nimel

    Για την Κυβέρνηση της Ρωσικής Ομοσπονδίας

    For the Government of the Russian Federation

    Pour le gouvernement de la Fédération de Russie

    Per il Governo della Federazione russa

    Krievijas Federācijas valdības vārdā

    Rusijos Federacijos Vyriausybės vardu

    Az Orosz Föderáció részéről

    Għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa

    Voor de regering van de Russische Federatie

    W imieniu rządu Federacji Rosyjskiej

    Pelo Governo da Federação da Rússia

    Pentru Guvernul Federației Ruse

    Za vládu Ruskej federácie

    Za Vlado Ruske federacije

    Venäjän federaation hallituksen puolesta

    För Ryska federationens regering

    За Правителъство Российской Федерации

    Image

    Top