Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0369

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/369/PESK ta’ l- 14 ta' Mejju 2008 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK

ĠU L 127, 15/05/2008, p. 84–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/12/2010; Imħassar b' 32010D0788

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/369/oj

15.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 127/84


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/369/PESK

ta’ l-14 ta' Mejju 2008

dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi

(1)

Wara l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta’ April 2005 tar-Riżoluzzjoni 1596 (2005) (“UNSCR 1596 (2005)”), il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1).

(2)

Fil-31 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1807 (2008) (“UNSCR 1807 (2008)”) li tipprevedi eżenzjonijiet ġodda għall-miżuri restrittivi dwar l-embargo fuq l-armi, l-iffriżar ta’ l-assi u l-projbizzjoni ta’ l-ivvjaġġar, li telenka l-kriterji għall-indikazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skond ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR 1533 (2004)”) ta’ l-individwi u l-entitajiet soġġetti għal iffriżar ta’ l-assi u projbizzjoni ta’ l-ivvjaġġar, u testendi l-miżuri sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(3)

Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti bil-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK u dawk li ser jiġu imposti skond il-UNSCR 1807 (2008) għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed.

(4)

Il-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK għandha għalhekk tiġi revokata.

(5)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   Il-fornitura, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u kwalunkwe materjal relatat ta’ kull tip, direttament jew indirettament, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dak imsemmi qabel lill-entitajiet kollha mhux governattivi u lill-individwi li joperaw fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) minn ċittadini ta’ Stati Membri jew mit-territorji ta’ Stati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew inġenji ta’ l-ajru li jużaw il-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom kif ukoll jekk le.

2.   Għandu wkoll ikun ipprojbit li:

(a)

jingħataw, jinbiegħu, isir forniment jew trasferiment ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ attivitajiet militari u mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta’ rikambju għal dak imsemmi qabel, direttament jew indirettament lill-entitajiet kollha mhux governattivi u lill-individwi kollha li joperaw fit territorju tar-RDK;

(b)

jingħata finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi jew materjal relatat, jew għal kwalunkwe għotja, bejgħ, provvista, jew trasferiment ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RDK, jew għall-użu hemmhekk.

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:

(a)

il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u kwalunkwe materiel relatat jew l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija finanzjarja u servizzi oħrajn relatati ma’ l-armi u materjal relatat maħsubin biss għas-sostenn ta’ jew l-użu mill-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUC);

(b)

il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RDK minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam ta’ l-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(ċ)

il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari non-letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew l-għoti ta’ għajnuna u taħriġ tekniku, relatati ma’ tali tagħmir non-letali.

2.   Il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u ta’ kwalunkwe materjal relatat jew l-għoti ta’ servizzi jew għajnuna u taħriġ tekniku msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħtulill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skond il-UNSCR 1533 (2004) (“Kumitat tas-Sanzjonijiet”) notifika minn qabel ta’ kull kunsinna ta’ armi u materjal relatat għar-RDK, jew b’kull għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjarja, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ attivitajiet militari fir-RDK, minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 (a) u (b). Tali notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, l-utent aħħari, id-data proposta għall-kunsinna u l-itinerarju ta’ kunsinni.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kunsinni taħt il-paragrafu 1 fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kont sħiħ meħud tal-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta’ l-Armi. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji adegwati kontra l-użu ħażin ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtijin skond il-paragrafu 2 u, fejn ikun adatt, jieħdu provvedimenti għar-ripatrijazzjoni ta’ l-armi u l-materjal relatat ikkonsenjati.

Artikolu 3

Miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) kontra l-persuni u, kif ikun adatt, l-entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li ġejjin:

persuni jew entitajiet li jaġixxu bi ksur ta’ l-embargo fuq l-armi u l-miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1,

mexxejja politiċi u militari ta’ gruppi armati barranin li joperaw fir-RDK li jxekklu d-diżarm u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid tal-ġellieda li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi;

mexxejja politiċi u militari ta’ milizzji Kongoliżi li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-ġellieda tagħhom fil-proċessi tad-diżarm, id-demobilitazzjoni u reintegrazzjoni,

mexxejja politiċi u militari li joperaw fir-RDK u jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’konflitti armati bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli,

individwi li joperaw fir-RDK u jwettqu ksur serju tal-liġi internazzjonali li jinvolvi li jkunu mmirati tfal jew nisa f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat, inklużi qtil u mankament, vjolenza sesswali, ħtif u spostament furzat.

Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni msemmijin fl-Artikolu 3.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jiċħad id-dħul taċ-ċittadini tiegħu stess fit-territorju tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

(a)

jiddetermina minn qabel u fuq bażi ta’ każ b’każ li d-dħul jew it-transitu ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju, inkluż obbligu reliġjuż,

(b)

jikkonkludi li eżenzjoni tkun qed tiffavorixxi l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, jiġifieri l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali fir-RDK u l-istabbiltà fir-reġjun,

(ċ)

jawtorizza minn qabel u fuq bażi ta’ każ b’każ it-transitu ta’ individwi li sejrin lura lejn it-territorju ta’ l-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jew li qed jieħdu sehem fi sforzi biex jitressqu lejn il-ġustizzja persuni li wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-liġi umanitarja internazzjonali.

4.   F’każijiet fejn, skond il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, ta’ persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tingħata u għall-persuni konċernati minnha.

Artikolu 5

1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji l-oħrajn u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet msemmijin fl-Artikolu 3 jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati fl-Anness, għandhom ikunu ffriżati.

2.   Fl-ebda każ ma għandhom fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’ fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet ta’ oġġetti ta’ l-ikel, kiri jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, premji ta’ l-assigurazzjoni, u ħlasijiet għal servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u r-rimborż ta’ spejjeż assoċjati ma’ l-għoti ta’ servizzi legali;

(ċ)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizz, skond il-liġi nazzjonali, għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati, jew assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra,

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u approvazzjoni minn dan ta’ l-aħħar;

(e)

is-suġġett ta’ rahan jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, f’liema każ il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dak ir-rahan jew dik is-sentenza dment li r-rahan jew is-sentenza kienu ddaħħlu qabel in-nomina mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-persuna jew l-entità kkonċernata, u m’hix għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 3, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

4.   L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 (a), (b) u (ċ) jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istati Membru konċernat ta’ l-intenzjoni tiegħu li jawtorizza, fejn meħtieġ, l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien erbat ijiem tax-xogħol minn tali notifika.

5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew introjti oħrajn fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew seħħew qabel id-data meta dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi,

dment li kull tali imgħax, qligħ u ħlasijiet oħrajn ikomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 6

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li hemm fl-Anness u jemendaha kif jiġi determinat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 7

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tieħu effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 8

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta, emendata jew revokata kif meħtieġ, kif determinat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 9

Il-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK hija b’dan revokata.

Artikolu 10

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 152, 15.6.2005, p. 22. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2008/179/PESK (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 37).


ANNESS

(a)   Lista ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5

 

Kunjom

Isem

Psewdonimu

Sess

Titolu, funzjoni

Indirizz

(Nru, triq, kodiċi postali, belt, pajjiż)

Data tat-twelid

Post tat-twelid

(belt, pajjiż)

Numru tal-passaport jew ID

(inkluż il-pajjiż fejn inħarġu u d-data u l-post tal-ħruġ)

Ċittadinanza

Data tan-nomina

Informazzjoni oħra

1.

BWAMBALE

Frank Kakolele

Frank Kakorere, Frank Kakorere Bwambale

M

 

 

 

 

 

 

1.11.2005

Il-Mexxej RDK-ML ta’ qabel, eżerċita influwenza fuq linji politiċi u kellu kmand u kontroll fuq l-attivitajiet tal-forzi ta’ l-RDK-ML, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), kien responsabbli għat-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

2.

KAKWAVU BUKANDE

Jérôme

Jérôme Kakwavu

M

 

 

 

 

 

Kongoliża

1.11.2005

Magħruf bħala: ‘Kmandant Jérôme’. Qabel kien President tal-UCD/FAPC. Kontroll ta’ l-FAPC ta’ okkupazzjonijet illegali fuq il-fruntiera bejn l-Uganda u r-RDK - rotta ta’ transitu ewlenija għaċ-ċirkolazzjoni ta’ l-armi. Bħala President ta’ l-FAPC, huwa jeżerċita influwenza fuq linji politiċi u jżomm kmand u kontroll fuq l-attivitatjiet tal-forzi ta’ l-FAPC, li kienu involuti fit-traffikar ta’ l-armi u, konsegwentament, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi. Mogħti l-kariga ta’ Ġeneral fl-FARDC f’Diċembru 2004.

3.

KATANGA

Germain

 

M

 

 

 

 

 

Kongoliża

1.11.2005

Taħt arrest domiċiljari f’Kinshasa minn Marzu 2005 minħabba involviment ta’ l-FRPI f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Konsenjat mill-Gvern tar-RDK lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fit-18 ta’ Ottubru 2007. Kap ta’ l-FRPI. Maħtur Ġeneral fl-FARDC f’Diċembru 2004. Involut fit-trasferimenti ta’ armamenti, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

4.

KAMBALE

Kisoni

Dr Kisoni, Kidubai, Kambale KISONI

M

 

 

24.5.1961

Mulashe, RDK

C0323172

Kongoliża

29.3.2007

Negozjant fid-deheb, sid tal-Butembo Airlines u tal-Congocom Trading House f’Butembo. Miet fil-5 ta’ Lulju 2007 f’Butembo, RDK. Kisoni pparteċipa fil-finanzjament tal-milizja permezz tan-negozju fid-deheb (jixtri mill-FNI u jbigħ lill-Uganda Commercial Impex (UCI Ltd)) u l-kutrabandu mal-fruntiera bejn ir-RDK u l-Uganda. L-appoġġ ta’ Kisoni ta’ grupp armat illegali (FNI) permezz ta’ relazzjoni kummerċjali personali ma’ NJABU (individwu diġà soġġett għal sanzjonijiet taħt ir-riżoluzzjoni 1596 (2005) huwa bi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi tar-riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005).

5.

LUBANGA

Thomas

 

M

 

 

 

Ituri

 

Kongoliża

1.11.2005

Taħt arrest diomiċiljari f’Kinshasa minn Marzu 2005 minħabba involviment tal-UPC/L fi ksur abbużiv tad-drittijiet tal-bniedem. President tal-UPC/L, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), involut fit-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

6.

MANDRO

Khawa Panga

Kawa Panga, Kawa Panga Mandro, Kawa Mandro, Yves Andoul Karim, Mandro Panga Kahwa, Yves Khawa Panga Mandro

M

 

 

20.8.1973

Bunja

 

Kongoliża

1.11.2005

Magħruf bħala: “Kap Kahwa”, “Kawa”. Eks-President tal-PUSIC, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), involut fi traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi. Fil-ħabs f’Bunja mill-04/05 minħabba s-sabotaġġ tal-proċess ta’ paċi ta’ Ituri.

7.

MPAMO

Iruta Douglas

Mpano, Douglas Iruta Mpamo

M

 

Bld Kanyamuhanga 52, Goma

28.12.1965/29.12.1965

Bashali, Masisi/Goma, DRC

(formerly Zaire)

 

Kongoliża

1.11.2005

Ibbażat f’Goma. Sid/Maniġer tal-Compagnie Aérienne des Grands Lacs u tal-Great Lakes Business Company, li l-inġenji ta’ l-ajru tagħhom intużaw biex jipprovdu għajnuna lill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003). Responsabbli wkoll għall-ħabi ta’ informazzjoni taħt forma oħra fuq titjiriet u f’merkanziji apparentament biex jippermetti l-ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

8.

MUDACUMURA

Sylvestre

 

M

 

 

 

 

 

Rwandiża

1.11.2005

Magħruf bħala: “Radja”, “Mupenzi Bernard”, “General Major Mupenzi”. Kmandant ta’ l-FDLR fuq l-art, eżerċeta influwenza fuq linji politiċi u żamm kmand u kontroll ta’ l-attivitajiet tal-forzi tal-FDLR, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), kien involut fit-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

9.

MURWANASHY-AKA

Dr. Ignace

Ignace

M

 

 

14.5.1963

Butera (Rwanda)/Ngoma, Butare (Rwanda)

 

Rwandiża

1.11.2005

Resident fil-Ġermanja. President ta’ l-FDLR, jeżerċeta influwenza fuq linji politiċi u għandu kmand u kontroll fuq l-attivitajiet tal-forzi ta’ l-FDLR, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), involut fit-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

10.

MUSONI

Straton

IO Musoni

M

 

 

6.4.1961

(possibbilment 4.6.1961)

Mugambazi, Kigali, Rwanda

 

Passaport tar-Rwanda li skada fl-10.9.2004

29.3.2007

Resident f’Neuffen, il-Ġermanja. L-ewwel Viċi-President tal-Forces Démocratiques de Libération du Rwanda(FDLR) fl-Ewropa. Permezz tat-tmexxija tiegħu tal-FDLR, grupp armat barrani li jopera fir-RDK, Musoni qiegħed ixekkel id-diżarm u r-ripatrijazzjoni jew is-sistemazzjoni mill-ġdid volontarji ta’ ġellieda li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi, bi ksur tar-Riżoluzzjoni 1649 (2005).

11.

MUTEBUTSI

Jules

Jules Mutebusi, Jules Mutebuzi

M

 

 

 

Kivu tan-Nofs-in-nhar

 

Kongoliża

(Kivu tan-Nofs-in-nhar)

1.11.2005

Attwalment miżmum l-Irwanda. Magħruf bħala: “Kurunell Mutebutsi”. Qabel kien Deputat Kmandant Reġjonali tal-Militari ta’ l-Għaxar MR f’April 2004, kien imkeċċi minħabba nuqqas ta’ dixxiplina u ngħaqad ma’ elementi oħra tar-rinnegat ta’ dak li qabel kien l-RCD-G biex jieħdu l-belt ta’ Bukavu bil-forza f’Mejju 04. Akkużat bir-riċeviment ta’ armamenti barra l-istrutturi ta’ l-FARDC u l-proviżjon ta’ forniment lil gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

12.

NGUDJOLO

Matthieu Cui

Cui Ngudjolo

M

 

 

 

 

 

 

1.11.2005

‘Kurunell’ jew ‘Ġeneral’. Kap tal-persunal ta’ l-FNI u qabel kien Kap tal-persunal ta’ l-FRPI, eżerċita influwenza fuq linji ta’ politika u kellu kmand u kontroll fuq l-attivitajiet tal-forzi ta’ l-FRPI, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), responsabbli għat-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi. Arrestat minn MONUC f’Bunja f’Ottubru 2003.

13.

NJABU

Floribert Ngabu

Floribert Njabu, Floribert Ndjabu, Floribert Ngabu Ndjabu

M

 

 

 

 

 

 

1.11.2005

Arrestat u miżmum taħt arrest f’daru f’Kinshasa minn Marzu 2005 minħabba involviment ta’ l-FNI f’abbużi tad-drittijiet umani. President ta’ l-FNI, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar- Riż. 1493 (2003), involut fit-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

14.

NKUNDA

Laurent

Laurent Nkunda Bwatare, Laurent Nkundabatware, Laurent Nkunda Mahoro Batware, Laurant Nkunda Batware

M

 

 

6.2.1967/2.2.1967

Kivu tat-Tramuntana/Rutshuru

 

Kongoliża

1.11.2005

Attwalment mingħajr post. Deher f’Rwanda u Goma. Magħruf bħala: “Ġeneral Nkunda”. Qabel kien Ġeneral ta’ l-RCD-G. Ingħaqad ma’ elementi oħra tar-rinnigat ta’ l-RCD-G ta’ qabel biex jieħdu Bukavu bil-forza f’Mejju 04. Irċieva armamenti barra l-FARDC fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi.

Fundatur, National Congress for the People’s Defense, 2006; Uffiċjal Anzjan, Rally for Congolese Democracy-Goma (RCD-G), 19982006;Officer Rwandan Patriotic Front (RPF), 1992-1998.

15.

NYAKUNI

James

 

M

 

 

 

 

 

Ugandaniża

1.11.2005

Sħab fil-kummerċ mal-“Kmandant Jerome”, b’mod partikolari f’kuntrabandu fil-fruntiera RDK/Uganda, inkluż kuntrabandu suspettat ta’ armamenti u materjal militari fi trakkijiet mhux imfittxija. Ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi u forniment ta’ għajnuna lil gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż.1493 (2003), inkluż appoġġ finanzjarju li jippermettilhom li joperaw b’mod militari.

16.

OZIA MAZIO

Dieudonné

Ozia Mazio

M

 

 

6.6.1949

Ariwara, DRC

 

Kongoliża

1.11.2005

Magħruf bħala: ‘Omari’, ‘Mr Omari’. President ta’ l-FEC fit-territorju ta’ Aru. Pjanijiet finanzjarji mal-Kmandant Jerome u l-FAPC u traffikar fil-fruntiera RDK/Uganda, li ppermetta d-dispożizzjoni ta’ fornimenti u flus kontanti għall-“Kmandant Jerome” u t-truppi tiegħu. Ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, inkluż il-forniment ta’ għajnuna lil gruppi armati u milizzja msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003).

17.

TAGANDA

Bosco

Bosco Ntaganda, Bosco Ntagenda

M

 

 

 

 

 

Kongoliża

1.11.2005

Magħruf bħala: ‘Terminator’, ‘Maġġur’. Kmandant militari tal-UPC/L, li jeżerċita influwenza fuq linji politiċi u jżomm kmand u kontroll fuq l-attivitajiet tal-UPC/L, wieħed mill-gruppi armati u milizzji msemmija fil-paragrafu 20 tar-Riż. 1493 (2003), involut fit-traffikar ta’ armi, fi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi. Huwa kien maħtur Ġeneral tal-FARDC f’Diċembru 2004 imma rrifjuta li jaċċetta l-promozzjoni, u għalhekk baqa’ barra l-FARDC.


(b)   Lista ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u

 

Isem

Psewdonimu

Indirizz

(Nru, triq, kodiċi postali, belt, pajjiż)

Post tat-twelid

(belt, pajjiż)

Data tar-reġistrazzjoni

Numru tar-reġistrazzjoni

Post prinċipali tan-negozju

Data tan-nomina

Informazzjoni oħra

18.

BUTEMBO AIRLINES (BAL)

 

 

Butembo, RDK

 

 

 

29.3.2007

Kumpanija ta’ l-ajru privata, topera minn Butembo. Kambale Kisoni uża l-kumpanija ta’ l-ajru tiegħu biex jittrasporta deheb ta’ l-FNI, razzjonijiet u armi bejn Mongwalu u Butembo. Dan jikkostitwixxi ‘l-għoti ta’ assistenza’ lil gruppi armati illegali bi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005).

19.

CONGOCOM TRADING HOUSE

 

 

Butembo, RDK

(Tel. +253 (0) 99 983 784)

 

 

 

29.3.2007

Kumpanija tan-negozju fid-deheb f’Butembo. CONGOCOM hija l-proprjetà ta’ Kambale Kisoni. Kisoni jikseb kważi d-deheb kollu li jiġi prodott fid-distrett ta’ Mongbwalu, li huwa kkontrollat mill-FNI. L-FNI jikseb dħul sostanzjali mit-taxxi imposti fuq din il-produzzjoni. Dan jikkostitwixxi ‘l-għoti ta’ assistenza’ lil gruppi armati illegali bi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005).

20.

COMPAGNIE AERIENNE DES GRANDS LACS (CAGL), GREAT LAKES BUSINESS

 

CAGL, Avenue Président Mobutu, Goma, RDK (CAGL għandha wkoll uffiċċju f’Gisenyi, Rwanda); GLBC, PO Box 315, Goma, RDK (GLBC għandha wkoll uffiċċju f’Gisenyi, Rwanda);

 

 

 

 

29.3.2007

CAGL u GLBC huma kumpaniji li huma l-proprjetà ta’ Douglas MPAMO, individwu li huwa diġà soġġett għal sanzjonijiet taħt ir-Riżoluzzjoni 1596 (2005). CAGL u GLBC intużaw għat-trasport ta’ armi u munizzjon bi ksur tar-Riżoluzzjoni ta’ l-embargo ta’ l-armi 1493 (2003) u 1596 (2005).

21.

MACHANGA

 

Kampala, Uganda

 

 

 

 

29.3.2007

Kumpanija ta’ l-esportazzjoni tad-deheb (Direttur: Is-Sur Rajua) MACHANGA xtrat id-deheb permezz ta’ relazzjoni kummerċjali regolari ma’ kummerċjanti fir-RDK li kienu konnessi mill-qrib mal-milizzji. Dan jikkostitwixxi ‘l-għoti ta’ assistenza’ lil gruppi armati illegali bi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005).

22.

TOUS POUR LA PAIX ET LE DEVELOPPEMENT (NGO)

TPD

Goma, Kivu tat-Tramuntana

 

 

 

 

1.11.2005

Implikata fil-ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, billi pprovdiet għajnuna lill-RCD-G, b’mod partikolari billi forniet trakkijiet għat-trasport ta’ armi u truppi, u anke billi ttrasportat armi għad-distribuzzjoni, lil partijiet tal-popolazzjoni f’Masisi u Rutshuru, Kivu tat-Tramuntana, fil-bidu ta’ l-2005.

23.

UGANDA COMMERCIAL IMPEC (UCI) LTD

 

Kajoka Street,

Kisemente Kampala, Uganda

(Tel. +256 41 533 578/9);

indirizz alternattiv: PO Box 22709, Kampala, Uganda

 

 

 

 

29.3.2007

Kumpanija ta’ l-esportazzjoni tad-deheb f’Kampala. UCI xtrat id-deheb permezz ta’ relazzjoni kummerċjali ma’ kummerċjanti fir-RDK li kienu konnessi mill-qrib mal-milizzji. Dan jikkostitwixxi ‘l-għoti ta’ assistenza’ lil gruppi armati illegali bi ksur ta’ l-embargo ta’ l-armi, tar-Riżoluzzjonijiet 1493 (2003) u 1596 (2005).


Top