Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0463

Id-Deċiżjoni tal-kunsill tat-13 ta'Ġunju 2002 li tadotta programm ta' azzjoni għal koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni (programm ARGO)

ĠU L 161, 19/06/2002, p. 11–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/463/oj

32002D0463



Official Journal L 161 , 19/06/2002 P. 0011 - 0015


Id-Deċiżjoni tal-kunsill

tat-13 ta'Ġunju 2002

li tadotta programm ta' azzjoni għal koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni (programm ARGO)

(2002/463/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) Koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri f'oqsma taħt l-Artikoli 62 u 63 tat-Trattat hija parti mill-għan tal-Komunità li tistabbilixxi progressivament żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2) L-Azzjoni Konġunta 98/244/JHA tad-19 ta' Marzu 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, li tintroduċi programm ta' taħriġ, skambju u koperazzjoni fil-qasam ta' l-asil, immigrazzjoni u dħul mill-fruntieri esterni (programm Odysseus) [3] issa ġiet fit-tmiem minħabba li l-allokazzjoni tal-budget inħliet fl-2001.

(3) Ir-responsabbilità għall-kontroll fil-fruntieri esterni ta' l-UE ser issir dejjem aktar importanti issa li tkabbir sinnifikanti ta' l-Unjoni hu skedat għall-perjodu meta l-koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil, u l-immigrazzjoni (ARGO) tkun qegħda taħdem. Għalhekk, ARGO għandha titqies biss bħala prekursur għal aktar attivitajiet estensivi f'dan il-qasam.

(4) Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, f'komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-aġġornament biennali tal-kwadru ta' kontroll sabiex tirrevedi l-progress dwar il-ħolqien ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (l-ewwel nofs ta' l-2001), il-Kumissjoni ddefiniet programm leġislattiv ambizzjuż li għandu jwassal għal korp ġdid ta' regoli tal-Komunità fil-qasam tal-ġustizzja u intern li jrid jiġi implimentat mill-Istati Membri.

(5) Tista' tinħoloq uniformità fil-prassi ta' l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità billi tissaħħaħ il-koperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali, u bejn dawn l-aġenziji u l-Kummissjoni.

(6) Azzjoni individwali minn kull amministrazzjoni ma tistax tilħaq dawn ir-riżultati. Għalhekk huwa neċessarju li jinħoloq qafas Komunitarju għal ftehim reċiproku aħjar bejn l-aġenziji nazzjonali kompetenti u l-mod ta' kif huma jimplimentaw il-liġi relevanti tal-Komunità, u sabiex jiġu definiti setturi ta' priorità fejn koperazzjoni amministrattiva hija neċessarja.

(7) Taħriġ ta' livell għoli ta' kwalità ekwivalenti madwar il-Komunità huwa neċessarju sabiex jiġi garantit is-suċċess ta'dan il-programm ta' azzjoni, filwaqt li jittieħed l-aħjar vantaġġ mill-esperjenza akkwistata mill-programm Odysseus.

(8) L-implimentazzjoni ta' programm ta' azzjoni Komunitarju tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi l-aktar effettivi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u għandha tipprovdi bażi għall-Kummissjoni sabiex tivvaluta jekk il-ħolqien ta' istituzzjoni komuni għat-taħriġ tkunx mezz adattat għat-titjib fit-taħriġ fil-liġi tal-Komunità li jingħata lill-persunal ta' l-Istati Membri.

(9) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tiddisponi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [4].

(10) L-azzjoni taħt dan il-programm għandha tkun komplimentari għal u kordinata ma' attivitajiet oħrajn ta' koperazzjoni u taħriġ ffinanzjati mill-budget tal-Komunità.

(11) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka m'hijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għalhekk m'hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit għamel notifika, permezz ta' ittra tad-29 ta' Jannar 2002, fejn juri x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(13) Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda m'hijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, id-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ma japplikawx għall-Irlanda.

(14) F'din id-Deċiżjoni huwa inkluż, għat-tul kollu tal-programm, valur ta' referiment finanzjarju fis-sens tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999 dwar id-dixxiplina fil-budget u t-titjib fil-proċedura tal-budget [5], mingħajr ma jiġu affettwati l-poteri ta' l-awtorità għall-budget hekk kif definiti fit-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET PRELIMINARI

Artikolu 1

Suġġett u tul.

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja msejjaħ "programm ARGO" sabiex jappoġġa u jikkomplementa l-azzjonijiet meħuda mill-Komunità u mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità mwaqqaf skond l-Artikoli 62, 63 and 66 tat-Trattat.

Il-programm ARGO għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni "aġenziji nazzjonali" tfisser l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istati Membri jew korpi delegati minn dawk l-awtoritajiet sabiex jimplimentaw il-liġi tal-Komunità mwaqqfa fuq l-Artikoli 62 u 63 tat-Trattat u fuq l-Artikolu 66 tat-Trattat f'dak li jikkonċerna koperazzjoni bejn aġenziji nazzjonali f'oqsma koperti bl-imsemmija l-Artikoli 62 u 63.

Artikolu 3

Għanijiet ġenerali

Il-programm ARGO għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet segwenti:

(a) sabiex iħeġġeġ koperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Komunità b'attenzjoni speċjali għall-ġbir komuni tar-riżorsi u prassi kordinata u omoġenja;

(b) sabiex iħeġġeġ implimentazzjoni uniformi tal-liġi tal-Komunità sabiex ikunu armonizzati d-deċiżjonijiet li jieħdu l-aġenziji nazzjonali ta' l-Istati Membri, u b'hekk jiġi evitat funzjonament ħażin li jista' jippreġudika l-istabbiliment progressiv taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

(ċ) sabiex titjib l-effiċjenza ġenerali ta' l-aġenziji nazzjonali fil-qadi tal-kompiti tagħhom fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Komunità;

(d) sabiex jiġi żgurat li fl-organizzazzjoni ta' l-aġenziji nazzjonali li jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità qiegħed jittieħed kont tad-dimensjoni Komunitarja;

(e) sabiex tiġi inkoraġġata trasparenza fl-azzjonijiet mittieħda mill-aġenziji nazzjonali billi jissaħħu r-relazzjonijiet ma' l-organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi nazzjonali u internazzjonali relevanti.

KAPITOLU II

ATTIVITAJIET KOPERTI BL-ARGO

Artikolu 4

Attivitajiet fil-qasam tal-fruntieri esterni

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 3, il-programm ARGO għandu jappoġġa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-fruntieri esterni maħsuba:

(a) sabiex jiġi żgurat illi l-Istati Membri jipprovdu kontroll tal-fruntieri skond il-prinċipji komuni u jimplimentaw regoli stabbiliti fil-liġi tal-Komunità;

(b) sabiex jiġ provdut livell ekwivalenti ta' protezzjoni effikaċi u sorveljanza fil-fruntieri esterni;

(ċ) sabiex tiġi msaħħa l-effikaċja tal-kontrolli tal-punti fejn tinqasam il-fruntiera u sorveljanza bejn dawn il-punti.

Artikolu 5

Attivitajiet fil-qasam tal-viżi

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 3, il-programm ARGO jappoġġa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-viżi maħsuba:

(a) sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri joħorġu viżi skond il-prinċipji komuni u jimplimentaw r-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Komunità;

(b) sabiex jippromovu livell ekwivalenti ta' kontroll u sigurtà meta jinħarġu l-viżi;

(ċ) sabiex jippromovu armonizzazzjoni fl-eżami ta' l-applikazzjoni għall-viża u b'mod partikolari d-dokumenti ta' sostenn dwar l-għan tal-vjaġġ, mezzi ta' sosteniment u akkomodazzjoni;

(d) sabiex jippromovu armonizzazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet applikati mill-Istati Membri għal xi kategoriji ta' applikanti għall-viżi sabiex jiġu faċilitati l-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-libertà ta' moviment bejn l-Istati Membri;

(e) b'mod ġenerali sabiex titjib il-koperazzjoni kosulari bejn l-Istati Membri.

Artikolu 6

Attivitajiet fil-qasam ta' l-asil

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 3, il-programm ARGO jappoġġa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-asil maħsuba:

(a) sabiex jippromovu l-ħolqien u t-tħaddim ta' sistema komuni Ewropea ta' asil billi jappoġġa miżuri u standards li jwasslu gġal proċedura komuni ta' asil u status uniformi li jkun validu madwar il-Komunità għal dawk li jingħatalhom asil;

(b) sabiex tiġi faċilitata l-għażla ta' l-Istat responsabbli għall-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-asil;

(ċ) sabiex jappoġġaw l-approssimazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-kontenut ta' l-istatus ta' refuġjat, flimkien ma' miżuri dwar forom sussidjarji ta' protezzjoni li toffri status xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta' din il-protezzjoni;

(d) sabiex tissaħħaħ l-effiċenza u l-ġustizzja tal-proċedura ta' l-asil u biex tiżdied il-konverġenza f'deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-asil;

(e) sabiex jiġu żviluppati fiċilitajiet għar-riadattament u d-dħul, u mezzi legali għall-ammissjoni fl-Istati Membri fuq raġunijiet umanitarji.

Artikolu 7

Attivitajiet fil-qasam ta' l-immigrazzjoni

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 3, il-programm ARGO jappoġġa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-immigrazzjoni maħsuba:

(a) sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri joħorġu permessi ta' residenza u tax-xogħol skond il-prinċipji komuni u li jimplimentaw r-regoli stabbiliti bil-liġi tal-Komunità;

(b) sabiex jippromovu t-tagħrif tar-regoli dwar il-permessi ta' residenza u tax-xogħol ghaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi;

(ċ) sabiex jinkoraġixxu l-verifika ta' l-effetti u l-perċezzjoni tal-politika dwar l-immigrazzjoni tal-Komunità fil-pajjiżi ta' l-oriġini ta' l-immigranti;

(d) sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva, effikaċi u omogenja tar-regoli komuni relevanti u tal-politika dwar il-flussi migratorji irregolari u l-immigrazzjoni illegali filwaqt li jiġi mħares livell suffiċjenti ta' aċċess għal protezzjoni internazzjonali;

(e) sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam ta' ripatrijazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni bla Stat li m'għandhomx permess ta' residenza u ta' dawk li l-applikazzjoni tagħhom għall-asil ma ntlaqgħetx, li tinkludi transitu minn Stati Membri oħrajn u pajjiżi terzi;

(f) sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra n-networks ta' immigrazzjoni illegali kif ukoll il-prevenzjoni ta' flussi illegali ta' immigranti.

Artikolu 8

Tip ta' azzjoni

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 3 u l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6 jew 7, il-programm ARGO jista' jappoġġa t-tip ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a) azzjonijiet ta' taħriġ li jinkludu, b'mod partikolari, l-elaborazzjoni ta' curricula armonizzati, u programmi komuni ta' taħriġ li għandhom jiġu organizzati mill-aġenziji nazzjonali u azzjonijiet kumplimentari bl-għan li jagħmlu l-aġenziji nazzjonali aktar riċettivi għall-aħjar metodi ta' ħidma u metodi ta' teknika żviluppati fi Stati Membri oħrajn;

(b) bdil ta' ħaddiema bejn l-aġenziji, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema magħżula jipparteċipaw b'mod effettiv fix-xogħol ta' l-aġenziji nazzjonali li jospitawhom;

(ċ) azzjonijiet li jippromovu, minn naħa, it-trattament kompjeturizzat tal-fajls u tal-proċeduri, inkluż l-użu ta' teknika l-aktar reċenti għat-tibdil ta' data elettronika u, min-naħa l-oħra, il-ġbir, l-analiżi, t-tqassim u l-użu ta' l-informazzjoni filwaqt li jsir l-aħjar użu tat-teknoloġija ta' l-informatika, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' punti ta' informazzjoni u websites;

(d) evalwazzjoni ta' l-impatt tar-regoli u proċeduri komuni bbażati fuq l-Artikoli 62 u 63 tat-Trattat;

(e) azzjonijiet intiżi sabiex jippromovu l-iżvilupp ta' l-aħjar prassi bil-ħsieb li jitjibu l-metodi tax-xogħol u ta' l-apparat, jiġu simplifikati l-proċeduri u jiqsaru t-termini perentorji;

(f) attivitajiet operazzjonali li jistgħu jinkludu t-twaqqif ta' ċentri ta' ġidma komuni u ta' skwadri magħmulin minn ħaddiema minn żewġ jew aktar Stati Membri;

(g) studji, riċerka, konferenzi, u seminars li jinvolvu ħaddiema ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni u, possibilment, ħaddiema ta' l-organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi nazzjonali u internazzjonali relevanti;

(h) mekkaniżmi għal konsultazzjoni u assoċjazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi nazzjonali u internazzjonali relevanti;

(i) l-attivitajiet ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari missjonijiet għat-tfittxija ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' l-oriġini u ta' transitu;

(j) il-ġlieda kontra frodi dokumentali.

Artikolu 9

Azzjonijiet Speċifiċi

Modi oħrajn ta' koperazzjoni bejn aġenziji nazzjonali fl-oqsma ta' politika koperti bl-Artikoli 62 u 63 tat-Trattat, b'mod partikolari operazzjonijiet konġunti urġenti u azzjonijiet ta' ambitu u tul limitat li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet li jirrikjedu reazzjoni immedjata, jistgħu jiġu inklużi fil-qafas tal-programm ARGO. Il-programm ta' xogħol annwali imsemmi fl-Artikolu 12 għandu joħloq qafas għall-finanzjament ta' dawn l-azzjonijiet speċifiċi li jinkludu objettivi u kriterji ta' evalwazzjoni.

IL-KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI, AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 10

Eliġibilità

1. Sabiex ikunu eliġibbli għall-ko-finanzjament taħt il-programm ARGO, l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 8 u proposti minn xi aġenzija nazzjonali ta' Stat Membru jridu:

(a) jinvolvu:

- mill-inqas żewġ Stati Membri oħrajn, jew

- Stat Membru ieħor pajjiż kandidat, fejn l-għan huwa li jipprepara għall-adeżjoni tiegħu, jew

- Stat Membru u pajjiżi terz, jekk dan ikun ta' benefiċċju għall-għan ta' l-azzjoni proposta;

(b) jsegwu wieħed mill-għanijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 3;

(ċ) jimplimentaw waħda mill-attivitajiet fil-qasam ta' politika rispettiva msemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 jew 7.

2. Azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 8 jistgħu jgħaqqdu parteċipanti minn aġenziji nazzjonali ta' kull Stat Membru li m'humiex marbuta b'din id-deċiżjoni.

3. Azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni se jippromovu u jiffaċilitaw il-koperazzjoni skond l-għanijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 u jappoġġaw attivitajiet fil-qasam ta' politika rispettiva msemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7.

Artikolu 11

Finanzjament

1. Il-valur ta' riferiment finanzjarju għall-finanzjament tal-programm ARGO se jkun ta' EUR 25 miljun.

2. L-approprjazzjonijiet ta' kull sena għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità għall-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. Azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) min-naħa u azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 10(3) min-naħa l-oħra għandhom jirċievu porzjon xieraq mill-ammont annwali.

4. Il-ko-finanzjament ta' l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) mill-programm ARGO teskludi l-finanzjament ta' l-istess azzjoni minn xi programm ieħor ffinanzjat mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) għandhom ikunu soġġetti għal ftehim dwar konċessjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali li jipproponu l-azzjoni. Id-deċiżjonijiet finanzjarji u l-kuntratti li joħorġu minnhom għandhom ikunu soġġetti għal kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni u għall-verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri.

6. Il-proporzjon ta' għajnuna finanzjarja mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) ġeneralment m'għandhux jeċċedi s-60 % ta' l-infiq għall-azzjoni. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali dan il-proporzjon jista' jitla' sa 80 %.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ARGO, flimkien ma' l-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni għandha tamministra il-programm ARGO skond ir-Regolament Finanzjarju.

3. Sabiex timplimenta il-programm ARGO, il-Kummissjoni għandha, fit-termini ta' l-għħanijiet prinċipali mniżżla fl-Artikolu 3:

(a) tipprepara ta' kull sena programm ta' ħidma li jinkludi għanijiet speċifiċi, prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 10(3) li l-Kummissjoni tistenna li tieħu u jekk ikun neċessarju, lista ta' azzjonijiet oħrajn;

(b) tevalwa u tagħżel l-azzjonijiet proposti mill-aġenziji nazzjonali.

4. Il-programm ta' ħidma ta' kull sena u l-azzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 9 kif ukoll azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2). Il-lista ta' l-azzjonijiet magħżula għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3).

5. Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel l-azzjonijiet proposti mill-aġenziji nazzjonali fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(a) konformità mal-programm ta' ħidma ta' kull sena, l-għanijiet ġenerali kif imniżżla fl-Artikolu 3 u l-attivitajiet fil-qasam tal-politika rispettiva hekk kif imniżżla fl-Artikoli 4, 5, 6 jew 7;

(b) id-dimensjoni Ewropea ta' l-azzjoni proposta u/jew l-ambitu tal-parteċipazzjoni ta' pajjiż kandidat;

(ċ) il-kompatibilità max-xogħol mibdi jew ppjanat fil-qafas tal-prijoritajiet politiċi tal-Komunità fl-oqsma koperti bl-Artikoli 62 u 63;

(d) il-kompatibilità ma' azzjonijiet ta' koperazzjoni amministrattiva tal-passat, tal-preżent jew tal-futur;

(e) il-kapaċità ta' l-aġenziji nazzjonali li jimplimentaw l-azzjoni proposta;

(f) il-kwalità inerenti ta' l-azzjoni proposta f'termini ta' l-oriġini tagħha, organizzazzjoni, presentazzjoni u riżultati mistennija;

(g) l-ammont ta' appoġġ rikjest taħt il-programm ARGO u l-proporzjonalità mar-riżultati mistennija;

(h) l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-għanijiet ġenerali hekk kif previsti fl-Artikolu 3 u fuq l-attivitajiet fil-qasam ta' politika rispettiva kif previst fl-Artikoli 4, 5, 6 jew 7.

IL-KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 13

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat ARGO".

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4. Il-Kumitat ARGO għandu jadotta hu stess r-regoli ta' proċedura tiegħu.

5. Il-Kummissjoni tista' tistieden rappreżentanti mill-pajjiżi kandidati għal laqgħat informattivi wara l-laqgġat tal-Kumitat ARGO.

Artikolu 14

Kontroll u evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-programm ARGO fuq bażi kontinwa.

2. Ta' kull sena l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programm ARGO.

Ir-rapport għandu janalizza il-progress magħmul u għandu jkun fih, fejn ikun neċessarju, proposti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni omoġenja fl-Istati Membri tal-liġi tal-Komunità bbażata fuq l-Artikoli 62 u 63 of tat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-ewwel rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2003 u l-aħħar rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 15

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta'Ġunju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Rajoy Brey

[1] ĠU C 25 E, tad-29.1.2002, p. 526.

[2] Opinjoni mogħtija fid-9 ta' April 2002 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 99, tal-31.03.98, p. 2.

[4] ĠU L 184, tas-17.07.99, p. 23.

[5] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

Top