Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R0552

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 ta' l-24 ta' Marzu 1997 li jirtira temporanjament l-aċċess għall-preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati mill-Unjoni ta' Mjanmar

    ĠU L 85, 27/03/1997, p. 8–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/06/2012; Imħassar b' 32013R0607

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/552/oj

    31997R0552



    Official Journal L 085 , 27/03/1997 P. 0008 - 0009


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97

    ta' l-24 ta' Marzu 1997

    li jirtira temporanjament l-aċċess għall-preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati mill-Unjoni ta' Mjanmar

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3281/94 tad-19 ta' Diċembru 1994 li japplika skema ta' erba’ snin fuq il-preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati (1995 sal-1998) dwar ċerti prodotti industrijali li joriġinaw minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 li japplika skemi multiannwali ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati mill-1 ta' Lulju 1996 sat-30 ta' Ġunju 1999 fir-rigward ta' ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [4],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [5],

    Billi skond ir-Regolament (KE) Nru 3281/94 u r-Regolament (KE) Nru 1256/96 l-Unjoni tal-Mjanmar (minn hawn 'il quddiem riferita bħala "Mjanmar") hija benefiċjarja ta' preferenzi ta' tariffi ġenerali;

    Billi l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 3281/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1256/96 jipprovdu illi l-preferenzi in kwestjoni jistgħu jiġu rtirati temporanjament, totalment jew parzjalment, fiċ-ċirkostanzi inkluża l-prattika ta' kull forma ta' ħidma sfurzata kif definita fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-25 ta' Settembru 1926 u s-7 ta' Settembru 1956 u l-Konvenzjonijiet ta' l-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema (ILO) Konvenzjonijiet Nri 29 u 105;

    Billi fis-7 ta' Ġunju 1995 il-Konfederazzjoni Internazzjonali dwar il-Unions Ħielsa (ICFTU) u l-Konfederazzjoni ta' l-Unions Ewropej (ETUC) għamlu talba flimkien lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 3281/94 u saqsew biex il-Mjanmar jitneħħa temporanjament mill-iskema ta' preferenzi ta' tariffi ġenerali tal-Komunità minħabba l-użu tiegħu ta' ħidma sfurzata;

    Billi fit-2 ta' Jannar 1997 l-ICFTU u l-ETUC avżaw lil-Kummissjoni illi kienu qegħdin jestendu l-iskop ta' l-ilment konġunt li ġie presentat taħt ir-Regolament (KE) Nru 3281/94, bil-għan illi jiksbu l-irtirar tad-dritt preferenzjali tal-Mjanmar ukoll taħt ir-Regolament (KE) Nru 1256/96;

    Billi l-Kummissjoni eżaminat it-talba tas-7 ta' Ġunju 1995 b'konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Preferenzi Ġeneralizzati; billi l-evidenza li ġiet imressqa mill-kwerelanti ġiet ġudikata bħala suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta' investigazzjoni, u billi l-Kummissjoni ddeċiedet b'Avviż tas-16 ta' Jannar 1996 [6] illi għandha ssir investigazzjoni;

    Billi l-awtoritajiet tal-Mjanmar kienu avżati formalment bil-ftuħ ta' l-investigazzjoni; billi huma ċaħdu illi l-prattiċi msemmijin fit-talba kienu jammontaw għal ħidma sfurzata, billi ċċitaw l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta' l-OHI Nru 29, u talbu illi dawk l-eċċezzjonijiet koperti mill-Att ta' l-Ibliet ta' l-1907 u l-Att ta' l-Irħula ta' l-1908, li jippermettu li l-popolazzjoni tiġi mġiegħla li twettaq xogħolijiet u servizzi; billi dik l-interpretazzjoni ġiet sfidata mill-ILO, li l-organi kompetenti tagħha sejħu għat-tneħħija immedjata tal-liġijiet imsemmijin sabiex jassiguraw il-konformità mal-kliem kif ukoll ma’ l-ispirtu tal-Konvenzjoni Nru 29;

    Billi l-istqarrijiet bil-kitba u bil-fomm miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni mmexxija b'konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Preferenzi Ġeneralizzati jikkonfermaw l-allegazzjonijiet li fit-talba; billi rrisulta illi l-awtoritajiet fil-Mjanmar għamlu użu ta' ħidma sfurzata fuq bażi regolari, mhux biss għal operazzjonijiet militari imma wkoll għal proġetti ta' bini ta' l-infrastruttura pajżana u militari, sostenut b'saħħa u l-ordnijiet vjolenti frekwenti;

    Billi, sabiex tfittex li żżid ma’ l-informazzjoni li kienet ġabret matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Mjanmar biex jikkoperaw ma’ dik l-investigazzjoni billi jħallu skwadra li tiġbor il-fatti tidħol fil-pajjiż; billi din it-talba ġiet miċħuda u peress illi l-kondizzjonijiet fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 3281/94 huma għalhekk sodisfatti, is-sejbiet ta' l-investigazzjoni jistgħu jiġu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli;

    Billi l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-ewwel talba mill-KIUH u l-KUE u l-konklużjonijiet li jirriżultaw huma wiesgħin biżżejjed fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jipprovdu bażi valida biex tiġi eżaminata t-talba estiża magħmula minn dawk l-organizzazzjonijiet fit-2 ta' Jannar 1997, b'tali mod li ma baqgħetx meħtieġa investigazzjoni speċifika tas-settur agrikolu; billi l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1256/96 għalhekk intlaħqu u l-kundizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 11(5) ta' dak ir-Regolament twettqu;

    Billi l-informazzjoni disponibbli għalhekk tipprovdi raġunijiet biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi illi l-irtirar ta' l-aċċess tal-Mjanmar għall-iskema ta' preferenzi ġeneralizzati li huwa eliġibbli għalihom huwa ġustifikat;

    Billi s-sejbiet ta' l-investigazzjoni ġew irrappurtati lill-Kumitat ta' Preferenzi Ġenerali skond l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 3281/94;

    Billi l-fatt illi l-prattiċi kkundannati kienu ta' rutina u mifruxin ifisser illi l-irtirar totali ta' l-aċċess għall-arranġamenti huwa ġustifikat;

    Billi fid-dawl ta' dak kollu li ntqal hawn fuq, il-preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati applikabbli għal prodotti industrijali u agrikoli li joriġinaw fil-Mjanmar għandhom jiġu rtirati temporanjament sakemm jiġi stabbilit li l-prattiċi in kwestjoni jkunu ntemmu;

    Billi oġġetti li jkunu laħqu ntbagħtu lejn il-Komunità Ewropea għandhom ikunu esklużi minn dan l-irtirar ta' preferenzi, sakemm ikunu ntbagħtu qabel id-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-aċċess ta' l-Unjoni tal-Mjanmar għall-preferenzi ta' tariffi mogħti mir-Regolament (KE) Nru 3281/94 u r-Regolament (KE) Nru 1256/96 qiegħed jiġi temporanjament irtirat.

    Artikolu 2

    Il-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kwalifikata, u fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jtemm l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' rapport tal-Kummissjoni dwar il-ħidma sfurzata fil-Mjanmar, li juri illi l-prattiċi msemmija fl-Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż tar-Regolament (KE) Nru 3281/94 u l-Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż tar-Regolament (KE) Nru 1256/96 li kkawżaw l-irtirar ta' l-aċċess ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati mill-Mjanmar m'għadhomx jeżistu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    M'għandux japplika għal prodotti meta jiġi pruvat li dawn ikunu intbagħtu lejn il-Komunità Ewropea qabel dik id-data.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Brussel, fl-24 ta' Marzu 1997.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. Van Mierlo

    [1] ĠU L 348, tat-31.12.1994, p.1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2948/95 (ĠU L 308, tal-21.12.1995, p. 32).

    [2] ĠU L 160, tas-29.6.1996, p.1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2448/96 (ĠU L 333, tal-21.12.1996, p. 12).

    [3] ĠU C 35, ta' l-4.2.1997, p. 14 uĠU C 80, tat-13.3.1997, p. 18.

    [4] Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Marzu 1997 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [5] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Frar 1997 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [6] ĠU C 15, ta' l-20.1.1996, p. 3.

    --------------------------------------------------

    Top