Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats
Dokument 62022CJ0076
Judgment of the Court (Third Chamber) of 17 October 2024.#QI v Santander Bank Polska S.A.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Directive 2014/17/EU – Credit agreements for consumers relating to residential immovable property – Article 25(1) – Early repayment – Consumer’s right to a reduction in the total cost of the credit – Article 4(13) – Concept of ‘total cost of the credit to the consumer’ – Costs that are dependent on the duration of the contract – Commission for granting the credit payable when concluding the contract – Methodology for calculating the reduction.#Case C-76/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2024.
QI vs Santander Bank Polska S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2014/17/UE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati ma’ proprjetajiet immobbli residenzjali – Artikolu 25(1) – Rimbors antiċipat – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu – Il-punt 13 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ – Spejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt – Kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu pagabbli waqt il-konklużjoni tal-kuntratt – Metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis.
Kawża C-76/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2024.
QI vs Santander Bank Polska S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2014/17/UE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati ma’ proprjetajiet immobbli residenzjali – Artikolu 25(1) – Rimbors antiċipat – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu – Il-punt 13 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ – Spejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt – Kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu pagabbli waqt il-konklużjoni tal-kuntratt – Metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis.
Kawża C-76/22.
ECLI-nummer: ECLI:EU:C:2024:890
*A9* Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie, postanowienie z dnia 05/02/2022 (akt II C 2818/20 upr)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
17 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2014/17/UE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati ma’ proprjetajiet immobbli residenzjali – Artikolu 25(1) – Rimbors antiċipat – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu – Il-punt 13 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ – Spejjeż li ma humiex dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt – Kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu pagabbli waqt il-konklużjoni tal-kuntratt – Metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis”
Fil-Kawża C‑76/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Wola, il-Polonja), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
QI
vs
Santander Bank Polska S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen (Relatur), M. Gavalec u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal QI, minn M. Żmuda Trzebiatowski, adwokat, |
|
– |
għal Santander Bank Polska S.A., minn M. Wojcieszak, adwokat, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, S. Šindelková u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Cunha u L. Medeiros, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, U. Małecka u P. Ondrůšek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn QI, bħala konsumatur, u Santander Bank Polska S.A. dwar il-portata tat-tnaqqis tal-ispiża totali ta’ kreditu immobiljari residenzjali wara r-rimbors antiċipat tiegħu minn QI. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/48/KE
|
3 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Radd lura antiċipat”, jipprevedi: “1. Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt. 2. Fil-każ ta’ radd lura antiċipat ta’ kreditu, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens ġust u ġustifikat b’mod oġġettiv għal spejjeż possibbli direttament marbuta ma’ radd lura antiċipat ta’ kreditu u dan sakemm tali radd lura antiċipat jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self hija fissa. Tali kumpens ma jistax jaqbeż il-1 % ta’ l-ammont ta’ kreditu li jkun intradd lura antiċipatament, jekk il-perijodu ta’ żmien bejn ir-radd lura antiċipat u t-tmiem miftiehem tal-ftehim ta’ kreditu jaqbeż is-sena. Jekk il-perijodu ma jaqbiżx is-sena, il-kumpens ma jistax jaqbeż 0,5 % ta’ l-ammont ta’ kreditu li jkun intradd lura antiċipatament. […] 4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li:
[…]” |
Id‑Direttiva 2014/17
|
5 |
Il-premessi 15, 50 u 66 tad-Direttiva 2014/17 jipprevedu:
[…]
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevdi: “Din id-Direttiva tistipula qafas komuni għal ċerti aspetti ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti li jkopru l-kreditu għal konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà immobbli residenzjali, inkluż obbligu li ssir valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur qabel ma jingħata kreditu, bħala bażi għall-iżvilupp ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni effettivi b’rabta ma’ proprjetà residenzjali immobbli fl-Istati Membri, u għal ċerti rekwiżiti prudenzjali u superviżorji, inkluż għall-istabbiliment u s-superviżjoni tal-intermedjarji tal-kreditu, rappreżentanti maħtura u istituzzjonijiet mhux tal-kreditu.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, iforni lill-konsumatur l-informazzjoni personalizzata meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu:
2. L-informazzjoni personalizzata msemmija fil-paragrafu 1, bil-miktub jew b’mezz durabbli ieħor, għandha tingħata permezz tal-[Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (FEIS)] kif stipulat fl-Anness II. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Ħlas lura antiċipat”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt. 2. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-tħaddim tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew skont il-mument li fih il-konsumatur iħaddem id-dritt, jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi jitħaddem id-dritt. 3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ġust u oġġettiv, fejn ġustifikat, għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-ripagament antiċipat tal-kreditu iżda m’għandhomx jimponu penali fuq il-konsumatur. F’dak ir-rigward, il-kumpens m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur. Filwaqt li jitħarsu dawk il-kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-kumpens ma jistax jaqbeż ċertu livell jew ikun permess biss għal ċertu perijodu ta’ żmien. 4. Fejn konsumatur ifittex li jeħles mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi l-kuntratt, il-kreditur għandu jagħti lill-konsumatur mingħajr dewmien wara li jkun irċieva t-talba, bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor, l-informazzjoni meħtieġa biex jikkunsidra din l-alternattiva. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tikkwantifika l-implikazzjonijiet għall-konsumatur tal-ħelsien mill-obbligi tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu u tistipula b’mod ċar kwalunkwe preżunzjoni użata. Kwalunkwe preżunzjoni użata għandha tkun raġonevoli u ġustifikabbli. 5. Fejn il-ħlas lura antiċipat isir f’perjodu meta r-rata tal-imgħax tas-self tkun fissal-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur.” |
Id‑dritt Pollakk
|
10 |
L-Artikolu 29 tal-ustawa o kredycie hipotecznym oraz o nadzorze nad pośrednikami kredytu hipotecznego i agentami (il-Liġi dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-Kontroll fuq l-Intermedjarji ta’ Kreditu Ipotekarju u l-Aġenti), tat‑23 ta’ Marzu 2017 (Dz. U. tal‑2017, pożizzjoni 819), jipprevedi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu: “Il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju għandu jispeċifika l-elementi […] u t-tariffi u spejjeż oħra marbuta mal-għoti tal-kreditu ipotekarju, inklużi l-ispejjeż tal-eżami tat-talba għal kreditu, it-tħejjija u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-emenda tagħhom.” |
|
11 |
L-Artikolu 39(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Fil-każ ta’ rimbors kollu tal-kreditu ipotekarju qabel id-data stabbilita fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, l-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju għandha titnaqqas bl-interessi u bl-ispejjeż l-oħra tal-kreditu ipotekarju għall-perijodu li jikkorrispondi għat-tul li jibqa’ tal-kuntratt, anki jekk il-konsumatur ikun sostnihom qabel dan ir-rimbors.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Fil‑15 ta’ Settembru 2017, QI kkonkludiet mal-predeċessur legali ta’ Santander Bank Polska kuntratt ta’ kreditu immobiljari fl-ammont ta’ 106600 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 24600). |
|
13 |
Dan il-kreditu ngħata għal perijodu ta’ 360 xahar u ġie rrilaxxat fis‑26 ta’ Settembru 2017. Il-kuntratt kien jipprevedi kummissjoni marbuta mal-għoti tal-imsemmi kreditu, pagabbli mal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u li tikkorrispondi għal 2.50 % tal-ammont tal-istess kreditu, jiġifieri PLN 2600 (madwar EUR 600), li kien indikat bħala element tal-ispiża totali tal-kreditu immobiljari. |
|
14 |
Fl‑4 ta’ April 2019, jiġifieri 19‑il xahar wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, QI rrimborsat dan il-kreditu kollu. Għalhekk din qieset li Santander Bank Polska kellha tirrimborsaha l-kummissjoni marbuta mal-għoti tal-imsemmi kreditu fl-ammont ta’ PLN 2 462.78 (madwar EUR 570), li jikkorrispondi għat-tul residwu tal-istess kreditu, jiġifieri 341 xahar. |
|
15 |
Huwa f’dan is-sens li QI ressaq ilment quddiem Santander Bank Polska. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020, din tal-aħħar ċaħdet dan l-ilment u rrifjutat li tirrimborsa l-kummissjoni inkwistjoni. |
|
16 |
QI ressqet kawża quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Wola, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, Santander Bank Polska sostniet li l-kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu ipotekarju kienet tikkonsisti f’pagament uniku u kienet għaldaqstant eskluża mill-obbligu ta’ ħlas lura proporzjonali għat-tul residwali tal-kuntratt ta’ kreditu. Jekk din il-kummissjoni kellha tiġi parzjalment irrimborsata, Santander Bank Polska tqis li dan ir-rimbors ma għandux ikun proporzjonali għall-perijodu kopert mir-rimbors antiċipat meta mqabbel mat-tul tar-rimbors miftiehem inizjalment, iżda għandu jkun proporzjonali għall-profitt mistenni mill-kreditur għall-użu tal-finanzjament mill-konsumatur. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, għandux jitqies li d-dritt għall-konsumatur li jikseb, fil-każ ta’ rimbors antiċipat ta’ kreditu ipotekarju, tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, ikoprix ukoll kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu inkwistjoni. |
|
18 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi dwar il-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali ta’ dan il-kreditu. Hija tosserva li la d-direttivi msemmija iktar ’il fuq u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikaw b’mod ċar il-mod kif għandu jiġi kkalkolat l-ammont ta’ dan it-tnaqqis. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 jirreferi għat-“għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt”, fil-fehma tagħha, għandu jingħata rimbors proporzjonali għar-relazzjoni bejn il-perijodu li matulu l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju ma huwiex ser jiġi eżegwit minħabba r-rimbors antiċipat tal-kreditu u l-perijodu inizjalment miftiehem, li matulu dan il-kuntratt kellu japplika. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Opatowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Wola f’Varsavja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda din il-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-kawża UniCredit Bank Austria (C‑555/21). |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2023, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78), ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju, li ġiet mistiedna tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2023, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Marzu 2023, il-qorti tar-rinviju indikat li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
23 |
Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispejjeż totali tal-kreditu f’każ ta’ rimbors antiċipat ta’ kreditu għall-konsum jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor,C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 36). |
|
24 |
Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78, punti,27, 28 u 31), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispeċifiċitajiet tal-kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali u minkejja l-formulazzjoni kważi identika tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 u tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, id-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni ma jinkludix l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-kuntratt, jitħallsu mill-konsumatur favur il-kreditur jew lil terzi fir-rigward ta’ servizzi li diġà ġew eżegwiti kompletament fil-mument tar-rimbors antiċipat. |
|
25 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju rregolat mid-Direttiva 2014/17, jekk kummissjoni miġbura waqt il-konklużjoni ta’ tali kuntratt, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex titqies li taqa’ taħt din l-aħħar kategorija ta’ spejjeż. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li, skont is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78, punti 34 u 35), il-kreditur għandu jistabbilixxi jekk l-ispejjeż ikkonċernati humiex rikorrenti jew le. Madankollu, fil-kawża prinċipali, Santander Bank Polska ma ppreżentax tqassim tal-ispejjeż tal-kreditu ipotekarju li jindika jekk l-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex oġġettivament marbuta mat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu. Peress li tipprevedi, meta tali informazzjoni tkun nieqsa, li jiġi preżunt li l-ispejjeż ikkonċernati huma rikorrenti, l-imsemmija qorti tistaqsi għalhekk dwar il-mod kif għandu jsir sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-ispejjeż humiex koperti mid-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ informazzjoni pprovduta mill-kreditur li tippermetti lil qorti nazzjonali tivverifika jekk kummissjoni miġbura waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju taqax taħt il-kategorija ta’ spejjeż li huma indipendenti mit-tul ta’ dan il-kuntratt, din il-qorti għandha tqis li tali kummissjoni hija koperta mid-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi f’din id-dispożizzjoni. |
|
28 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” li l-ispejjeż tiegħu jistgħu jaqgħu taħtu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria,C‑555/21, EU:C:2023:78, punt 23). |
|
29 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2014/17, moqri flimkien mal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li l-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu għall-konsumatur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas skont il-kuntratt ta’ kreditu u li l-kreditur għandu għarfien tagħhom. Huma esklużi biss minn dan, hekk kif tikkonferma l-premessa 50 tad-Direttiva 2014/17, l-ispejjeż notarili, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni marbuta mat-trasferiment tas-sjieda tal-proprjetà immobbli, bħall-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet u t-taxxi anċillari, kif ukoll l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fil-kuntratt ta’ kreditu (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria,C‑555/21, EU:C:2023:78, punt 24). |
|
30 |
Kif ġie indikat fil-punt 24 ta’ din il-preżenti sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-partikolaritajiet tal-kuntratti ta’ kreditu relatati mal-proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali, li d-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, ma jinkludix l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-kuntratt, jitħallsu mill-konsumatur favur il-kreditur jew lil terzi fir-rigward ta’ servizzi li diġà ġew eżegwiti kompletament fil-mument tar-rimbors antiċipat. |
|
31 |
Fit-tieni lok, għandi jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/17, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi qafas komuni dwar ċerti aspetti tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kuntratti li jkopru l-kreditu lill-konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew kreditu ieħor marbut ma’ proprjetajiet immobbli għal użu residenzjali sabiex jiġi żgurat li dawn tal-aħħar igawdu livell għoli ta’ protezzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria,C‑555/21, EU:C:2023:78, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Issa, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 fis-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78), ma għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħad lill-konsumaturi minn din il-protezzjoni. |
|
33 |
Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-ftehim ta’ kreditu, huma imposti fuq il-konsumatur, ma jikkostitwixxux oġġettivament remunerazzjoni lill-kreditur għall-użu temporanju tal-kapital li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt jew għal servizzi li, fil-mument tar-rimbors antiċipat, għad iridu jiġu pprovduti lill-konsumatur (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria,C‑555/21, EU:C:2023:78, punt 38). |
|
34 |
Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax tippreżumi, abbażi tas-sempliċi fatt li l-konsumatur ħallas spiża darba biss meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, li din l-ispiża taqa’ taħt l-ispejjeż li huma indipendenti mit-tul tal-kuntratt, li għalhekk ma jistgħux iwasslu għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. |
|
35 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-kreditur jew, jekk ikun il-każ, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur tiegħu huwa obbligat, skont l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2014/17, li jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali dwar it-tqassim tal-ispejjeż pagabbli minn dan tal-aħħar skont jekk humiex rikorrenti jew le permezz tal-FISE. Huwa b’hekk il-kreditur li għandu jistabbilixxi jekk jistabbilixxi n-natura rikorrenti jew le tal-ispejjeż ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria,C‑555/21, EU:C:2023:78, punti 34 u 38). |
|
36 |
Issa, f’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Santander Bank Polska ma ppreżentatx tqassim tal-ispejjeż tal-kreditu ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jippermetti lil din il-qorti tiddetermina jekk l-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex oġġettivament marbuta mat-tul tal-kuntratt jew jekk dawn l-ispejjeż humiex indipendenti minn dan it-tul. |
|
37 |
Sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jiġix ippenalizzat minn din l-assenza ta’ informazzjoni, għandu jitqies li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata li l-ispejjeż ikkonċernati ma humiex indipendenti mit-tul tal-kuntratt u huma, konsegwentement, koperti mid-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. |
|
38 |
Minn dan isegwi li, meta l-kreditur ma jkunx ipprovda l-informazzjoni neċessarja li tippermetti lill-qorti nazzjonali tivverifika li l-ispejjeż ikkonċernati ma jikkostitwixxux remunerazzjoni tal-kreditur għall-użu temporanju tal-kapital li huwa s-suġġett tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju jew remunerazzjoni għal servizz li, fil-mument tar-rimbors antiċipat, ma kienx ġie kompletament ipprovdut, din il-qorti għandha, sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, tqis li dawn huma spejjeż marbuta mat-tul ta’ dan il-kuntratt, koperti mid-dritt għat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, u dan anki jekk dawn l-ispejjeż tħallsu f’darba waħda biss waqt il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
39 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ informazzjoni pprovduta mill-kreditur li tippermetti lil qorti nazzjonali tivverifika jekk kummissjoni miġbura waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju taqax taħt il-kategorija ta’ spejjeż li huma indipendenti mit-tul ta’ dan il-kuntratt, din il-qorti għandha tqis li tali kummissjoni hija koperta mid-dritt għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li metodu ta’ kalkolu speċifiku li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi f’din id-dispożizzjoni jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 b’mod ġenerali, jew tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu b’mod partikolari, ma jippermetti li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jipprevedi metodu ta’ kalkolu speċifiku sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju, imsemmi fl-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva. |
|
42 |
Din id-dispożizzjoni tipprevedi biss, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tindika li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat, il-konsumatur ikollu dritt għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu li tikkorrispondi għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti għat-tul residwali tal-kuntratt. |
|
43 |
Issa, mir-riferiment għat-“tul residwu tal-kuntratt” ma jistax jiġi dedott li l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu kellu jiġi ddeterminat, fi kwalunkwe ċirkustanza, abbażi ta’ metodu li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rimbors proporzjonali għar-relazzjoni bejn il-perijodu li matulu l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju ma jiġix eżegwit minħabba r-rimbors antiċipat u l-perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kif miftiehem inizjalment. |
|
44 |
Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment għat-tul residwu tal-kuntratt huwa intiż biss li jiddelimita ratione temporis l-entrati ta’ spejjeż li huma s-suġġett tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu. |
|
45 |
Metodu ta’ kalkolu speċifiku sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 25(2) sa (5) ta’ din id-direttiva, peress li dawn l-aħħar paragrafi ma jipprevedu ebda kriterju ta’ kalkolu ta’ dan it-tnaqqis. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, filwaqt li l-Artikolu 25(2) u (5) tad-Direttiva 2014/17 jippreċiża l-mod kif l-Istati Membri jistgħu jiddelimitaw l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors antiċipat, l-Artikolu 25(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-possibbiltà għal dawn l-Istati li jipprevedu, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu ipotekarju, dritt għal kumpens mill-kreditur. Fir-rigward tal-Artikolu 25(4) tal-imsemmija direttiva, dan jispeċifika l-informazzjoni li l-kreditur għandu jikkomunika lill-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-possibbiltà li jwettaq rimbors antiċipat tal-kreditu. |
|
47 |
Dan il-qari tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 huwa kkonfermat mill-premessa 66 tagħha, li tirrikonoxxi diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif jiżguraw id-dritt għar-rimbors antiċipat tal-kreditu ipotekarju. |
|
48 |
B’mod iktar partikolari, minn din il-premessa jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni qies opportun, minħabba l-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi fil-prinċipji u fil-kundizzjonijiet ta’ rimbors ta’ kreditu applikati fl-Istati Membri, li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni ċerti regoli dwar ir-rimbors antiċipat tal-kreditu ipotekarju, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom dan ir-rimbors jista’ jseħħ, huwa madankollu kkunsidra li dawn l-Istati għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal tali rimbors. L-imsemmija premessa tindika f’dan ir-rigward li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ratione temporis għall-eżerċizzju tad-dritt, jipprevedu trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-interessi tas-self jew jipprevedu restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi eżerċitat l-imsemmi dritt. |
|
49 |
Ċertament, il-metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat ma jinsabx fost l-elementi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li huma espressament imsemmija fil-premessa 66 tad-Direttiva 2014/17. Madankollu, għandu jitqies, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis jagħmel parti minn dawn l-elementi peress li, kif jirriżulta mill-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, l-enumerazzjoni tal-imsemmija elementi, introdotta bil-frażi “jistgħu jinkludu”, f’din il-premessa tikkostitwixxi biss lista mhux eżawrjenti. |
|
50 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 ma jimponix metodu ta’ kalkolu speċifiku sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodu użat għandu jkun xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ din id-direttiva, li jirriżulta mill-premessa 15 tagħha u mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetajiet immobbli. |
|
51 |
F’dan il-każ, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni Pollakka ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar dan il-kalkolu u l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma jindika l-mod kif għandu jiġi kkalkolat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu. |
|
52 |
F’tali sitwazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar il-metodu xieraq sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju, imsemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, sakemm dan il-metodu jkun xieraq sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan ta’ din id-direttiva intiż li jiżgura protezzjoni għolja tal-konsumaturi. |
|
53 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li ebda metodu ta’ kalkolu speċifiku li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.