Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023A02862R(03)

Rettifika tal-Ftehim ta’ Shubija bejn l-unjoni Ewropea u l-Istati Membri taghha, minn naha wahda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Pacifiku, min-naha l-ohra (ĠU L, 2023/2862, 28.12.2023)

Dz.U. L, 2025/90890, 7.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2862/corrigendum/2025-11-07/oj (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2862/corrigendum/2025-11-07/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/90890

7.11.2025

Rettifika tal-Ftehim ta’ Shubija bejn l-unjoni Ewropea u l-Istati Membri taghha, minn naha wahda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Pacifiku, min-naha l-ohra

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L, 2023/2862, it-28 ta’ Diċembru 2023 )

Il-Ftehim għandu jinqara kif ġej:

Ftehim ta’ Sħubija bejn l-unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra

PARTI I —

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

PARTI II —

PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

TITOLU I —

ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, ID-DEMOKRAZIJA U L-GOVERNANZA F’SOĊJETAJIET IĊĊENTRATI FUQ IN-NIES U BBAŻATI FUQ ID-DRITTIJIET

TITOLU II —

IL-PAĊI U S-SIGURTÀ

TITOLU III —

L-IŻVILUPP TAL-BNIEDEM U L-IŻVILUPP SOĊJALI

TITOLU IV —

TKABBIR U ŻVILUPP EKONOMIĊI INKLUŻIVI U SOSTENIBBLI

TITOLU V —

IS-SOSTENIBBILTÀ AMBJENTALI U T-TIBDIL FIL-KLIMA

TITOLU VI —

IL-MIGRAZZJONI U L-MOBILITÀ

PARTI III —

ALLEANZI GLOBALI U KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

PARTI IV —

MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI

PARTI V —

QAFAS ISTITUZZJONALI

PARTI VI —

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

PROTOKOLLI REĠJONALI

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-AFRIKA

PARTI I —

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

PARTI II —

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I —

TKABBIR U ŻVILUPP EKONOMIĊI INKLUŻIVI U SOSTENIBBLI

TITOLU II —

L-IŻVILUPP TAL-BNIEDEM U L-IŻVILUPP SOĊJALI

TITOLU III —

L-AMBJENT, IL-ĠESTJONI TAR-RIŻORSI NATURALI U T-TIBDIL FIL-KLIMA

TITOLU IV —

IL-PAĊI U S-SIGURTÀ

TITOLU V —

ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, ID-DEMOKRAZIJA U L-GOVERNANZA

TITOLU VI —

IL-MIGRAZZJONI U L-MOBILITÀ

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-KARIBEW

PARTI I —

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

PARTI II —

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I —

TKABBIR U ŻVILUPP EKONOMIĊI SOSTENIBBLI U INKLUŻIVI

TITOLU II —

IS-SOSTENIBBILTÀ AMBJENTALI, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-ĠESTJONI SOSTENIBBLI TAR-RIŻORSI NATURALI

TITOLU III —

ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, IL-GOVERNANZA, IL-PAĊI U S-SIGURTÀ

TITOLU IV —

L-IŻVILUPP TAL-BNIEDEM, IL-KOEŻJONI SOĊJALI U L-MOBILITÀ

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-PAĊIFIKU

PARTI I —

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

PARTI II —

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I —

IS-SOSTENIBBILTÀ AMBJENTALI U T-TIBDIL FIL-KLIMA

TITOLU II —

ŻVILUPP EKONOMIKU INKLUŻIV U SOSTENIBBLI

TITOLU III —

L-OĊEANI, L-IBĦRA U S-SAJD

TITOLU IV —

IS-SIGURTÀ, ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, ID-DEMOKRAZIJA U L-GOVERNANZA

TITOLU V —

L-IŻVILUPP TAL-BNIEDEM U L-IŻVILUPP SOĊJALI

ANNESSI

ANNESS I:

IL-PROĊESSI TA’ RITORN U TA’ RIAMMISSJONI

ANNESS II:

OPERAZZJONIJIET TAL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea’,

u

L-UNJONI EWROPEA,

Minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa ‘l-Parti UE’,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-ANGOLA,

ANTIGWA U BARBUDA,

IL-COMMONWEALTH TAL-BAĦAMAS,

IL-BARBADOS,

IL-BELIŻE,

IR-REPUBBLIKA TAL-BENIN,

IR-REPUBBLIKA TAL-BOTSWANA,

IL-BURKINA FASO,

IR-REPUBBLIKA TAL-BURUNDI,

IR-REPUBBLIKA TA’ CABO VERDE,

IR-REPUBBLIKA TAL-KAMERUN,

IR-REPUBBLIKA ĊENTRU-AFRIKANA,

IR-REPUBBLIKA TAĊ-CHAD,

L-UNJONI TA’ COMOROS,

IR-REPUBBLIKA TAL-KONGO,

IL-GŻEJJER COOK,

IR-REPUBBLIKA TAL-KOSTA TAL-AVORJU,

IR-REPUBBLIKA TA’ KUBA,

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO,

IR-REPUBBLIKA TAL-DJIBOUTI,

IL-COMMONWEALTH TA’ DOMINICA,

IR-REPUBBLIKA DOMINIKANA,

IR-REPUBBLIKA TAL-GUINEA EKWATORJALI,

L-ISTAT TAL-ERITREA,

IR-RENJU TAL-ESWATINI,

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA FEDERALI TAL-ETJOPJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ FIĠI,

IR-REPUBBLIKA TAL-GABON,

IR-REPUBBLIKA TAL-GAMBJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-GHANA,

GRENADA,

IR-REPUBBLIKA TAL-GUINEA,

IR-REPUBBLIKA TAL-GUINEA-BISSAU,

IR-REPUBBLIKA KOOPERATTIVA TAL-GUYANA,

IR-REPUBBLIKA TAL-HAITI,

IL-ĠAMAJKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KENJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI,

IR-RENJU TAL-LESOTO,

IR-REPUBBLIKA TAL-LIBERJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MADAGASCAR,

IR-REPUBBLIKA TAL-MALAWI,

IR-REPUBBLIKA TAL-MALDIVI,

IR-REPUBBLIKA TAL-MALI,

IR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER MARSHALL,

IR-REPUBBLIKA IŻLAMIKA TAL-MAURITANIA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MAURITIUS,

L-ISTATI FEDERALI TAL-MIKRONEŻJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-MOZAMBIQUE,

IR-REPUBBLIKA TAN-NAMIBJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ NAURU,

IR-REPUBBLIKA TAN-NIĠER,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAN-NIĠERJA,

NIUE,

IR-REPUBBLIKA TA’ PALAU,

L-ISTAT INDIPENDENTI TA’ PAPUA NEW GUINEA,

IR-REPUBBLIKA TAR-RWANDA,

IL-FEDERAZZJONI TA’ SAINT KITTS U NEVIS,

SAINT LUCIA,

SAINT VINCENT U L-GRENADINI,

L-ISTAT INDIPENDENTI TA’ SAMOA,

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TA’ SÃO TOMÉ U PRÍNCIPE,

IR-REPUBBLIKA TAS-SENEGAL,

IR-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES,

IR-REPUBBLIKA TA’ SIERRA LEONE,

IL-GŻEJJER SOLOMON,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAS-SOMALJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SUDAN,

IR-REPUBBLIKA TAS-SURINAME,

IR-REPUBBLIKA MAGĦQUDA TAT-TANZANIA,

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TA’ TIMOR LESTE,

IR-REPUBBLIKA TOGOLIŻA,

IR-RENJU TA’ TONGA,

IR-REPUBBLIKA TA’ TRINIDAD U TOBAGO,

TUVALU,

IR-REPUBBLIKA TAL-UGANDA,

IR-REPUBBLIKA TAL-VANUATU,

IR-REPUBBLIKA TAŻ-ŻAMBJA,

IR-REPUBBLIKA TAŻ-ŻIMBABWE,

Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘Membri tal-OSAKP’, min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa l-‘Partijiet’,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim Rivedut ta’ Georgetown li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra;

FILWAQT LI JQISU r-rabtiet b’saħħithom tagħhom u r-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali mill-qrib li jgħaqqduhom;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-adeżjoni tagħhom mal-ordni globali bbażata fuq ir-regoli, bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tagħha u n-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha;

FILWAQT LI JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza ta’ djalogu regolari fuq kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, fil-livelli rilevanti kollha;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jikkoordinaw azzjonijiet f’forums internazzjonali bbażati fuq interessi komuni, valuri kondiviżi u rispett reċiproku, u għarfien tal-kapaċità tagħhom li jsawru l-eżiti globali meta jaġixxu b’mod konġunt;

FILWAQT LI JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lejn il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

FILWAQT LI JFAKKRU r-rieda qawwija tagħhom li jippromwovu l-paċi u s-sigurtà u l-obbligi internazzjonali tagħhom dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, kif ukoll id-determinazzjoni tagħhom li jipprevjenu u jipproċedu kontra l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jrawmu kooperazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati b’appoġġ għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, b’kont meħud tar-rwoli differenti li għandhom il-partijiet ikkonċernati differenti, filwaqt li jiżguraw li dawn kollha joperaw fi ħdan l-istat tad-dritt;

FILWAQT LI JENFASIZZAW l-urġenza li jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali globali, l-importanza tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-ħtieġa urġenti li jinbnew ekonomiji u soċjetajiet stabbli u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u li jimxu ’l quddiem biex jilħqu għanijiet komuni f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza ta’ trasformazzjoni ekonomika strutturali fil-kisba ta’ tkabbir u żvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli;

FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn tagħhom għall-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali, b’mod partikolari dawk miftiehma fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol, b’kont meħud tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rwol importanti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tar-riċerka u tal-innovazzjoni fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien, iffaċilitata permezz tal-użu ta’ għodod diġitali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli;

FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn tagħhom li jrawmu l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali, jeqirdu l-faqar, u jiġġieldu d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza, fejn ma jħallu lil ħadd jaqa’ lura;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dinamika demografika li qed tinbidel, flimkien mal-bidliet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, joffru opportunitajiet għall-iżvilupp sostenibbli u, fl-istess ħin, joħolqu sfidi għalih;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet huma essenzjali biex jinkiseb żvilupp inklużiv u sostenibbli;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza taż-żgħażagħ biex isawru l-ġejjieni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jippromwovu sħubija ċċentrata fuq in-nies u li jsaħħu l-kuntatti bejn in-nies, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni u skambji fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-innovazzjoni, tal-edukazzjoni u tal-kultura;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu fuq il-migrazzjoni u l-mobilità;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-riskji dejjem akbar ikkawżati minn diżastri naturali, xokkijiet ekonomiċi u xokkijiet eżoġeni oħrajn, inklużi pandemiji;

FILWAQT LI JIKKONFERMAW ir-rieda tagħhom li jikkollaboraw b’appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali u kontinentali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jitwettqu l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana u fl-oqfsa ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni tal-Karibew u tal-Paċifiku;

FILWAQT LI JFAKKRU fil-prinċipji ta’ koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-effettività tal-għajnuna, kif ukoll fil-prinċipji tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa (AAAA);

FILWAQT LI KKUNSIDRAW il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, kif emendat l-aħħar (1) (il-‘Ftehim ta’ Cotonou’),

FTIEHMU KIF ĠEJ:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għanijiet

1.   L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Parti UE’, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra, minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa il-‘Partijiet’, b’dan jaqblu li jikkonkludu dan il-Ftehim li jistabbilixxi sħubija politika msaħħa biex jiġġeneraw eżiti ta’ benefiċċju b’mod reċiproku fuq interessi komuni u li jikkoinċidu u f’konformità mal-valuri kondiviżi tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jikkontribwixxi sabiex jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) taħt in-Nazzjonijiet Uniti (NU), bl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta’ Settembru 2015 (l-‘Aġenda 2030’), u l-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmula f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-‘Ftehim ta’ Pariġi’), bħala oqfsa globali li jiggwidaw is-sħubija taħt dan il-Ftehim.

3.   L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma li:

(a)

jiġu promossi, imħarsa u ssodisfati d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

(b)

jinbnew Stati u soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti, filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid kontinwu u emerġenti għall-paċi u s-sigurtà;

(c)

jitrawwem l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali u, b’mod partikolari, jinqered il-faqar u jiġu indirizzati l-inugwaljanzi, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd igawdi ħajja ta’ dinjità u li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura, b’attenzjoni speċjali mogħtija lin-nisa u lill-bniet;

(d)

jiġi mobilizzat l-investiment, jiġi appoġġat il-kummerċ u jitrawwem l-iżvilupp tas-settur privat, bil-ħsieb li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv u jinħolqu impjiegi deċenti għal kulħadd;

(e)

jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, jiġi mħares l-ambjent u tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; u

(f)

jiġi implimentat approċċ komprensiv u bilanċjat għall-migrazzjoni, sabiex jinkisbu l-benefiċċji ta’ migrazzjoni u mobilità sikuri, ordnati u regolari, titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari, filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tal-Partijiet.

4.   Id-djalogu ta’ sħubija u l-azzjoni mfassla apposta għall-ispeċifiċitajiet tal-Partijiet għandhom jikkostitwixxu l-għodod ewlenin biex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

5.   Dan il-Ftehim għandu jiffaċilita l-adozzjoni mill-Partijiet ta’ pożizzjonijiet komuni fix-xena dinjija, isaħħaħ is-sħubijiet għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, bil-ħsieb li jmexxi l-azzjoni globali ’l quddiem.

Artikolu 2

Prinċipji

1.   Il-Partijiet għandhom isegwu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim fi spirtu ta’ responsabbiltà kondiviża, solidarjetà, reċiproċità, rispett reċiproku u responsabbiltà.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżviluppaw relazzjonijiet ta’ ħbiberija fost in-nazzjonijiet, abbażi tar-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana fost l-Istati kollha, u li joqogħdu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kwalunkwe stat, jew b’xi mod ieħor inkonsistenti mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (il-‘Karta tan-NU’).

3.   Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw kull Protokoll Reġjonali f’konformità mal-prinċipji ġenerali miftiehma fil-Parti Ġenerali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni kkonċernati. Huma jaqblu wkoll li jfasslu azzjonijiet għall-ħtiġijiet differenti tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs, least developed countries), tal-pajjiżi mingħajr kosta, tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS, small island developing states) u tal-Istati kostali li jinsabu f’livell baxx, filwaqt li jqisu l-isfidi differenti li jiffaċċjaw.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu deċiżjonijiet u jwettqu azzjonijiet fil-livell domestiku, reġjonali jew multinazzjonali l-aktar xieraq.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu b’mod sistematiku perspettiva tal-ġeneru u jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata fil-politiki kollha.

6.   Il-Partijiet għandhom jieħdu approċċ integrat għall-kooperazzjoni tagħhom li jinkorpora elementi politiċi, ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali.

7.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi biex ikomplu l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali biex jimmaniġġjaw bl-aħjar mod it-tħassib dwar is-sigurtà, jaħsdu l-kisbiet ekonomiċi tal-globalizzazzjoni u jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet tranżnazzjonali, kif xieraq.

8.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati, li jippermetti l-involviment attiv ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi fid-djalogu ta’ sħubija u fil-proċessi ta’ kooperazzjoni, inklużi l-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.

9.   Il-kooperazzjoni fi ħdan formati reġjonali formali u ad hoc tista’ tiġi segwita sabiex l-għanijiet tas-sħubija taħt dan il-Ftehim jitwettqu b’mod aktar effettiv u effiċjenti. Il-Partijiet jistgħu jaqblu wkoll fuq dispożizzjonijiet u proċeduri flessibbli li jippermettu lill-Partijiet interessati japprofondixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tematiċi u tranżreġjonali speċifiċi.

Artikolu 3

Djalogu ta’ sħubija

1.   Il-Partijiet għandhom iwettqu djalogu ta’ sħubija li jkun regolari, bilanċjat, komprensiv u sostantiv dwar l-oqsma kollha ta’ dan il-Ftehim, li jwassal għal impenji u, fejn xieraq, azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-għan tad-djalogu ta’ sħubija għandu jkun li tiġi skambjata informazzjoni, jitrawwem għarfien reċiproku u jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ prijoritajiet miftiehma u aġendi kondiviżi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni u sfidi ġodda f’ambjenti internazzjonali.

3.   Il-Partijiet jaqblu li d-djalogu ta’ sħubija għandu jsir b’mod flessibbli u mfassal apposta, għandu jsir f’intervalli regolari fil-format xieraq u fil-livell xieraq fil-format xieraq u fl-aktar livell domestiku, reġjonali jew multinazzjonali xieraq, u għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-kanali kollha possibbli, inkluż f’ambjenti reġjonali u internazzjonali. Huma jaqblu li jimmonitorjaw u jevalwaw l-effettività tad-djalogu ta’ sħubija u li jadattaw l-ambitu tiegħu, kif xieraq.

4.   Il-Partijiet jaqblu li l-parlamenti u, fejn xieraq, ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, għandhom ikunu debitament informati, ikkonsultati u jitħallew jikkontribwixxu għad-djalogu ta’ sħubija. L-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali għandhom ikunu assoċjati mad-djalogu ta’ sħubija, kif xieraq.

Artikolu 4

Koerenza tal-politika

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu lejn politiki koerenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, permezz ta’ approċċ immirat, strateġiku u orjentat lejn is-sħubija.

2.   Il-Partijiet għandhom b’mod individwali u kollettiv irawmu sinerġiji bejn il-politiki bil-ħsieb li jevitaw jew jimminimizzaw l-impatti negattivi li l-politiki tagħhom jista’ jkollhom fuq il-Partijiet l-oħrajn. Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jinformaw u, fejn xieraq, jikkonsultaw mal-Partijiet l-oħrajn dwar l-inizjattivi u l-miżuri li jistgħu jaffettwawhom b’mod sinifikanti.

3.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-koerenza tal-politika għall-iżvilupp bħala element kruċjali biex jitwettqu l-SDGs.

Artikolu 5

Atturi

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-gvernijiet għandhom rwol ċentrali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u tal-istrateġiji għall-pajjiżi tagħhom. Huma jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-parlamenti fit-tfassil u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, fil-qbil fuq il-baġits u fiż-żamma tal-gvernijiet responsabbli. Huma jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribut tal-awtoritajiet lokali fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u fl-ikkomplementar tal-azzjoni governattiva.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet subreġjonali, reġjonali, kontinentali u interkontinentali sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari dawk tal-Protokolli Reġjonali.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol importanti u l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, fil-forom u l-karatteristiċi nazzjonali kollha, jiġifieri s-soċjetà ċivili, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet tat-trade unions, u s-settur privat, u jaqblu li jippromwovu u jsaħħu l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom bil-ħsieb li jrawmu proċessi ta’ politika aktar inklużivi u b’diversi partijiet ikkonċernati. Għal dawk il-finijiet, il-Partijiet għandhom jiżguraw li dawk il-partijiet ikkonċernati kollha, fejn xieraq, jiġu infurmati u kkonsultati dwar l-istrateġiji u l-politiki settorjali, jipprovdu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-proċess wiesa’ ta’ djalogu, jirċievu bini tal-kapaċitajiet f’oqsma kritiċi, u jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni fl-oqsma li jikkonċernawhom. Tali parteċipazzjoni fil-programmi ta’ kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-punt sa fejn dawn jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u fuq il-kompetenzi speċifiċi tagħhom, u jkollhom strutturi ta’ governanza responsabbli u trasparenti.

Artikolu 6

Struttura

1.   Dan il-Ftehim jikkonsisti fil-Parti Ġenerali (il-Partijiet I sa VI), Annessi tiegħtliet Protokolli Reġjonali (il-‘Protokolli Reġjonali’) u l-Annessi.

2.   Il-Parti Ġenerali u l-Annessi għandhom ikunu legalment vinkolanti għall-Partijiet.

3.   Il-Protokolli Reġjonali għandhom ikunu legalment vinkolanti għall-Parti UE u għall-Membri tal-OSAKP li jinsabu fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku, rispettivament. Xejn fil-Protokolli Reġjonali u fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom ma jista’ jaffettwa jew jiddevja mid-dispożizzjonijiet taħt il-Parti Ġenerali u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE.

Artikolu 7

Temi trażversali

1.   Il-Partijiet jaqblu li għandhom jitqiesu b’mod sistematiku t-temi trażversali li ġejjin biex l-azzjoni tiġi infurmata fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni: id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-paċi u s-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kultura u ż-żgħażagħ.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw il-bini tal-kapaċitajiet biex jindirizzaw l-isfidi b’mod effettiv u jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim. Huma għandhom jimmiraw li jrawmu t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiffaċilitaw it-trasferiment u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-reżiljenza tal-pajjiżi, tal-komunitajiet u tal-individwi, u b’mod partikolari dik tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, fid-dawl tal-isfidi relatati mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima, ix-xokkijiet ekonomiċi, il-kunflitti u l-kriżijiet politiċi, kif ukoll l-epidemiji u l-pandemiji.

PARTI II

PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

TITOLU I

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza f’soċjetajiet iċċentrati fuq in-nies u bbażati fuq id-drittijiet

Artikolu 8

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħu l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-NU, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, fejn rilevanti, id-dritt umanitarju internazzjonali.

Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki ċċentrati fuq in-nies u bbażati fuq id-drittijiet, li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem kollha u jiżguraw aċċess ugwali għall-opportunitajiet għall-membri kollha tas-soċjetà, immirati lejn l-iżvilupp sostenibbli ċċentrat fuq il-bniedem. Il-Partijiet jirrikonoxxu li r-rispett għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali, għall-istat tad-dritt u għall-governanza tajba huwa parti integrali mill-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 9

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati, għandhom jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm jekk huma ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali. Huma għandhom jipproteġu u jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali tal-libertajiet fundamentali kollha, bħal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u l-libertà tal-ħsieb, ir-reliġjon u t-twemmin.

2.   Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jippromwovu r-rispett universali għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-osservanza tagħhom għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini etnika jew soċjali, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, diżabbiltà, l-età jew status ieħor. Huma jimpenjaw ruħhom li jiġġieldu kull forma ta’ razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata, u kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, inklużi l-każijiet kollha ta’ promozzjoni tal-mibegħda. Huma jimpenjaw ruħhom li jirrikonoxxu u jmexxu ’l quddiem id-drittijiet tal-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP, UN Declaration on the Rights of Indigenous Peoples).

3.   Il-Partijiet għandu jkollhom djalogu ta’ sħubija fil-livell bilaterali dwar il-piena tal-mewt. Meta l-piena tal-mewt tkun prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tkun għadha applikata, il-Partijiet għandhom jaderixxu mal-proċess dovut u mal-istandards minimi miftiehma fuq livell internazzjonali.

4.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-prinċipji demokratiċi rikonoxxuti universalment li huma l-bażi tal-organizzazzjoni tal-Istat jiżguraw il-leġittimità tal-awtorita tiegħu, il-legalità tal-azzjonijiet tiegħu riflessi fis-sistema kostituzzjonali, leġiżlattiva u regolatorja tiegħu, u l-eżistenza ta’ mekkaniżmi parteċipattivi. Huma għandhom jippreservaw u jsaħħu l-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji billi jiżguraw li jsiru elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u kredibbli bir-rispett dovut għas-sovranità, kif ukoll billi jippermettu u jappoġġaw proċessi parteċipattivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-tħaddin tal-aħjar prattiki elettorali u l-kooperazzjoni bejniethom, inkluż fuq l-osservazzjoni elettorali f[il-Parti UE] u fil-Membri tal-OSAKP, kif xieraq.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw b’mod attiv il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza kruċjali tiegħu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u għall-funzjonament effettiv ta’ istituzzjonijiet demokratiċi. Dan jinkludi l-iżgurar tal-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u li tiffunzjona tajjeb, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, id-dritt għal proċess ġust u proċess dovut u l-aċċess għal mekkaniżmi effettivi ta’ rimedju legali.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt għall-iżvilupp ibbażat fuq l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza, l-universalità u l-inaljenabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem kollha, li permezz tagħhom kull bniedem u l-popli kollha huma intitolati li jipparteċipaw, jikkontribwixxu għal, u jgawdu minn żvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali u politiku, li fih id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha jistgħu jitwettqu bis-sħiħ. Huma għandhom jappoġġaw miżuri għat-tisħiħ tad-dritt għall-iżvilupp u għandhom jiżguraw, fost l-oħrajn, l-ugwaljanza ta’ opportunità għal kulħadd li jkollu aċċess għal, u l-benefiċċju minn, riżorsi bażiċi u servizzi essenzjali, bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, l-ikel, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u d-distribuzzjoni ġusta tal-introjtu.

7.   Il-Partijiet jaqblu li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt għandu jkun il-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 10

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom biex jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn kulħadd, kif ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ kulħadd bħala xprunatur għall-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jinkorporaw il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom jew f’leġiżlazzjoni xierqa oħra.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li d-disparità bejn il-ġeneri ċċaħħad lin-nisa mill-opportunitajiet u d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom. Huma għandhom jadottaw u jsaħħu leġiżlazzjoni infurzabbli, oqfsa legali u politiki, programmi u mekkaniżmi tajbin li jiżguraw l-aċċess ugwali tan-nisa u l-bniet għal, opportunitajiet indaqs fi, kontroll ugwali fuq, u parteċipazzjoni sħiħa u ugwali fl-isferi kollha tal-ħajja, fuq l-istess livell mal-irġiel u s-subien.

3.   Il-Partijiet għandhom jiffokaw, b’mod partikolari, fuq it-titjib tal-aċċess tan-nisa u, fejn xieraq, tal-bniet, għar-riżorsi kollha li jeħtieġu matul ħajjithom kollha sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom, bħal fir-rigward tal-edukazzjoni ta’ kwalità, is-saħħa, l-opportunitajiet ta’ impjieg, l-aċċess għar-riżorsi ekonomiċi u l-kontroll fuqhom, it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, l-istrutturi ta’ governanza u l-impriżi privati, b’enfasi speċjali fuq in-nisa f’sitwazzjoni vulnerabbli. Huma għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tan-nisa fi, u opportunitajiet indaqs għal, tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika, ekonomika u pubblika.

4.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipprevjenu, jiġġieldu u jipproċedu kontra kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u bbażati fuq il-ġeneru fl-isferi pubbliċi u privati, inklużi t-traffikar u l-isfruttament u l-abbuż sesswali. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw il-preġudizzju abbażi tal-ġeneru b’għeruq fondi u jeliminaw il-prattiki dannużi kollha, bħaż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili.

Artikolu 11

Soċjetajiet inklużivi u pluralistiċi

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-membri kollha tas-soċjetà fl-isferi kollha tal-ħajja. Huma għandhom jipprevjenu, jipprojbixxu u jeqirdu prattiki diskriminatorji u għandhom jadottaw miżuri effettivi biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem kollha.

2.   Il-Partijiet għandhom jipproteġu u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-opinjoni, il-libertà tal-għaqda u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja bħala pilastri tad-demokrazija, filwaqt li jinnotaw li dawn mhumiex biss drittijiet tal-bniedem iżda wkoll prerekwiżiti għad-demokrazija, l-iżvilupp u d-djalogu.

3.   Il-Partijiet għandhom irawmu soċjetajiet inklużivi u pluralistiċi, inkluża demokrazija multipartitika. Huma għandhom jippromwovu r-rwol ewlieni ta’ assembleji u partiti politiċi lokali u nazzjonali effettivi, trasparenti u responsabbli. Huma għandhom jippromwovu wkoll il-parteċipazzjoni attiva u ġenwina tal-partijiet ikkonċernati u taċ-ċittadini kollha, inklużi n-nisa u ż-żgħażagħ, fi proċessi politiċi reattivi, inklużivi, parteċipattivi u rappreżentattivi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha.

4.   Il-Partijiet għandhom jippreservaw u jwessgħu spazju abilitanti għal soċjetà ċivili attiva, organizzata u trasparenti, filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol tagħha fil-promozzjoni u l-monitoraġġ tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-ġustizzja u l-inklużjoni soċjali, u bħala difensur tad-detenturi tad-drittijiet u tal-istat tad-dritt, u b’hekk issaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà domestiċi.

5.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-internet joffri pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-ideat, għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta’ soluzzjonijiet diġitali biex jippromwovu aċċess pubbliku ugwali għall-informazzjoni fil-livelli kollha u proċess parteċipattiv ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, u biex itejbu l-kompetenza diġitali, filwaqt li jindirizzaw ir-riskji ta’ abbuż u jippromwovu attitudnijiet miftuħa lejn id-diversità u r-rispett għaliha.

Artikolu 12

Il-governanza tajba

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-governanza tajba tistrieħ fuq gvernijiet trasparenti, responsabbli, kontabbli u parteċipattivi, u fuq mekkaniżmi ta’ sorveljanza xierqa. Il-Partijiet jaqblu li l-governanza tajba hija kritika għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt. Huma jimpenjaw ruħhom għal aċċess universali għas-servizzi pubbliċi mingħajr ebda diskriminazzjoni. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll għat-trasparenza u r-responsabbiltà bħala elementi integrali tal-governanza tajba u tal-bini tal-istituzzjonijiet.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi umani, naturali, ekonomiċi u finanzjarji għall-finijiet ta’ kondiviżjoni ekwa tal-benefiċċji u żvilupp sostenibbli.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti lit-trasparenza u r-responsabbiltà jirnexxu fl-amministrazzjoni pubblika, inkluż bit-tisħiħ tal-integrità u tal-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ governanza. Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi tajbin ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, li jkunu kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-effettività, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà, bil-ħsieb li jipproteġu l-finanzi pubbliċi u jtejbu l-għoti ta’ servizzi pubbliċi billi jeliminaw l-ostakoli amministrattivi u jindirizzaw in-nuqqasijiet regolatorji.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-finanzjament pubbliku, inkluża l-assistenza finanzjarja, u fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi. Huma għandhom itejbu l-ġbir tad-dħul u jindirizzaw l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll il-flussi finanzjarji illeċiti. Huma jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jinvolvu ruħhom fi djalogu ta’ sħubija li jkun f’waqtu fil-livelli bilaterali u internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

5.   Il-Partijiet għandhom jiġġieldu l-korruzzjoni fil-livelli kollha u fil-forom kollha tagħha, jiżviluppaw u jimplimentaw jew iżommu politiki effettivi u kkoordinati kontra l-korruzzjoni li jirriflettu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-ġestjoni xierqa tal-affarijiet pubbliċi u l-proprjetà pubblika, l-integrità, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Huma għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn biex jipprevjenu u jipproċedu kontra t-tixħim u l-approprjazzjoni indebita, il-miżapproprjazzjoni jew devjazzjoni oħra tar-riżorsi minn uffiċjali pubbliċi għall-benefiċċju dirett jew indirett tagħhom, u biex jirkupraw u jirritornaw l-assi miksuba permezz ta’ korruzzjoni.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inklużi l-istandards globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, it-tassazzjoni ġusta u l-istandards minimi kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). Huma għandhom jippromwovu l-governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa u jiffaċilitaw il-ġbir tad-dħul mit-taxxa. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu l-kapaċità li jikkonformaw ma’ dawk il-prinċipji u l-istandards u jgawdu mill-benefiċċji ta’ settur finanzjarju b’saħħtu bbażat fuq ir-regoli. Huma jaqblu li jinvolvu ruħhom fi djalogu ta’ sħubija li jkun f’waqtu fil-livelli bilaterali u internazzjonali dwar kwistjonijiet tat-taxxa.

7.   Il-Partijiet jaqblu li l-governanza tajba għandha tkun il-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tagħhom u tikkostitwixxi element fundamentali ta’ dan il-Ftehim. Huma jaqblu wkoll li każijiet serji ta’ korruzzjoni, inklużi atti ta’ tixħim li jwasslu għal tali korruzzjoni, jikkostitwixxu ksur ta’ dak l-element.

Artikolu 13

L-amministrazzjoni pubblika

Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistemi u proċessi ta’ servizz ċivili mogħnija bir-riżorsi, effiċjenti u effettivi b’bażi qawwija ta’ riżorsi umani, jimpenjaw ruħhom li jrawmu kollaborazzjoni f’dan il-qasam. Huma jaqblu wkoll li jikkooperaw bil-ħsieb li jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom u jiżviluppaw servizz ċivili responsabbli, effiċjenti, trasparenti u professjonali. F’dak ir-rigward, l-isforzi għandu jkollhom l-għan, inter alia, li jtejbu l-effiċjenza organizzazzjonali, iżidu l-effettività tal-istituzzjonijiet fl-għoti tas-servizzi, jaċċelleraw l-iskjerament tal-governanza elettronika u tas-servizzi diġitali u d-diġitalizzazzjoni tar-reġistri pubbliċi, u jsaħħu l-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, f’konformità mal-istrateġiji rispettivi tagħhom ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali.

Artikolu 14

Statistika

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-istatistika hija kruċjali għall-kisba ta’ żvilupp sostenibbli, għandhom jiżviluppaw u jsaħħu s-sistemi statistiċi tagħhom, inklużi l-ġbir, l-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità u t-tixrid tal-istatistika, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-objettiv fit-tul ta’ data diżaggregata ta’ kwalità, komparabbli fuq livell internazzjonali, aċċessibbli, f’waqtha u affidabbli, billi din hija kruċjali biex tinforma t-teħid tad-deċiżjonijiet b’appoġġ għall-prijoritajiet rispettivi ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, kif ukoll biex tappoġġa u tissorvelja l-progress.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jżidu l-litteriżmu statistiku u li jippromwovu l-użu ta’ data għat-teħid tad-deċiżjonijiet billi jinvolvu ruħhom ma’ utenti fil-gvern u barra minnu, u permezz tal-użu ta’ teknoloġiji u sorsi ta’ data ġodda. Huma għandhom jikkollaboraw fl-użu tat-teknoloġija għall-ġbir u l-protezzjoni tad-data u jippromwovu t-tixrid ta’ statistika komparabbli fil-livelli reġjonali u nazzjonali.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-uffiċċji tal-istatistika tagħhom.

Artikolu 15

Data personali

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-interess komuni tagħhom li jipproteġu d-dritt ta’ kull individwu għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-importanza li r-reġimi ta’ protezzjoni tad-data jinżammu b’saħħithom u li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tagħhom. Huma għandhom jiżguraw, inter alia, li d-data personali tiġi pproċessata b’mod ġust u trasparenti u tinġabar għal skopijiet espliċiti, speċifikati u leġittimi u ma tiġix ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-għanijiet.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatizzati kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, strutturar, ħażna, adattament jew alterazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, divulgazzjoni permezz ta’ trażmissjoni, tixrid jew disponibbiltà b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, restrizzjoni, tħassir jew qerda.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali ta’ kull individwu f’konformità mal-istandards multilaterali eżistenti u l-istrumenti u l-prattiki legali internazzjonali. Għal dak l-għan, huma għandhom jistabbilixxu reġimi u politiki legali u regolatorji xierqa, kif ukoll kapaċità amministrattiva xierqa biex jimplimentawhom, inklużi awtoritajiet superviżorji indipendenti.

TITOLU II

Il-paċi u s-sigurtà

Artikolu 16

Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà, inklużi s-sigurtà u r-reżiljenza tal-bniedem, huma kritiċi għall-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità. Ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr paċi u sigurtà, u mingħajr żvilupp inklużiv ma jistax ikun hemm paċi u sigurtà sostenibbli. Il-Partijiet għandhom isegwu approċċ komprensiv u integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, inklużi sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, u jindirizzaw ir-reati serji kollha ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali. Il-Partijiet għandhom jindirizzaw theddid ġdid jew li qed jiżdied għas-sigurtà, inkluż it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata, il-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-piraterija u t-traffikar ta’ persuni, drogi, armi u oġġetti illeċiti oħrajn, u ċ-ċiberkriminalità u t-theddid għaċ-ċibersigurtà.

Artikolu 17

Kunflitti u kriżijiet

1.   Il-Partijiet għandhom japplikaw approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, inklużi l-isforzi ta’ prevenzjoni, medjazzjoni, riżoluzzjoni u rikonċiljazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni tal-kriżijiet, iż-żamma tal-paċi u l-appoġġ għall-paċi. Huma għandhom jappoġġaw il-ġustizzja tranżizzjonali permezz ta’ miżuri speċifiċi għall-kuntest li jippromwovu l-verità, il-ġustizzja, il-kumpens għad-danni u l-garanziji ta’ non-rikorrenza. Huma għandhom jikkontribwixxu għall-bini tal-istituzzjonijiet u tal-Istat u għas-sigurtà tal-bniedem, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil sitwazzjonijiet ta’ fraġilità.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kunflitt u tal-instabbiltà b’mod olistiku. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-governanza effettiva tar-riżorsi naturali, notevolment b’rabta mal-materja prima, sabiex ikunu ta’ benefiċċju sostenibbli għas-soċjetà kollha kemm hi u jiżguraw li l-isfruttament u l-kummerċ illegali ma jikkontribwixxux biex jikkawżaw u jsostnu l-kunflitt.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ djalogu u konsultazzjoni rispettużi b’mod reċiproku bħala mezz ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti, li jinvolvu lill-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. F’dak il-kuntest, huma għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa kollha b’mod ikkoordinat biex jipprevjenu intensifikazzjoni tal-vjolenza, jillimitaw it-tixrid territorjali tagħha, u jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji jintużaw f’konformità mal-prinċipji u l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, u biex jipprevjenu d-devjazzjoni tal-fondi għal skopijiet ta’ gwerer. Il-Partijiet għandhom jieħdu wkoll miżuri biex jipprevjenu attivitajiet merċenarji, u biex jindirizzaw il-problema ta’ suldati tfal u għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu limiti responsabbli fuq in-nefqa militari.

5.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa kollha f’sitwazzjonijiet ta’ wara kunflitt biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni matul it-tranżizzjoni sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn għal sitwazzjoni mhux vjolenti, stabbli u demokratika. Dan jista’ jinkludi l-appoġġ għad-diżarm u d-demobilizzazzjoni, kif ukoll ir-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli ta’ eks ġellieda fis-soċjetà. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jinħolqu r-rabtiet neċessarji bejn il-miżuri ta’ emergenza, ir-riabilitazzjoni u l-għanijiet ta’ żvilupp aktar fit-tul.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini kollha, inkluż tan-nisa u taż-żgħażagħ fil-bini tal-paċi, fil-prevenzjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fir-rispons umanitarju, kif ukoll fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fiż-żamma tal-paċi u fl-appoġġ għall-paċi. Il-Partijiet iqisu li huwa importanti li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet li huma vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru f’kunflitti, u li tiġi indirizzata l-problema distinta tal-kriminalità u l-vjolenza kontra persuni vulnerabbli u persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 18

Nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (AQM) u l-mezzi tat-twassil tagħhom, lil atturi kemm statali kif ukoll mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali. Għalhekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tat-twassil tagħhom, f’konformità sħiħa ma’, u bl-implimentazzjoni domestika ta’, l-obbligi eżistenti tagħhom skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, kif ukoll obbligi internazzjonali rilevanti oħrajn. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2.   Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tat-twassil tagħhom: l-ewwel nett, billi jieħdu passi biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu, kif xieraq, u jimplimentaw bis-sħiħ u jikkonformaw mal-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha; it-tieni, billi jistabbilixxu u jżommu sistema effettiva ta’ kontrolli tal-esportazzjoni, jikkontrollaw l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu ta’ oġġetti relatati mal-AQM, inkluż kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq teknoloġiji b’użu doppju u li jinkludu sanzjonijiet effettivi għal ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni; u t-tielet, billi jikkooperaw f’fora multilaterali u reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu ta’ sħubija regolari li jikkomplementa u jikkonsolida l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tat-twassil tagħhom.

4.   Il-Partijiet, filwaqt li jikkunsidraw li r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari jista’ jkollhom effett ta’ tfixkil kbir fuq is-soċjetajiet u jirrikonoxxu li jistgħu jirriżultaw minn attivitajiet kriminali, inklużi l-proliferazzjoni illeċita, it-traffikar, it-terroriżmu, aċċidenti jew perikli naturali, bħall-pandemiji, għandhom jikkooperaw sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali biex itaffu dawk ir-riskji.

Artikolu 19

Reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jaġixxu flimkien biex jipprevjenu l-ġenoċidji, ir-reati kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra billi jagħmlu użu minn oqfsa bilaterali u multilaterali xierqa, f’konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ protezzjoni.

2.   Il-Partijiet, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi ma jistgħux ma jiġux ikkastigati, għandhom jiżguraw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ġusti u effettivi tagħhom billi jieħdu miżuri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, kif xieraq.

3.   Il-Partijiet iqisu li l-istabbiliment u l-funzjonament effettiv tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jikkostitwixxu żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali. Huma jtennu l-impenn tagħhom li jikkooperaw bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tal-ġustizzja kriminali nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, inkluża l-QKI, b’mod konsistenti mal-prinċipju tal-komplementarjetà. Huma mħeġġa jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta’ Ruma tal-QKI u strumenti relatati, u jkomplu jtejbu l-effettività tal-QKI. Għandhom isiru sforzi biex jissaħħu l-mekkaniżmi tal-ġustizzja kriminali fil-livelli kollha.

Artikolu 20

It-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jtennu l-kundanna soda tagħhom tal-atti kollha ta’ terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, jimpenjaw ruħhom li jiġġieldu dawk l-atti permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali, f’konformità mal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali, il-konvenzjonijiet u l-istrumenti rilevanti. Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tagħha, hija prijorità kondiviża, għandhom jaħdmu flimkien fil-livelli kollha biex jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni. Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza li jiġu indirizzati l-fatturi kollha li jikkontribwixxu għall-estremiżmu vjolenti fil-forom kollha tiegħu, inklużi l-intolleranza reliġjuża, id-diskors ta’ mibegħda, il-ksenofobija, ir-razziżmu, kif ukoll forom oħrajn ta’ intolleranza, jimpenjaw ruħhom li jopponu l-estremiżmu vjolenti u jrawmu t-tolleranza reliġjuża u d-djalogu inter-reliġjuż.

2.   Il-Partijiet jaqblu li huwa essenzjali li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titmexxa b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali, il-prinċipji tal-Karta tan-NU, ir-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u strumenti internazzjonali rilevanti relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, fl-indirizzar ta’ sfidi relatati mat-terroriżmu li jaffettwaw il-fruntieri, kif ukoll fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 21

Il-kriminalità organizzata

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali u soċjali negattivi ta’ attivitajiet kriminali organizzati, għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jipprevjenu u jiġġieldu dawk l-attivitajiet b’mod aktar effettiv. Huma għandhom jaħdmu flimkien skont approċċ integrat biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin u jipprovdu alternattivi għall-kriminalità. F’dak ir-rigward, huma għandhom jindirizzaw ir-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti, it-traffikar illeċitu ta’ armi, materjali perikolużi, narkotiċi u l-prekursuri tagħhom, organiżmi selvaġġi, injam u oġġetti kulturali, u attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji illegali oħrajn.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi biex jipprevjenu, jiġġieldu u jeqirdu t-traffikar tal-persuni u li jappoġġaw l-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa u strateġiji leġiżlattivi u istituzzjonali xierqa, b’attenzjoni partikolari għall-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati, u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-Partijiet ikomplu jirrispettaw l-istandards tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, magħmula fi New York fil-15 ta’ Novembru 2000, u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment Nisa u Tfal.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-isforzi biex jirkupraw u jirritornaw assi misruqa u jiġġieldu l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata. F’dak ir-rigward, huma għandhom isaħħu l-oqfsa legali u amministrattivi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-flussi finanzjarji illeċiti, inklużi l-frodi fiskali u l-frodi tal-akkwist pubbliku, u l-korruzzjoni attiva u passiva kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku, li jistgħu jkollhom effett debilitanti fuq il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-sigurtà taċ-ċittadini, b’enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u t-trawwim tal-ġustizzja u r-riformi fis-settur tas-sigurtà. Huma għandhom jippromwovu programmi multidixxiplinari mmirati biex jindirizzaw gruppi vulnerabbli u jappoġġaw vittmi ta’ vjolenza, inkluża vjolenza bl-armi tan-nar, kif ukoll medjazzjoni u soluzzjonijiet oħrajn ta’ prevenzjoni u rikonċiljazzjoni bbażati fil-komunità.

Artikolu 22

Is-sigurtà marittima

1.   Il-Partijiet jaqblu fuq it-tisħiħ tas-sigurtà marittima, b’mod partikolari l-indirizzar ta’ forom differenti ta’ kriminalità mwettqa fuq il-baħar u t-traffikar illegali, il-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-armi fuq il-baħar, il-protezzjoni ta’ infrastrutturi marittimi kritiċi, u l-promozzjoni tal-libertà tan-navigazzjoni, u l-istat tad-dritt fuq il-baħar, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, UN Convention on the Law of the Sea), magħmula f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-isforzi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi marittima biex jindirizzaw it-theddid marittimu fil-pajjiżi l-aktar affettwati mir-reati mwettqa fuq il-baħar. Huma jaqblu li jsaħħu l-proċessi ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni bħala mod kif jiġu miġġielda r-reati mwettqa fuq il-baħar. Huma jaqblu wkoll li jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ mudelli ta’ prosekuzzjoni tal-piraterija fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali bħala rispons għall-ġustizzja kriminali reġjonali u mekkaniżmu ta’ deterrent kontra r-reati mwettqa fuq il-baħar, bħall-piraterija, is-serq bl-użu tal-armi, it-tniġġis tal-baħar u tal-ilma, il-kuntrabandu tal-migranti, it-traffikar ta’ drogi u armi u t-trasport bil-baħar ta’ skart nukleari. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu inizjattivi reġjonali fl-oqsma tas-sigurtà marittima, il-ġlieda kontra l-piraterija u l-protezzjoni kontra t-tniġġis tal-baħar.

Artikolu 23

Armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħrajn

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti toħloq theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mhux ikkontrollat ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħrajn u l-munizzjon tagħhom, inkluż bħala konsegwenza ta’ stokkijiet u ħażniet mhux garantiti b’mod adegwat u mhux ġestiti tajjeb, f’konformità mal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu t-traċċar ta’ networks tat-traffikar ibbażati fuq l-intelligence sabiex jiġġieldu b’mod aktar effettiv ir-riskju li l-flussi ’l barra fuq skala kbira ta’ ħażniet tal-Istat ikompli jippreżenta għall-istabbiltà reġjonali. Huma għandhom jaħdmu biex itejbu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-unitajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi u tal-punti fokali għall-ġbir, il-qbid, it-traċċar u l-analiżi ta’ armi tan-nar illeċiti u data dwar il-ġustizzja kriminali relatata, biex itejbu l-fehim ta’, u jimmonitorjaw, il-flussi tat-traffikar illeċitu, u biex jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jistabbilixxu kontrolli fuq il-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali, inklużi l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom, f’konformità mal-istandards internazzjonali eżistenti, inkluż it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, magħmul fi New York fit-2 ta’ April 2013, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex japplikaw dawk il-kontrolli b’mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali u internazzjonali u għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bniedem, kif ukoll biex jipprevjenu d-devjazzjoni tal-armi konvenzjonali lil atturi mhux awtorizzati. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll l-importanza tar-regolamentazzjoni domestika tal-akkwiżizzjoni u l-pussess legali tal-armi tan-nar, u tal-kontrolli fuqhom, bil-ħsieb li jnaqqsu l-vjolenza bl-armi.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jnaddfu l-minjieri u l-fdalijiet splussivi tal-gwerra, inkluż apparat splussiv improvizzat.

Artikolu 24

Drogi illeċiti

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw approċċ komprensiv, ibbilanċjat, integrat u bbażat fuq l-evidenza lejn il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-kummerċ illeċitu tad-drogi u ta’ sustanzi psikoattivi ġodda, kif ukoll il-promozzjoni tat-tnaqqis fid-domanda għad-droga. Għal dak l-għan, huma għandhom jindirizzaw fatturi ta’ riskju li jaffettwaw lill-individwi, lill-komunitajiet u lis-soċjetà, li jistgħu jinkludu nuqqas ta’ servizzi, ħtiġijiet infrastrutturali, vjolenza relatata mad-droga, esklużjoni, emarġinazzjoni u diżintegrazzjoni soċjali, sabiex jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-politiki u l-azzjonijiet dwar id-drogi, inkluż permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili, tal-komunità xjentifika u tal-akkademiċi, għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-istrutturi għall-prevenzjoni u l-indirizzar b’mod effettiv tad-drogi illeċiti, it-tnaqqis b’mod li jista’ jitkejjel tal-provvista ta’, tat-traffikar fi, u tad-domanda għal, drogi illeċiti.

3.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu l-konsegwenzi negattivi tal-użu tad-droga għall-individwi u għas-soċjetà kollha kemm hi, kif ukoll li jnaqqsu b’mod effettiv id-devjazzjoni u t-traffikar illeċitu ta’ prekursuri skedati u mhux skedati, inklużi prekursuri ‘designer’.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bil-ħsieb li jżommu sforzi u azzjonijiet ikkoordinati kontra l-kummerċ illeċitu tad-droga.

Artikolu 25

Iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ ambjent ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technologies) li jkun miftuħ, sigur u stabbli, aċċessibbli u paċifiku bbażat fuq in-normi, ir-regoli u l-prinċipji għal imġiba responsabbli tal-Istat u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali eżistenti. Għal dak l-għan, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu ċ-ċibersigurtà, jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità ċibernetika u elettronika ta’ teknoloġija avvanzata u l-abbuż tal-midja soċjali, u jtejbu s-sigurtà tan-networks permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki li jżidu r-reżiljenza ċibernetika, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jipprevjenu u jindirizzaw iċ-ċiberkriminalità, inklużi l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal online, billi jikkooperaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki biex jiġġieldu r-reati taċ-ċiberkriminalità, filwaqt li jibnu fuq in-normi u l-istandards internazzjonali eżistenti, inklużi dawk tal-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità, magħmula f’Budapest fit-23 ta’ Novembru 2001, u l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sigurtà Ċibernetika u l-Protezzjoni ta’ Data Personali, magħmula f’Malabo fis-27 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 26

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

1.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi reġjonali u internazzjonali tal-infurzar tal-liġi bil-ħsieb li jfixklu u jżarmaw il-kriminalità tranżnazzjonali u t-theddid terroristiku komuni għalihom. Tali kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għandha tinkludi, inter alia, skambji ta’ fehmiet dwar oqfsa leġiżlattivi, kif ukoll assistenza amministrattiva u teknika bl-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u operattivi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-iskambju ta’ informazzjoni u miżuri relatati mal-investigazzjonijiet.

2.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ fruntieri siguri, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiġġestixxu l-isfidi eżistenti u futuri li jaffettwaw il-fruntieri tagħhom, filwaqt li jsegwu approċċ għal ġestjoni integrata tal-fruntieri. Huma għandhom jippromwovu reazzjonijiet transsettorjali leġittimi li għandhom l-għan li jipprevjenu, jiskopru u, fejn xieraq, irażżnu l-kriminalità transkonfinali u riskji oħrajn.

TITOLU III

L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali

Artikolu 27

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jaħdmu flimkien lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, li jindirizzaw l-inugwaljanzi u li jippromwovu l-koeżjoni soċjali. Huma jaqblu wkoll li jikkooperaw biex jiżguraw li kulħadd ikollu l-mezzi meħtieġa biex igawdi ħajja ta’ dinjità bi standard ta’ għajxien adegwat, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali u servizzi soċjali xierqa. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa u lill-bniet, liż-żgħażagħ, lit-tfal u lill-aktar persuni vulnerabbli u żvantaġġati, f’konformità mal-prinċipji li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u li jintlaħaq l-ewwel dak li jinsab l-aħħar nett. Huma jaqblu wkoll li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mit-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni.

Kapitolu 1

Aċċess għas-servizzi soċjali

Artikolu 28

L-edukazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja inklużiv u l-edukazzjoni ta’ kwalità ekwa fil-livelli kollha. Huma għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-bniet u s-subien kollha jlestu l-edukazzjoni primarja u sekondarja bla ħlas, ekwa u ta’ kwalità u jkollhom aċċess għal żvilupp, kura u edukazzjoni preprimarja bikrija tat-tfal ta’ kwalità, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-differenzi bejn il-ġeneri. Huma għandhom jaħdmu biex jiżguraw aċċess ugwali għan-nisa u l-irġiel kollha għal edukazzjoni teknika, vokazzjonali u terzjarja ta’ kwalità u affordabbli, inkluża l-università. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-investiment fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u lill-promozzjoni tal-edukazzjoni diġitali u tal-arti għal kulħadd.

2.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jiżguraw li kulħadd ikollu l-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet biex igawdi kwalità tal-ħajja mtejba, biex ikun involut bis-sħiħ fis-soċjetà, biex jikkontribwixxi għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-komunità tiegħu, u biex jipparteċipa b’mod attiv u ekwu fil-ħajja demokratika u kulturali.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu skejjel sikuri u sistemi edukattivi li jiffunzjonaw tajjeb, b’riżorsi adegwati għall-ippjanar, il-ġestjoni u l-iżgurar tal-effettività tal-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz ta’ mezzi online u mezzi mhux konvenzjonali oħrajn. Huma għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu u jsaħħu sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. Huma għandhom jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti, tal-persunal u tal-akkademiċi bejn u fost il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 29

Is-saħħa

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li s-saħħa hija ċentrali għall-ħajja tan-nies u indikatur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli. Huma jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jipproteġu u jippromwovu l-ogħla standard li jista’ jintlaħaq ta’ saħħa fiżika u mentali għal kulħadd.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali b’mekkaniżmi u riżorsi ta’ finanzjament tas-saħħa sostenibbli, infrastrutturi operazzjonali, ħaddiema speċjalizzati fis-settur tas-saħħa, inkluż fir-rigward tar-reklutaġġ u ż-żamma, u teknoloġiji xierqa, bħal għodod diġitali, b’appoġġ għall-iżvilupp tas-saħħa mobbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu kopertura tas-saħħa universali, aċċess ekwu u universali għal servizzi tal-kura tas-saħħa komprensivi u ta’ kwalità u aċċess għal mediċini u vaċċini essenzjali sikuri, effettivi, ta’ kwalità u affordabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jindirizzaw il-mard komunikabbli u theddid maġġuri ieħor għas-saħħa transkonfinali, bħar-reżistenza antimikrobika, u biex inaqqsu l-piż tal-mard mhux komunikabbli permezz ta’ prevenzjoni u kontroll aħjar. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw kriżijiet tas-saħħa globali u jipprevjenu l-eskalazzjoni tagħhom, inter alia billi jappoġġaw sistemi ta’ twissija bikrija għal skambju rapidu ta’ informazzjoni, tħejjija u azzjoni bikrija fl-assistenza umanitarja li ssalva l-ħajjiet, u l-iżvilupp ta’ pjanijiet koerenti u multisettorjali biex tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa. Huma għandhom jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-iskjerament ta’ vaċċini, dijanjostika u mediċini.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-aċċess universali għall-komoditajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż għall-ippjanar tal-familja, l-informazzjoni u l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni tas-saħħa riproduttiva fl-istrateġiji u l-programmi nazzjonali.

Artikolu 30

Is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-kisba tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni mtejba tikkostitwixxi sfida globali kbira fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza dejjem tikber u, għalhekk, jaqblu li jindirizzaw il-kawżi strutturali tagħhom, li jinkludu kunflitti, kriżijiet, degradazzjoni tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu għajxien reżiljenti, jiggarantixxu l-aċċess għall-art, għall-ilma u għal riżorsi oħrajn, u jippromwovu tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-produzzjoni u l-produttività tal-agrikoltura, kif ukoll ktajjen tal-valur effiċjenti.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu azzjonijiet fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-varjabbiltà tul il-ktajjen tal-valur tal-produzzjoni tal-ikel.

4.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jipprovdu aċċess għal kulħadd għal ikel affordabbli, sikur, suffiċjenti u nutrittiv, li jżidu l-kapaċità għall-produzzjoni diversifikata tal-ikel, u li jiżviluppaw politiki dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni u mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba li jtejbu r-reżiljenza ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari f’pajjiżi li jiffaċċjaw kriżijiet rikorrenti.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi kkoordinati, mgħaġġla u transsettorjali biex itemmu l-ġuħ, jindirizzaw il-forom kollha ta’ nutrizzjoni ħażina u jiżguraw li l-karestija tiġi evitata fiċ-ċirkostanzi kollha.

Artikolu 31

L-ilma, is-servizzi tas-sanità u l-akkomodazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess universali għal ilma tax-xorb adegwat u sikur, inkluż permezz ta’ riżorsi tal-ilma sostenibbli u integrati u ġestjoni tas-sistemi, kif ukoll permezz ta’ użu aktar effiċjenti tal-ilma u r-riċiklaġġ tal-ilma.

2.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiżguraw aċċess adegwat u ekwu għas-servizzi tas-sanità, inklużi l-immaniġġjar tal-iskart u l-promozzjoni tal-iġjene għal kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet u ta’ dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għandha impatt trasformattiv fuq il-komunitajiet vulnerabbli u emarġinati, u għandha impatti sinifikanti fuq is-saħħa tan-nies u l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet tagħhom. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiżguraw l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għal kulħadd permezz tal-iżvilupp ta’ politiki, strateġiji, ippjanar u kodiċijiet tal-bini u biex jammeljoraw il-kwartieri foqra.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd, u sistemi tal-enerġija stabbiliti sewwa li jappoġġaw, inter alia, is-setturi tal-ilma, tas-servizzi sanitarji u tal-akkomodazzjoni.

Kapitolu 2

L-inugwaljanza u l-koeżjoni soċjali

Artikolu 32

Il-koeżjoni u l-protezzjoni soċjali

1.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jtejbu l-koeżjoni soċjali billi progressivament jiksbu ugwaljanza akbar u inklużività soċjali u billi jiżguraw li l-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali javvanzaw b’mod parallel mal-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet żvantaġġati, vulnerabbli u emarġinati, inklużi l-anzjani u l-orfni, f’konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u tan-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, huma għandhom jippromwovu:

(a)

politiki ekonomiċi orjentati lejn soċjetà aktar inklużiva, li jippermettu distribuzzjoni aħjar tal-introjtu u tal-valur maħluq;

(b)

politiki fiskali u tal-pagi ekwi u tajbin, li jippermettu ridistribuzzjoni aħjar tal-ġid, jiżguraw livelli adegwati ta’ nfiq soċjali u jnaqqsu l-ekonomija informali;

(c)

politiki soċjali effettivi u aċċess ekwu għas-servizzi soċjali, l-assistenza u s-sigurtà soċjali, u l-ġustizzja; u

(d)

politiki tal-impjiegi maħsuba biex jiksbu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd, inkluż għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’diżabbiltà, u biex jiksbu paga ugwali għal xogħol ugwali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u sistemi ta’ protezzjoni u sigurtà soċjali sabiex jinqered il-faqar u tittejjeb il-koeżjoni soċjali. Huma jirrikonoxxu r-rwol trasformattiv fis-soċjetajiet tal-politiki u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali, irawmu l-ekwità, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u d-djalogu mal-imsieħba soċjali, u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku inklużiv u ekwu. Huma jimpenjaw ruħhom li jibnu sistemi ta’ protezzjoni soċjali progressivament universali u li huma proprjetà nazzjonali, inkluża l-adozzjoni ta’ livelli minimi ta’ protezzjoni soċjali.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex jiżguraw l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u l-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Huma għandhom jieħdu passi konkreti biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, magħmula fi New York fit-13 ta’ Diċembru 2006.

Artikolu 33

Xogħol deċenti

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiksbu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għan-nisa u l-irġiel kollha, inkluż għaż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabbiltà. Għal dak l-għan, huma għandhom jippromwovu l-Aġenda għal Xogħol Deċenti, kif stabbilita fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organization) tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom bħala membri tal-ILO u l-impenji tagħhom skont id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji Fundamentali u d-Drittijiet fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha. Huma jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għad-djalogu soċjali u għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards tax-xogħol ewlenin rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, kif definiti mill-konvenzjonijiet u l-protokolli rilevanti tal-ILO dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, l-abolizzjoni tax-xogħol furzat u t-tmiem tal-iskjavitù modern u tat-traffikar tal-bnedmin, l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal bi prijorità mogħtija lill-agħar forom, lill-età minima fuq ix-xogħol, lir-remunerazzjoni ugwali u lin-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg. Huma għandhom jagħmlu sforzi sostnuti u kontinwi biex, jekk ikunu għadhom ma għamlux dan, jirratifikaw dawk il-konvenzjonijiet u l-protokolli, jew jaċċedu għalihom, kif xieraq.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ambjenti tax-xogħol sikuri u siguri għall-ħaddiema kollha. Huma għandhom jadottaw u jimplimentaw miżuri u politiki rigward is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, kemm fl-ekonomija formali kif ukoll f’dik informali, u għandhom jaħdmu biex jistabbilixxu u jżommu sistema effettiva ta’ spezzjoni tax-xogħol, f’konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol kif definiti mill-ILO.

Kapitolu 3

Il-popolazzjoni u l-iżvilupp

Artikolu 34

Id-demografija

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-tkabbir demografiku u l-bidliet demografiċi jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-kisbiet fl-iżvilupp u l-progress ekonomiku u għandhom jaħdmu flimkien lejn approċċ integrat li jimminimizza l-isfidi u jimmassimizza l-benefiċċji tad-dividend demografiku. Għal dak l-għan, huma għandhom jimmiraw li jistabbilixxu, jappoġġaw, iżommu u jsostnu riformi u trasformazzjonijiet strutturali fis-sistemi ekonomiċi u soċjali biex joħolqu opportunitajiet ta’ edukazzjoni, xogħol u għajxien deċenti għal popolazzjoni żagħżugħa emerġenti.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw proċessi ta’ djalogu ta’ politika inklużivi u jinkorporaw ix-xejriet u l-projezzjonijiet demografiċi fil-politiki kollha sabiex isaħħu l-pożizzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ u jippromwovu l-parteċipazzjoni sħiħa u attiva tagħhom fis-soċjetà, u jabilitaw u jissalvagwardjaw il-ħtiġijiet tal-anzjani u jippermettu l-involviment attiv tagħhom.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-urbanizzazzjoni li hija inklużiva u sostenibbli, permezz ta’ governanza u ppjanar urbani effettivi, bil-ħsieb li jimminimizzaw kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent u jindirizzaw kwalunkwe konsegwenza soċjali u ekonomika negattiva oħra kkawżata minn tkabbir rapidu tal-popolazzjoni f’żoni urbani. Huma għandhom jaħdmu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mill-urbanizzazzjoni rapida, inkluż permezz ta’ politiki urbani nazzjonali, ippjanar urban integrat parteċipattiv, l-għoti ta’ servizzi muniċipali, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart, u l-finanzjament tal-iżvilupp urban u tal-infrastrutturi, sabiex jinħolqu bliet u rħula reżiljenti u abitabbli.

Artikolu 35

Iż-żgħażagħ

1.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà, inkluż fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fis-segwitu tal-politiki li jaffettwawhom. Din għandha tinkludi:

(a)

appoġġ fl-akkwist ta’ għarfien, ħiliet u kapaċitajiet għall-involviment bis-sħiħ fis-soċjetà, inklużi ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, permezz ta’ edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u tekniku, u aċċess għal teknoloġiji diġitali;

(b)

il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol deċenti, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ; u

(c)

il-promozzjoni tar-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ u taċ-ċittadinanza responsabbli, billi jinfetħu spazji għall-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja politika u kulturali, u fil-bini u s-sostenn tal-paċi, inkluż bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-għoti ta’ ambjent sikur u li jrawwem lit-tfal huwa element vitali fit-trawwim ta’ popolazzjoni żagħżugħa b’saħħitha, li kapaċi tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, inklużi dimensjonijiet fiżiċi, psikoloġiċi, soċjali u ekonomiċi. Huma għandhom jaħdmu biex jiżguraw li d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-bniet u tas-subien jiġu rikonoxxuti u realizzati mit-twelid u mit-tfulija bikrija sal-adolexxenza u t-tranżizzjoni tagħhom għall-età adulta. Huma għandhom jaħdmu biex itejbu l-protezzjoni tat-tfal u l-parteċipazzjoni tagħhom f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom.

Artikolu 36

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma essenzjali biex jinkisbu żvilupp sostenibbli ekwu u tkabbir inklużiv. Huma għandhom iwettqu riformi, inkluż permezz tal-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ oqfsa legali, biex jagħtu lin-nisa drittijiet ugwali għar-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji, kif ukoll aċċess għal, sjieda ta’ u kontroll fuq l-art u r-riżorsi naturali, il-wirt, u forom oħrajn ta’ proprjetà. Huma għandhom jieħdu azzjonijiet biex iżidu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tan-nisa fil-ħajja politika.

Minbarra l-aċċess ugwali għall-impjiegi u għal kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, il-Partijiet għandhom jippromwovu r-rikonoxximent tal-kura bla ħlas u tax-xogħol domestiku permezz tal-għoti ta’ servizzi pubbliċi, politiki dwar l-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali u l-promozzjoni ta’ responsabbiltajiet kondiviżi fi ħdan l-unità domestika u l-familja b’mod ġenerali.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħhom u jimpenjaw ruħhom għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, f’dak il-kuntest.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ġestjoni tas-saħħa mestrwali hija importanti għas-saħħa tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll għad-dinjità, il-mobilità u l-benesseri tagħhom u, għalhekk, huma jaqblu li jippromwovu miżuri ta’ appoġġ adegwati u xierqa.

Kapitolu 4

Il-kultura

Artikolu 37

Il-kultura u l-iżvilupp sostenibbli

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-kultura hija element ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u komponent integrali tad-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħha. Huma jimpenjaw ruħhom għall-integrazzjoni ta’ perspettiva kulturali fil-politiki u l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom, billi jqisu l-ispeċifiċitajiet kulturali u s-sistemi ta’ għarfien lokali u indiġeni.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kontribut tal-atturi kulturali għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi djalogu mtejjeb, networks professjonali u sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati.

Artikolu 38

Id-diversità kulturali u l-fehim reċiproku

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-bnedmin kollha għandhom id-dritt li jipparteċipaw liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jimpenjaw ruħhom li jipproteġu u jikkonservaw id-drittijiet kulturali u l-libertà tal-espressjoni artistika.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu viżjoni ta’ żvilupp tal-bniedem u żvilupp soċjali li tinkorpora d-djalogu fost il-kulturi u r-rikonoxximent tad-diversità kulturali bħala wirt komuni tal-umanità. Huma jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-fehim u l-għarfien reċiproċi tal-kulturi rispettivi tagħhom, bir-rispett dovut għad-diversità, għall-valuri universali u għad-drittijiet tal-bniedem, billi jrawmu d-dimensjoni kulturali fl-edukazzjoni, kif ukoll l-iskambji kulturali u l-inizjattivi konġunti mmirati lejn l-inkoraġġiment tad-djalogu interkulturali.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol li għandha l-kultura fil-preservazzjoni tal-paċi u tal-koeżjoni nazzjonali. Huma jaffermaw li r-rispett għad-diversità tal-kulturi, it-tolleranza, id-djalogu u l-kooperazzjoni, fi klima ta’ fiduċja u fehim reċiproċi, huma kruċjali għall-istabbiliment u ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà u fil-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni, kif ukoll għar-restawr tal-memorja kollettiva u l-konnessjonijiet soċjali fost il-komunitajiet. Huma għandhom isaħħu r-rwol tal-kultura fil-bini tar-reżiljenza, kif ukoll fil-kisba ta’ rkupru u rikostruzzjoni sostenibbli wara l-kriżi, b’mod partikolari fl-iżvilupp urban.

Artikolu 39

Il-wirt kulturali u s-setturi kreattivi

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-rikonoxximent tal-wirt bħala fattur li jgħaqqad, li jista’ jirrifletti identitajiet u legati differenti, filwaqt li jrawmu l-ħolqien ta’ valuri kondiviżi. Huma għandhom jaħdmu biex jissalvagwardjaw, jippreservaw, jikkonservaw u jiżviluppaw il-wirt kulturali kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, f’konformità ma’ standards u konvenzjonijiet internazzjonali bħala mezz għall-koeżjoni soċjali, il-kreattività u l-innovazzjoni.

2.   Il-Partijiet jaqblu li s-setturi kulturali u kreattivi, inkluża l-arti kontemporanja, huma ċentrali għal tkabbir ekonomiku inklużiv, id-diversifikazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol. Għal dak l-għan, huma għandhom jappoġġaw l-intraprenditorija kulturali u l-iżvilupp fit-tul tas-setturi kulturali u kreattivi.

3.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri, f’konformità mal-liġi internazzjonali eżistenti, biex jipprevjenu u jiġġieldu l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment illeċiti tas-sjieda ta’ proprjetà kulturali. Huma għandhom jippromwovu l-konservazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u l-kollaborazzjoni fost il-professjonisti tal-wirt kulturali, il-komunitajiet tas-sors u l-istituzzjonijiet kulturali, u għandhom isegwu kooperazzjoni internazzjonali u djalogu kontinwu biex jippromwovu l-aċċess għall-wirt kulturali.

TITOLU IV

Tkabbir u żvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli

Artikolu 40

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jsaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom fl-interess reċiproku tagħhom u għall-benefiċċju reċiproku, bil-ħsieb li tinkiseb trasformazzjoni ekonomika strutturali permezz ta’ tkabbir u żvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli f’konformità mal-SDGs, filwaqt li jqisu l-livelli ta’ żvilupp rispettivi tagħhom. Huma għandhom isegwu strateġiji integrati li jinkorporaw id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiġġeneraw impjiegi deċenti għal kulħadd u jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Huma għandhom jappoġġaw l-awtonomizzazzjoni soċjoekonomika ta’ gruppi emarġinati, nisa u żgħażagħ.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, u għandhom jattiraw u jżommu investiment domestiku u barrani, inklużi investimenti mid-dijaspora. Huma għandhom isaħħu l-kummerċ u jikkooperaw fix-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka bil-ħsieb li jistabbilixxu ekonomiji b’saħħithom, kompetittivi u diversifikati, japprofondixxu l-integrazzjoni reġjonali u jrawmu l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Membri tal-OSAKP fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali. Huma għandhom jaħdmu lejn stabbiltà makroekonomika u finanzjarja mtejba biex jiġġeneraw aktar investiment u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma jaqblu li jtejbu l-kapaċitajiet produttivi u regolatorji, isaħħu l-intraprenditorija u jippromwovu l-manifattura u l-industrijalizzazzjoni, filwaqt li jiffokaw fuq l-innovazzjoni u ż-żieda fil-valur fis-setturi produttivi u tas-servizzi. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċitajiet biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni ekonomika strutturali u biex itejbu l-kummerċ sostenibbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu djalogu pubbliku-privat li jiffoka fuq kwistjonijiet li jħallu impatt pożittiv fuq l-isforzi tagħhom fuq it-trasformazzjoni ekonomika u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, u għandhom jimpenjaw ruħhom mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jiżguraw ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards tax-xogħol ewlenin.

Kapitolu 1

L-investiment

Artikolu 41

Il-mobilizzazzjoni ta’ investiment sostenibbli u responsabbli

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jimmobilizzaw investiment sostenibbli u responsabbli bil-ħsieb li jtejbu t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli. Għal dak l-għan, huma għandhom jistabbilixxu klima ta’ investiment favorevoli, li tattira investiment domestiku u barrani, inkluż investiment mid-dijaspora tagħhom, u żżomm id-dritt li tirregola, permezz ta’ oqfsa regolatorji, amministrattivi u ta’ politika trasparenti, prevedibbli u effiċjenti.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jappoġġaw ir-riformi u l-politiki ekonomiċi u istituzzjonali meħtieġa li huma msejsa fuq l-istrateġija ta’ żvilupp ġenerali ta’ pajjiż u li huma koerenti u sinerġistiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li jinħoloq ambjent li jwassal għal investiment sostenibbli u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ settur privat dinamiku, vijabbli u kompetittiv.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu sistemi finanzjarji sodi biex jimmobilizzaw l-investiment għal proġetti sostenibbli. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jappoġġaw l-investiment billi jżidu l-aċċess għall-finanzjament permezz ta’ assistenza teknika, għotjiet, garanziji u strumenti finanzjarji innovattivi biex itaffu r-riskju, jagħtu spinta lill-fiduċja tal-investituri, u jimmassimizzaw is-sorsi privati u pubbliċi ta’ finanzjament. Meta jagħmlu dan, huma għandhom iqisu wkoll il-ħtieġa li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, filwaqt li jiżguraw l-addizzjonalità tal-investiment li ma kienx iseħħ mingħajr dawk il-miżuri ta’ appoġġ. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lis-setturi ta’ prijorità deskritti fl-Artikolu 44(6).

4.   Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-ambjent regolatorju kif ukoll il-kwalità, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji, biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-investiment domestiku.

5.   Il-Partijiet jifhmu u jirrikonoxxu l-importanza ta’ investiment responsabbli mill-atturi rilevanti bħala mezz biex jinkiseb valur ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fit-tul. B’appoġġ għal dak l-objettiv, huma għandhom jippromwovu prattiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR, corporate social responsibility) u mġiba responsabbli fin-negozju (RBC, responsible business conduct), inklużi linji gwida ta’ implimentazzjoni, standards u strumenti applikabbli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali li jipprovdu gwida lill-investituri, lill-gvernijiet u lil atturi oħrajn dwar l-implimentazzjoni ta’ CSR u RBC bħala komplement għal-liġijiet nazzjonali u għal leġiżlazzjoni applikabbli oħra.

Artikolu 42

Il-faċilitazzjoni u l-protezzjoni tal-investiment

1.   Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw l-investiment permezz ta’ leġiżlazzjoni, regolamenti u politiki mmirati biex inaqqsu l-ostakli regolatorji u amministrattivi, itejbu t-trasparenza u jevitaw kompetizzjoni dannuża għall-investiment. Huma jaqblu li tali miżuri għandhom jiġu żviluppati b’mod trasparenti, u jkunu disponibbli għall-pubbliku biex jinkoraġġixxu djalogu pubbliku-privat u jipprovdu l-opportunità għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jipparteċipaw.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-użu effettiv tal-għodod diġitali biex jiffaċilitaw l-investiment.

3.   Il-Partijiet, f’konformità mal-istrateġiji rispettivi tagħhom, jaqblu fuq l-importanza li jipprovdu ċertezza legali u protezzjoni adegwata lill-investimenti stabbiliti, li t-trattament tagħhom għandu jkun ta’ natura mhux diskriminatorja u għandu jinkludi mekkaniżmi effettivi ta’ prevenzjoni u soluzzjoni tat-tilwim. F’dak ir-rigward, huma jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jikkonkludu ftehimiet ta’ investiment internazzjonali, li jippreservaw bis-sħiħ id-dritt sovran tagħhom li jirregolaw l-investiment għal skopijiet leġittimi ta’ ordni pubbliku.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati rilevanti li jippromwovu u jiffaċilitaw l-investiment b’mod effettiv, u li jipprevjenu u jittrattaw tilwim relatat mal-investiment.

Kapitolu 2

It-tkabbir ekonomiku, id-diversifikazzjoni u l-industrijalizzazzjoni

Artikolu 43

Tkabbir inklużiv u sostenibbli

1.   Il-Partijiet jaqblu fuq l-importanza tat-trasformazzjoni ekonomika, l-iżvilupp tas-settur privat u l-avvanz industrijali għal tkabbir inklużiv u sostenibbli. Huma għandhom jippromwovu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd permezz ta’ kompetittività mtejba, diversifikazzjoni, diġitalizzazzjoni, innovazzjoni, aċċess għall-finanzi, żieda fil-valur fis-setturi tal-manifattura u tas-servizzi, u konnessjonijiet fost is-setturi u l-industriji. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-MSMEs lokali u lill-formalizzazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi informali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’emissjonijiet baxxi. Huma għandhom jappoġġaw approċċi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart u tas-sustanzi kimiċi u miżuri li jnaqqsu kull forma ta’ tniġġis. Il-Partijiet jaqblu li l-urbanizzazzjoni ġestita tajjeb hija element kritiku fl-avvanz tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Għalhekk, huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mill-urbanizzazzjoni rapida u għandhom jappoġġaw l-iżvilupp u l-infrastrutturi urbani u l-konnessjonijiet rurali-urbani effettivi.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-inklużjoni ekonomika u soċjali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-ifqar u dawk l-aktar vulnerabbli. Huma jaqblu wkoll li jiżguraw ir-rispett għall-istandards tax-xogħol u soċjali stabbiliti fil-konvenzjonijiet u fil-protokolli tal-ILO u li jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja taħt il-proċess dovut, inklużi rimedji xierqa u effettivi.

Artikolu 44

It-trasformazzjoni ekonomika u l-industrijalizzazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasformazzjoni ekonomika, inkluża l-industrijalizzazzjoni. Huma għandhom jippromwovu t-tranżizzjoni minn ekonomiji b’dipendenza fuq il-komoditajiet għal ekonomiji diversifikati, u jippromwovu l-benefiċjazzjoni tar-riżorsi naturali, iż-żieda fil-valur u l-integrazzjoni fi ktajjen ta’ valur reġjonali u globali. Huma jaqblu dwar ir-rwol importanti li għandu s-settur tas-servizzi fit-trasformazzjoni ekonomika u fl-industrijalizzazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet produttivi, produttività mtejba, diversifikazzjoni u kompetittività. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jegħlbu r-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista permezz ta’, inter alia, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-titjib tat-teknoloġija u t-tixrid tagħha, klima mtejba tan-negozju u tal-investiment, kapaċitajiet regolatorji msaħħa, l-istabbiltà makroekonomika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ swieq kapitali effiċjenti u sistemi finanzjarji sodi għal aċċess imtejjeb għall-finanzi, b’mod partikolari għas-settur privat. Għal dak l-għan, huma jaffermaw l-importanza tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fl-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċità produttiva. L-enfasi għandha tkun fuq setturi u industriji b’żieda ta’ valur għoli u b’potenzjal għoli għal ħolqien ta’ impjiegi deċenti.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jtejbu l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja billi jsegwu politiki fiskali u monetarji sodi u trasparenti u li jippromwovu riformi ekonomiċi u strutturali sabiex joħolqu ambjent li jwassal għal aktar investimenti u li jrawmu l-iżvilupp tas-settur privat. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll l-importanza tal-indipendenza tal-banek ċentrali fl-iffissar tal-għanijiet ta’ politika tagħhom u fit-tmexxija tal-politiki monetarji. Huma jaqblu wkoll li jżommu djalogu u jiskambjaw informazzjoni bejn l-awtoritajiet tagħhom, kif xieraq, biex itejbu l-fehim tal-prinċipji fundamentali tal-ekonomiji rispettivi tal-Partijiet.

4.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tekniċi u vokazzjonali, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jorbtu tali miżuri b’mod aktar effettiv mal-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol. Huma għandhom jikkooperaw biex jimmassimizzaw l-esperjenzi ta’ xulxin, inkluż fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet produttivi permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija, it-trawwim ta’ konnessjonijiet bejn ditti ta’ Membri tal-OSAKP u tal-Parti UE, b’enfasi fuq l-MSMEs.

5.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rwol sinifikanti tal-infrastruttura fl-indirizzar tar-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista u fl-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur reġjonali u subreġjonali kompetittivi permezz tal-faċilitazzjoni tal-moviment effiċjenti ta’ oġġetti, servizzi u kapital. Huma għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw infrastruttura effiċjenti u sostenibbli, inklużi t-trasport bl-ajru, bl-art u bil-baħar, l-enerġija, l-ilma u l-konnettività diġitali, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet differenti tal-ekonomiji tal-Istati l-inqas żviluppati, tal-Istati mingħajr kosta u tal-Istati gżejjer. Għaldaqstant, huma għandhom jikkooperaw biex jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati, inkluż permezz ta’ investiment għall-iżvilupp tal-infrastruttura.

6.   Il-Partijiet, b’impenn li jsegwu tkabbir ekonomiku kondiviż, jaqblu li jikkooperaw, inter alia, fuq l-oqsma li ġejjin li għandhom jitqiesu bħala setturi ta’ prijorità: l-agrikoltura u n-negozju agrikolu, il-bhejjem u l-ġilda, l-ekonomija blu, is-sajd, l-industriji tal-minjieri u estrattivi, l-industriji kulturali u kreattivi, it-turiżmu sostenibbli, l-enerġija sostenibbli, l-ICT u t-trasport. Il-Partijiet jenfasizzaw ir-rwol sinifikanti ta’ dawn is-setturi fiż-żieda tal-valur, il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, it-titjib tal-kapaċitajiet produttivi u għall-isforzi ġenerali fuq it-trasformazzjoni ekonomika. Għaldaqstant, huma għandhom jikkooperaw fl-identifikazzjoni tal-ixprunaturi tat-tkabbir għal kull settur, fil-mobilizzazzjoni tal-investiment u fl-indirizzar tar-restrizzjonijiet li jdgħajfu l-istabbiliment ta’ konnessjonijiet b’lura u ’l quddiem.

7.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu, jistimolaw it-trasferiment tal-ħiliet u tat-teknoloġija, jaħdmu biex itejbu l-ktajjen tal-valur, u jsaħħu l-kooperazzjoni għall-arrikkiment reċiproku tal-esperjenzi u t-tixrid tal-aħjar prattiki fis-settur tal-agrikoltura. Huma għandhom jikkooperaw ukoll biex jappoġġaw mekkaniżmi u oqfsa maħsuba biex iżidu l-produzzjoni agrikola sostenibbli u ta’ kwalità.

Artikolu 45

L-iżvilupp tas-settur privat

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-iżvilupp tas-settur privat għat-trasformazzjoni ekonomika u għall-ħolqien tal-impjiegi, għandhom jimmiraw li jippromwovu l-intraprenditorija u li jiżviluppaw u jtejbu l-kompetittività tal-intrapriżi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, inklużi negozji ġodda, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ oqfsa legali, amministrattivi u istituzzjonali abilitanti, bil-ħsieb li dawn jiġu integrati b’suċċess fi ktajjen tal-provvista u tal-valur sostenibbli. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lis-settur informali u biex l-attivitajiet ekonomiċi informali jiġu aġġornati f’oħrajn formali, u biex titħeġġeġ l-integrazzjoni ta’ objettivi relatati mas-sostenibbiltà fil-mudelli tan-negozju. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jappoġġaw l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost in-nisa u ż-żgħażagħ fil-kuntest tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom u l-promozzjoni ta’ żvilupp inklużiv. Huma jaffermaw l-importanza tal-bini ta’ kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali sabiex tittejjeb il-kompetittività fil-manifattura ta’ teknoloġija medja u avvanzata.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, inkluż permezz ta’ fora tan-negozju fis-settur privat. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni għall-arrikkiment reċiproku tal-esperjenzi u t-tixrid tal-aħjar prattiki li jrawmu l-intraprenditorija, jippromwovu djalogu u kuntatti bejn in-negozji, u jistimolaw it-trasferimenti ta’ ħiliet u teknoloġija.

3.   Il-Partijiet jaqblu fuq il-ħtieġa li jistabbilixxu strateġiji u jiżviluppaw politiki aħjar dwar l-inklużjoni finanzjarja u leġiżlazzjoni xierqa, u li jtejbu l-aċċess għall-finanzi u għas-servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi, b’attenzjoni partikolari għall-għoti ta’ kreditu affordabbli għall-bdiewa tal-familja, għall-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u għall-imprendituri nisa u żgħażagħ.

4.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li kemm is-sorsi pubbliċi kif ukoll dawk privati ta’ finanzjament għandhom rwol ewlieni biex jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, b’mod partikolari permezz ta’ għodod u mekkaniżmi bħal sħubijiet pubbliċi-privati (–PPPs, public-private partnerships) u finanzjament imħallat, u biex jistimolaw l-investiment fis-setturi rilevanti, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura. Għaldaqstant, huma għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw oqfsa u strateġiji trasparenti u prevedibbli għall-użu tal-PPPs, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali sabiex il-proġetti jiġu nnegozjati, implimentati u mmonitorjati taħt arranġament ta’ PPPs.

Kapitolu 3

Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka

Artikolu 46

Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni (‘science, technology and innovation’ — STI) fl-espansjoni tal-fruntieri tal-għarfien, fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni u l-qabża lejn l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ trasformazzjoni ekonomika, żieda fil-katina tal-valur u konnessjonijiet bejn il-kumpaniji, fit-trawwim tal-iżvilupp tal-għarfien u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniedem, b’mod partikolari tan-nisa u taż-żgħażagħ, u fl-appoġġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jfasslu l-politika fl-eżerċizzju ta’ żvilupp sostenibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiżviluppaw soċjetajiet ta’ għarfien. Huma jaqblu li jinvestu fil-kapital uman, jippromwovu l-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ politika u regolatorji koerenti u komprensivi, u jiżviluppaw konnettività infrastrutturali u għodod diġitali.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni abbażi ta’ benefiċċju reċiproku, billi jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti, filwaqt li jesploraw toroq ġodda fil-finanzjament tal-STI, soġġetti għal protezzjoni xierqa u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Huma għandhom jippromwovu l-għarfien indiġenu, tradizzjonali u lokali bħala għodda biex jitnaqqsu l-lakuni fl-għarfien u fit-teknoloġija fis-setturi rilevanti.

4.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-investiment fil-ħolqien, it-tixrid u t-trasferiment ta’ teknoloġiji ġodda b’attenzjoni partikolari għal teknoloġiji nodfa u innovattivi li jħarsu l-ambjent. Huma għandhom jippromwovu l-enerġija rinnovabbli u jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ kapaċità produttiva u regolatorja.

5.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw l-impatt potenzjali tat-teknoloġiji fuq is-soċjetà, jindirizzaw kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali, u jikkunsidraw l-effetti ta’ teknoloġija fixkiela, inklużi l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol tal-ispazju bħala faċilitatur għal benefiċċji soċjali u ekonomiċi, inkluż fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-governanza tal-oċeani, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, l-estrazzjoni u l-forestrija. Huma għandhom jikkooperaw fi kwistjonijiet ta’ interess komuni fl-attivitajiet spazjali ċivili, bħar-riċerka spazjali, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ awmentazzjoni bis-satellita, l-użu ta’ applikazzjonijiet u servizzi ta’ Osservazzjoni tad-Dinja u x-Xjenza tad-Dinja.

Artikolu 47

Ir-riċerka u l-iżvilupp

1.   Il-Partijiet jaqblu li r-riċerka u l-iżvilupp huma kritiċi biex jinħolqu l-prosperità ekonomika u l-opportunitajiet għal xogħol deċenti, u jistgħu jagħtu kontribut ċentrali sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ għarfien ġdid, filwaqt li jqisu l-impatti potenzjali tiegħu, inklużi effetti dannużi, fuq l-ambjent u s-soċjetà. Huma għandhom jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet biex iżommu l-pass mal-avvanzi teknoloġiċi u l-innovazzjoni, u għandhom jappoġġaw il-mobilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi. Huma għandhom jippromwovu sħubijiet bejn l-industrija, l-akkademiċi u s-settur pubbliku, kif ukoll attivitajiet tas-settur privat immirati lejn il-ġbir tal-għarfien u l-ittestjar tal-ideat sabiex jiġġeneraw prodotti ġodda b’potenzjal kummerċjali reali, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa u liż-żgħażagħ bħala innovaturi.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment f’segmenti b’valur miżjud għoli tal-ktajjen tal-valur, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, speċjalment fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-sikurezza u s-sigurtà alimentari, u s-saħħa.

Artikolu 48

L-ICT u l-ekonomija diġitali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex inaqqsu d-distakk diġitali billi jippromwovu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp tas-soċjetà diġitali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji permezz tal-aċċessibbiltà għat-teknoloġiji diġitali, inklużi l-ICT, adattati għaċ-ċirkostanzi lokali. Il-Partijiet għandhom jappoġġaw miżuri li jippermettu aċċess faċli għall-ICT permezz ta’, fost l-oħrajn, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija affordabbli u rinnovabbli u l-iżvilupp u r-riallokazzjoni ta’ networks mingħajr fili bi prezz baxx. Huma għandhom jaħdmu wkoll lejn komplementarjetà u armonizzazzjoni akbar tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u l-adattament tagħhom għal teknoloġiji ġodda.

2.   Il-Partijiet jaqblu fuq ir-rwol ċentrali tal-ekonomija diġitali bħala amplifikatur u aċċelleratur għall-bidla li tista’ tixpruna diversifikazzjoni ekonomika sinifikanti, toħloq l-impjiegi u tippermetti t-tkabbir f’daqqa. Huma jaqblu li javvanzaw id-diġitalizzazzjoni bil-ħsieb li jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjoni u jnaqqsu l-assimetriji fl-informazzjoni bl-għanijiet ġenerali li jtejbu l-produttività u s-sostenibbiltà.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jappoġġaw l-intraprenditorija diġitali, b’mod partikolari min-nisa u ż-żgħażagħ, u t-trasformazzjoni diġitali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku biex iġeddu l-ktajjen tal-provvista u jespandu s-swieq, u jinkoraġġixxu l-espansjoni tal-operazzjonijiet bankarji elettroniċi, inkluż għat-tnaqqis tal-kostijiet tar-rimessi, u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet ta’ governanza elettronika.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ politiki dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, jippromwovu miżuri biex jiffaċilitaw il-flussi tad-data, u jappoġġaw il-qafas regolatorju biex jippromwovu l-produzzjoni, il-bejgħ u l-konsenja ta’ prodotti u s-servizzi diġitali.

Kapitolu 4

Il-kooperazzjoni kummerċjali

Artikolu 49

Il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin. Huma jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom, b’kunsiderazzjoni xierqa għal-livelli rispettivi ta’ żvilupp tagħhom, li jtejbu l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkonsisti fl-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien tal-ambjent, f’kull aspett tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent, protezzjoni soċjali u protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk l-impenji speċifikati fl-Artikolu 54, fil-Kapitoli 1 sa 3 tat-Titolu V u fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III ta’ din il-Parti, sabiex jitwettqu l-objettivi tal-SDGs miftiehma taħt l-Aġenda 2030. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jenħtieġ li l-miżuri ambjentali u soċjali ma jintużawx għal skopijiet protezzjonisti.

2.   Il-Partijiet jaqblu li mhuwiex xieraq li jinkoraġġixxu l-kummerċ u l-investiment billi jbaxxu jew joffru li jbaxxu l-livell ta’ protezzjoni domestika mogħtija fil-liġijiet ambjentali jew tax-xogħol, jew l-infurzar tagħhom.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu d-drittijiet rispettivi tagħhom biex jiddeterminaw l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika ta’ żvilupp sostenibbli u jistabbilixxu l-livelli tagħhom ta’ protezzjoni domestika fl-oqsma soċjali, tax-xogħol u ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, skont kif iqisu li huwa xieraq, sakemm il-liġijiet u l-politiki adottati ma jkunux inkonsistenti mal-impenji tagħhom għal standards ta’ protezzjoni rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u ftehimiet rilevanti.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kummerċ fil-prodotti miksuba permezz tal-ġestjoni sostenibbli, il-konservazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll biex jippromwovu l-kummerċ u l-investiment f’oġġetti u servizzi ta’ rilevanza partikolari għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż fi prodotti manifatturati u manifatturati mill-ġdid b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, enerġija rinnovabbli, u prodotti u servizzi effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-koerenza u l-appoġġ reċiproku bejn il-politiki kummerċjali, tax-xogħol u ambjentali, u għandhom isaħħu d-djalogu, u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, dwar aspetti relatati mal-kummerċ tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. F’dak il-kuntest, huma jaqblu wkoll li jikkooperaw biex jippromwovu prattiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u mġiba responsabbli fin-negozju, inklużi linji gwida, standards u strumenti applikabbli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali billi jinkorporaw dawk il-prattiki f’attivitajiet kummerċjali u ta’ negozju. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet maħluqa mill-aspetti relatati mal-kummerċ ta’ skemi ta’ assigurazzjoni sostenibbli volontarji privati u pubbliċi marbuta ma’, inter alia, ix-xogħol, l-ambjent, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u l-prattiki tas-sajd sostenibbli u l-kummerċ fi prodotti tas-sajd ġestiti b’mod sostenibbli.

6.   Il-Partijiet jaqblu li jżommu jew jistabbilixxu, fejn xieraq, sistemi li jappoġġaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u l-ftehimiet rilevanti, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, inkluż billi jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali biex jadottaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti.

Artikolu 50

Arranġamenti kummerċjali

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jibnu fuq il-kisbiet tal-Ftehim ta’ Cotonou fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Huma jissottolinjaw is-sinifikat tal-kummerċ fir-relazzjonijiet ġenerali tagħhom u jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-intensifikazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-flussi kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, b’mod partikolari bil-għan tal-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Membri tal-OSAKP fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni kummerċjali għandha titmexxa f’konformità mas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bil-ħsieb li jittejjeb il-kummerċ ħieles, ġust u miftuħ għall-kisba ta’ tkabbir u żvilupp sostenibbli, speċjalment fil-Membri tal-OSAKP. Għal dak l-għan, il-kooperazzjoni għandha tkun konformi mal-obbligi assunti mill-Partijiet fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization), inklużi dispożizzjonijiet għal trattament speċjali u differenzjali.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jikkonkludu arranġamenti kummerċjali, li jiksbu opportunitajiet kummerċjali akbar u jrawmu l-integrazzjoni effettiva tagħhom fl-ekonomija globali. Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt rispettiv tagħhom li jidħlu f’arranġamenti reġjonali jew multilaterali għat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ miżuri mhux tariffarji li jaffettwaw il-kummerċ f’oġġetti u servizzi. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom ukoll biex jillimitaw l-impatti negattivi possibbli tal-arranġamenti kummerċjali rispettivi tagħhom ma’ partijiet terzi fuq il-pożizzjonijiet kompetittivi li kull Parti tgawdi fis-swieq domestiċi tal-oħrajn.

4.   Filwaqt li jżommu f’moħħhom il-ħtieġa li jibnu fuq l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali eżistenti tagħhom u fuq il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bħala strumenti tal-kooperazzjoni kummerċjali tagħhom, il-Partijiet jirrikonoxxu li l-kooperazzjoni għandha primarjament tissaħħaħ biex tappoġġa l-implimentazzjoni konkreta ta’ dawk l-istrumenti eżistenti.

5.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li l-qafas tal-FSE għandu jkun inklużiv u jqis l-eteroġeneità tas-sitwazzjonijiet fil-Membri u r-reġjuni tal-OSAKI, f’diversi stadji tal-proċess tal-FSE u l-livell ta’ żvilupp tal-Membri tal-OSAKI. Il-firmatarji għall-FSE jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, li jenħtieġ li jwasslu għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-approfondiment tal-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE u jinkoraġġixxu l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda. Il-Partijiet jaqblu li jżommu jew jistabbilixxu, fil-livelli xierqa, arranġamenti bejn l-AKP-UE biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-FSE u jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-Membri tal-OKAPI madwar ir-reġjuni AKP u fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali tagħhom.

6.   Il-Partijiet għall-FSE rispettivi jaqblu li r-referenzi li jinsabu fihom għad-dispożizzjonijiet dwar miżuri xierqa fil-Ftehim ta’ Cotonou jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti f’dan il-Ftehim.

7.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li l-kooperazzjoni tagħhom għandha tikkontribwixxi biex jiġu intensifikati l-isforzi u l-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku u biex jitħeġġeġ aktar il-kummerċ reġjonali intra-AKP.

8.   Il-Partijiet jissottolinjaw l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fid-WTO, kif ukoll f’organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħrajn billi jsiru membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet u jsegwu mill-qrib l-aġenda u l-attivitajiet tagħhom. Huma jaqblu li jikkooperaw mill-qrib fl-identifikazzjoni u t-tisħiħ tal-interessi komuni tagħhom fil-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali internazzjonali, b’mod partikolari fid-WTO. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jittejjeb l-aċċess għall-Unjoni Ewropea u għal swieq oħrajn għal oġġetti u servizzi li joriġinaw mill-Membri tal-OSAKP.

9.   Il-Partijiet jaqblu fuq l-importanza tal-flessibbiltà fir-regoli tad-WTO biex iqisu l-livelli differenti ta’ żvilupp tal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP, kif ukoll id-diffikultajiet li jiffaċċjaw biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Għalhekk, huma jaqblu wkoll li jikkooperaw biex jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa u xierqa biex jimplimentaw b’mod effettiv l-impenji tagħhom tad-WTO. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll l-approċċ innovattiv għal trattament speċjali u differenzjali inerenti fil-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA, Trade Facilitation Agreement) tad-WTO li jippermetti lill-pajjiżi l-inqas żviluppati (LCDs, least developed countries) u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom kontinġenti fuq l-għoti tal-appoġġ kummerċjali meħtieġ f’konformità man-notifiki tal-implimentazzjoni tagħhom taħt it-TFA.

10.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jtejbu d-djalogu biex jindirizzaw il-kummerċ u kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mal-kummerċ. Huma jaqblu li jippromwovu l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat f’dak id-djalogu.

Artikolu 51

Il-kummerċ fis-servizzi

1.   Il-Partijiet jaqblu li l-kummerċ fis-servizzi huwa magna b’saħħitha għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-ekonomiji tagħhom u jkomplu jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (–GATS, General Agreement on Trade in Services).

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u jtejbu l-kummerċ fis-servizzi, speċjalment fil-modi ta’ provvista ta’ interess għall-esportazzjoni għalihom, inkluż il-moviment ta’ persuni fiżiċi għall-finijiet ta’ negozju, u f’setturi li jqisu bħala prijoritajiet, inkluż is-settur tal-ICT, it-turiżmu, it-trasport, is-servizzi ambjentali, is-servizzi finanzjarji, u s-servizzi sportivi u setturi ta’ prijorità oħrajn, kif xieraq.

3.   Il-Partijiet, filwaqt li jqisu l-Artikolu 39(2), għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċità fil-provvista ta’ servizzi relatati mal-industriji kulturali u kreattivi.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ fis-servizzi bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq u jtejbu l-kummerċ. Huma jaqblu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ oqfsa u kapaċitajiet regolatorji domestiċi, itejbu l-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi li jikkonformaw mar-regolamenti u l-istandards tal-Parti UE u tal-Membri tal-OSAKP fil-livelli kontinentali, reġjonali, nazzjonali u subnazzjonali, u jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, fejn xieraq, fis-setturi tas-servizzi ta’ interess reċiproku msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ servizzi tat-trasport marittimu kosteffettivi u effiċjenti bħala l-mod ewlieni ta’ trasport li jiffaċilita l-kummerċ. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kompetittività tas-servizzi tat-trasport marittimu billi jsaħħu l-konnettività biex itejbu l-fluss sikur tal-merkanzija u tan-nies fis-settur tat-trasport marittimu. Għal dak l-għan, huma għandhom jikkooperaw fil-fora xierqa biex jilliberalizzaw it-trasport marittimu bħala l-mod ewlieni ta’ trasport biex jiffaċilitaw il-kummerċ. Huma għandhom jippermettu aċċess għas-swieq internazzjonali tat-trasport marittimu u għall-portijiet u s-servizzi fil-portijiet, fuq bażi kummerċjali u mhux diskriminatorja. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-isforzi biex jiżviluppaw u jippromwovu servizzi tat-trasport marittimu kosteffettivi u effiċjenti fil-Membri tal-OSAKP bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-Membri tal-OSAKP fis-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

Artikolu 52

Oqsma relatati mal-kummerċ

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza dejjem tikber ta’ miżuri mhux tariffarji (–NTMs, non-tariff measures) fil-kummerċ hekk kif jaqgħu l-ostakli tariffarji. Għalhekk, huma jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw bil-ħsieb li jissorveljaw u jneħħu l-ostakli mhux meħtieġa għall-kummerċ u, b’hekk, iżidu u jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-Parti UE u l-Membri tal-OSAKP u fost il-Membri tal-OSAKP. F’dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu li jżommu jew jistabbilixxu, fejn xieraq, arranġamenti biex jindirizzaw l-NTMs li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-esportazzjonijiet lejn is-suq tan-naħa l-oħra.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tal-oġġetti biex jipprevjenu, jidentifikaw u jeliminaw l-ostakli tekniċi mhux meħtieġa għall-kummerċ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-‘Ftehim dwar l-OTK’) u għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu fuq dan billi jżidu u jsaħħu t-trasparenza. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw biex jistabbilixxu u jtejbu l-kapaċitajiet tekniċi u l-infrastruttura istituzzjonali dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw ostakli tekniċi għall-kummerċ.

3.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet ta’ kull Parti li tadotta jew li tinforza miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS, sanitary and phytosanitary) biex tipproteġi l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti fit-territorju tagħha, filwaqt li tiżgura li tali miżuri SPS adottati minn kull Parti ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ, skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta’ miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-‘Ftehim SPS’). Għal dak l-għan, il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kollaborazzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji u d-dixxiplini tal-Ftehim SPS, filwaqt li jqisu l-livelli ta’ żvilupp rispettivi tagħhom. F’dak il-kuntest, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, inkluż l-immaniġġjar ta’ reżistenza antimikrobika, u kwistjonijiet ta’ benessri tal-annimali, sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Partijiet u jtejbu l-aċċess għas-swieq tal-Parti l-oħra, filwaqt li jissalvagwardjaw il-livell xieraq ta’ protezzjoni tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti.

4.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li s-sistema tal-proprjetà intellettwali hija maħsuba biex tippromwovi l-progress ekonomiku, soċjali u kulturali billi tistimula x-xogħol kreattiv u l-innovazzjoni teknoloġika, speċjalment bejn il-Parti UE u r-reġjuni tal-AKP, filwaqt li tikkontribwixxi għal ekonomija aktar sostenibbli u inklużiva. F’dak il-kuntest, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (il-‘Ftehim TRIPS’, Trade-Related Aspects of Intellectual Property Rights), li jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika u għat-trasferiment u t-tixrid tat-teknoloġija, għall-vantaġġ reċiproku tal-produtturi u tal-utenti tal-għarfien teknoloġiku u b’mod li jwassal għall-benessri soċjali u ekonomiku, u għal bilanċ ta’ drittijiet u obbligi. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi, disinji industrijali, topografiji ta’ ċirkwiti integrati, drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u privattivi. Dik il-protezzjoni għandha tinkludi wkoll protezzjoni kontra kompetizzjoni inġusta, u protezzjoni ta’ informazzjoni mhux divulgata. Il-Partijiet jissottolinjaw l-importanza, f’dan il-kuntest, tal-aderenza mal-Ftehim TRIPS, mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, magħmula f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992, u mal-konvenzjonijiet imsemmija fil-Parti I tal-Ftehim TRIPS, f’konformità mal-livell ta’ żvilupp tagħhom. Il-Partijiet jissottolinjaw ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-assistenza teknika fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa biex jiżguraw l-infurzar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali bil-ħsieb li jiksbu livell effettiv ta’ protezzjoni, speċjalment fil-Membri tal-OSAKP.

5.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politki u regoli ta’ kompetizzjoni effettivi u tajbin huma ta’ importanza kruċjali sabiex itejbu u jiggarantixxu klima li tiffavorixxi l-investiment, proċess ta’ industrijalizzazzjoni sostenibbli u trasparenza fl-aċċess għas-swieq. Għalhekk, huma jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw regoli u politiki nazzjonali jew reġjonali biex jindirizzaw b’mod effettiv prattiki kummerċjali antikompetittivi, inklużi sussidji relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi mogħtija mill-Partijiet, li għandhom il-potenzjal li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-swieq u li jaffettwaw b’mod negattiv l-interessi kummerċjali tal-Partijiet l-oħrajn. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-parteċipanti fis-suq pubbliku u f’dak privat. Huma jaqblu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni f’dan il-qasam bil-ħsieb li jifformulaw u jappoġġaw politiki ta’ kompetizzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali xierqa, li progressivament jiżguraw l-infurzar effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dak il-kuntest, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet adegwati bil-ħsieb li jistabbilixxu l-qafas legali xieraq għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni u l-infurzar tiegħu permezz ta’ aġenziji tal-kompetizzjoni xierqa, b’mod partikolari fit-territorju tal-Membri tal-OSAKP.

6.   Il-Partijiet jaqblu li jżidu l-kooperazzjoni biex jiżguraw tħaddim aħjar tas-swieq internazzjonali tal-komoditajiet u t-trasparenza tas-suq.

7.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ akkwist pubbliku trasparenti biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u l-industrijalizzazzjoni. Il-Partijiet jaqblu fuq l-importanza tal-kooperazzjoni biex itejbu l-fehim reċiproku tas-sistemi ta’ akkwist pubbliku rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-prinċipji tat-trasparenza, tal-kompetittività u tal-prevedibbiltà tas-sistemi tal-akkwist u għandhom jikkooperaw fil-ħarsien tagħhom.

Artikolu 53

Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jnaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ biex jiksbu tkabbir inklużiv u sostenibbli fl-ekonomiji tagħhom. Għalhekk, huma għandhom jikkooperaw biex jissimplifikaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu u proċeduri doganali oħrajn, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri doganali u ta’ approvazzjoni, kif ukoll biex iżidu t-trasparenza tar-regolamenti doganali u kummerċjali u jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu, filwaqt li jibnu fuq l-impenji rispettivi tagħhom taħt it-TFA. F’konformità mat-TFA, il-Membri tal-OSAKP jeħtieġu assistenza teknika adegwata u prevedibbli biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ dan il-Ftehim. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom ukoll li jipprovdu dik l-assistenza abbażi tal-ħtiġijiet ta’ implimentazzjoni tal-Membri tal-OSAKP kif innotifikati taħt it-TFA.

TITOLU V

Is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima

Artikolu 54

1.   Il-Partijiet jaqblu li d-degradazzjoni ambjentali, l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima joħolqu theddida serja għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u jpoġġu f’riskju l-ħajjiet, il-kwalità tal-ħajja u l-għajxien tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. F’dak ir-rigward, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u konservazzjoni effettiva u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluża d-diversità bijoloġika. Huma jaffermaw il-ħtieġa li jaqblu fuq azzjoni ambizzjuża għall-ġestjoni u t-tnaqqis tal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima, u li jistabbilixxu l-ekonomiji tagħhom fuq mogħdijiet ta’ tkabbir sostenibbli u reżiljenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, filwaqt li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti għal kulħadd.

2.   Il-Partijiet għandhom jintegraw is-sostenibbiltà ambjentali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-insegwiment ta’ tkabbir ambjentalment sostenibbli fil-politiki, il-pjanijiet u l-investimenti kollha. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu alleanzi effettivi f’ambjenti internazzjonali dwar kwistjonijiet rilevanti bil-ħsieb li jmexxu azzjoni globali ’l quddiem u jiżguraw impenn kostruttiv mal-awtoritajiet lokali, mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat. Il-Partijiet għandhom jimplimentaw b’mod effettiv il-ftehimiet ambjentali multilaterali li jkunu Partijiet għalihom.

3.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jibnu u jsaħħu r-reżiljenza, b’mod partikolari tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, quddiem l-isfidi ambjentali u dawk relatati mat-tibdil fil-klima, kif ukoll id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

4.   Fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali, il-Partijiet għandhom iqisu: (i) il-vulnerabbiltà tas-SIDS, tal-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw (LLDCs, landlocked developing countries) u tal-popolazzjonijiet kostali, inklużi l-isforzi tagħhom biex jadattaw, speċjalment għat-theddida kkawżata mit-tibdil fil-klima u l-eżawriment tar-riżorsi naturali; (ii) l-esponiment u l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi għall-problemi li qed imorru għall-agħar ta’ nixfiet, għargħar, erożjoni kostali, skarsezza tal-ilma, degradazzjoni tal-art u tal-foresti, telfien tal-bijodiversità, deforestazzjoni u deżertifikazzjoni; (iii) il-ħtieġa li jiġu minimizzati, evitati u indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima, inklużi eventi li jevolvu bil-mod bħaż-żieda fil-livell tal-baħar; (iv) ir-rabtiet bejn l-istrateġiji dwar it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, ir-reżiljenza u s-sigurtà alimentari; (v) ir-rwol kruċjali tal-ekosistemi naturali għall-iżgurar tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; (vi) ir-rabta bejn id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima mal-ispostament u l-migrazzjoni; u (vii) l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi u s-sigurtà.

Kapitolu 1

Is-sostenibbiltà ambjentali

Artikolu 55

L-ambjent u r-riżorsi naturali

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jippreservaw, iħarsu, itejbu u jirriabilitaw l-ambjent. Għal dak l-għan, huma għandhom jippromwovu miżuri fil-livell nazzjonali, reġjonali u globali, inkluż fl-oqsma ta’ valur għoli tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ekosistemi naturali, il-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma, l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet, l-immaniġġjar tal-iskart, it-tniġġis industrijali u l-perikli industrijali u l-immaniġġjar tas-sustanzi kimiċi.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi l-art, l-ilma, il-foresti, il-bijodiversità u l-ekosistemi. Huma għandhom jippromwovu azzjoni biex itemmu t-traffikar ta’ speċijiet protetti ta’ flora u fawna, u jindirizzaw kemm id-domanda għal prodotti illegali li joriġinaw minn organiżmi selvaġġi kif ukoll il-provvista tagħhom. Huma għandhom jippromwovu l-governanza sostenibbli tal-pussess tal-art, tas-sajd u tal-foresti.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-istrumenti legali, l-istrateġiji integrati tal-ambjent u l-iżvilupp, u l-governanza tajba għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità fis-setturi rilevanti kollha sabiex iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità u jżommu l-għoti ta’ servizzi tal-ekosistema. Il-Partijiet għandhom jippromwovu approċċi bbażati fuq l-ekosistema u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura biex jitwettqu l-għanijiet ambjentali. Huma jirrikonoxxu l-importanza tal-ekosistemi u tal-bijodiversità għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u għall-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi kollha, inklużi l-ekosistemi akkwatiċi u terrestri. Huma għandhom ukoll jistabbilixxu, jiġġestixxu u jtejbu l-governanza ta’ żoni protetti.

4.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ekosistemi naturali, b’mod partikolari l-foresti, joffru ħabitats għall-annimali u l-pjanti, u għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll li l-foresti, l-artijiet mistagħdra u s-savani jipprovdu protezzjoni tal-ilma u tal-ħamrija u protezzjoni minn perikli naturali, u jipprovdu servizzi ambjentali oħra. B’kont meħud ta’ danta’ hawn fuq, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi kollha, inklużi l-foresti.

5.   Il-Partijiet għandhom jissoktaw bil-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art u n-nixfa, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jirrestawraw u jirriabilitaw l-art u l-ħamrija degradati biex iwasslu għal ġestjoni sostenibbli tal-art u jiksbu ambjent newtrali għad-degradazzjoni tal-art. Huma għandhom inaqqsu t-telfien tal-bijodiversità, joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol u jgħinu biex itejbu l-forniment ta’ servizzi u funzjonijiet tal-ekosistema, inkluż billi jtejbu t-tħejjija u r-reżiljenza għar-riskju ta’ nixfa, kif ukoll inaqqsu aktar ir-riskji u l-impatt ta’ maltempati tar-ramel u tat-trab.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-aċċess ġust u ekwu u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u aċċess xieraq għal tali riżorsi, kif miftiehem fuq livell internazzjonali.

7.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-promozzjoni ta’ approċċi tal-ekonomija ċirkolari u prattiki ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, u jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta’ investiment offruti mill-aħjar teknoloġiji nodfa disponibbli.

Kapitolu 2

L-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar

Artikolu 56

Il-governanza tal-oċeani

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-pressjonijiet umani dejjem jiżdiedu u l-impatti kumulattivi tagħhom fuq l-ibħra u l-oċeani u jirrikonoxxu n-natura tagħhom bħala ġid komuni interkonness, li l-konservazzjoni, il-protezzjoni u l-governanza tagħhom huma responsabbiltà kondiviża li teħtieġ l-azzjonijiet kollettivi u kkoordinati tal-partijiet ikkonċernati. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-karattru universali u unifikat tal-UNCLOS bħala l-bażi għal azzjoni u kooperazzjoni nazzjonali, reġjonali u globali fis-settur tal-baħar u f’dak marittimu.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-governanza tal-oċeani u jindirizzaw b’mod effettiv il-pressjonijiet dejjem jiżdiedu fuq l-ibħra u l-oċeani, li jheddu r-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar u l-kontribut tagħhom għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jtejbu l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, inkluż f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni rispettiva tagħhom, bil-ħsieb li jinkisbu oċeani b’saħħithom u produttivi. Huma għandhom jippromwovu ġestjoni tas-sajd sostenibbli fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali, billi jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti u billi jiġġieldu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-konservazzjoni ta’ speċijiet akkwatiċi fil-periklu u azzjonijiet maħsuba biex jikkontrollaw it-tniġġis u l-iskart fil-baħar, kif ukoll jindirizzaw l-impatti tat-tibdil fil-klima, inkluża l-aċidifikazzjoni tal-oċeani.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli ta’ ekonomija blu bl-għan li jiggarantixxu l-kontribut tal-oċeani għas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, itejbu l-għajxien, joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, u jiżguraw ekwità soċjali u benessri kulturali għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji ta’ tkabbir blu biex jippromwovu ġestjoni integrata tal-oċeani li tirrestawra, tipproteġi u żżomm id-diversità, il-produttività, ir-reżiljenza, il-funzjonijiet ewlenin u l-valur intrinsiku tal-ekosistemi tal-baħar.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni fuq l-aspetti kollha tal-governanza tal-oċeani, inkluż fuq kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-livell tal-baħar u l-effetti u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha, l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, is-sajd, it-tniġġis tal-baħar u r-riċerka u l-iżvilupp.

Kapitolu 3

It-tibdil fil-klima

Artikolu 57

Impenji klimatiċi

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u tal-varjabbiltà fil-klima joħolqu theddida għall-ħajja u l-għajxien tan-nies. Huma jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jieħdu azzjoni urġenti biex jipprevjenu t-tibdil fil-klima, jindirizzaw l-impatti tiegħu u jikkooperaw b’mod urġenti u kkoordinat fil-livelli internazzjonali, reġjonali, interreġjonali u nazzjonali, sabiex isaħħu r-rispons globali għat-tibdil fil-klima.

2.   Il-Partijiet għandhom jimplimentaw b’mod effettiv il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmula fi New York fid-9 ta’ Mejju 1992,u l-Ftehim ta’ Pariġi.

3.   Il-Partijiet huma impenjati li jilħqu l-għan ġenerali li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 oC ’il fuq mil-livelli pre-industrijali u li jissoktaw bl-isforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC ’il fuq mil-livelli pre-industrijali, filwaqt li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jadattaw, inaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jsaħħu r-reżiljenza, li jagħmlu l-investimenti u l-flussi finanzjarji kollha konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Artikolu 58

Azzjoni klimatika

1.   Il-Partijiet jaqblu li jieħdu azzjoni klimatika biex jindirizzaw l-adattament, il-mitigazzjoni, kif ukoll il-mezzi ta’ implimentazzjoni, u li jkunu ffokati fuq l-aktar pajjiżi vulnerabbli, inklużi s-SIDS, l-Istati kostali li jinsabu fil-baxx, l-LDCs u l-LLDCs.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw u jintraċċaw il-progress lejn il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs, nationally determined contributions) tagħhom u li jagħmlu ħilithom biex jifformulaw u jikkomunikaw l-istrateġiji ta’ żvilupp tal-emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra sa nofs is-seklu u fit-tul sabiex jintlaħaq l-għan tat-temperatura miftiehem fil-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jqisu r-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, fid-dawl ta’ ċirkostanzi nazzjonali differenti. Huma jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-konnessjonijiet bejn l-NDCs, l-Aġenda 2030 u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jimpenjaw ruħhom fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ adattament nazzjonali (NAPs, national adaptation plans) u ta’ strateġiji oħrajn. Huma jimpenjaw ruħhom li jistabbilixxu u jsaħħu strutturi ta’ governanza effettivi għal dak l-iskop. Huma jirrikonoxxu l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar l-integrazzjoni tal-NAPs u ta’ strateġiji ta’ adattament oħrajn fl-istrateġiji u l-proċessi nazzjonali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli reżiljenti għall-klima.

Artikolu 59

It-tibdil fil-klima u s-sigurtà

Il-Partijiet għandhom jindirizzaw it-theddida għas-sigurtà li joħolqu t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u fuq l-aktar pajjiżi vulnerabbli. Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw strateġiji ta’ reżiljenza li jqisu t-theddida għas-sigurtà.

Kapitolu 4

Id-diżastri naturali

Artikolu 60

It-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-impatti negattivi tad-diżastri naturali fuq l-iżvilupp sostenibbli, inklużi t-tsunamis, it-terremoti u l-eruzzjonijiet vulkaniċi, kif ukoll il-frekwenza u l-intensità dejjem jiżdiedu ta’ fenomeni relatati mal-klima, bħal ċikluni u uragani, għargħar u nixfiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki u strateġiji koerenti fil-livelli kollha biex jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet u motivaturi oħrajn tar-riskju. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu r-reżiljenza għad-diżastri għall-impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil tad-diżastri u jagħtu attenzjoni partikolari lill-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-istrateġiji ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Partijiet għandhom iwettqu azzjoni ta’ twissija bikrija u ta’ prevenzjoni u jtejbu t-tnaqqis tar-riskju u l-istat ta’ tħejjija billi jsaħħu l-komunikazzjoni fil-livell bażiku u l-governanza tar-riskji u billi jintegraw mod effettiv it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fl-istrateġiji ta’ żvilupp.

3.   Il-Partijiet għandhom jintegraw b’mod sistematiku l-valutazzjoni komprensiva tar-riskju, il-ġestjoni u r-reżiljenza fl-azzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-individwi, il-komunitajiet, l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi jkunu jistgħu jħejju ruħhom aħjar, jifilħu u jadattaw għax-xokkijiet u l-effetti negattivi tagħhom, u jirkupraw malajr minnhom, inkluż meta l-impatti jaqbżu l-aħjar sforzi biex jadattaw mingħajr ma jikkompromettu l-prospetti ta’ żvilupp fit-tul.

4.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw ir-riskji ta’ diżastri billi jieħdu approċċ integrat b’ħafna perikli, li jkopri l-fehim tar-riskju ta’ diżastri, it-tisħiħ tal-governanza tiegħu, u l-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ investimenti informati dwar ir-riskju. Huma għandhom jiżguraw eżiti inklużivi u ekwi biex jibnu r-reżiljenza ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

5.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw strateġiji biex isaħħu r-reżiljenza urbana u rurali bil-għan li jtejbu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri b’attenzjoni partikolari għal insedjamenti mhux ippjanati.

Artikolu 61

Ir-rispons għad-diżastri u l-irkupru minnhom

1.   Il-Partijiet jaqblu li rispons bikri u kkoordinat għad-diżastri naturali huwa kritiku għar-riabilitazzjoni u għall-irkupru ta’ wara d-diżastri. Il-Partijiet jaqblu fuq l-importanza ta’ valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet ikkoordinati, it-tħejjija mtejba għad-diżastri u l-kapaċità għal rispons lokali, bikri u effettiv li jissodisfaw l-ħtiġijiet ta’ persuni affettwati minn kriżi, inkluż permezz ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni effettivi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li r-rispons għad-diżastri u l-isforzi ta’ rkupru għandhom jagħtu prijorità, fuq perjodu ta’ żmien qasir, lill-assistenza f’każ ta’ emerġenza u lir-riabilitazzjoni, inkluż l-appoġġ għall-irkupru bikri. Huma jaqblu li l-assistenza ta’ wara l-emerġenza għandha timmira li torbot l-għajnuna għal żmien qasir mal-iżvilupp fit-tul permezz ta’ proċess ta’ rkupru sostenibbli, bini mill-ġdid aħjar, inklużi l-isforzi ta’ rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni tan-nisġa soċjoekonomika u kulturali. Dan jinvolvi koordinazzjoni mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati umanitarji u tal-iżvilupp mill-bidu tal-kriżi biex tinbena kif suppost ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet affettwati.

TITOLU VI

Il-migrazzjoni u l-mobilità

Artikolu 62

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jtejbu l-kooperazzjoni fuq il-migrazzjoni u l-mobilità, iggwidati mill-prinċipji tas-solidarjetà, is-sħubija u r-responsabbiltà kondiviża. Huma għandhom jadottaw approċċ komprensiv, koerenti, prammatiku u bbilanċjat, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, fejn applikabbli, id-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali, u l-prinċipju tas-sovranità, filwaqt li jqisu l-kompetenzi rispettivi tagħhom. Huma jirrikonoxxu li l-migrazzjoni u l-mobilità jista’ jkollhom impatti pożittivi fuq l-iżvilupp sostenibbli meta jkunu ġestiti tajjeb u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-impatti negattivi li l-migrazzjoni irregolari jista’ jkollha fuq il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. Il-Partijiet jaqblu li jaħdmu biex itejbu l-kapaċitajiet bl-għan ta’ ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha. Huma jtennu l-impenn tagħhom li jiżguraw ir-rispett għad-dinjità tar-refuġjati u tal-migranti kollha u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Il-Partijiet għandhom jindirizzaw l-aspetti rilevanti kollha tal-migrazzjoni u tal-mobilità msemmija f’dan it-Titolu fid-djalogu regolari ta’ sħubija tagħhom.

Kapitolu 1

Il-migrazzjoni legali u l-mobilità

Artikolu 63

Il-migrazzjoni legali u l-mobilità

1.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jiksbu l-benefiċċji ta’ migrazzjoni u mobilità sikuri, ordnati u regolari, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. F’dak ir-rigward, huma għandhom jaħdmu biex jiżviluppaw u jużaw perkorsi legali għall-migrazzjoni, inklużi l-migrazzjoni tal-ħaddiema u skemi ta’ mobilità oħrajn, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet nazzjonali u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jimplimentaw rekwiżiti trasparenti u effettivi għad-dħul u r-residenza għall-fini ta’ xogħol, riċerka, studji, taħriġ u servizz volontarju bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari u l-mobilità. Il-Partijiet għandhom isaħħu t-trasparenza tal-informazzjoni rigward ir-regoli applikabbli dwar il-migrazzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom iqisu l-migrazzjoni ċirkolari bħala mezz biex irawmu t-tkabbir u l-iżvilupp fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni. Għal dak l-għan, huma għandhom jikkunsidraw skemi għall-migrazzjoni ċirkolari, u għandhom jimplimentaw u jtejbu, kif xieraq, l-oqfsa legali għall-iffaċilitar tal-proċeduri ta’ dħul mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, u jikkunsidraw aspetti tar-riintegrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini biex jiżguraw li l-esperjenza jew il-kwalifiki miksuba minnhom jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-suq tax-xogħol lokali u għall-komunità.

4.   Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu dwar il-proċeduri li jiggwidaw il-migrazzjoni legali, inkluża r-riunifikazzjoni tal-familja u, kif xieraq, il-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni. Il-Partijiet għandhom ikomplu jsegwu skambju miftuħ dwar kwistjonijiet ta’ viża u dwar l-iffaċilitar tal-mobilità u l-kuntatti bejn il-persuni, inkluż f’oqsma bħat-turiżmu, il-kultura, l-isport, l-edukazzjoni, ir-riċerka, u n-negozju, bil-ħsieb li jrawmu fehim reċiproku u jippromwovu valuri kondiviżi.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-istituzzjonijiet rilevanti, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali bil-ħsieb li jinkoraġġixxu proġetti ta’ riċerka konġunti, l-identifikazzjoni ta’ lakuni fil-ħiliet, kif ukoll opportunitajiet ta’ investiment u ta’ impjiegi u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-istrateġiji dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema.

6.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kwalifiki kollha, bl-għan li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tagħhom għall-aċċess għal tagħlim ulterjuri, kif ukoll l-aċċettazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

7.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu u jimmodernizzaw is-sistemi tar-reġistru tal-istat ċivili, bil-ħsieb li jtejbu s-sigurtà u l-ħruġ ta’ karti tal-identità u passaporti.

Artikolu 64

L-integrazzjoni u n-nondiskriminazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu sforzi biex jadottaw politiki ta’ integrazzjoni effettivi għal dawk li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom li huma mmirati biex jagħtu drittijiet u jimponu obbligi komparabbli għal dawk taċ-ċittadini tagħhom u biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali. F’dak ir-rigward, il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji biex jintegraw ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni, rispettivament, fis-swieq tax-xogħol u fis-soċjetajiet ospitanti, filwaqt li jappoġġaw u jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ diversi atturi li jaħdmu fuq l-integrazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi l-gvern lokali u s-soċjetà ċivili.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jiżguraw trattament ġust taċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, it-titjib tan-nondiskriminazzjoni fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

3.   Il-Partijiet jaqblu li t-trattament mogħti lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għandu jkun ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni u t-tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Membru tal-OSAKP, rispettivament. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li r-regoli dwar il-migrazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ reklutaġġ ikunu ggwidati minn prinċipji ġusti u etiċi li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, jiġu ttrattati b’mod ġust u b’dinjità fil-pajjiżi ospitanti u jkunu protetti kontra l-isfruttament.

Kapitolu 2

Il-migrazzjoni u l-iżvilupp

Artikolu 65

Il-migrazzjoni u l-iżvilupp

Il-Partijiet jaqblu li migrazzjoni ġestita tajjeb tista’ tkun sors ta’ prosperità, innovazzjoni u żvilupp sostenibbli u jaqblu wkoll li jikkooperaw u jappoġġaw lill-pajjiżi ta’ oriġini, inter alia, billi jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-opportunitajiet ta’ xogħol, jippromwovu l-investiment, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kummerċ u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-saħħa, il-protezzjoni u s-sigurtà soċjali, speċjalment għaż-żgħażagħ u n-nisa. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex joħolqu kondizzjonijiet li jillimitaw l-impatt negattiv tat-telf tal-ħiliet fuq l-iżvilupp ta’ pajjiżi ta’ oriġini.

Artikolu 66

Id-dijaspora u l-iżvilupp

Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol sinifikanti tad-dijaspori u l-forom differenti ta’ kontribuzzjonijiet li l-membri tad-dijaspora jagħmlu għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, inkluż permezz ta’ finanzjament, investiment, trasferiment ta’ għarfien, għarfien espert u teknoloġija, konnessjonijiet kulturali, networks u mekkaniżmi, kif ukoll fil-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Artikolu 67

Ir-rimessi

1.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jippromwovu trasferimenti ta’ rimessi aktar siguri, aktar rapidi u legalment konformi, sabiex jiffaċilitaw investimenti domestiċi produttivi, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u strumenti innovattivi.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex inaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tar-rimessi għal inqas minn 3 % u biex jeliminaw il-kurituri tar-rimessi bi spejjeż ogħla minn 5 %, f’konformità mal-miri maqbula internazzjonalment, u biex itejbu l-oqfsa regolatorji għal involviment akbar ta’ atturi mhux tradizzjonali.

Artikolu 68

Il-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rilevanza tal-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar kemm f’termini ta’ sfidi kif ukoll ta’ opportunitajiet, inklużi l-benefiċċji potenzjali ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb min-Nofsinhar għan-Nofsinhar għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jappoġġaw politiki u azzjonijiet biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar il-mitigazzjoni tal-impatt soċjali u ekonomiku tal-flussi tal-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar fuq il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni u għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-livelli reġjonali u nazzjonali.

Artikolu 69

Id-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali

1.   Il-Partijiet għandhom iqisu r-rabta bejn il-migrazzjoni, inkluż l-ispostament, u d-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni spostati permezz tal-adozzjoni ta’ strateġiji lejn il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza għad-diżastri naturali, l-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, fil-livelli rilevanti kollha, inklużi l-livelli interreġjonali.

Kapitolu 3

Il-migrazzjoni irregolari

Artikolu 70

Il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari

1.   Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn politiku kondiviż biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat u biex jiġu żviluppati reazzjonijiet adegwati għalihom.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jnaqqsu l-flussi tal-migrazzjoni irregolari, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u għad-drittijiet tal-bniedem. F’dak ir-rigward, huma jirrikonoxxu l-impatti negattivi tal-migrazzjoni irregolari fuq il-pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni, inklużi l-isfidi umanitarji u ta’ sigurtà relatati. Il-Partijiet jirrikonoxxu r-riskju akbar tal-migranti li jesperjenzaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jsiru vittmi tat-traffikar u l-abbuż u jaqblu li jimplimentaw miżuri biex jipproteġu lil dawk il-migranti minn kull forma ta’ sfruttament u abbuż.

Artikolu 71

Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali

1.   Il-Partijiet għandhom iżidu l-isforzi konġunti biex jipprevjenu r-reat transfruntier tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, u għandhom itejbu b’mod konġunt l-isforzi biex itemmu l-impunità tal-organizzazzjonijiet kriminali permezz ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm oqfsa leġiżlattivi u istituzzjonali xierqa fis-seħħ, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, b’mod partikolari l-Protokoll tagħha kontra l-Faċilitazzjoni tal-Immigrazzjoni Illegali bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll li jtejbu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u li jrawmu l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja operattiva.

Artikolu 72

It-traffikar ta’ persuni

Il-Partijiet għandhom jiġġieldu t-traffikar tal-persuni, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment ta’ Nisa u Tfal. Il-Partijiet għandhom itejbu wkoll il-prevenzjoni, inkluż billi jiġġieldu l-impunità tal-awturi kollha, u jiżguraw li l-vittmi kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet li huma intitolati għalihom, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-vulnerabbiltà tan-nisa u t-tfal.

Artikolu 73

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri

Il-Partijiet jippromwovu u jappoġġaw il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż il-kontroll tal-fruntieri, il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u intelligence, u l-prevenzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ dokumentazzjoni frodulenti, kif ukoll il-kooperazzjoni operazzjonali, tal-pulizija u ġudizzjarja dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali.

Kapitolu 4

Ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni

Artikolu 74

Ir-ritorn u r-riammissjoni

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirritornaw migranti b’soġġorn illegali u jaffermaw mill-ġdid l-obbligu legali ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u ta’ kull Membru tal-OSAKP li jaċċettaw lura ċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP mingħajr kundizzjonalità u mingħajr formalitajiet ulterjuri għajr il-verifika prevista fil-paragrafu 3. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq ir-ritorn u r-riammissjoni u għandhom jiżguraw li d-drittijiet u d-dinjità tal-individwi jkunu protetti u rrispettati bis-sħiħ, inkluż fi kwalunkwe proċedura li tinbeda għar-ritorn ta’ migranti b’soġġorn illegali lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

2.   Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta’ kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun preżenti illegalment fit-territorju ta’ Membru tal-OSAKP, fuq it-talba ta’ dak l-Istat mingħajr aktar formalitajiet mill-verifika prevista fil-paragrafu 3 għal dawk il-persuni li ma għandhomx dokument tal-ivvjaġġar validu.

Kull Membru tal-OSAKP għandu jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta’ kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq it-talba ta’ dak l-Istat Membru mingħajr aktar formalitajiet mill-verifika prevista fil-paragrafu 3 għal dawk il-persuni li ma għandhomx dokument tal-ivvjaġġar validu.

Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-obbligi stipulati f’dan il-paragrafu japplikaw biss fir-rigward ta’ persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat Membru. Fir-rigward tal-Membri tal-OSAKP, l-obbligi stipulati f’dan il-paragrafu japplikaw biss fir-rigward ta’ dawk il-persuni li huma meqjusa bħala ċ-ċittadini tagħhom f’konformità mas-sistema legali rispettiva tagħhom.

3.   L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Membri tal-OSAKP għandhom iwieġbu malajr għat-talbiet ta’ riammissjoni ta’ xulxin. Huma għandhom iwettqu proċessi ta’ verifika bl-użu tal-aktar proċeduri ta’ identifikazzjoni xierqa u effiċjenti, bil-ħsieb li tiġi aċċertata n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata u li jinħarġu dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa għal finijiet ta’ ritorn, kif stabbilit fl-Anness I. L-ebda ħaġa f’dak l-Anness ma għandha tipprevjeni r-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti formali jew informali bejn l-Istat li lilu tiġi ppreżentata talba ta’ riammissjoni u l-Istat li jippreżenta talba ta’ riammissjoni.

4.   Minkejja l-proċeduri previsti fl-Artikolu 101(5), jekk Parti tqis li Parti oħra tonqos milli tirrispetta l-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Anness I f’konformità mal-Istandard 5.26 tal-Kapitolu 5 tal-Anness 9 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan. Jekk dik il-Parti l-oħra tkompli tonqos milli tikkonforma ma’ dawk l-obbligi, il-Parti li tinnotifika tista’ tieħu miżuri proporzjonati li jibdew minn 30 jum min-notifika.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fil-qafas tad-djalogu ta’ sħubija regolari.

Artikolu 75

Ir-riintegrazzjoni

Il-Partijiet għandhom jesploraw modi kif jikkooperaw sabiex jippromwovu r-ritorn volontarju u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rritornati inkluż, fejn rilevanti, permezz ta’ programmi ta’ riintegrazzjoni sostenibbli. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-persuni li jirritornaw f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħat-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-vittmi tat-traffikar.

Kapitolu 5

Il-protezzjoni u l-ażil

Artikolu 76

Ir-refuġjati u persuni spostati oħrajn

1.   Il-Partijiet huma impenjati li jsaħħu l-protezzjoni u d-dinjità tar-refuġjati u ta’ persuni spostati oħrajn f’konformità mad-dritt internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement u, fejn applikabbli, id-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta’ persuni spostati oħrajn fil-pajjiżi ospitanti, kif xieraq, u jsaħħu l-kapaċitajiet tal-ewwel pajjiżi tal-ażil, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprovdu lir-refuġjati u lill-persuni spostati fil-pajjiżi ospitanti u ta’ tranżitu, b’sigurtà fil-kampijiet tar-refuġjati, u aċċess għall-ġustizzja, assistenza legali, protezzjoni tax-xhieda, appoġġ mediku u soċjopsikoloġiku.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inklużi nisa, tfal u minorenni mhux akkumpanjati, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-aħjar interessi tal-minorenni.

PARTI III

ALLEANZI GLOBALI U KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 77

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali bil-ħsieb li jippromwovu u jiddefendu l-interessi komuni tagħhom u jippreservaw u jsaħħu l-multilateraliżmu. Huma jimpenjaw ruħhom li jingħaqdu flimkien għal dinja aktar paċifika, kooperattiva u ġusta li tistrieħ b’mod sod fuq il-valuri komuni tal-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-iżvilupp sostenibbli, il-preservazzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Huma jaqblu fuq l-importanza li jinbnew u jissaħħu l-alleanzi globali biex tinkiseb sistema multilaterali effettiva li tagħti r-riżultati fl-indirizzar tal-isfidi globali għal dinja aktar sikura u aħjar għal kulħadd.

Artikolu 78

Il-multilateraliżmu u l-governanza globali

1.   Il-Partijiet huma impenjati għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tiegħu u n-NU fil-qalba tiegħu. Huma għandhom jippromwovu d-djalogu internazzjonali u jfittxu soluzzjonijiet multilaterali biex imexxu l-azzjoni globali ’l quddiem.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi meħtieġa għar-ratifika tat-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti jew, kif xieraq, l-adeżjoni magħhom u l-implimentazzjoni u d-domestikazzjoni tagħhom.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu l-governanza globali u biex jappoġġaw ir-riformi meħtieġa u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet multilaterali biex jagħmluhom aktar rappreżentattivi, reattivi, effettivi, effiċjenti, inklużivi, trasparenti, demokratiċi u responsabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom japprofondixxu l-approċċ tagħhom li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati għall-multilateraliżmu billi jinvolvu b’mod aktar effettiv lis-soċjetà ċivili, lis-settur privat u lill-imsieħba soċjali fl-iżvilupp ta’ reazzjonijiet għall-isfidi globali.

Artikolu 79

Il-kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet u fora internazzjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jadottaw riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet u stqarrijiet konġunti, biex jikkoordinaw il-pożizzjonijiet u, fejn xieraq, jivvotaw, u biex jieħdu azzjonijiet konġunti abbażi tal-interessi komuni, ir-rispett reċiproku u l-ugwaljanza, sabiex jiżguraw preżenza mtejba u vuċi aktar b’saħħitha f’organizzazzjonijiet u fora reġjonali u internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu modalitajiet operattivi xierqa għal kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi fil-livell internazzjonali, inkluż billi jissejħu laqgħat ministerjali fil-livell tal-Membri tal-OSAKP-Parti UE. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jidentifikaw fuq bażi regolari, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak operazzjonali, bażi komuni fuq serje ta’ temi strateġiċi u biex jingħaqdu flimkien fuq kwistjonijiet ta’ interess reċiproku u globali biex imexxu l-azzjoni globali ’l quddiem.

3.   Il-Partijiet jistgħu jfittxu b’mod attiv li jikkooperaw mill-qrib u jistabbilixxu sħubiji strateġiċi ma’ pajjiżi terzi u gruppi li jikkondividu l-valuri u l-interessi tagħhom, bil-ħsieb li jimmassimizzaw is-soluzzjonijiet kooperattivi għall-isfidi komuni, kull fejn possibbli.

Artikolu 80

Oqsma ta’ azzjoni internazzjonali

1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jieħdu azzjonijiet konġunti fuq kwistjonijiet relatati mal-prijoritajiet strateġiċi identifikati fil-Parti II, kif ukoll f’oqsma oħrajn ta’ tħassib, skont kif iqisu li huwa meħtieġ.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu biex jiggarantixxu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Huma għandhom jadottaw approċċ inklużiv u integrat biex jipprevjenu u jindirizzaw il-kunflitti u l-kriżijiet, li jkun imsejjes fuq sħubijiet reġjonali u internazzjonali wesgħin, profondi u dejjiema. Huma għandhom jaħdmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex itejbu l-effettività tal-impenn multilaterali għall-paċi u s-sigurtà sostenibbli permezz ta’ sħubijiet imsaħħa man-NU u ma’ atturi reġjonali u subreġjonali. Huma għandhom jindirizzaw reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali u theddid għas-sigurtà internazzjonali bħall-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u għandhom jikkooperaw biex jippromwovu u jsaħħu l-arkitettura internazzjonali tal-kontroll tal-armi, tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm, kif ukoll biex itejbu ċ-ċibersigurtà u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità.

3.   Il-Partijiet għandhom jinvolvu ruħhom f’fora internazzjonali biex iħarsu n-normi u l-ftehimiet internazzjonali biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, biex jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u biex itejbu d-demokrazija u l-istat tad-dritt. Huma għandhom jikkooperaw mal-korpi u l-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u jappoġġaw bis-sħiħ il-ħidma tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huma għandhom jistabbilixxu alleanzi tranżreġjonali biex iservu valuri u interessi komuni, kif xieraq.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex javvanzaw it-twettiq tal-SDGs u pjanijiet direzzjonali oħrajn miftiehma fuq livell internazzjonali għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali. Huma għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-livell internazzjonali biex:

(a)

itemmu l-faqar estrem u l-ġuħ;

(b)

jindirizzaw u jirrispondu għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel;

(c)

jippromwovu aċċess universali għal servizzi soċjali ta’ kwalità u affordabbli bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma, is-sanità u l-akkomodazzjoni;

(d)

jabilitaw lin-nisa u liż-żgħażagħ; u

(e)

jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u jiffaċilitaw l-inklużjoni u l-kontribut tagħhom fir-rigward tal-ħajja ekonomika, soċjali u politika, u ma jħallu lil ħadd lura.

Huma għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-koerenza u l-konsistenza tas-sistema finanzjarja u monetarja internazzjonali biex jiggarantixxu aċċess imtejjeb għall-finanzjament għall-iżvilupp b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli.

5.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien fil-livell internazzjonali biex jiksbu tkabbir u żvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli permezz ta’ miżuri mmirati lejn it-trasformazzjoni ekonomika strutturali, il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti għal kulħadd, u l-integrazzjoni tal-Membri tal-OSAKP fl-ekonomija globali, inkluż permezz tal-integrazzjoni reġjonali u kontinentali. Il-Partijiet għandhom jippreservaw u jsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, bid-WTO fil-qalba tagħha, fil-funzjonijiet kollha tagħha, biex jiżguraw li tkun tista’ tindirizza b’mod effettiv l-isfidi kummerċjali globali u tisfrutta l-potenzjal ta’ żvilupp tal-kummerċ.

6.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni biex jippromwovu azzjoni kollettiva b’saħħitha u deċiżiva dwar is-sostenibbiltà ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima, iżidu l-ambizzjoni globali u jmexxu t-triq biex jitwettqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi. Huma għandhom iħarsu n-normi u l-ftehimiet internazzjonali li jipprovdu beni pubbliċi globali u jipproteġu lill-ġenerazzjonijiet futuri, inklużi sforzi biex tissaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-oċeani.

7.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu mal-imsieħba madwar id-dinja biex isegwu approċċ komprensiv u olistiku dwar l-aspetti kollha relatati mal-migrazzjoni u l-mobilità, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà, responsabbiltà kondiviża u sħubija.

PARTI IV

MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 81

Mezzi effettivi u diversifikati ta’ kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet jaqblu li jimmobilizzaw ir-riżorsi kemm finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji sabiex jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim abbażi ta’ interessi reċiproċi, fl-ispirtu ta’ sħubija ġenwina, u f’konformità mal-prinċipju li ‘ħadd ma jitħalla jibqa’ lura’. Huma jenfasizzaw l-importanza tal-finanzjament għall-iżvilupp bħala kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-mezzi ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu diversifikati, li jinkludu firxa ta’ politiki u strumenti, mis-sorsi u l-atturi kollha disponibbli. Huma jaqblu wkoll li l-mezzi ta’ kooperazzjoni għandhom jitfasslu biex jirriflettu u jiġu implimentati abbażi tal-għanijiet, l-istrateġiji u l-prijoritajiet ta’ pajjiżi u reġjuni differenti stabbiliti fil-livelli nazzjonali, reġjonali, kontinentali u interreġjonali.

3.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-pajjiżi msieħba, sħubijiet inklużivi, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka.

Artikolu 82

Kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali

1.   Il-Parti UE tafferma mill-ġdid l-impenn politiku tagħha li ttejjeb ir-riżorsi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp bil-ħsieb li tikseb żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari billi teqred il-faqar u tiġġieled id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima. Il-Parti UE timpenja ruħha li tagħmel disponibbli l-livell xieraq ta’ riżorsi finanzjarji f’konformità mar-regolamenti u l-proċeduri interni tagħha.

2.   Il-Partijiet jaqblu li, fl-allokazzjoni tar-riżorsi, għandha tingħata prijorità lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, fejn tali riżorsi jista’ jkollhom l-aktar impatt, b’mod partikolari l-LDCs, il-pajjiżi b’introjtu baxx, il-pajjiżi fi kriżi u f’kunflitt, il-pajjiżi li jkunu għadhom kif ħarġu minn kriżi u/jew sitwazzjonijiet fraġli u vulnerabbli ta’ wara kunflitt, inklużi SIDS, u LLDCs. Għandha tingħata wkoll attenzjoni xierqa lill-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-pajjiżi b’introjtu medju, b’mod partikolari b’rabta mal-inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali u l-aċċess tagħhom għar-riżorsi.

3.   Il-Parti UE għandha timmobilizza riżorsi biex tappoġġa programmi fl-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u għandha tikkontribwixxi għal kooperazzjoni u inizjattivi reġjonali, interreġjonali u interkontinentali, immirati lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku u ta’ tħassib komuni.

4.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni tista’ tieħu forom differenti, bħal programmi ta’ appoġġ għall-politika settorjali, miżuri ta’ kooperazzjoni amministrattiva u teknika, bini tal-kapaċitajiet, arranġamenti triangolari, u tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ tipi differenti ta’ finanzjament u proċeduri, inkluż appoġġ baġitarju, garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta’ taħlit.

5.   Il-Parti UE u l-Membri tal-OSAKP l-aktar avvanzati għandhom jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw forom ġodda ta’ impenn, inklużi strumenti finanzjarji innovattivi u kofinanzjament.

6.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jippromwovu l-użu ta’ riżorsi finanzjarji biex irawmu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, jipprovdu assistenza umanitarja u ta’ emerġenza, jindirizzaw ċirkostanzi mhux previsti, ħtiġijiet ġodda jew sfidi emerġenti, jiffaċilitaw il-kummerċ, u jippromwovu inizjattivi jew prijoritajiet internazzjonali.

7.   Il-Partijiet jaqblu li kwalunkwe deċiżjoni li jiġi pprovdut appoġġ baġitarju għandha tkun:

(a)

ibbażata fuq sett ċar ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà u valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u tal-benefiċċji;

(b)

ibbażata fuq is-sjieda tal-pajjiż, ir-responsabbiltà reċiproka u l-impenn kondiviż għall-valuri u l-prinċipji universali;

(c)

tinkludi djalogu ta’ politika msaħħaħ, governanza mtejba u tikkomplementa l-isforzi biex jinġabar aktar u jsir infiq aħjar; u

(d)

differenzjata b’tali mod li tirrispondi aħjar għall-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż benefiċjarju.

8.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-prevedibbiltà u s-sigurtà tal-flussi tar-riżorsi u jżidu l-isforzi biex ikomplu jtejbu l-mod li bih jimmaniġġjaw u jimplimentaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni u koerenza akbar u billi jqisu l-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom, inklużi esperjenzi ta’ tranżizzjoni.

9.   Il-Partijiet jaqblu li l-programmazzjoni għandha tkun ibbażata fuq djalogu bikri, kontinwu u inklużiv bejn il-Parti UE u l-Membri tal-OSAKP, inklużi l-awtoritajiet lokali u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali, kontinentali u internazzjonali, u bl-involviment tal-parlamenti, tas-soċjetà ċivili, tas-settur privat u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex tittejjeb is-sjieda demokratika tal-proċess u jiġi mħeġġeġ l-appoġġ għal strateġiji reġjonali u nazzjonali. Huma jaqblu li, fejn xieraq, il-programmazzjoni għandha tkun sinkronizzata maċ-ċikli tal-istrateġija tal-benefiċjarji u jimpenjaw ruħhom li jużaw l-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċeduri tagħhom. Huma jaqblu wkoll li l-programmazzjoni għandha tipprovdi qafas pluriennali speċifiku u mfassal apposta għall-kooperazzjoni, inklużi mezzi diversifikati ta’ kooperazzjoni.

10.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ atturi oħrajn, inkluża l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u dik triangolari, għandha tiġi mħeġġa fil-każ ta’ valur miżjud ċar u ta’ vantaġġ komparattiv ipprovat.

11.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jwettqu rieżami tal-ġestjoni u l-impatt tar-riżorsi finanzjarji, fi żmien li jiġi maqbul b’mod reċiproku, bil-ħsieb li jtejbu l-effettività tal-programmazzjoni u l-allokazzjonijiet tal-għajnuna.

12.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fl-użu tajjeb tar-riżorsi finanzjarji, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, fejn xieraq.

Artikolu 83

Riżorsi pubbliċi domestiċi

1.   Il-Membri tal-OSAKP li huma Partijiet għal dan il-Ftehim jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jtejbu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi. Huma għandhom jippromwovu ambjenti li jżidu l-flussi privati domestiċi u jagħtu spinta lill-kummerċ bħala magna għall-iżvilupp.

2.   Il-Membri tal-OSAKP li huma Partijiet għal dan il-Ftehim għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-ġbir tad-dħul permezz ta’ sistemi tat-taxxa modernizzati, politika tat-tassazzjoni mtejba, ġbir tat-taxxa aktar effiċjenti, u amministrazzjoni tat-taxxa msaħħa u riformata. Huma għandhom jaħdmu biex itejbu l-ġustizzja, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tat-taxxa tagħhom, inkluż billi jwessgħu l-bażi għat-taxxa u jissoktaw bl-isforzi biex jintegraw is-settur informali fl-ekonomija formali f’konformità maċ-ċirkostanzi tal-pajjiżi. Huma għandhom isaħħu l-leġittimità fiskali billi jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika tagħhom.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jżidu l-isforzi biex jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti bil-għan li jeqirduhom, li jikkooperaw fl-irkupru tal-assi u l-kapital mitlufin, u li jsaħħu l-prattiki tajbin dwar ir-ritorn tal-assi sabiex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jippromwovu miżuri kontra l-korruzzjoni, kontra l-frodi u kontra l-ħasil tal-flus, u jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u prattiki tat-taxxa dannużi oħrajn, permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali akbar, regolamentazzjoni domestika mtejba, kif ukoll kapaċitajiet imsaħħa u skambju ta’ informazzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom itejbu u jikkooperaw biex isaħħu l-governanza tajba fi kwistjonijiet finanzjarji u tat-taxxa, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Huma jimpenjaw ruħhom li jżidu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa b’mod inklużiv, ġust u trasparenti u, f’dak ir-rigward, jaqblu li jikkooperaw f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet fiskali internazzjonali.

Artikolu 84

Riżorsi privati domestiċi u internazzjonali

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-flussi ta’ kapital privat huma vitali biex jikkomplementaw l-isforzi ta’ żvilupp nazzjonali. Huma għandhom jiżviluppaw politiki u, fejn xieraq, isaħħu l-oqfsa u l-istrumenti regolatorji biex l-inċentivi tas-settur privat jiġu allinjati aħjar mal-għanijiet pubbliċi. Huma għandhom jikkooperaw biex jimmobilizzaw investiment sostenibbli u responsabbli, biex jinkoraġġixxu lis-settur privat jinvolvi ruħu bħala sieħeb fil-proċess ta’ żvilupp, u biex jinvestu f’oqsma kritiċi għall-iżvilupp sostenibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jużaw it-taħlit ta’ għotjiet u self, kif ukoll garanziji bħala lievi biex jattiraw finanzjament privat u jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, filwaqt li jillimitaw id-distorsjonijiet tas-suq.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li r-rimessi huma sors privat ewlieni ta’ finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jistabbilixxu oqfsa leġiżlattivi u regolatorji rilevanti sabiex jinħoloq suq kompetittiv u trasparenti għal trasferimenti orħos, aktar rapidi u aktar sikuri ta’ flus permezz ta’ mezzi legali u uffiċjali kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll f’dawk destinatarji, u sabiex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet ta’ trasferiment innovattivi u affordabbli. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-ġenerazzjoni ta’ prodotti finanzjarji innovattivi u joħolqu inċentivi biex jissaħħaħ il-kontribut tad-dijaspora tagħhom għall-iżvilupp. Huma għandhom jippromwovu djalogu fost il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati rilevanti kollha biex jiffaċilitaw il-flussi ta’ rimessi bil-ħsieb li jtejbu l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp.

Artikolu 85

Id-dejn u s-sostenibbiltà tad-dejn

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu d-dejn sostenibbli fit-tul permezz ta’ politiki kkoordinati mmirati lejn il-finanzjament, il-mitigazzjoni, ir-ristrutturar jew l-immaniġġjar tad-dejn, kif xieraq. Huma jaqblu li jgħinu lill-pajjiżi jibnu kapaċitajiet ta’ mmaniġġjar tad-dejn u jiżviluppaw strateġiji ta’ dejn fuq terminu medju u twil.

2.   Il-Partijiet jenfasizzaw l-importanza tad-debituri u tal-kredituri li jaħdmu flimkien biex jipprevjenu u jsolvu l-kriżijiet tad-dejn. Huma jaqblu fuq il-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-trasparenza, sabiex il-valutazzjonijiet u l-analiżijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn ikunu bbażati fuq data komprensiva, oġġettiva u affidabbli.

3.   Il-Partijiet, filwaqt li jikkunsidraw ir-rabtiet bejn id-dejn u t-tkabbir ekonomiku, jimpenjaw ruħhom li jidħlu fi djalogu u kooperazzjoni fil-kuntest tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-problema ġenerali tad-dejn, mingħajr preġudizzju għal diskussjonijiet speċifiċi li jsiru f’fora rilevanti.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jikkontribwixxu, kif xieraq, għal inizjattivi ta’ ħelsien mid-dejn approvati fuq livell internazzjonali sabiex jittaffa l-piż tas-servizz tad-dejn tal-Membri tal-OSAKP.

PARTI V

QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu 86

Istituzzjonijiet konġunti

1.   Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu l-istituzzjonijiet konġunti li ġejjin fil-livell tal-Membri tal-OSAKP u l-Parti UE: il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE, il-Kumitat tal-Uffiċjali Għolja fil-Livell ta’ Ambaxxaturi (ALSOC, Ambassadorial Level Senior Officials Committee) tal-OSAKP — UE (l-‘ALSOC tal-OSAKP-UE’) u l-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE. Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu wkoll, bħala istituzzjonijiet konġunti għal kull wieħed mill-Protokolli Reġjonali, Kunsill tal-Ministri, Kumitat Konġunt u Assemblea Parlamentari.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn l-istituzzjonijiet konġunti msemmijin fil-paragrafu 1 u l-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti f’oqfsa oħrajn jew ftehimiet oħrajn li għalihom huma Parti, inklużi l-FSE, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti fihom.

Artikolu 87

Summits tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern

Il-Partijiet jistgħu jiltaqgħu fil-livell ta’ Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, bi ftehim konġunt, f’format xieraq, abbażi ta’ skeda ta’ żmien u aġenda miftiehma b’mod reċiproku.

Artikolu 88

Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE

1.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Membru tal-OSAKP fil-livell ministerjali u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-livell ministerjali. Huwa għandu jkun kopresedut mill-President innominat mill-Membri tal-OSAKP, minn naħa waħda, u mill-President innominat mill-Parti UE, min-naħa l-oħra.

2.   Fil-prinċipju, il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jiltaqa’ kull tliet snin u kull meta jitqies meħtieġ, fuq l-inizjattiva tal-Kopresidenti, f’forma u kompożizzjoni xierqa għall-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati. L-osservaturi jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat, kif xieraq.

3.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jistabbilixxi kumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi b’mod aktar effettiv u effiċjenti, bħal kwistjonijiet ta’ finanzjament għall-kummerċ u l-iżvilupp. Huwa jista’ wkoll jiddelega setgħat lill-ALSOC tal-OSAKP-UE.

4.   Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandhom ikunu li:

(a)

jipprovdi gwida politika strateġika;

(b)

jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dan il-Ftehim;

(c)

jadotta linji gwida ta’ politika u jieħu deċiżjonijiet biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim; u

(d)

jadotta pożizzjonijiet konġunti u jaqbel fuq azzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni internazzjonali, u jiffaċilita l-koordinazzjoni f’organizzazzjonijiet u fora internazzjonali.

5.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet kollha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jew jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tiegħu elenkati fil-paragrafu 4 bil-qbil komuni tal-Partijiet. Il-proċedimenti tiegħu għandhom ikunu validi biss jekk ikunu preżenti r-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, mill-inqas nofs l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-anqas żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Membri tal-OSAKP. Kwalunkwe membru tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE li ma jkunx jista’ jattendi jista’ jkun irrappreżentat. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru. Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jissottometti rapport lill-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Huwa għandu jeżamina u jikkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta.

6.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub. L-użu ta’ proċedura bil-miktub jista’ jiġi propost minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u jista’ jinbeda wara l-qbil tal-Kopresidenti. Ir-regoli stipulati fil-paragrafu 5 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura bil-miktub.

7.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 89

Il-Kumitat tal-Uffiċjali Għolja jew fil-Livell ta’ Ambaxxaturi tal-OSAKP-UE

1.   Il-Kumitat tal-Uffiċjali Għolja jew fil-Livell ta’ Ambaxxaturi (ALSOC, Ambassadorial Level Senior Officials Committee) tal-OSAKP — UE (l-‘ALSOC tal-OSAKP-UE’) għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Membru tal-OSAKP fil-livell ta’ uffiċjali għolja jew ta’ ambaxxaturi u s-Segretarju Ġenerali tal-OSAKP f’kapaċità ex-officio u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-livell ta’ uffiċjali għolja jew ta’ ambaxxaturi. L-ALSOC tal-OSAKP-UE għandu jiltaqa’ kull sena u f’sessjonijiet speċjali fuq talba tal-Kopresidenti u, b’mod partikolari biex tħejji għas-sessjonijiet konġunti tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Huwa għandu jkun kopresedut mill-istess Partijiet li jkollhom il-kariga ta’ Kopresidenti tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Huwa għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-qbil komuni tal-Partijiet. L-osservaturi jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat, kif xieraq.

2.   L-ALSOC tal-OSAKP-UE għandu jħejji s-sessjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE u jgħin fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u jwettaq kwalunkwe mandat fdat lilu mill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE.

3.   L-ALSOC tal-OSAKP-UE għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 90

L-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE

1.   L-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE għandha tkun tikkonsisti mill-Membri tal-Assemblej Parlamentari Reġjonali. L-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE għandha tiltaqa’ darba fis-sena, kif stabbilit ulterjorment fir-regoli ta’ proċedura tagħha kif imsemmi fil-paragrafu 3. Hija għandha tkun kopreseduta minn membru tal-Parlament Ewropew u membru tal-parlament tal-Membri tal-OSAKP, innominati skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2.   Il-funzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE, bħala korp konsultattiv, għandhom ikunu li:

(a)

tadotta riżoluzzjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim; u

(b)

tippromwovi proċessi demokratiċi, trawwem kooperazzjoni bejn il-parlamenti u tiffaċilita fehim akbar bejn il-popli tal-Membri tal-OSAKP u dawk tal-Unjoni Ewropea;

3.   L-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha fl-ewwel laqgħa tagħha, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 91

Summit Reġjonali

Il-Partijiet għal kull Protokoll Reġjonali jistgħu jiddeċiedu li jiltaqgħu fil-livell ta’ Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern f’intervalli li għandhom jiġu miftiehma mill-Partijiet rispettivi abbażi ta’ skeda ta’ żmien u aġenda miftiehma b’mod reċiproku.

Artikolu 92

Il-Kunsilli Reġjonali tal-Ministri

1.   Il-Kunsill Reġjonali tal-Ministri għal kull wieħed mit-tliet Protokolli Reġjonali:

(a)

il-Kunsill tal-Ministri Afrika-UE għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Stat Parti fl-Afrika fil-livell ministerjali u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħhal fil-livell ministerjali;

(b)

il-Kunsill tal-Ministri Karibew-UE għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Stat Parti fil-Karibew fil-livell ministerjali u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħhal fil-livell ministerjali; u

(c)

il-Kunsill tal-Ministri Paċifiku-UE għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Stat Parti fil-Paċifiku fil-livell ministerjali u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-livell ministerjali.

Kull Kunsill Reġjonali tal-Ministri għandu jkun kopresedut mill-President innominat mill-Membri Istati Partijiet Afrikani, tal-Karibew jew tal-Paċifiku rispettivament, minn naħa waħda, u mill-President innominat mill-Parti UE min-naħa l-oħra, skont il-proċeduri tagħhom stess.

Kull Kunsill Reġjonali tal-Ministri għandu jiltaqa’ f’intervalli li għandhom jiġu miftiehma mill-Partijiet rispettivi, f’kompożizzjoni xierqa għall-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati u fuq l-inizjattiva tal-Kopresidenti u għandu jieħu deċiżjonijiet bil-qbil komuni.

2.   Il-funzjonijiet ta’ kull Kunsill Reġjonali tal-Ministri għandhom ikunu li:

(a)

jiffissa l-prijoritajiet u, kif xieraq, jistabbilixxi pjanijiet ta’ azzjoni b’rabta mal-għanijiet tal-Protokoll Reġjonali rispettiv tiegħu;

(b)

jadotta deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi tal-Protokoll Reġjonali rispettiv tiegħu, inklużi deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-rieżami jew l-emenda tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 99(5); id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet kollha għall-Protokoll Reġjonali rispettiv, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor; u

(c)

imexxi djalogu u jiskambja fehmiet dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ interess komuni.

3.   Kull Kunsill Reġjonali tal-Ministri għandu jadotta deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-qbil komuni. Il-proċedimenti tiegħu għandhom ikunu validi biss jekk ikunu preżenti r-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, mill-inqas nofs l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u mill-inqas żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw ir-reġjun rispettiv tar-reġjun tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku. Kwalunkwe membru ta’ kwalunkwe Kunsill Reġjonali tal-Ministri li ma jkunx jista’ jattendi jista’ jkun irrappreżentat. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

4.   Kull Kunsill Reġjonali tal-Ministri:

(a)

jista’ jadotta deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub; ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 88 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura bil-miktub tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri;

(b)

jista’ jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi b’mod aktar effettiv u effiċjenti u jista’ jiddelega setgħat lill-Kumitat Konġunt Reġjonali rispettiv;

(c)

għandu jissottometti rapport lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll rispettiv tiegħu; u

(d)

għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 93

Kumitati Konġunti Reġjonali

1.   Kull Kumitat Reġjonali Konġunt għandu jinkludi, minn naħa waħda, rappreżentant ta’ kull Membru Afrikan tal-OSAKP għall-Protokoll Afrika-UE, kull Membru tal-OSAKP mill-Karibew għall-Protokoll Karibew-UE, u kull Membru tal-OSAKP mill-Paċifiku għall-Protokoll Paċifiku-UE, fil-livell ta’ ambaxxaturi jew ta’ uffiċjali għolja, u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-livell ta’ ambaxxaturi jew ta’ uffiċjali għolja.

2.   Kull Kumitat Konġunt Reġjonali għandu jkun kopresedut mill-istess Partijiet li jkollhom il-kariga ta’ Kopresidenti tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv. Meta jkun xieraq, huwa jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq il-proposta ta’ kwalunkwe Parti wara l-qbil tal-Kopresidenti.

3.   Kull Kumitat Konġunt Reġjonali għandu jħejji s-sessjonijiet u jassisti lill-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u jwettaq kwalunkwe mandat fdat lilu mill-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv.

4.   Kull Kumitat Konġunt Reġjonali għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 94

L-Assemblej Parlamentari Reġjonali

1.   Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu Assemblea Parlamentari Reġjonali għal kull wieħed mit-tliet Protokolli Reġjonali li għandha tkun kopreseduta minn Membru tal-Parlament Ewropew, minn naħa waħda, u Membru tal-Parlament mill-Istati Partijiet Afrikani, tal-Karibew jew tal-Paċifiku rispettivi, innominat bħala President, min-naħa l-oħra, f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess:

(a)

l-Assemblea Parlamentari Afrika-UE għandha tinkludi, minn naħa waħda, Membri tal-Parlament Ewropew u, min-naħa l-oħra, Membri tal-Parlament ta’ kull Stat Parti fl-Afrika, f’numru ugwali;

(b)

l-Assemblea Parlamentari Karibew-UE għandha tinkludi, minn naħa waħda, Membri tal-Parlament Ewropew u, min-naħa l-oħra, Membri tal-Parlament ta’ kull Stat Parti fil-Karibew, f’numru ugwali;

(c)

l-Assemblea Parlamentari Paċifiku-UE għandha tinkludi, minn naħa waħda, Membri tal-Parlament Ewropew u, min-naħa l-oħra, Membri tal-Parlament ta’ kull Stat Parti fil-Paċifiku, f’numru ugwali.

2.   Bħala korp konsultattiv, kull Assemblea Parlamentari Reġjonali għandha tiltaqa’ b’mod partikolari qabel il-laqgħat tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rilevanti. F’dak ir-rigward, kull Assemblea Parlamentari Reġjonali għandha tiġi pprovduta fil-ħin bl-aġenda tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rilevanti, li abbażi tagħha tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lil dak il-Kunsill Reġjonali tal-Ministri, u għandha tiġi informata bid-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rilevanti.

3.   Kull Assemblea Parlamentari Reġjonali:

(a)

tista’ tadotta riżoluzzjonijiet u tiddiskuti kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam mal-Protokoll Reġjonali rispettiv tagħha;

(b)

tista’ tippromwovi proċessi demokratiċi permezz ta’ djalogu u konsultazzjoni u tiffaċilita fehim akbar bejn il-popli tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku;

(c)

għandha tikkollabora mal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-OSAKP-UE dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-Ftehim, sabiex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-koerenza; u

(d)

għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha fl-ewwel laqgħa tagħha, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 95

Impenn mal-partijiet ikkonċernati

1.   Il-Partijiet jaqblu li l-impenn mal-partijiet ikkonċernati, notevolment l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tas-settur privat, huwa integrali għal proċess informat sewwa tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ din is-Sħubija.

2.   Il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu informati fil-ħin u jkunu jistgħu jipprovdu l-kontribut tagħhom fil-proċess wiesa’ ta’ djalogu, b’mod partikolari fid-dawl tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri rispettiv.

3.   Sabiex jiġi promoss tali impenn, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi miftuħa u trasparenti għal konsultazzjoni strutturata mal-partijiet ikkonċernati, kif xieraq.

4.   Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu kkomunikati lill-Kunsill tal-Ministri, lill-Kumitat Konġunt jew lill-Assemblea Parlamentari rilevanti, kif xieraq.

PARTI VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 96

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bil-kondizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorji tal-Membri tal-OSAKP.

Artikolu 97

Ftehimiet jew arranġamenti oħrajn

L-ebda trattat, konvenzjoni, ftehim jew arranġament ta’ kwalunkwe tip bejn Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni Ewropea u Membru tal-OSAKP wieħed jew aktar ma għandu jimpedixxi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 98

Il-kunsens li tkun marbut, id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni provviżorja

1.   Il-Partijiet għandhom jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dan il-Ftehim f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u mill-inqas żewġ terzi tal-Istati tal-OSAKP ikunu lestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom għal dak l-għan u jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom li jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (id-‘depożitarju’), li għandu jibgħat kopja ċċertifikata lis-Segretarjat tal-OSAKP.

3.   Membru tal-OSAKP li ma jkunx lesta l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 2 sad-data li fiha dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ f’konformità mal-paragrafu 2 jista’ jagħmel dan biss fi żmien 12-il xahar minn dik id-data. Għal tali Membri tal-OSAKP, dan il-Ftehim għandu jsir applikabbli fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitar tal-istrumenti tagħhom li jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mad-depożitarju, li għandu jibgħat kopja ċċertifikata lis-Segretarjat tal-OSAKP. Tali Membri tal-OSAKP għandhom jirrikonoxxu l-validità ta’ kwalunkwe miżura meħuda għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu f’konformità mal-paragrafu 2.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-Unjoni Ewropea u l-Membri tal-OSAKP jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju kompletament jew parzjalment, sakemm jidħol fis-seħħ u f’konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni provviżorja għandha tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Qabel ma tibda l-applikazzjoni provviżorja, l-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-Membri tal-OSAKP dwar il-partijiet tal-Ftehim li għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju.

Artikolu 99

Durata u rieżami

1.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu inizjali ta’ 20 sena. Tliet snin qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu inizjali, il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu bil-ħsieb li jirrieżaminaw id-dispożizzjonijiet li sussegwentement għandhom jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom. Dan il-Ftehim għandu jiġi estiż b’mod taċitu għal perjodu wieħed ta’ ħames snin sakemm ma jintlaħaqx qbil mill-Partijiet fuq deċiżjoni li titterminah jew testendih qabel it-tmiem tal-perjodu inizjali ta’ 20 sena.

2.   Il-Partijiet jistgħu jissottomettu proposti għal emendi għal dan il-Ftehim lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE mhux aktar tard minn sitt xhur qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Kwalunkwe emenda għandha tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE u tkun soġġetta għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 98 għad-dħul fis-seħħ u għall-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

3.   Fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tal-Aġenda 2030, il-Partijiet għandhom jidħlu f’negozjati bil-ħsieb li janalizzaw u jirrevedu l-prijoritajiet strateġiċi ta’ dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll Reġjonali tal-Afrika, il-Protokoll Reġjonali tal-Karibew u l-Protokoll Reġjonali tal-Paċifiku, u li jintroduċu kwalunkwe emenda oħra meħtieġa. Il-Ftehim emendat għandu jidħol fis-seħħ f’konformità mal-proċeduri stabbiliti għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet jistgħu jissottomettu proposti għal emendi għall-Annessi ta’ dan il-Ftehim lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE mhux aktar tard minn sitt xhur qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Kwalunkwe emenda għandha tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE.

5.   Il-Partijiet għall-Protokoll Reġjonali rispettiv jistgħu jippreżentataw proposti għal emendi għall-Protokoll tagħhom lill-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv u lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE mhux aktar tard minn 120 jum qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv. Kwalunkwe emenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rispettiv u tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE, li jista’ jagħti l-kunsens tiegħu fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika, inkluż permezz ta’ proċedura bil-miktub jew delega tas-setgħa lill-ALSOC tal-OSAKP-UE. Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għal emenda li titqies li mhijiex konsistenti ma’ dan il-Ftehim, u għandu jinnotifika lill-Kunsill Reġjonali tal-Ministri rilevanti bir-raġunijiet tiegħu għar-rifjut. In-nuqqas ta’ rifjut tal-kunsens fi żmien 120 jum mid-data tan-notifika jitqies li jikkostitwixxi kunsens. Il-Protokoll Reġjonali emendat għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-kunsens.

6.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jadotta kwalunkwe miżura tranżitorja meħtieġa jekk jiġi previst Ftehim ġdid bejn il-Partijiet u sa meta tali Ftehim jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat b’mod provviżorju.

Artikolu 100

Terminazzjoni

Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat mill-Parti UE fir-rigward ta’ kull Membru tal-OSAKP u minn kull Membru tal-OSAKP fir-rigward tal-Parti UE. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li d-depożitarju jirċievi n-notifika bil-miktub tagħha, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lis-Segretarjat tal-OSAKP.

Artikolu 101

Ir-riżoluzzjoni tat-tilwim u t-twettiq tal-obbligi

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. Għandhom jindirizzaw id-diverġenzi u t-tilwim fuq l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejniethom u jindirizzaw kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni relatati ma’ dan il-Ftehim f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri msemmija fil-paragrafi minn 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 74(4), kwalunkwe kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tissolva permezz ta’ konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jew, bil-qbil tal-Partijiet, sottokumitat speċjali jew kwalunkwe mekkaniżmu xieraq ieħor li jirrapporta lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Il-Partijiet għandhom jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa tal-kwistjoni, bil-ħsieb li jindirizzawha fil-ħin u b’mod amikevoli.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi minn 4 sa 9, it-terminu ‘Parti’ jirreferi għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u kull Stat tal-OSAKP, min-naħa l-oħra.

4.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw id-diverġenzi bejniethom fi ħdan id-djalogu ta’ sħubija, bil-ħsieb li jevitaw li jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom parti waħda tista’ tqis li jkun meħtieġ li tirrikorri għall-konsultazzjonijiet previsti fil-paragrafi 5 u 6.

5.   Jekk xi waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-obbligi taħt dan il-Ftehim, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, filwaqt li tippreżenta l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 90 jum mid-data tan-notifika. Jekk dan jitqies li mhuwiex suffiċjenti, il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet strutturati u sistematiċi. Meta ma jkunux jistgħu jaslu għal soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 120 jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet, il-Parti li tinnotifika tista’ tieħu miżuri proporzjonati għan-nuqqas ta’ adempiment tal-obbligu speċifiku.

6.   Minkejja l-paragrafu 5, jekk xi waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra tkun qed tikser xi wieħed mill-elementi essenzjali kif stabbiliti fl-Artikoli 9 u 18, ħlief f’każ ta’ urġenza speċjali, jew f’każijiet serji ta’ korruzzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 12, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, filwaqt li tippreżenta l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika. Jekk dan jitqies li mhuwiex suffiċjenti, il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet strutturati u sistematiċi. Filwaqt li jinżamm il-karattru bilaterali tal-konsultazzjonijiet, għandu jiġi involut Kumitat Konġunt Speċjali bi qbil mal-Partijiet ikkonċernati matul il-fażi ta’ konsultazzjonijiet strutturati u sistematiċi. Il-Kumitat Konġunt Speċjali, li jikkonsisti f’numru ugwali ta’ rappreżentanti tal-Parti UE u tal-Membri tal-OSAKP li josservaw il-prinċipji ta’ sħubija ġenwina u responsabbiltà reċiproka, għandu jipprovdi pariri dwar it-twettiq tal-obbligi u jassisti kif xieraq sabiex il-Parti kkonċernata tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Ftehim. Il-Parti kkonċernata tibqa’ unikament responsabbli għall-konformità mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 90 jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet, il-Parti li tinnotifika tista’ tieħu miżuri xierqa.

7.   Jekk xi waħda mill-Partijiet tqis li ksur ta’ kwalunkwe wieħed mill-elementi essenzjali jikkostitwixxi każ ta’ urġenza speċjali, hija tista’ tieħu miżuri xierqa b’effett immedjat, mingħajr konsultazzjonijiet minn qabel. Każijiet ta’ urġenza speċjali għandhom jirreferu għal każijiet eċċezzjonali ta’ ksur partikolarment serju u flagranti ta’ wieħed mill-elementi essenzjali msemmija fl-Artikoli 9 u 18.

8.   Il-‘miżuri xierqa’ msemmija fil-paragrafi 6 u 7 għandhom jittieħdu b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u għandhom ikunu proporzjonati għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-obbligi skont dan il-Ftehim. Għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim. Miżuri xierqa jistgħu jinkludu s-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim. Wara li jittieħdu l-miżuri xierqa, fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, jistgħu jissejħu konsultazzjonijiet sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni bir-reqqa u jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu l-irtirar ta’ miżuri xierqa.

9.   Il-Partijiet jaqblu li l-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-livell, u fil-forma, meqjusa bħala l-aktar li jwasslu biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku. Huma jaqblu li, filwaqt li jinżamm il-karattru bilaterali tal-konsultazzjonijiet, l-atturi reġjonali u internazzjonali rilevanti jistgħu jiġu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni bil-qbil tal-Partijiet ikkonċernati.

Artikolu 102

L-adeżjoni

1.   Kwalunkwe Stat Membru ġdid tal-Unjoni Ewropea għandu jsir Parti għal dan il-Ftehim mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea permezz ta’ klawżola għal dan l-effett fl-att tal-adeżjoni. Jekk l-att tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ma jipprovdix għal tali adeżjoni awtomatika tal-Istat Membru l-ġdid għal dan il-Ftehim, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaderixxi ma’ dan il-Ftehim billi jiddepożita att ta’ adeżjoni mad-depożitarju li għandu jibgħat kopja ċċertifikata lis-Segretarjat tal-OSAKP.

2.   Kwalunkwe talba għall-adeżjoni ma’ dan il-Ftehim magħmula minn Stat indipendenti li huwa membru tal-OSAKP jew minn kwalunkwe Stat indipendenti ieħor li l-karatteristiċi strutturali u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tiegħu huma komparabbli ma’ dawk tal-membri tal-OSAKP, għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE. Jekk it-talba tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE, l-Istat ikkonċernat għandu jaderixxi ma’ dan il-Ftehim billi jiddepożita att ta’ adeżjoni mad-depożitarju, li għandu jibgħat kopja ċċertifikata lis-Segretarjat tal-OSAKP.

3.   Il-Partijiet għandhom jeżaminaw l-effetti fuq dan il-Ftehim tal-adeżjoni ta’ Stati ġodda.

4.   Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jiddeċiedi fuq kwalunkwe miżura tranżizzjonali jew emendatorja li tista’ tkun meħtieġa.

Artikolu 103

Status ta’ osservatur

Sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, atturi terzi, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali, jistgħu jingħataw l-istatus ta’ osservatur fl-istituzzjonijiet stabbiliti mill-Parti V tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim b’deċiżjoni tal-istituzzjoni konġunta rilevanti.

Artikolu 104

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ eżemplari bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

PROTOKOLLI REĠJONALI

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-AFRIKA

PARTI I

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

Kapitolu 1

Natura u kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

Sħubija ġenwina

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, ‘Partijiet’ tfisser il-Partijiet rilevanti marbuta b’dan il-Protokoll skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

2.   Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim u l-prijoritajiet strateġiċi skont dan il-Protokoll, li għandhom ikunu komplementari u jsaħħu lil xulxin, skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet għandhom jimplimentaw dan il-Protokoll fl-ispirtu ta’ sjieda kondiviża, reċiproċità, responsabbiltà reċiproka, u trasparenza, b’responsabbiltajiet komplementari fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

Artikolu 2

Prijoritajiet strateġiċi

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri speċifiċi fl-oqsma ta’ impenn ewlenin li ġejjin stabbiliti fil-Parti II ta’ dan il-Protokoll:

(a)

it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużivi u sostenibbli;

(b)

l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali;

(c)

l-ambjent, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima;

(d)

il-paċi u s-sigurtà;

(e)

id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza;

(f)

il-migrazzjoni u l-mobilità.

2.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu fuq oqsma ta’ impenn oħrajn u kooperazzjoni b’kunsens reċiproku.

Artikolu 3

Integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali u kontinentali

1.   Il-Partijiet għandhom irawmu interkonnessjonijiet u rabtiet strateġiċi bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali fl-Afrika bħala modi effettivi biex jinkisbu l-paċi u l-prosperità, u biex jitwettqu l-prijoritajiet ta’ dan il-Protokoll, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana (UA) (l-‘Aġenda 2063’) u oqfsa reġjonali rilevanti oħra.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fl-Afrika permezz ta’, inter alia, l-evoluzzjoni ta’ swieq akbar, interkonnettività akbar, u l-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti, servizzi, kapital, ħaddiema u teknoloġija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Afrikana, magħmul f’Abuja fit-3 ta’ Ġunju 1991, u l-Ftehim li jistabbilixxi ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana, magħmul f’Kigali fil-21 ta’ Marzu 2018.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw lill-UA u lill-organizzazzjonijiet reġjonali fil-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà, tad-demokrazija u tal-governanza fil-kuntest tal-mekkaniżmi reġjonali u kontinentali, bħall-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA, African Peace and Security Architecture) u l-Arkitettura tal-Governanza Afrikana (AGA, African Governance Architecture).

5.   Il-Partijiet jaqblu li jiżguraw koerenza u komplementarjetà bejn dan il-Protokoll u s-sħubija interkontinentali kif definit fis-Summits UA-UE suċċessivi u f’dokumenti ta’ eżitu relatati. Fl-aspirazzjoni tagħhom li jiksbu l-prijoritajiet kontinentali kif artikolati fl-Aġenda 2063, il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol tal-UA kif ukoll tal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (RECs, regional economic communities) dwar kwistjonijiet kontinentali u transreġjonali. F’dak il-kuntest, huma jistgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet transreġjonali u kontinentali ma’ pajjiżi Afrikani li mhumiex Partijiet għal dan il-Ftehim.

6.   Il-Partijiet jaqblu li jinvolvu ruħhom u jsaħħu l-kooperazzjoni mar-RECs, filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol tagħhom bħala elementi kostitwenti tal-aġenda għall-integrazzjoni Afrikana. Huma jaqblu wkoll li jikkooperaw ma’ atturi reġjonali u kontinentali rilevanti oħrajn li huma lesti u kapaċi jippromwovu għanijiet komuni.

7.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali mal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-UE u mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE f’oqsma ta’ interess komuni.

Kapitolu 2

Atturi u proċessi

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

1.   L-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti minn dan il-Protokoll, li l-kompożizzjoni u l-funzjoni tagħhom huma definiti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, huma kif ġej:

(a)

il-Kunsill tal-Ministri Afrika-UE;

(b)

il-Kumitat Konġunt Afrika-UE;

(c)

l-Assemblea Parlamentari Afrika-UE.

2.   Il-Partijiet għandhom iqisu l-gwida strateġika u politika tas-Summits UA-UE fil-kooperazzjoni tagħhom u fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 5

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi għal konsultazzjoni miftuħa u trasparenti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex iżommuhom infurmati u jiġbru l-kontribut tagħhom għall-proċessi politiċi u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, skont l-Artikolu 5(3) tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u monitoraġġ

1.   Il-Partijiet, għal kull qasam ta’ involviment, għandhom jippromwovu arranġamenti ta’ kooperazzjoni effettivi u jwettqu l-attivitajiet relatati fl-aktar livell domestiku, reġjonali, multinazzjonali u kontinentali xieraq. Għal dak l-għan, huma jirrikonoxxu r-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u għandhom ifittxu li jsaħħu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

2.   Il-Partijiet għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, inkluż permezz ta’ approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati. Huma jistgħu jirreveduh fuq bażi regolari u, kif xieraq, jistgħu jirrevedu u jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu f’oqsma eżistenti u ġodda ta’ impenn f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 99(5) tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

PARTI II

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I

It-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv

Artikolu 7

Il-Partijiet għandhom jippromwovu tkabbir u żvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli għal interess u benefiċċju reċiproċi billi jrawmu trasformazzjoni u diversifikazzjoni ekonomiċi strutturali li joħolqu impjiegi ta’ kwalità b’kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti u javvanzaw l-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Huma għandhom jinvestu fil-kapital u l-ħiliet umani, jippromwovu qafas makroekonomiku tajjeb, u joħolqu ambjent tan-negozju li jwassal għal flussi akbar ta’ investiment u għall-iżvilupp tas-settur privat. Huma għandhom jieħdu miżuri u jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċitajiet sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u jimminimizzaw riskji ambjentali oħrajn, jappoġġaw bidla fundamentali fil-produzzjoni u l-konsum u jippromwovu infrastrutturi reżiljenti għall-klima, enerġija rinnovabbli u teknoloġiji nodfa, immaniġġjar tajjeb tal-iskart u tas-sustanzi kimiċi, u l-ġestjoni integrata tal-ilma, bil-ħsieb li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mid-degradazzjoni ambjentali u li tiġi permessa tranżizzjoni gradwali għal ekonomiji ċirkolari. Huma għandhom jisfruttaw setturi ewlenin bi tkabbir għoli u potenzjal għoli għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, li jwasslu għal integrazzjoni fi ktajjen ta’ valur għoli reġjonali u globali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li kulħadd jibbenefika minn opportunitajiet ta’ negozju miftuħa, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa u liż-żgħażagħ, u li l-istandards tax-xogħol ewlenin jiġu promossi u implimentati, inkluż permezz ta’ djalogu soċjali effettiv.

Kapitolu 1

Trasformazzjoni ekonomika

Artikolu 8

Il-governanza ekonomika

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-istabbiltà makroekonomika u jippromwovu riformi strutturali u politiki ekonomiċi, fiskali u monetarji xierqa li joħolqu l-ispazju tant meħtieġ għall-espansjoni tal-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tas-settur privat, u jsaħħu r-reżiljenza għax-xokkijiet ekonomiċi. Huma għandhom jiffaċilitaw il-proċess tar-riforma ekonomika billi jtejbu l-fehim kondiviż u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prinċipji fundamentali tal-ekonomiji tagħhom u l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jappoġġaw il-prinċipji ta’ governanza ekonomika tajba, jadottaw miżuri biex itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jaħdmu lejn is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, isaħħu s-sistemi statistiċi nazzjonali u reġjonali, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza reġjonali u multilaterali, u jippromwovu eżekuzzjoni baġitarja trasparenti b’aċċess pubbliku għal dokumenti, sistemi ta’ kontroll effettivi u sistema tal-akkwist pubbliku kompetittiva, trasparenti u responsabbli.

Artikolu 9

Il-kapital u l-ħiliet umani

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapital uman billi jinvestu fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-ħiliet u l-bini tal-kapaċitajiet bil-ħsieb li jkunu jaqblu mad-domandi tas-suq tax-xogħol u jtejbu l-produttività tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi edukattivi u l-kurrikuli nazzjonali jkunu mmirati lejn ir-rekwiżiti tax-xogħol futuri u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet nazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali mmexxija mid-domanda, inkluż permezz ta’ sħubija mas-settur privat, li jkunu adattati għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali, b’mod partikolari f’żoni rurali u remoti.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jtejbu l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu u jintegrawhom fis-sistema tal-edukazzjoni.

Artikolu 10

L-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-oqfsa regolatorji nazzjonali u reġjonali u jissimplifikaw ir-regolamenti u l-proċessi tan-negozju, inaqqsu u jissimplifikaw il-formalitajiet amministrattivi, isaħħu l-kooperazzjoni u jibnu l-kapaċitajiet biex jimplimentaw politiki tal-kompetizzjoni effettivi. Huma għandhom jadottaw oqfsa regolatorji miftuħa, trasparenti u ċari għan-negozju u l-investiment, bi protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, tad-drittijiet tal-art u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Huma għandhom jiżguraw sistemi tat-taxxa effettivi, trasparenti u prevedibbli u jtejbu r-rwol tal-awtoritajiet doganali fl-iffaċilitar tal-kummerċ, filwaqt li jinfurzaw ir-regoli fis-seħħ biex jiġġieldu l-frodi u ksur ieħor. Huma għandhom jippromwovu politiki li jtejbu r-rilevanza, l-effiċjenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jilħqu l-bilanċ it-tajjeb bejn il-flessibbiltà u l-protezzjoni tal-ħaddiema.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw riformi fis-settur finanzjarju permezz ta’ miżuri li jippromwovu t-titjib tal-aċċess għall-finanzi u għas-servizzi finanzjarji, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), l-iżvilupp u l-interkonnettività tas-swieq finanzjarji, u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali biex tiġi żgurata l-allokazzjoni effiċjenti tat-tfaddil għall-investiment produttiv u s-settur privat. Huma għandhom jimmiraw li jrawmu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji, li jiżviluppaw setturi finanzjarji bankarji u mhux bankarji vijabbli u li jsaħħu s-servizzi finanzjarji mobbli u diġitali bil-ħsieb li jiżdied l-aċċess għall-finanzi, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Huma għandhom jimmiraw ukoll li jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u li jiżguraw swieq miftuħa, il-protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti oħrajn u aċċess akbar għal servizzi mobbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu lin-negozji u lill-investituri b’informazzjoni rilevanti u faċilment aċċessibbli dwar l-opportunitajiet ta’ negozju u dwar kif jistabbilixxu negozji ġodda fl-Afrika u fl-UE. Huma għandhom jappoġġaw djalogu pubbliku-privat strutturat, in-networking tal-operaturi ekonomiċi u l-iżvilupp ta’ sħubijiet kummerċjali, biex jiżguraw li l-perspettivi tas-settur privat jitqiesu fl-isforzi biex jitnaqqsu r-riskji ta’ investiment u fl-indirizzar tal-ostakli għal investiment sostenibbli, filwaqt li jagħtu prijorità lill-aġendi tar-riforma tal-klima tal-investiment.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi biex isegwu titjib fil-politika u riformi regolatorji għall-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment, inkluż permezz ta’ taħriġ u għarfien espert u trasferimenti tal-għarfien.

5.   Il-Partijiet jaqblu li l-kwistjonijiet relatati mal-ambjent tan-negozju u mal-klima tal-investiment għandhom jiġu riflessi kif xieraq fid-djalogu tagħhom.

Artikolu 11

L-infrastruttura

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti f’infrastrutturi ewlenin bħall-enerġija, it-trasport, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-konnettività diġitali biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħhom, filwaqt li jqisu l-Programm għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura fl-Afrika.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-identifikazzjoni, il-promozzjoni u l-finanzjament konġunt ta’ proġetti li huma mistennija jiffaċilitaw it-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw biex jibnu u jżommu infrastruttura mmirata tajjeb, inklużi parks industrijali u żoni ta’ pproċessar għall-esportazzjoni, sabiex jappoġġaw lill-industriji u s-setturi kompetittivi marbuta mas-swieq globali.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-governanza tas-settur tal-infrastruttura. Huma għandhom jimmobilizzaw l-investiment, itejbu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, jinkoraġġixxu s-sħubijiet pubbliċi-privati u jisfruttaw il-ħiliet u l-innovazzjoni tas-settur privat fil-forniment ta’ infrastruttura u servizzi relatati.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura sostenibbli u reżiljenti permezz ta’ appoġġ finanzjarju, teknoloġiku u tekniku mtejjeb, b’attenzjoni partikolari għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS, small island developing states).

Artikolu 12

Il-proprjetà intellettwali

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż fil-formulazzjoni tal-qafas regolatorju għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tagħhom, filwaqt li jqisu l-objettivi tal-politika sottostanti.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċitajiet biex jippromwovu, jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-livelli domestiċi, reġjonali u kontinentali.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ infurzar ikunu disponibbli skont il-liġi tagħhom sabiex jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet jieħdu azzjoni effettiva kontra kwalunkwe att ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.   Il-Partijiet għandhom jibnu kapaċitajiet biex jippromwovu r-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti agrikoli u tal-ikel kemm Afrikani kif ukoll Ewropej. Huma għandhom jieħdu azzjonijiet biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Kontinentali tal-UA għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Afrika, kif ukoll jappoġġaw lill-komunitajiet lokali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-IĠ biex javvanzaw tul il-ktajjen tal-valur reġjonali u globali.

Artikolu 13

L-investiment

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaħdmu b’mod konġunt biex jisfruttaw l-investiment sostenibbli u responsabbli minn sorsi domestiċi u barranin, pubbliċi u privati. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-setturi li huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, li għandhom potenzjal għoli għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari f’setturi li jżidu l-valur, u jrawmu s-sostenibbiltà ambjentali.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw l-investiment permezz ta’ leġiżlazzjoni, regolamentazzjoni u politiki, li huma jiżviluppaw b’mod trasparenti, jinkoraġġixxu d-djalogu pubbliku-privat u jipprovdu lill-partijiet ikkonċernati kollha l-opportunità li jipparteċipaw.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħtu spinta lill-isforzi tagħhom biex itejbu l-klima tal-investiment u l-ambjent tan-negozju. Huma għandhom jappoġġaw miżuri li jnaqqsu d-distakk fl-għarfien dwar il-kondizzjonijiet ta’ investiment lokali minn investituri barranin. Huma għandhom jippromwovu l-kuntatti kummerċjali u n-networks ta’ informazzjoni u jiffaċilitaw l-investimenti konġunti u l-impriżi konġunti.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu effettiv u aktar strateġiku tal-investiment pubbliku biex jattiraw l-investiment mis-settur privat permezz ta’ taħlit, garanziji u strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn sabiex jimmassimizzaw riżorsi addizzjonali mis-swieq kapitali, ineħħu r-riskji mill-investiment u jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi. Il-Partijiet għandhom iqisu inizjattivi oħrajn li jikkontribwixxu għall-finanzjament u l-promozzjoni tal-investiment tas-settur privat fl-Afrika sabiex tiġi żgurata l-koerenza.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR, corporate social responsibility) u l-imġiba responsabbli fin-negozju (RBC, responsible business conduct) tul il-katina tal-valur kollha, billi jipprovdu oqfsa ta’ politika ta’ appoġġ li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ prattiki rilevanti min-negozji u billi jappoġġaw l-aderenza ma’, l-implimentazzjoni, is-segwitu u t-tixrid ta’ standards internazzjonali rilevanti, bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO. Huma għandhom jirrikonoxxu l-kontribut għas-sostenibbiltà u s-CSR ta’ inizjattivi volontarji oħrajn, inkluża l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija.

Artikolu 14

L-industrijalizzazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli fl-Afrika, permezz tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, b’enfasi fuq setturi b’valur miżjud għoli u li jirrikjedu ħafna ħaddiema.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-trasformazzjoni tal-ekonomiji Afrikani u t-tranżizzjoni tagħhom minn ekonomiji b’dipendenza fuq il-komoditajiet għal ekonomiji diversifikati permezz tat-trattament u l-ipproċessar tal-materja prima lokalment, il-manifattura tal-valur miżjud u l-integrazzjoni fi ktajjen tal-valur reġjonali u globali, inkluż billi jqisu l-Istrateġija għal Żvilupp Industrijali Aċċellerat fl-Afrika.

3.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jegħlbu l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp industrijali. Huma għandhom jindirizzaw ir-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista, jippromwovu t-titjib fil-produttività, jinkoraġġixxu l-użu ta’ ICT u intelliġenza artifiċjali avvanzati, u jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li jqisu t-teknoloġiji soċjali, tal-mobilità, tal-analitika u tal-cloud(SMAC). Huma għandhom irawmu prattiki intelliġenti fil-livell klimatiku u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u l-użu ta’ enerġija nadifa u affordabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li joħolqu konnessjonijiet industrijali permezz ta’ żieda akbar fil-valur għal, inter alia, l-agrikoltura u l-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi. Huma għandhom irawmu r-relazzjonijiet bejn industriji iżgħar u akbar fl-Afrika. Huma għandhom jiżviluppaw is-settur tas-servizzi biex jiżguraw li dan jikkontribwixxi b’mod effiċjenti għall-industrijalizzazzjoni.

5.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-MSMEs fl-Afrika, inkluż billi jiżviluppaw rabtiet fl-Afrika u sinerġiji ma’ kumpaniji tal-UE. Huma għandhom jappoġġaw il-politiki għall-iżvilupp tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u n-nisa fil-kuntest tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom u l-promozzjoni ta’ żvilupp inklużiv.

Artikolu 15

L-iżvilupp tas-settur privat

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jsaħħu r-rwol tas-settur privat bħala xprunatur effettiv tal-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq CSR u RBC. Huma għandhom jipprovdu ambjent abilitanti biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ intraprenditorija xprunata mill-opportunitajiet u biex tiġi sfruttata aħjar il-bażi intraprenditorjali tal-Afrika, billi jikkombinaw taħlita ta’ għodod bħall-finanzjament, is-servizzi u t-taħriġ, il-kultura tan-negozju u l-oqfsa regolatorji, l-innovazzjoni u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji moderni. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-settur informali u lill-formalizzazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi informali.

2.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-qafas tan-negozju t-tajjeb u jappoġġaw lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u lin-negozji ġodda biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ tkabbir, inkluż billi jippromwovu inizjattivi għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Huma għandhom isaħħu s-servizzi ta’ appoġġ tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju billi jiffokaw fuq il-miżuri ta’ akkumpanjament, l-aċċess għas-suq, il-bini tal-kapaċitajiet u l-aġġornament tan-negozju. Huma għandhom jippromwovu u jappoġġaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw id-djalogu strutturat bejn is-setturi privati tal-Afrika u tal-UE u l-kooperazzjoni bejn l-MSMEs Afrikani u tal-UE biex jgħinu fil-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju mtejjeb li jippermetti t-tkabbir fis-setturi ekonomiċi kollha.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-impenn u l-azzjoni tas-settur privat dwar l-iżvilupp tan-negozju ekoloġiku u l-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal finanzjament sostenibbli.

5.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-użu usa’ tal-muniti rispettivi tagħhom fit-tranżazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

Artikolu 16

Il-kooperazzjoni kummerċjali

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-kummerċ bħala kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi, għandhom isaħħu l-opportunitajiet kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw biex jibnu l-kapaċità kummerċjali u biex jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-politiki qafas biex jiffaċilitaw iż-żieda fil-flussi kummerċjali bejniethom.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni kummerċjali għandha tiġi implimentata f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tad-WTO, inkluż trattament speċjali u differenzjali.

3.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni kummerċjali għandha primarjament tibni fuq l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali eżistenti u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE).

4.   Il-firmatarji għall-FSE għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u l-adeżjoni ta’ membri ġodda, fejn xieraq.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw, bil-mezzi rispettivi tagħhom, l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana.

6.   Il-Partijiet jaqblu li l-implimentazzjoni tal-FSE, tal-Ftehim li jistabbilixxi ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana u ta’ arranġamenti kummerċjali applikabbli oħrajn, tikkomplementa u tappoġġa b’mod reċiproku, kif ukoll tikkontribwixxi għal, l-approfondiment tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali u kontinentali taħt l-aġenda ta’ trasformazzjoni strutturali u kummerċjali tal-UA.

7.   Il-Partijiet jaqblu li jżommu jew jistabbilixxu, fil-livelli xierqa, arranġamenti konġunti biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-FSE u jiddiskutu arranġamenti kummerċjali applikabbli oħrajn, u jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji Afrikani u fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali u kontinentali tagħhom.

8.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-proċessi ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-armonizzazzjoni regolatorja u għandhom jippromwovu l-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni tal-pajjiżi Afrikani fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali. Huma jaqblu wkoll li jiffaċilitaw u jistimolaw il-ħolqien u l-konsolidazzjoni tas-swieq reġjonali għall-prodotti u s-servizzi.

9.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw inizjattivi li jnaqqsu u jeliminaw l-ostakoli tekniċi mhux meħtieġa għall-kummerċ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-‘Ftehim TBT’, Technical Barriers to Trade). Huma għandhom jikkooperaw biex isaħħu r-regolamenti u l-prattiki sanitarji u fitosanitarji skont il-Ftehim tad-WTO dwar il-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS, Sanitary and Phyto-Sanitary) (il-‘Ftehim SPS’). B’mod partikolari, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw standards internazzjonali li jappoġġaw l-oqfsa ta’ politika rilevanti tal-Partijiet. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu t-trasparenza fl-iżvilupp ta’ miżuri regolatorji u fl-implimentazzjoni ta’ standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità (ittestjar, ċertifikazzjoni, kalibrar). Huma għandhom jindirizzaw, fost l-oħrajn, kwistjonijiet ta’ metroloġija u akkreditazzjoni ta’ laboratorji u korpi oħrajn ta’ valutazzjoni tal-konformità flimkien ma’ infrastruttura adegwata ta’ sorveljanza tas-suq.

10.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, billi jibnu fuq l-impenji rispettivi tagħhom taħt il-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA, Trade Facilitation Agreement). Huma għandhom jadottaw miżuri, inkluża assistenza teknika, biex jimplimentaw il-Ftehim TBT, il-Ftehim SPS u t-TFA, u għandhom jappoġġaw il-konformità mal-istandards internazzjonali permezz ta’ bini tal-kapaċitajiet xieraq.

11.   Il-Partijiet għandhom jistimolaw l-iżvilupp tas-suq permezz ta’ konnessjonijiet infrastrutturali u jagħtu prijorità lit-tneħħija tal-ostakli u r-restrizzjonijiet mhux meħtieġa li jiffaċċjaw l-esportazzjonijiet bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea.

12.   Il-Partijiet, skont il-livell ta’ żvilupp u l-prijoritajiet tagħhom, jimpenjaw ruħhom li jtejbu l-aċċess għas-suq tal-merkanzija lejn is-swieq Afrikani u tal-UE sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti.

Kapitolu 2

Setturi ewlenin

Artikolu 17

L-agrikoltura

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżidu l-produzzjoni, il-produttività u l-ipproċessar agrikoli sostenibbli u ta’ kwalità bil-ħsieb li jtejbu s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, itejbu l-għajxien, joħolqu impjiegi deċenti, itejbu l-ktajjen tal-valur u jżidu l-introjtu. Huma għandhom isaħħu l-prattiki reżiljenti għall-klima, jippromwovu l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u tas-servizzi tal-ekosistema, jeliminaw l-inċentivi li jiġġeneraw xejriet ta’ produzzjoni mhux sostenibbli u jużaw l-aktar teknoloġiji sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Huma għandhom jiżguraw it-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli billi jagħtu attenzjoni lid-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà u għandhom isaħħu r-reżiljenza tas-sistemi agroalimentari tagħhom għar-riskji klimatiċi u ambjentali u għal xokkijiet eżoġeni.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u privat, jorbtu aħjar in-negozji Afrikani u tal-UE fis-settur agroalimentari, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiġbru flimkien l-għarfien espert tal-UE u tal-Afrika għall-iżvilupp agrikolu. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura fl-Afrika (CAADP).

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment, jistabbilixxu regoli u regolamenti li jiffavorixxu lill-investituri biex jippromwovu investiment privat responsabbli u jippermettulu jkun suċċess fis-settur agroalimentari. Huma għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur agroalimentari sostenibbli, fost l-oħrajn permezz ta’ infrastrutturi rurali mtejba, taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali mtejba, riċerka u teknoloġiji agrikoli, u aċċess iffaċilitat għall-finanzi u s-swieq.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-opportunitajiet għall-produtturi, il-proċessuri u l-esportaturi agrikoli biex jaċċessaw is-swieq nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Huma għandhom jippromwovu l-bini tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-istandards tal-SPS, l-iskemi ta’ kummerċ ġust għall-ipproċessar agrikolu, l-aċċess għas-servizzi, il-pariri agrikoli u t-teknoloġiji xierqa, b’enfasi partikolari fuq il-kapaċità ta’ bdiewa żgħażagħ, nisa, bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar u bdiewa tal-familja. Huma għandhom jibnu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ bdiewa tal-familja u tal-MSMEs fit-tekniki tal-produzzjoni u tal-ipproċessar, permezz ta’ politiki ta’ abilitazzjoni, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq il-governanza tas-settur agrikolu, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għas-sistemi ta’ informazzjoni u ta’ twissija bikrija biex jiġu evitati kriżijiet, permezz ta’ proċess inklużiv ta’ tfassil tal-politika, u billi jibnu l-kapaċitajiet ta’ organizzazzjonijiet professjonali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali. Huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-art agrikola u d-drittijiet tal-wirt, inkluż għall-bdiewa tal-familja, għaż-żgħażagħ u għan-nisa.

Artikolu 18

Bhejjem u ġilda

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-produzzjoni sostenibbli tal-bhejjem, il-pastoraliżmu u t-transumanza transkonfinali, biex jiżviluppaw ktajjen tal-valur tal-bhejjem, inkluż billi jtejbu l-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet professjonali, u biex jappoġġaw l-ipproċessar, il-konservazzjoni, il-kummerċ u l-iżvilupp ta’ prodotti tal-annimali bħall-ġilda, il-ħalib u l-laħam, filwaqt li jqisu s-sostenibbiltà ambjentali, ir-reżiljenza għall-klima, l-iżvilupp soċjoekonomiku u t-tkabbir inklużiv. Huma għandhom jikkooperaw ukoll biex jimmodernizzaw l-infrastruttura għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-bhejjem u tal-prodotti tal-bhejjem bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq u jsaħħu s-swieq interreġjonali fl-Afrika.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u jimmodernizzaw is-settur tal-bhejjem f’konformità mal-għanijiet tas-CAADP, filwaqt li jqisu l-Istrateġija tal-Iżvilupp tal-Bhejjem għall-Afrika.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu s-saħħa tal-annimali, itejbu s-servizzi veterinarji u jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi agropastorali. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ oqfsa regolatorji nazzjonali u reġjonali xierqa u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ riċerka veterinarja. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw ir-riskji li jirriżultaw minn mard transkonfinali tal-annimali billi jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u l-kooperazzjoni epidemjoloġika transfruntiera.

Artikolu 19

L-ekonomija blu u s-sajd

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-ekonomija blu, filwaqt li jirrikonċiljaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli ma’ għajxien imtejjeb, ekwità soċjali, konservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u interni u l-bijodiversità u r-reżiljenza tagħhom għat-tibdil fil-klima, u jsaħħu s-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel trasparenti, affidabbli u siguri.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu investiment sostenibbli u responsabbli fl-ekonomija blu u jappoġġaw intervent immirat biex jistimolaw investiment akbar fis-settur privat. Huma għandhom jippromwovu ġestjoni integrata tal-magħqad tal-ilma u ppjanar spazjali tal-baħar biex jirrikonċiljaw id-domandi għal użu multiplu u l-ħarsien tal-ambjent. Huma għandhom jippromwovu aktar l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-innovazzjonijiet, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tal-ekonomija blu sostenibbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-sajd sostenibbli fuq il-baħar u fl-ilmijiet interni għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ġenerazzjoni tal-introjtu, il-ġlieda kontra l-faqar, u s-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba. Huma għandhom jiffaċilitaw l-impriżi konġunti, jippromwovu ż-żieda fil-valur u jindirizzaw it-telf wara l-ħsad permezz ta’ miżuri xierqa, u jrawmu aċċess imtejjeb għas-swieq. Huma għandhom itejbu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tas-sajd fuq skala żgħira, inkluż is-sajd artiġjanali, billi jibnu ktajjen ta’ valur tas-sajd sostenibbli u jsaħħu l-investimenti u l-kapaċitajiet lokali, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-parteċipazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u emarġinati.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fuq il-baħar u fl-ilmijiet interni sabiex iżommu l-istokkijiet tal-ħut f’livelli sostenibbli, jipprevjenu s-sajd eċċessiv, jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ politiki intelliġenti fil-livell klimatiku u jimminimizzaw l-impatti negattivi tas-sajd fuq l-ambjent naturali. Huma għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali u jrawmu l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-sajd, inkluża l-promozzjoni tal-ġbir u r-rapportar ta’ data u statistika dwar is-sajd.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw akkwakultura sostenibbli tal-baħar u tal-ilmijiet interni permezz ta’ ppjanar spazjali effettiv, approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, aċċess aħjar għall-finanzjament u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mtejba għall-investituri, filwaqt li jiżguraw li din tissodisfa t-tħassib tal-komunitajiet lokali.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali u marittimu li jiġġenera d-dħul u joħloq l-impjiegi b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dimensjonijiet ambjentali u soċjali.

7.   Il-Partijiet għandhom jesploraw il-potenzjal ta’ attivitajiet marittimi innovattivi, ġodda u emerġenti sostenibbli, inkluża l-enerġija mill-marea. Huma għandhom jistabbilixxu l-oqfsa regolatorji u ta’ politika meħtieġa għall-iżvilupp futur tagħhom, jappoġġaw ir-riċerka u jnaqqsu l-ostakoli tekniċi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-investituri, filwaqt li jevitaw riskji għall-ambjent tal-baħar.

8.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-ekonomija blu. Huma għandhom jiffaċilitaw l-involviment tas-settur privat u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ ekonomija blu sostenibbli. Huma għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-iżvilupp tas-SIDS, filwaqt li jirrikonoxxu d-dipendenza tagħhom fuq l-oċean.

Artikolu 20

L-industriji estrattivi u l-ipproċessar

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-settur tal-industriji estrattivi biex jiksbu tkabbir u żvilupp inklużivi u sostenibbli u t-trasformazzjoni tal-ekonomiji Afrikani. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-investiment fl-industriji estrattivi u fl-ipproċessar, filwaqt li jqisu l-prinċipju tas-sovranità tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi naturali. Huma għandhom jippromwovu integrazzjoni akbar bejn il-ktajjen ta’ valur Afrikani u tal-UE.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess ġust, responsabbli u mingħajr distorsjoni għar-riżorsi estrattivi, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ is-sovranità tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u għandhom irawmu kummerċ sostenibbli bejn l-operaturi Afrikani u tal-UE u jħarsu d-drittijiet tal-komunitajiet affettwati. Huma għandhom jappoġġaw l-iżvilupp, l-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki koerenti u oqfsa regolatorji u legali robusti għall-esplorazzjoni, l-isfruttament, l-immaniġġjar, il-liċenzjar, l-ikkuntrattar, it-tassazzjoni, l-ipproċessar u l-esportazzjoni ta’ riżorsi estrattivi. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju lokali fis-settur tal-industriji estrattivi billi jiffaċilitaw it-trasferiment tal-ħiliet u tat-teknoloġija sabiex jikkontribwixxu għall-kompetittività tagħhom, bil-ħsieb li jsiru atturi sħaħ fil-ktajjen tal-valur.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu governanza tajba fis-settur estrattiv għall-iżvilupp soċjoekonomiku. Huma għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni domestika biex jiżguraw konformità mal-prinċipji u l-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, filwaqt li jqisu l-istrateġiji reġjonali kif xieraq. Huma għandhom jiġġieldu l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u jiżguraw li l-operaturi kollha jħallsu t-taxxi, it-tariffi u r-royalties dovuti lill-pajjiżi ospitanti. Huma għandhom jużaw mezzi legali nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jiġġieldu l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi minerali.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw inizjattivi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jittejbu t-trasparenza u responsabbiltà akbar fl-użu u l-immaniġġjar tar-riżorsi estrattivi, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley u tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u ta’ inizjattivi rilevanti oħrajn dwar l-estrazzjoni u l-akkwist responsabbli u sostenibbli tal-minerali, bħall-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni u mekkaniżmi xierqa, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-minaturi artiġjanali u fuq skala żgħira, tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jrawmu l-involviment tagħhom, biex jiżguraw sfruttament inklużiv u sostenibbli tar-riżorsi estrattivi. Huma għandhom jippromwovu s-sostenibbiltà ambjentali, il-prattiki intelliġenti fil-livell klimatiku, il-kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, is-saħħa u s-sikurezza tal-komunitajiet lokali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-obbligi u l-impenji internazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw biex jibnu l-kapaċitajiet produttivi tal-imprendituri lokali fil-ktajjen ta’ valur estrattivi u tal-minaturi artiġjanali u fuq skala żgħira, u għandhom jinkoraġġixxu s-sħubijiet soċjali bejn il-kumpaniji tal-minjieri, il-komunitajiet lokali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn. Huma għandhom jippromwovu attivitajiet ta’ mmappjar u ta’ esplorazzjoni reġjonali u nazzjonali biex itejbu l-kwalità tal-informazzjoni ġeoloġika u tas-sistemi ta’ ġestjoni tad-data ġeografika fl-Afrika.

Artikolu 21

Il-manifattura

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex irawmu manifattura sostenibbli fl-Afrika, filwaqt li jiżviluppaw strateġiji mfassla apposta maħsuba biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-produzzjoni primarja ta’ livell baxx u biex joħolqu żieda fil-valur fil-livelli lokali u reġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki biex jattiraw aktar investiment dirett domestiku u barrani fis-settur tal-manifattura. Huma għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw il-kapaċità tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Huma għandhom jippromwovu r-raggruppamenti, in-networks u s-sħubijiet tal-innovazzjoni u tal-manifattura avvanzata.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu l-proporzjon ta’ manifattura li tirrikjedi ħafna ħaddiema. Huma għandhom jikkooperaw biex jassimilaw teknoloġiji ġodda u emerġenti bil-ħsieb li jittrasformaw il-ktajjen tal-provvista u jimmodernizzaw il-produzzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-isforzi biex jiżdied il-kummerċ fil-prodotti manifatturati permezz ta’ konnessjonijiet ma’ swieq u ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ, inkluż għal standards tal-kwalità u infrastruttura mtejba. Huma għandhom isaħħu l-integrazzjoni reġjonali biex jisfruttaw il-potenzjal tal-manifattura tal-Afrika u jtejbu l-kompetittività tagħha fis-swieq globali.

Artikolu 22

Is-servizzi

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ settur tas-servizzi vibranti u robust biex iwittu t-triq għal aktar kummerċ fis-servizzi, esportazzjonijiet u investimenti, u integrazzjoni reġjonali u kooperazzjoni interreġjonali msaħħa.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki u miżuri speċifiċi għas-settur biex jindirizzaw l-ostakoli regolatorji, itejbu l-oqfsa istituzzjonali u regolatorji u jsaħħu l-kapaċità fil-provvista tas-servizzi. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) tad-WTO, japprofondixxu l-kooperazzjoni reġjonali, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-swieq tas-servizzi fl-Afrika, isaħħu l-ġenerazzjoni u l-analiżi tad-data dwar il-kummerċ fis-servizzi, u jappoġġaw il-monitoraġġ tal-integrazzjoni tas-servizzi u l-impatt tar-riformi fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż kummerċjali.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-kummerċ fis-servizzi, inkluż il-moviment ta’ persuni fiżiċi għall-finijiet ta’ negozju bejn l-Afrika u l-UE, b’enfasi partikolari fuq setturi ewlenin għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi tagħhom, bħall-ICT, is-saħħa, is-servizzi finanzjarji, id-distribuzzjoni, it-turiżmu, il-kostruzzjoni u s-servizzi tal-inġinerija relatati f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali eżistenti.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċità fil-provvista ta’ servizzi relatati mal-industriji kulturali u kreattivi.

Artikolu 23

It-trasport

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiksbu sistemi tat-trasport moderni, sikuri, siguri u sostenibbli, filwaqt li jsaħħu l-interkonnettività kemm fl-Afrika u bejn l-Afrika u l-UE.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-governanza ġenerali tas-settur tat-trasport, jiżviluppaw u jimplimentaw regolamenti effiċjenti li jippermettu kompetizzjoni ġusta fi ħdan il-modi tat-trasport u bejniethom. Huma għandhom jimmiraw li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-modi tat-trasport billi jippromwovu enerġija nadifa permezz ta’ standards tal-fjuwil imtejba u teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment biex jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri ta’ infrastrutturi u networks tat-trasport (jiġifieri t-toroq, l-ajru, l-ilma u l-ferroviji), filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-infrastrutturi b’konnessjonijiet neqsin u l-manutenzjoni tagħhom u jqisu l-Programm għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura fl-Afrika. Huma għandhom itejbu l-aċċess għall-infrastrutturi bażiċi għall-komunitajiet rurali u remoti sabiex itejbu l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom. Huma għandhom jaħdmu biex isaħħu l-infrastruttura u l-faċilitajiet sostenibbli tal-portijiet u għandhom jesploraw il-possibbiltà li jinħolqu portijiet ekoloġiċi.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fis-settur tal-avjazzjoni, inkluż billi jappoġġaw l-istabbiliment u t-tisħiħ tas-suq uniku afrikan tat-trasport bl-ajru. Huma għandhom isaħħu l-investiment, iwessgħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni regolatorja u jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà u s-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru, inkluża l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għal theddid u riskji relatati.

Artikolu 24

L-enerġija sostenibbli

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaċċelleraw l-aċċess għal enerġija sostenibbli u affordabbli, biex jiżviluppaw infrastrutturi tal-enerġija reżiljenti, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, u biex jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Huma għandhom jippromwovu l-użu tal-aktar teknoloġiji effiċjenti tal-enerġija u ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fis-setturi kollha, b’mod partikolari fl-agrikoltura, fil-manifattura, fl-industriji estrattivi u fit-turiżmu.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-sigurtà tal-enerġija u jistabbilixxu u jsaħħu interkonnessjonijiet tal-enerġija effettivi fl-Afrika u bejn l-Afrika u l-UE biex jiżguraw provvista tal-enerġija affidabbli u affordabbli. Huma għandhom jindirizzaw l-isfidi regolatorji, ekonomiċi, soċjetali u sfidi oħrajn relatati mal-iżvilupp ta’ kurituri strateġiċi tal-enerġija sostenibbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw swieq tal-enerġija miftuħa, trasparenti, kompetittivi u li jiffunzjonaw billi jadottaw oqfsa legali u regolatorji li jixprunaw l-investiment fl-enerġija sostenibbli, il-ħażna tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Huma għandhom jeliminaw gradwalment is-sussidji tal-fjuwils fossili li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Huma jimpenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubija bejn is-setturi privati Afrikani u tal-UE, u l-involviment tas-setturi pubbliċi u privati tagħhom, sabiex jagħtu spinta lill-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija sostenibbli, fl-effiċjenza enerġetika u fl-aċċess għall-enerġija. Huma għandhom jimmobilizzaw l-investiment f’taħlita ta’ enerġija diversifikata u nadifa għall-elettriku, li tiffavorixxi r-riżorsi rinnovabbli. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi tal-enerġija nazzjonali u reġjonali rilevanti fl-Afrika, inkluż billi jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija, mill-ġenerazzjoni sal-konsum. Huma jaqblu li jaħdmu biex iżidu l-kapaċità tal-ġenerazzjoni u tal-ħażna ta’ enerġija sostenibbli u li jtejbu l-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni permezz tal-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet li huma sikuri, sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u intelliġenti fil-livell klimatiku u li jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għall-qerda tal-faqar.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa, differenti, kosteffettivi u sostenibbli, b’enfasi fuq teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi u fuq miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u ffrankar tal-enerġija, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn l-Afrika u l-UE, konnessjonijiet u impriżi konġunti bejn l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jippromwovu networks konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika.

6.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw ir-riformi settorjali u l-iżvilupp ta’ oqfsa regolatorji u ta’ politika xierqa biex jiżguraw l-interkonnettività reġjonali u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Huma għandhom isaħħu l-ġabriet ta’ enerġija reġjonali bħala veikolu għal swieq u kummerċ transkonfinali integrati tal-enerġija.

Artikolu 25

L-ICT u l-ekonomija diġitali

1.   Il-Partijiet għandhom iżidu l-aċċess għall-ICT, inkluż billi jappoġġaw investimenti pubbliċi u privati. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu l-istituzzjonijiet regolatorji meħtieġa biex jagħtu l-liċenzji lill-fornituri tas-servizzi, jippromwovu mġiba kompetittiva u jiżguraw trattament ġust tal-konsumaturi u l-protezzjoni tad-data u tal-konsumaturi.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-aċċess għat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali u jistabbilixxu konnettività diġitali affordabbli, inkluż permezz ta’ politika u qafas regolatorju li jwasslu għal dan. Huma għandhom itejbu l-ambjent tan-negozju u jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u għas-servizzi ta’ appoġġ għan-negozju biex irawmu intraprenditorija li tkun iffaċilitata b’mod diġitali u jintegraw id-diġitalizzazzjoni sabiex itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-interventi fis-setturi ekonomiċi kollha bl-għan li jiksbu tkabbir u trasformazzjoni ekonomiċi inklużivi.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex joħolqu ambjent abilitanti, speċifikament permezz tal-istabbiliment u l-adattament ta’ oqfsa legali u istituzzjonali xierqa, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija diġitali, inkluż il-kummerċ elettroniku, fil-ħolqien ta’ impjiegi u żvilupp ekonomiku, b’enfasi partikolari fuq in-nisa u ż-żgħażagħ.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomiji bbażati fuq l-għarfien.

Artikolu 26

It-turiżmu

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex joħolqu ambjent abilitanti għal żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu, li jrawwem l-iżvilupp ekonomiku, jiġġenera l-impjiegi u jippromwovi l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, kulturali u soċjali, inkluż billi jindirizzaw sfidi partikolari għall-industrija tat-turiżmu.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment fil-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti tat-turiżmu, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-pożizzjoni kompetittiva tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Huma għandhom isaħħu r-rabtiet bejn it-turiżmu u setturi ekonomiċi rilevanti oħrajn, bħall-agrikoltura, il-forestrija, it-trasport, l-ekonomija blu, l-industriji u l-wirt kulturali, bil-ħsieb li jiġu ottimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi tat-turiżmu.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u tar-riżorsi naturali, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-ambjent u tal-organiżmi selvaġġi. Huma għandhom jirrispettaw l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali u jimmassimizzaw l-involviment tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp tat-turiżmu, b’mod partikolari t-turiżmu rurali u komunitarju u l-ekoturiżmu.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw inizjattivi li jippromwovu t-turiżmu sostenibbli u jtejbu l-istandards tas-servizzi. Huma għandhom jippromwovu t-taħriġ u l-iskambji ta’ esperjenzi u jikkondividu informazzjoni u statistika ta’ interess reċiproku fis-settur tat-turiżmu.

Kapitolu 3

Ix-xjenza, l-iżvilupp tat-tknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni

Artikolu 27

L-iżvilupp tax-xjenza u tat-teknoloġija

Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija għal benefiċċju reċiproku bl-għan li jippromwovu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà globali u jtejbu l-kompetittività reġjonali.

Artikolu 28

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

1.   Il-Partijiet jaqblu li jimmobilizzaw ir-riżorsi biex irawmu attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mmirati biex jappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi inklużivi u t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji bbażati fuq l-għarfien.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u faċilitajiet ta’ riċerka. Huma għandhom irawmu riċerka bażika u applikata, inkluż fl-oqsma tal-inġinerija u l-intelliġenza artifiċjali, u jinkoraġġixxu data miftuħa sabiex tinkiseb eċċellenza xjentifika ta’ benefiċċju reċiproku. Huma għandhom jippromwovu r-riċerka mwettqa f’universitajiet, istituti u ċentri ta’ riċerka Afrikani, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-bini tal-kapaċitajiet, u lit-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien espert. Huma għandhom itejbu l-parteċipazzjoni fir-riċerka globali, fl-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, fl-innovazzjoni u fil-produzzjoni tal-għarfien.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jappoġġaw skemi innovattivi ta’ mobilità u taħriġ għall-istudenti, għall-akkademiċi u għar-riċerkaturi u jibnu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibnu network effettiv fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huma għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu, l-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn il-komunità akkademika, ir-riċerkaturi u l-innovaturi, u s-settur privat bil-ħsieb li jtejbu l-produttività u l-kompetittività u jsaħħu l-ekosistemi intraprenditorjali.

Artikolu 29

It-teknoloġija spazjali u ġeospazjali

1.   Il-Partijiet għandhom jisfruttaw il-benefiċċji potenzjali tax-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-applikazzjonijiet spazjali fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-attivitajiet spazjali ċivili, bħar-riċerka spazjali, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ awmentazzjoni bis-satellita, l-osservazzjoni tad-dinja u x-xjenza tad-dinja, b’mod partikolari l-użu ta’ twissija bikrija u sorveljanza. Huma għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw suq u industrija spazjali responsabbli u sostenibbli li jippromwovu u jirrispondu għall-ħtiġijiet rispettivi tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex imexxu attivitajiet li jisfruttaw it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet spazjali għall-iżvilupp sostenibbli u għat-titjib tal-benesseri tan-nies u li jindirizzaw l-opportunitajiet u l-isfidi soċjoekonomiċi tal-Afrika, filwaqt li jqisu l-Istrateġija tal-Politika Spazjali Afrikana. Huma għandhom itejbu l-aċċess għal data, informazzjoni, servizzi u prodotti derivati mill-ispazju.

TITOLU II

L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali

Artikolu 30

Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jeqirdu l-faqar fil-forom kollha tiegħu sal-2030, jiġġieldu l-inugwaljanza, jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u joħolqu l-kondizzjonijiet biex kulħadd ikun jista’ jgawdi ħajja ta’ dinjità, jipparteċipa fil-ħajja demokratika u jagħti kontribut attiv għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma għandhom irawmu l-protezzjoni soċjali bil-ħsieb li jeqirdu l-faqar u jiġġieldu l-inugwaljanzi u bħala mezz biex jinħoloq ċiklu li jsaħħaħ lilu nnifsu lejn żvilupp inklużiv, ekwu u sostenibbli. Huma għandhom jinvestu fil-kapital uman bħala parti integrali mill-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali, u bħala mod kif tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ għal produttività u intraprenditorija mtejba.

Kapitolu 1

L-iżvilupp tal-bniedem

Artikolu 31

L-edukazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiksbu aċċess universali, inklużiv u ekwu għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha, mill-edukazzjoni preprimarja sal-edukazzjoni għolja, inklużi rati mtejba ta’ reġistrazzjoni u ta’ retenzjoni. Huma għandhom itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni formali u tat-tagħlim mhux formali, jikkooperaw fl-iżvilupp tal-kurrikulu, u jtejbu l-infrastruttura u t-tagħmir fiċ-ċentri tal-edukazzjoni. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll għall-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati, inklużi persuni b’diżabbiltà, u għal dawk f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u fraġilità.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-twassil u l-applikazzjoni estiżi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM) għal kulħadd. Huma għandhom jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji diġitali aċċessibbli u affordabbli u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u litteriżmu għal kulħadd.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu r-reġistrazzjonijiet u l-kwalità fl-edukazzjoni terzjarja, it-taħriġ tekniku u vokazzjonali u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u t-tagħlim għall-adulti, sabiex jibnu massa kritika ta’ ħaddiema tal-innovazzjoni b’ħiliet u persuni b’edukazzjoni għolja u jirrispondu b’mod effettiv għal ħtiġijiet ekonomiċi speċifiċi.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jinkoraġġixxu r-rikonoxximent u t-trasparenza tal-kwalifiki u l-assigurazzjoni u r-rilevanza tal-kwalità mtejba. Huma għandhom iżidu l-appoġġ għal inizjattivi speċifiċi biex jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti, tal-persunal, tal-akkademiċi u tar-riċerkaturi bejn l-Afrika u l-UE. Huma għandhom irawmu sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet u jippromwovu l-iżvilupp u t-trasferiment tal-għarfien.

Artikolu 32

Is-saħħa

1.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiksbu kopertura tas-saħħa universali u aċċess ekwu għal servizzi essenzjali tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità, inkluż permezz ta’ sistemi tas-saħħa nazzjonali msaħħa u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa moderni u li jiffunzjonaw.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jeliminaw il-mortalità u l-morbidità materna, tat-tfal u neonatali li jistgħu jiġu evitati. Huma għandhom jimmiraw li jagħtu aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-inċidenza u l-piż dejjem jikbru tal-mard mhux komunikabbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw il-mard komunikabbli u l-mard li jinġarr minn vetturi, inkluż il-mard tropikali ttraskurat. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw pandemiji bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-malarja u biex inaqqsu b’mod sostanzjali r-rata ta’ mwiet li jirriżultaw. Huma għandhom jappoġġaw l-aċċess għal mediċini, vaċċini u dijanjostika essenzjali sikuri u affordabbli, inkluż l-aċċess universali għal trattament antiretrovirali għal persuni bl-HIV/AIDS.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċità għat-tħejjija u r-rispons f’każ ta’ emerġenza biex jidentifikaw, jipprevjenu u jirrispondu għal tifqigħat ta’ mard u theddid ieħor għas-saħħa, bħar-reżistenza antimikrobika, billi jieħdu approċċ ‘saħħa waħda’. Huma jaqblu li jżidu l-appoġġ għas-sistemi nazzjonali u reġjonali tal-prevenzjoni, is-sorveljanza u l-monitoraġġ tas-saħħa.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-promozzjoni tal-għarfien lokali u r-regolamentazzjoni tal-mediċina tradizzjonali fl-attivitajiet tas-saħħa pubblika.

Artikolu 33

L-ilma, is-sanità u l-akkomodazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ħabitats moderni u abitabbli b’servizzi bażiċi ta’ kwalità.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u deċenti għal kulħadd f’insedjamenti umani sostenibbli, filwaqt li jqisu l-ippjanar territorjali effettiv u l-pussess tal-art, u s-sistemi ta’ użu u ġestjoni meta jippromulgaw politiki dwar l-akkomodazzjoni. Huma għandhom jaħdmu biex inaqqsu l-proporzjon ta’ nies li jgħixu fi kwartieri foqra u għandhom jikkooperaw biex itejbu l-kwartieri foqra u l-insedjamenti informali.

3.   Il-Partijiet għandhom irawmu aċċess universali għal ilma suffiċjenti, sikur, fiżikament aċċessibbli u affordabbli għall-użu personali u domestiku, inkluż permezz ta’ riżorsi tal-ilma u ġestjoni tas-sistemi sostenibbli u integrati, u użu aktar effiċjenti tal-ilma u r-riċiklaġġ tal-ilma.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħtu spinta lill-aċċess fiżiku, affordabbli u aċċettabbli għas-sanità għal kulħadd, fl-oqsma kollha tal-ħajja, li huwa sikur, iġjeniku, sigur, soċjalment u kulturalment aċċettabbli u li jipprovdi l-privatezza u jiżgura d-dinjità.

5.   Il-Partijiet għandhom iżidu l-aċċess għal servizzi tal-enerġija sostenibbli għal kulħadd u jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-unitajiet domestiċi.

Artikolu 34

Is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-aċċess għal ikel sikur u nutrittiv bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira tal-eradikazzjoni tal-ġuħ u jiġu eradikati l-karestija u tipi oħrajn ta’ kriżijiet tal-ikel. Huma għandhom jappoġġaw l-istabbiliment ta’ sistemi adegwati ta’ provvista u ħażna tal-ikel.

2.   Il-Partijiet għandhom jiġġieldu kull forma ta’ nutrizzjoni ħażina, inkluż permezz tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni mtejba tal-ikel u kondizzjonijiet sanitarji u ambjentali aħjar. Huma għandhom jappoġġaw il-produzzjoni u l-produttività sostenibbli tal-agrikoltura, inkluż fil-livell tas-sajd fuq skala żgħira biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala sorsi kritiċi għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-finanzjament għal produtturi żgħar u infrastruttura żviluppata ta’ irrigazzjoni, ħażna u trasport biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq u jiżguraw is-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti tal-ikel.

3.   Il-Partijiet għandhom jibnu r-reżiljenza tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli għal xokkijiet relatati mal-ikel permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali msaħħa. Huma għandhom itejbu l-koordinazzjoni bejn l-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja, sabiex jantiċipaw, jipprevjenu u jħejju aħjar għall-karestija u għal tipi oħrajn ta’ kriżijiet tal-ikel, u jiżguraw azzjoni f’waqtha biex jagħmlu l-ikel lokalment disponibbli.

Kapitolu 2

L-inugwaljanza u l-koeżjoni soċjali

Artikolu 35

L-inugwaljanza u l-protezzjoni soċjali

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u sistemi ta’ protezzjoni u sigurtà soċjali sabiex jinqered il-faqar, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw ir-rwol trasformattiv tal-politiki u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali, li jrawmu l-ekwità, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u d-djalogu mal-imsieħba soċjali, u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku inklużiv, ekwu u sostenibbli. Huma għandhom jimmiraw li jibnu sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu progressivament universali u proprjetà nazzjonali, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ livelli minimi ta’ protezzjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw il-kisba u s-sostenn ta’ tkabbir fl-introjtu tal-40 % tal-popolazzjoni li tinsab fl-aktar livell baxx b’rata ogħla mill-medja nazzjonali.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-persuni kollha li jaħdmu fis-settur formali jiġu pprovduti bis-sigurtà soċjali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jagħtu spinta lin-numru ta’ nies fis-settur informali u fl-ekonomija rurali li għandhom aċċess għas-sigurtà soċjali, bl-għan li progressivament tintlaħaq l-universalità.

5.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw inizjattivi biex jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali, inkluż l-aċċess għall-kreditu u għall-mikrofinanzjament u miżuri ta’ protezzjoni soċjali msaħħa.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem fl-ekonomija formali u informali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet.

Artikolu 36

Xogħol deċenti

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki makroekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali li jiffokaw fuq il-ħolqien ta’ impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa, kif ukoll għal persuni u gruppi vulnerabbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jżommu swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u għandhom jadottaw miżuri li jindirizzaw l-ekonomija informali u jipprevjenu prattiki tax-xogħol inġusti.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw miżuri li jiżguraw opportunitajiet ta’ xogħol ugwali u remunerazzjoni ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali u jiggarantixxu liv tal-ġenituri bi ħlas adegwat kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. Huma għandhom jadottaw miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol u jtejbu l-kondizzjonijiet tajbin għas-saħħa u sikuri għall-ħaddiema.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu lejn l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, u jipprijoritizzaw l-agħar forom tiegħu.

Artikolu 37

Il-persuni b’diżabbiltà

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu, jipproteġu u jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, fid-dawl tal-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw l-inklużjoni sħiħa fis-soċjetà ta’ persuni b’diżabbiltà u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u privata, inkluż fl-affarijiet demokratiċi u politiċi u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Huma għandhom jipprevjenu, jiġġieldu u jeliminaw kwalunkwe prattika dannuża u kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż jew diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà u għandhom jipproteġu lil qraba, indokraturi jew intermedjarji minn diskriminazzjoni abbażi tal-assoċjazzjoni tagħhom ma’ persuni b’diżabbiltà.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess ugwali u mingħajr ostakoli għas-servizzi soċjali, għat-trasport u għal infrastruttura fiżika oħra, kif ukoll għal attivitajiet rikreattivi u kulturali għall-persuni b’diżabbiltà, u għandhom jappoġġaw metodi alternattivi ta’ komunikazzjoni, fejn xieraq, biex jippermettu l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-aċċess ugwali għas-swieq tax-xogħol, filwaqt li jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà fir-rigward tal-forom u l-kondizzjonijiet kollha tax-xogħol. Huma għandhom jappoġġaw l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-setturi pubbliċi u privati permezz ta’ politiki mmirati u miżuri ta’ inċentivi, inkluż għall-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija.

Artikolu 38

Il-kultura, l-isport u l-kuntatti bejn il-persuni

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-kultura bħala magna għall-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku. Huma għandhom joħolqu ambjent abilitanti għall-innovazzjoni, id-diversità u l-iżvilupp kulturali, kif ukoll għall-ħolqien, il-protezzjoni, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet kulturali. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jippromwovu l-kultura tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, u d-diversità tal-espressjoni kulturali, bil-ħsieb li jtejbu l-fehim reċiproku u jrawmu skambji kulturali bilanċjati.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-mobilità tal-professjonisti fil-qasam tal-kultura u ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti u biex iwettqu inizjattivi konġunti f’diversi setturi kulturali u kreattivi. Huma għandhom jinkoraġġixxu skambji u djalogu interkulturali fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili mill-Afrika u mill-UE.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ industriji kreattivi. Huma għandhom jaħdmu biex jistabbilixxu miżuri ta’ appoġġ bil-ħsieb li jistimolaw il-ħolqien artistiku u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ espressjoni artistika.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-isport bħala xprunatur għall-iżvilupp sostenibbli, l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw faċilitajiet adegwati u biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nies f’attivitajiet sportivi u attivitajiet oħrajn ta’ edukazzjoni fiżika. Huma għandhom jappoġġaw ukoll l-isport bħala mezz għad-djalogu u l-kooperazzjoni interkulturali bejn in-nazzjonijiet, il-prevenzjoni tal-kunflitt u tal-vjolenza, u r-rikonċiljazzjoni wara l-kunflitt.

Kapitolu 3

Il-popolazzjoni u l-iżvilupp

Artikolu 39

Id-demografija

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa għall-ġestjoni tal-opportunitajiet u l-isfidi tat-tibdil demografiku sabiex jissodisfaw aħjar l-aspirazzjonijiet u t-tamiet tal-ġenerazzjonijiet futuri fl-Afrika u mill-UE.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-ġbir, l-analiżi, il-ħażna u t-tixrid sistematiċi ta’ statistika u data dwar il-popolazzjoni kollha f’konformità ma’ standards ta’ etika, kunfidenzjalità u privatezza u għandhom iqisu d-data u x-xejriet fil-pjanijiet ta’ żvilupp tagħhom.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ u tan-nisa u jinvestu fihom, filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol kritiku tagħhom fil-proċessi demografiċi. Huma għandhom jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u taż-żgħażagħ u għandhom jipprovdulhom l-edukazzjoni u l-ħiliet li jeħtieġu. Huma għandhom jimmobilizzaw l-investiment u jisfruttaw l-opportunitajiet ekonomiċi, sabiex jisfruttaw il-potenzjal ta’ popolazzjonijiet kbar taż-żgħażagħ.

Artikolu 40

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni bl-għan li jtejbu u jespandu l-parteċipazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, fis-setturi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali. Huma għandhom jiżguraw li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-politiki u l-programmi kollha.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-iżvilupp uman u soċjali tan-nisa u tal-bniet. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex ineħħu l-ostakoli kollha fis-saħħa u fl-edukazzjoni sabiex jeliminaw id-disparitajiet bejn il-ġeneri. Huma għandhom jaħdmu lejn aċċess universali u ugwali għall-edukazzjoni formali u t-taħriġ vokazzjonali sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tan-nisa u tal-bniet u jgħinu biex jirrealizzaw l-aspirazzjonijiet tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li l-materjali u l-metodi tat-tagħlim ikunu reattivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u għandhom iħeġġu lin-nisa u lill-bniet biex jagħmlu studji fid-dixxiplini STEM.

3.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ugwali min-nisa għal opportunitajiet ekonomiċi, impjiegi, servizzi ta’ kreditu u finanzjarji, u kontroll fuq u l-użu tal-art u ta’ assi produttivi oħrajn. Huma għandhom jappoġġaw lin-nisa imprendituri, jeliminaw id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u jneħħu regolamenti u prattiki diskriminatorji. Huma għandhom jieħdu miżuri effettivi biex jidentifikaw u jieħdu azzjoni kontra atti ta’ sessiżmu u biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, bħal normi soċjali negattivi u sterjotipi marbuta mal-ġeneru, inkluż fil-media tal-massa.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-vuċijiet tan-nisa u tal-bniet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja politika permezz ta’ miżuri biex tinkiseb parità bejn il-ġeneri fil-proċessi elettorali, ta’ politika u ta’ governanza u f’pożizzjonijiet għoljin tal-gvern, inklużi korpi kostituzzjonali u negozji li jkunu l-proprjetà tal-Istat, u għandhom jippromwovu r-rwol attiv tagħhom fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fl-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw u jinfurzaw leġiżlazzjoni li tipproteġi lin-nisa u lill-bniet minn kull forma ta’ vjolenza, inklużi vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, sfruttament sesswali u abbuż u traffikar.

6.   Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing u tal-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħhom. Huma għandhom jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aċċess universali għal informazzjoni u edukazzjoni komprensivi affordabbli u ta’ kwalità dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, filwaqt li jqisu l-gwida teknika internazzjonali tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, kif ukoll il-ħtieġa għall-għoti ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa rilevanti. Huma għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll għall-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, magħmul f’Banjul fis-26 ta’ Ġunju 1981 (il-‘Protokoll ta’ Maputo’) u jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo 2016-2030, kif xieraq.

Artikolu 41

Iż-żgħażagħ

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u għandhom jimpenjaw ruħhom li jiggarantixxu impjieg deċenti għaż-żgħażagħ, inkluż billi jappoġġawhom fil-kisba ta’ ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u tekniku, u l-aċċess imtejjeb għat-teknoloġiji diġitali, u li jiffaċilitaw l-aċċess għall-art u għall-kreditu. Huma għandhom jistabbilixxu servizzi ta’ impjieg favur iż-żgħażagħ biex jgħaqqdu liż-żgħażagħ mal-opportunitajiet ta’ impjieg.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ u għandhom jaħdmu biex jiftħu spazju għall-inklużjoni attiva tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika u politika, kif ukoll fl-isforzi għall-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Huma għandhom jippromwovu politiki u programmi għal żgħażagħ emarġinati, inklużi programmi ta’ promozzjoni taż-żgħażagħ, bl-għan li joffrulhom l-opportunità u l-motivazzjoni biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw inizjattivi mmirati biex jiżguraw l-aċċess għal servizzi bażiċi ta’ kwalità għat-tfal kollha, jipprevjenu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u jtemmu kull forma ta’ vjolenza u prattiki dannużi kontra t-tfal, inklużi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u sfurzat, it-tħaddim tat-tfal, l-abbuż tat-tfal u l-piena korporali, b’enfasi speċjali fuq it-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.

Artikolu 42

L-urbanizzazzjoni sostenibbli u l-iżvilupp rurali

1.   Il-Partijiet għandhom jagħtu spinta lill-potenzjal tal-bliet bħala ċentri għal tkabbir sostenibbli u inklużiv u għall-innovazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ippjanar sostenibbli tal-użu tal-art u l-ġestjoni ekwa tas-swieq tal-art, billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-akkwiżizzjonijiet tal-art trasparenti u regolati u lid-drittijiet tal-proprjetà. Huma għandhom jippromwovu wkoll il-mobilità urbana sostenibbli u l-bliet intelliġenti u sikuri li jagħmlu użu minn opportunitajiet mid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji. Huma għandhom jintegraw il-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija u s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, jinkoraġġixxu l-użu produttiv tal-enerġija, itejbu l-immaniġġjar tal-iskart u jindirizzaw il-forom kollha ta’ tniġġis. Huma għandhom itejbu s-soluzzjonijiet ta’ mobilità urbana u jiżguraw li l-provvista ta’ servizzi u infrastruttura titfassal biex tkun tirrispetta l-klima u l-ambjent u li r-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti. Huma għandhom jibnu r-reżiljenza tal-bliet għax-xokkijiet u jisfruttaw l-opportunitajiet għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għall-klima.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu żvilupp territorjali bilanċjat tal-ekonomiji u l-komunitajiet rurali, b’enfasi speċjali fuq il-ġenerazzjoni tal-impjiegi u tal-introjtu. Huma għandhom jaċċelleraw id-diversifikazzjoni rurali billi jżidu l-valur għall-prodotti lokali u jisfruttaw ir-riżorsi naturali u kulturali. Huma għandhom jippromwovu politiki territorjali u urbani inklużivi, bilanċjati u integrati, koordinazzjoni governattiva f’diversi livelli li tinvolvi b’mod attiv lill-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, u joħolqu rabtiet aktar b’saħħithom bejn iż-żoni rurali u urbani.

TITOLU III

L-ambjent, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima

Artikolu 43

Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjoni ambizzjuża biex itaffu t-tibdil fil-klima u jadattaw għalih, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent, u jiġġestixxu r-riżorsi naturali b’mod sostenibbli, bil-ħsieb li jwaqqfu u jreġġgħu lura t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u jiksbu żvilupp sostenibbli. Huma għandhom jadottaw miżuri speċifiċi biex inaqqsu u jipprevjenu t-telfien tal-bijodiversità, iżommu u jirrestawraw l-ekosistemi, jipproteġu u jiġġieldu kontra l-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi, jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, tal-art u ta’ riżorsi naturali oħrajn, isaħħu l-governanza tal-oċeani, jiġġieldu l-forom kollha ta’ tniġġis, jippromwovu l-immaniġġjar tajjeb tal-iskart u jibnu reżiljenza għad-diżastri naturali. Huma għandhom jaħdmu flimkien biex jipprevjenu l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali milli jkomplu jaġixxu bħala multiplikaturi tat-theddid b’implikazzjonijiet serji għall-paċi u s-sigurtà. Huma għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni għal mogħdijiet aktar ekoloġiċi għall-iżvilupp f’setturi ekonomiċi ewlenin, jippromwovu l-ekonomiji ċirkolari u l-effiċjenza fir-riżorsi u jappoġġaw enerġija nadifa u sostenibbli u teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, filwaqt li jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mat-tranżizzjoni għal emissjonijiet baxxi u mas-sostenibbiltà ambjentali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu alleanzi effettivi f’ambjenti internazzjonali bil-ħsieb li titmexxa ’l quddiem l-azzjoni globali. Huma għandhom jibnu l-kapaċità biex jimplimentaw ftehimiet ambjentali multilaterali li għalihom huma parti u għandhom jintegraw is-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi tat-tibdil fil-klima u l-insegwiment ta’ tkabbir ambjentalment sostenibbli fil-politiki, il-pjanijiet u l-investimenti lokali u nazzjonali. Huma għandhom jippromwovu l-involviment kostruttiv tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat, u r-rispett għad-drittijiet ta’ kulħadd, inklużi l-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u tal-komunitajiet lokali.

Kapitolu 1

Is-sostenibbiltà ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali

Artikolu 44

Il-bijodiversità u l-ekosistemi

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-bijodiversità u l-ekosistemi jiġu ppreservati, protetti u restawrati sabiex is-servizzi ekonomiċi, soċjali u kulturali sinifikanti li jipprovdu jkomplu jappoġġaw il-benessri tal-bniedem u t-tkabbir ekonomiku. Huma għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-bijodiversità f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Protokolli tagħha.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw leġiżlazzjoni u jadottaw strateġiji integrati għall-inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ bijodiversità fis-setturi rilevanti kollha. Huma għandhom jappoġġaw għażliet innovattivi, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jew agroekoloġija, kif ukoll jivvalutaw is-servizzi tal-ekosistemi, sabiex jimmassimizzaw l-integrazzjoni tal-bijodiversità.

3.   Il-Partijiet għandhom jieħdu approċċ inklużiv biex jindirizzaw l-ixprunaturi ewlenin tat-telf tal-ħabitat, bħat-tibdil fl-użu tal-art, l-espansjoni tal-agrikoltura ta’ sussistenza, u l-iżvilupp ta’ agrikoltura kummerċjali, żoni urbani u infrastrutturi tal-enerġija. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jikkontrollaw l-isfruttament tal-foresti, l-ikklerjar tal-art għall-kultivazzjoni, in-nirien, ir-ragħa mill-annimali u speċijiet invażivi. Huma għandhom jipproteġu, jikkonservaw u jippromwovu l-użu sostenibbli u r-riabilitazzjoni tal-foresti, tal-imsaġar, tal-mergħat, tal-artijiet mistagħdra u ta’ żoni oħrajn b’kopertura veġetali. Huma għandhom iżommu u jtejbu l-ispeċijiet u d-diversità ġenetika tal-pjanti u tal-annimali, kemm jekk terrestri, tal-ilma ħelu jew tal-baħar.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi biex jistabbilixxu, jimmaniġġjaw b’mod effettiv u jtejbu l-governanza ta’ żoni protetti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-involviment tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), fil-konservazzjoni tal-ekosistemi, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ turiżmu ekoloġiku u sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi oħrajn.

Artikolu 45

L-ekonomija ċirkolari

1.   Il-Partijiet għandhom jipprevjenu jew jimminimizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors. Huma għandhom itejbu l-użu mill-ġdid tal-prodotti, ir-riċiklabbiltà u l-effiċjenza fir-riżorsi sabiex jadattaw il-produzzjoni u l-konsum għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari, inkluż permezz ta’ servizzi adegwati ta’ ġbir u separazzjoni tal-iskart u inizjattivi u faċilitajiet ta’ riċiklaġġ li jirrispettaw l-ambjent. Huma jimpenjaw ruħhom li jadottaw politiki dwar l-ekonomija ċirkolari sabiex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, jagħmlu l-prodotti aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, iwessgħu l-għażla tal-konsumatur u jtejbu l-immaniġġjar tal-iskart.

2.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-oqfsa regolatorji domestiċi u l-mekkaniżmi ta’ infurzar meħtieġa għall-immaniġġjar ambjentalment korrett tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart u għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet multilaterali rilevanti. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu kontra r-rimi u l-kummerċ illegali ta’ skart perikoluż, inklużi materjali radjuattivi, skart kimiku u organiku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu, magħmula f’Basel fit-22 ta’ Marzu 1989, u b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Bamako dwar il-Projbizzjoni tal-Importazzjoni ta’ Skart Perikoluż fl-Afrika u dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali u l-Immaniġġjar ta’ Skart Perikoluż fl-Afrika, magħmula f’Bamako fit-30 ta’ Jannar 1991. Huma għandhom jipprevjenu jew jimminimizzaw is-sustanzi perikolużi fiċ-ċikli tal-materjal u jimmaniġġjaw is-sustanzi kimiċi fil-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Huma għandhom jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, inkluż kontra t-tniġġis li jirriżulta minn skart immaniġġjat b’mod mhux xieraq, u għar-rimedju tal-ħsara ambjentali assoċjata.

3.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw b’mod effettiv il-forom kollha ta’ tniġġis. Huma għandhom jieħdu miżuri mmirati lejn l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u r-rapportar tat-tniġġis. Huma għandhom iżidu l-isforzi biex jipprevjenu t-tniġġis tal-plastik u biex ineħħu l-plastik u l-mikroplastik mill-ambjent. Huma għandhom jesploraw opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja. Huma għandhom iżidu l-għarfien tas-saħħa pubblika u r-riskji ambjentali tat-tniġġis u l-bosta benefiċċji ta’ kwalità tal-arja mtejba, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika.

Artikolu 46

Il-governanza tal-oċeani

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-governanza tal-oċeani f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, UN Convention on the Law of the Sea) biex jiżguraw oċeani sikuri, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-oċeani u l-ibħra u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu u jsaħħu l-għarfien dwar l-oċeani.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar fil-livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom iżommu jew jadottaw inizjattivi biex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU, illegal, unreported and unregulated), inkluża, fejn xieraq, l-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri li jeskludu prodotti IUU mill-flussi kummerċjali. Huma għandhom jippromwovu u jimplimentaw u jinfurzaw b’mod effettiv miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, bħal skemi ta’ osservazzjoni, sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, liċenzji u awtorizzazzjonijiet tas-sajd, reġistrazzjoni u rapportar tal-qabdiet, kontroll tat-trasbord, spezzjonijiet u kontroll mill-Istat tal-port, kif ukoll miżuri assoċjati biex jiżguraw il-konformità, inklużi sanzjonijiet skont ir-regolamenti domestiċi, immirati lejn il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprojbixxu ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, biex jeliminaw is-sussidji li jikkontribwixxu għas-sajd IUU u biex iżommu lura milli jintroduċu tali sussidji ġodda, filwaqt li jirrikonoxxu li trattament speċjali u differenzjali xieraq u effettiv għall-pajjiżi Afrikani li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jenħtieġ li jkun parti integrali min-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd tad-WTO.

5.   Il-Partijiet għandhom inaqqsu l-pressjonijiet fuq l-oċeani permezz tal-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi kostali u tal-baħar, il-valorizzazzjoni tal-kapital naturali tal-baħar u kostali u l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar, inklużi t-tixrid taż-żejt, il-qerda ta’ qiegħ il-baħar, it-tniġġis akustiku u l-iskart fil-baħar, inklużi plastik u mikroplastik minn sorsi bbażati fuq l-art u fil-baħar. Huma għandhom jappoġġaw u jagħmlu ħilithom biex jirregolaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti u għandhom jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni urġenti tal-istrateġija inizjali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti. Huma għandhom iżidu l-operazzjonijiet ta’ tindif tal-oċeani u tal-kosta, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni ta’ akkumulazzjoni fil-vortiċi tal-oċeani.

6.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjonijiet relatati mal-oċeani li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

7.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw miżuri relatati mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli.

8.   Il-Partijiet jirrikonoxxu t-tħassib ġenerali li tqajjem dwar l-impatt tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar u l-bijodiversità tiegħu. Huma għandhom jużaw l-aħjar xjenza disponibbli, japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ tal-ekosistema, jippromwovu r-riċerka u jikkondividu l-aħjar prattiki fl-oqsma ta’ interess reċiproku relatati mar-riżorsi minerali ta’ qiegħ il-baħar, sabiex jiżguraw ġestjoni ambjentali tajba tal-attivitajiet għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-bijodiversità tiegħu.

Artikolu 47

Il-ġestjoni tal-art u d-degradazzjoni tal-art

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu d-degradazzjoni tal-art u biex jiżviluppaw strateġiji integrati fit-tul għall-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-art.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu approċċi integrati u jadottaw miżuri għall-konservazzjoni u t-titjib tal-ħamrija. Huma għandhom jiġġieldu kontra l-erożjoni u d-degradazzjoni tal-ħamrija, u d-deterjorament tal-proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tagħha. Huma għandhom jindirizzaw it-tniġġis ikkawżat speċifikament minn attivitajiet agrikoli, inklużi l-akkwakultura u t-trobbija tal-annimali. Huma għandhom jiżguraw drittijiet u pussess tal-art sostenibbli u ekwi u ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-ilma u tar-riżorsi tal-foresti, u għandhom joħolqu opportunitajiet ekonomiċi sostenibbli għan-nies li jgħixu f’żoni rurali. Huma għandhom jiżguraw li forom mhux agrikoli ta’ użu tal-art, inklużi iżda mhux limitati għal xogħlijiet pubbliċi, l-estrazzjoni u r-rimi tal-iskart, ma jirriżultawx f’erożjoni, tniġġis, jew kwalunkwe forma oħra ta’ degradazzjoni tal-art.

3.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri għall-ippjanar u l-infrastruttura effettivi tal-użu tal-art li jsaħħu r-reżiljenza f’pajjiżi suxxettibbli għall-perikli, filwaqt li jtejbu l-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri. Huma għandhom jippjanaw u jimplimentaw miżuri ta’ mitigazzjoni u riabilitazzjoni bbażati fuq l-aħjar prattiki, l-aħjar għarfien xjentifiku, u għarfien u esperjenza lokali f’żoni affettwati mid-degradazzjoni tal-art.

Artikolu 48

Il-foresti

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu tar-riżorsi tal-foresti. Huma għandhom iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw inizjattivi ta’ restawr tal-pajsaġġ tal-foresti biex ireġġgħu lura d-deforestazzjoni, jistabbilixxu riżervi tal-foresti, jirrestawraw pajsaġġi tal-foresti degradati, iwettqu programmi ta’ tisġir, fejn meħtieġ, u jillimitaw ir-ragħa fil-foresti għall-istaġuni u l-intensitajiet li jippermettu r-riġenerazzjoni tal-foresti.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ktajjen ta’ valur sostenibbli ta’ komoditajiet tal-agrikoltura u tal-foresti, filwaqt li jagħtu prijorità lill-ħolqien tal-impjiegi u ta’ opportunitajiet ekonomiċi oħrajn fil-konservazzjoni tal-ekosistemi.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT), inkluż billi jikkonkludu u jimplimentaw ftehimiet ta’ sħubija volontarja. Huma għandhom isaħħu l-koerenza u l-interazzjonijiet pożittivi fil-livell tal-pajjiżi bejn il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT u l-Qafas ta’ Varsavja għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+, Reducing Emissions for Deforestation and Forest Degradation).

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-involviment tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali fil-protezzjoni tal-foresti. Huma għandhom iżidu l-għarfien pubbliku dwar id-deforestazzjoni fil-livelli kollha u jinkoraġġixxu l-konsum ta’ prodotti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli. Huma għandhom jippromwovu u jappoġġaw l-użu ta’ fjuwil tat-tisjir alternattiv u sostenibbli għall-popolazzjonijiet lokali.

Artikolu 49

L-organiżmi selvaġġi

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-konservazzjoni in situ tal-pajsaġġi ewlenin tal-Afrika għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, b’mod partikolari ż-żoni transkonfinali protetti li huma ħabitats għal speċijiet selvaġġi ewlenin u jagħmluha possibbli li jkun hemm konnettività adegwata li tippermetti l-migrazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-adattament tal-firxa ta’ speċijiet għat-tibdil fil-klima. Huma għandhom isaħħu wkoll l-aġenziji responsabbli għal żoni protetti u jippromwovu l-involviment tal-komunitajiet rurali fil-ġestjoni sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi u tal-imsaġar.

2.   Il-Partijiet għandhom jiġġieldu t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi billi jappoġġaw il-formulazzjoni u l-infurzar ta’ politiki u liġijiet sabiex dan isir reat serju, isaħħu l-miżuri kontra l-kaċċa illegali u l-monitoraġġ tal-infurzar tal-liġi, u billi jippromwovu l-koordinazzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-Konsorzju Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità fil-Ħajja Selvaġġa (ICCWC, International Consortium to Combat Wildlife Crime), inkluża l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES, Convention on International Trade in Endangered Species), magħmula f’Washington fit-3 ta’ Marzu 1973, u oqfsa internazzjonali rilevanti oħrajn. Huma għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika, jedukaw u jinfluwenzaw lill-konsumaturi, jeqirdu l-ħażniet u jippromwovu diplomazija u promozzjoni ta’ profil għoli.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-isforzi biex jippromwovu l-konsum sostenibbli tal-laħam tal-annimali selvaġġi, filwaqt li jiżviluppaw sorsi alternattivi affordabbli ta’ proteini u jiżviluppaw għajxien sostenibbli.

Artikolu 50

Il-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma ħelu

1.   Il-Partijiet għandhom jiġġestixxu r-riżorsi tal-ilma tagħhom b’mod sostenibbli bil-ħsieb li jżommu livelli għoljin f’termini ta’ kwantità u kwalità. Huma għandhom jippromwovu l-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma u jimplimentaw politiki għall-ippjanar, il-konservazzjoni, il-ġestjoni, l-użu u l-iżvilupp tal-ilma ta’ taħt l-art u tas-superfiċje, u għall-ġbir u l-użu tal-ilma tax-xita. Huma għandhom jipproteġu u jirrestawraw is-sorsi tal-ilma u l-ekosistemi, jipprevjenu t-tniġġis tal-ilma, jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi, u jippermettu żvilupp urban li jirrispetta l-ambjent. Huma għandhom itejbu kemm jista’ jkun il-kontribuzzjoni tas-settur tal-ilma sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u jadattaw għalih.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni għall-ġestjoni transkonfinali tar-riżorsi tal-ilma bil-ħsieb li tinkiseb is-sostenibbiltà tal-ilma ħelu, jiġu evitati d-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni, tinbena r-reżiljenza għal perikli relatati mal-ilma, pereżempju l-għargħar, in-nixfiet u t-tniġġis, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ ġbir u ħażna tal-ilma, u jiġu evitati r-riskji ta’ kunflitti.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma u l-governanza tajba tal-ilma fil-livelli kollha. Huma għandhom isaħħu d-djalogu u jinkoraġġixxu sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u s-soċjetà ċivili.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-isfruttament u l-immaniġġjar sostenibbli tas-sajd tal-ilma ħelu bil-ħsieb li jżommu stokkijiet b’saħħithom ta’ ħut u jimminimizzaw kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent naturali. Huma għandhom jiġġieldu s-sajd IUU li jikser il-liġijiet domestiċi. Huma għandhom isaħħu l-kapaċitajiet, jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali, u jadottaw miżuri biex itejbu l-ġestjoni u l-governanza tas-sajd tal-ilma ħelu fil-livelli reġjonali u nazzjonali. Huma għandhom jintegraw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fis-sajd u l-akkwakultura tal-ilma ħelu, jippromwovu r-restawr u l-konservazzjoni tal-ekosistemi akkwatiċi u l-bijodiversità tagħhom, u jiġġieldu kull forma ta’ tniġġis li jaffettwa l-lagi u x-xmajjar.

Kapitolu 2

It-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali

Artikolu 51

Azzjoni klimatika

1.   Il-Partijiet għandhom isegwu l-għanijiet u jkunu ggwidati mill-prinċipji tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. Huma għandhom jippromulgaw politiki u programmi domestiċi komprensivi u inklużivi dwar il-klima biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.   Il-Partijiet għandhom jifformulaw, jikkomunikaw u jżommu kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs, nationally determined contributions) suċċessivi u ambizzjużi, jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ adattament nazzjonali ambizzjużi, kif xieraq, jiżviluppaw viżjonijiet fit-tul lejn emissjonijiet baxxi u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u jinvestu fil-kapaċitajiet ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Huma għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni kif ukoll ta’ evalwazzjoni biex jittraċċaw il-progress fl-azzjoni klimatika.

3.   Il-Partijiet għandhom ifasslu strateġiji fit-tul biex inaqqsu l-emissjonijiet li jirriżultaw mis-settur tat-trasport (bit-triq, l-avjazzjoni u marittimu). Huma għandhom jippromwovu mobilità urbana intelliġenti u jrawmu l-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ politika u inċentivi pożittivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ġestjoni mhux sostenibbli tal-art, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika u jħeġġu lill-pajjiżi jimpenjaw ruħhom fi tranżizzjoni enerġetika. Huma għandhom jeliminaw gradwalment is-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali u jimminimizzaw l-impatti negattivi possibbli fuq l-iżvilupp tagħhom b’mod li jipproteġi lill-foqra u lill-komunitajiet affettwati. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jikkonservaw u jtejbu, kif xieraq, il-bjar u r-riżervi ta’ gassijiet serra.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu tnaqqis gradwali ambizzjuż tal-idrofluworokarburi skont il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987, billi jikkooperaw biex jappoġġaw ir-ratifika tal-Emenda ta’ Kigali tiegħu u għandhom jaħdmu sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tagħha biex jinkiseb tnaqqis gradwali globali ambizzjuż tal-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi.

5.   Il-Partijiet għandhom jirrikonoxxu u jaġixxu fuq it-theddida li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali joħolqu għall-paċi u s-sigurtà, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u fl-aktar pajjiżi vulnerabbli. Huma għandhom jieħdu miżuri u jaħdmu flimkien biex isaħħu l-miżuri ta’ adattament u reżiljenza biex jiżguraw il-prevenzjoni tal-kunflitti permezz ta’ sistemi ta’ twissija bikrija, filwaqt li jqisu l-isfidi tas-sigurtà marbuta mal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u l-fatturi ta’ riskju ambjentali, u jsaħħu r-rabta bejn it-twissija bikrija u l-azzjoni bikrija fl-oqsma ta’ politika, inkluż permezz ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u tal-impatt.

6.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jevitaw, jimminimizzaw u jindirizzaw it-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima, inklużi eventi ta’ temp estrem u eventi li jevolvu bil-mod, fl-isforzi domestiċi u internazzjonali tagħhom, u, f’dak il-kuntest, għandhom jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-iżvilupp sostenibbli fit-tnaqqis tar-riskju ta’ telf u ħsara.

7.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjoni biex jallinjaw il-flussi finanzjarji ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

8.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jtejbu l-għarfien u l-kapaċità dwar l-għażliet u l-istrumenti ta’ politika u l-aħjar prattiki biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tar-riżorsi naturali u tal-prodotti. Huma għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kapaċità xjentifika u teknika, umana u istituzzjonali għall-azzjoni klimatika u l-ġestjoni u l-monitoraġġ ambjentali fil-livelli rilevanti kollha, b’attenzjoni partikolari għall-aktar pajjiżi vulnerabbli. Huma għandhom jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji spazjali u sistemi ta’ informazzjoni.

9.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-koordinazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza biex jinkoraġġixxu u jippermettu lill-awtoritajiet lokali jagħmlu u jimplimentaw impenji ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Huma għandhom jippromwovu sinerġiji bejn l-amministrazzjoni pubblika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozji privati u jrawmu l-parteċipazzjoni tas-settur privat lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u reżiljenti għall-klima, inkluż permezz ta’ riċerka konġunta. Huma għandhom jippromwovu inizjattivi eżistenti bħall-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom.

Artikolu 52

Nixfa u deżertifikazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jikkumbattu d-deżertifikazzjoni permezz ta’ titjib fil-governanza tal-art, fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art u l-ġestjoni sostenibbli tal-art u tal-ilma. Huma għandhom iħaffu l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u miri ta’ newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, magħmula f’Pariġi fis-17 ta’ Ġunju 1994, kif ukoll ta’ inizjattivi reġjonali u internazzjonali rilevanti oħrajn, inkluża l-inizjattiva tal-Ħajt il-Kbir l-Aħdar.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iħejju u jirrispondu għal emerġenzi kkawżati min-nixfa u għandhom jaħdmu biex iżidu r-reżiljenza għad-degradazzjoni ambjentali, id-deżertifikazzjoni, it-theddid għas-saħħa relatat u l-kriżijiet umanitarji billi jindirizzaw fatturi li jikkawżaw vulnerabbiltà.

Artikolu 53

Reżiljenza għad-diżastri naturali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jibnu r-reżiljenza tal-persuni, tas-soċjetajiet u tal-infrastruttura għad-diżastri naturali, filwaqt li jqisu l-impatt tat-tibdil fil-klima. Huma għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajbin dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 permezz ta’ strateġiji lokali u nazzjonali integrati.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, inkluża valutazzjoni komprensiva tar-riskji, l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet għat-tnaqqis tar-riskju fil-livelli kollha, it-tisħiħ tar-rabta bejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-ġbir u l-użu ta’ statistika dwar id-diżastri u data dwar it-telf. Huma għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju u protezzjoni finanzjarja, inkluż permezz ta’ għodod xierqa u innovattivi bħal mekkaniżmi ta’ trasferiment tar-riskju.

3.   Il-Partijiet għandhom iħejju u jirrispondu għal emerġenzi kkawżati minn eventi ta’ temp estrem u diżastri naturali, bħal għargħar u ż-żieda fil-livelli tal-baħar, l-erożjoni kostali u s-sedimentazzjoni tax-xaħx. Huma għandhom jikkooperaw biex jivvalutaw u jtaffu l-impatt ta’ eventi ta’ temp estrem u diżastri naturali.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċità għal rispons reġjonali għal diżastri u f’każ ta’ emerġenza, inklużi mekkaniżmi ta’ protezzjoni ċivili, kif ukoll il-kapaċità tal-komunitajiet u l-istituzzjonijiet lokali, filwaqt li jiffokaw fuq l-aktar unitajiet domestiċi u gruppi vulnerabbli u emarġinati.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-użu ta’ teknoloġiji spazjali u sistemi ta’ informazzjoni biex itejbu l-miżuri ta’ prevenzjoni, tħejjija, rispons u rkupru.

TITOLU IV

Il-paċi u s-sigurtà

Artikolu 54

Il-Partijiet għandhom irawmu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livelli reġjonali, interreġjonali, kontinentali u globali fil-promozzjoni u ż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fl-Afrika u fl-Ewropa. Huma għandhom isaħħu l-isforzi u l-mekkaniżmi konġunti biex jiggarantixxu l-paċi, jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, jindirizzaw kull forma ta’ kriminalità organizzata u theddid għas-sigurtà, u jtejbu s-sigurtà marittima, filwaqt li jqisu l-kumplessità ta’ dawk l-isfidi kollha u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw biex jiżguraw finanzjament sostenibbli għall-attivitajiet kollha ta’ paċi u sigurtà.

Artikolu 55

Kooperazzjoni reġjonali u multilaterali

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni istituzzjonali biex jindirizzaw l-isfidi tal-paċi u s-sigurtà. Huma għandhom isaħħu l-appoġġ għal operazzjonalizzazzjoni aktar effiċjenti tal- APSA, kif previst mill-Aġenda 2063. Huma għandhom jinkoraġġixxu sinerġiji bejn l-APSA u l-AGA f’konformità mal-aġenda ta’ riforma tal-UA.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-isforzi tal-UA u tar-RECs u l-mekkaniżmi reġjonali u arranġamenti oħrajn ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà reġjonali sabiex jinkisbu soċjetajiet paċifiċi, inklużivi u reżiljenti. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UA, l-UE u n-NU, u l-kooperazzjoni multilaterali ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn u pajjiżi terzi, kif xieraq.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-sjieda lokali, l-inklużività, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet kollha, filwaqt li jimpenjaw ruħhom mal-awtoritajiet lokali u nazzjonali, mal-komunitajiet u mas-soċjetà ċivili.

Artikolu 56

Kunflitti u kriżijiet

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiżguraw ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti kollha bejn u fi ħdan l-Istati fl-Afrika. Huma għandhom jimplimentaw approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali, filwaqt li japprofondixxu l-kooperazzjoni strateġika tagħhom u jtejbu l-azzjoni konġunta fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt, mill-prevenzjoni u t-twissija bikrija sal-konsolidazzjoni ta’ paċi dejjiema, permezz ta’ medjazzjoni, immaniġġjar tal-kriżijiet, stabbilizzazzjoni, kif ukoll riforma tas-settur tas-sigurtà.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw inizjattivi u mekkaniżmi maħsuba biex jipprevjenu l-kunflitti u jevitaw li jipperikolaw il-paċi u s-sigurtà. Huma għandhom jieħdu azzjoni kkoordinata biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kunflitti u l-kriżijiet, jindirizzaw ir-riskji ta’ kunflitti vjolenti emerġenti u li jeskalaw, u jsaħħu l-appoġġ għal inizjattivi diplomatiċi, sforzi ta’ medjazzjoni u djalogu bejn diversi Partijiet biex isolvu t-tilwim u l-kunflitti b’mezzi paċifiċi. Għal dak l-għan, huma għandhom jappoġġaw l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tas-Sistema Kontinentali ta’ Twissija Bikrija.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrika, l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet tal-UE u l-operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi tan-NU, fejn dawn l-operazzjonijiet jiġu skjerati fl-istess żona.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fir-rigward tal-istabbilizzazzjoni ta’ wara l-kunflitti, jikkonsolidaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ riżoluzzjoni tal-kriżijiet, jakkumpanjaw il-proċessi kostituzzjonali u elettorali, u jippromwovu ġustizzja tranżizzjonali, proċessi ta’ rikonċiljazzjoni u miżuri ta’ riintegrazzjoni għall-vittmi ta’ kunflitti armati u gwerer. Huma għandhom jappoġġaw ir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta’ żoni meqruda bil-gwerra.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) u l-aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS) u għandhom isaħħu r-rwol attiv tan-nisa u taż-żgħażagħ fil-paċi u fis-sigurtà, mit-twissija bikrija, il-medjazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-konsolidazzjoni u ż-żamma tal-paċi, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCRs, UN Security Council Resolutions) rilevanti, notevolment l-UNSCRs 1325 (2000) u 2250 (2015), kif ukoll il-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UA u tal-UE.

Artikolu 57

It-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, filwaqt li jindirizzaw dawk il-fatturi li jistgħu joħolqu ambjent li jwassal għall-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni, inkluż permezz ta’ tolleranza reliġjuża u djalogu interreliġjuż imrawma, u billi jirrispondu għall-isfidi maħluqa mir-rabtiet bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali, b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni biex jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet jipprevjenu u jżidu r-reżiljenza kontra atti ta’ terroriżmu, estremiżmu vjolenti u radikalizzazzjoni. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jimpenjaw ruħhom mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi ż-żgħażagħ, il-mexxejja reliġjużi u s-soċjetà ċivili, biex jippromwovu fehim reċiproku, id-diversità u d-djalogu interreliġjuż, biex jidentifikaw interventi magħmula apposta, u biex jiġġieldu r-reklutaġġ online u offline, ir-radikalizzazzjoni u l-inċitament biex jitwettqu atti terroristiċi. Huma għandhom jikkooperaw fuq appoġġ imtejjeb għall-vittmi tat-terroriżmu.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw lejn l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inklużi l-UNSCRs 2396 (2017) u 2462 (2019), u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u ta’ konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali, inklużi l-Istrateġija Globali Kontra t-Terroriżmu tan-NU u l-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti.

4.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom fl-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien espert dwar gruppi terroristiċi u n-networks ta’ appoġġ tagħhom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom jappoġġaw inizjattivi għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u jsaħħu l-kapaċità li t-terroriżmu jiġi miġġieled b’mod konformi mad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ taħriġ u professjonalizzazzjoni tal-forzi tas-sigurtà. Huma għandhom jikkooperaw biex irażżnu l-finanzjament tat-terroriżmu billi jidentifikaw, jiskopru, jikkonfiskaw u jiffriżaw jew jissekwestraw kwalunkwe fondi u kwalunkwe assi oħrajn użati jew allokati għall-fini tat-twettiq ta’ att terroristiku.

5.   Il-Partijiet għandhom jipprevjenu lill-awturi ta’ atti terroristiċi, estremiżmu vjolenti u radikalizzazzjoni milli jiksbu armi ta’ qerda massiva.

Artikolu 58

Il-kriminalità organizzata

1.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw kull forma ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar ta’ persuni, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, drogi illeċiti, materjali perikolużi, proprjetà kulturali u organiżmi selvaġġi, kif ukoll reati ambjentali, permezz ta’ ġestjoni mtejba tal-kontroll fuq il-fruntiera, ġbir u kondiviżjoni ta’ informazzjoni u data, u l-iskambju ta’ għarfien espert u assistenza teknika. Huma għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Protokolli supplimentari tagħha.

2.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw b’mod xieraq it-traffikar tal-persuni, f’konformità mal-istandards tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment ta’ Nisa u Tfal. Huma għandhom jipprevjenu t-traffikar ta’ persuni billi jsaħħu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja biex jiġġieldu l-impunità għall-awturi kollha involuti fil-katina tat-traffikar, u billi jiskoraġġixxu d-domanda wara kull forma ta’ sfruttament. Huma għandhom jiżguraw protezzjoni xierqa tal-vittmi, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċità tal-ġeneru tar-reat, bin-nisa u l-bniet sproporzjonalment fil-mira u prinċipalment għall-isfruttament sesswali.

3.   Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn biex jipprevjenu u jiġġieldu l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali billi jsaħħu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta’ reati relatati f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Protokolli supplimentari tagħha, inkluż il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tal-Immigrazzjoni Illegali bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jipprevjenu u jiġġieldu l-użu tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u tan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali, inkluża l-korruzzjoni. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jinfurzaw il-miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja. Huma għandhom jappoġġaw l-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni u korpi nazzjonali għall-irkupru tal-assi, kif ukoll il-konfiska ta’ assi kriminali u l-mobilizzazzjoni tagħhom għall-finijiet ta’ benefiċċju pubbliku li jestendu r-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jwettqu u jiffaċilitaw ir-reati u li jiżguraw it-tfixkil tal-flussi finanzjarji illeċiti, bil-ħsieb li jċaħħdu lill-kriminali mill-profitti.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw leġiżlazzjoni u jiżviluppaw inizjattivi biex jindirizzaw il-kriminalità, inklużi l-kriminalità urbana u l-vjolenza. Huma għandhom jippromwovu l-kontroll tal-armi tan-nar bil-ħsieb li jipprevjenu u jnaqqsu l-effetti negattivi tal-vjolenza bl-armi fuq is-soċjetà u n-nies u joħolqu ambjent sikur għall-iżvilupp sostenibbli. Huma għandhom jiġġieldu kontra kull forma ta’ vjolenza u għandhom jappoġġaw lill-vittmi ta’ vjolenza.

Artikolu 59

Armi ħfief u ta’ kalibru żgħir

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni effettiva tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Protokoll tan-NU kontra l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti Tagħhom u l-Munizzjon. Huma għandhom jappoġġaw il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Afrikana dwar il-Kontroll tal-Proliferazzjoni, taċ-Ċirkolazzjoni u tat-Traffikar Illeċiti ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir, u l-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir li jsostnu l-konflitt armat u t-terroriżmu u jħeġġu l-kriminalità bl-armi, bħas-serq u l-kaċċa illegali tal-bhejjem tal-ifrat, inkluż permezz ta’ ġestjoni mtejba tal-ħażniet, il-qerda ta’ armi u munizzjon żejda, l-immarkar, iż-żamma ta’ rekords u t-traċċar, u l-kontrolli tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni.

Artikolu 60

Iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni u miżuri biex iżommu ambjent ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni miftuħ, ħieles, sigur, stabbli, aċċessibbli u paċifiku. Huma għandhom jaħdmu biex jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, fi ħdan il-qafas tan-NU, ta’ normi aċċettati fuq livell internazzjonali ta’ mġiba responsabbli fiċ-ċiberspazju, f’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità u d-distribuzzjoni ta’ kontenut illegali online. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, l-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità u x-xjenza forensika diġitali, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data. Huma għandhom jippromwovu l-kultura taċ-ċibersigurtà u għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità, filwaqt li jibnu fuq in-normi u l-istandards internazzjonali eżistenti, inklużi dawk tal-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-Konvenzjoni tal-UA dwar is-Sigurtà Ċibernetika u l-Protezzjoni tad-Data Personali.

Artikolu 61

Drogi illeċiti

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-approċċ bilanċjat, integrat u bbażat fuq l-evidenza tal-politiki tagħhom dwar id-droga. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kultivazzjoni, il-produzzjoni u t-traffikar ta’ drogi illeċiti u sustanzi psikoattivi, inkluż billi jadottaw miżuri aktar effettivi ta’ prevenzjoni ta’ reati relatati mad-droga u ta’ infurzar tal-liġi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw u jaċċelleraw l-isforzi min-naħa tad-domanda, iwettqu programmi ta’ prevenzjoni u edukazzjoni u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw l-impatti soċjali u tas-saħħa tad-droga. Huma għandhom irawmu djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-soċjetà ċivili, il-komunità xjentifika u l-akkademiċi sabiex jindirizzaw b’mod effettiv l-użu tad-drogi illeċiti.

Artikolu 62

Is-sigurtà marittima

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu inizjattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali li jikkontribwixxu għall-avvanz tas-sigurtà marittima, notevolment fil-Baħar l-Aħmar, fil-Qarn tal-Afrika, fl-Oċean Indjan u fil-Golf tal-Guinea. Huma għandhom irawmu kooperazzjoni bejn l-UA, l-UE u n-NU, u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali u jinkoraġġixxu l-komplementarjetà tal-isforzi.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-ġlieda kontra kull tip ta’ reati organizzati tranżnazzjonali fuq il-baħar, inkluż it-traffikar ta’ bnedmin, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, drogi illeċiti, u organiżmi selvaġġi, u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. Huma għandhom jiskoraġġixxu, jipprevjenu u jrażżnu atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, inkluż serq ta’ żejt u gass, bil-ħsieb li jiġu żgurati rotot kummerċjali siguri u miftuħa.

3.   Il-Partijiet għandhom iżidu l-isforzi multilaterali biex jirrispondu b’mod effettiv għar-reati mwettqa fl-ibħra internazzjonali. Huma għandhom jiżviluppaw miżuri biex itejbu l-kapaċità u s-sjieda tal-infurzar tal-liġi tal-Istati kostali u tal-organizzazzjonijiet reġjonali, u għandhom jippromwovu l-koordinazzjoni reġjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni biex jindirizzaw it-theddid marittimu u jiġġieldu kontra forom differenti ta’ kriminalità mwettqa fuq il-baħar.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jtejbu l-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni interreġjonali u għandhom jinkoraġġixxu s-sorveljanza marittima u l-għarfien tad-dominju u l-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta u l-flotot navali tal-Istati kostali.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jirrispettaw il-libertà tal-ibħra miftuħa, il-libertà tan-navigazzjoni u prinċipji, drittijiet u obbligi oħrajn stabbiliti fid-dritt internazzjonali, filwaqt li jippromwovu l-applikazzjoni universali tal-Konvenzjoni tal-UNCLOS, kif ukoll strumenti legali internazzjonali rilevanti oħrajn.

Artikolu 63

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni strateġika bejn korpi tal-UA, bħall-AFRIPOL, u korpi tal-UE, bħall-EUROPOL, biex jiffaċilitaw il-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ networks kriminali u terroristiċi organizzati tranżnazzjonali fir-reġjun tal-Afrika u fl-UE.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tat-tfittxija u s-salvataġġ u f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza oħrajn, u għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati biex jikkonkludu ftehimiet bilaterali f’dak il-kuntest.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fuq il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, u jtejbu l-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u data.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jaħdmu fuq it-titjib tal-kapaċitajiet tal-pulizija, inkluż permezz ta’ programmi ta’ taħriġ tal-pulizija mmirati fil-livelli strateġiċi, operazzjonali u tattiċi, adattati għar-realtajiet tal-kuntest Afrikan.

TITOLU V

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza

Artikolu 64

Il-Partijiet għandhom jippromwovu soċjetajiet sostenibbli u inklużivi reżiljenti msejsa f’istituzzjonijiet responsabbli, effettivi u trasparenti u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli kollha, fejn id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi jiġu rrispettati, promossi u ssodisfati. Huma għandhom jaħdmu biex jaċċelleraw il-progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Huma għandhom jiżguraw spazju miftuħ u abilitanti għall-individwi u għas-soċjetà ċivili biex jesprimu l-aspirazzjonijiet u t-tħassib tagħhom, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew jagħmlu kontribuzzjonijiet għall-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha, filwaqt li jikkontribwixxu biex tiżdied il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 65

Id-drittijiet tal-bniedem

1.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni li tikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-promozzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk ikunu ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali. Huma għandhom jappoġġaw ir-ratifika, id-domestikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, kif ukoll l-istrumenti tal-AGA.

2.   Il-Partijiet għandhom japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, inklużi s-sess, l-oriġini etnika jew soċjali, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, diżabbiltà, l-età jew status ieħor, filwaqt li jagħtu prijorità lill-adozzjoni ta’ liġi komprensiva dwar l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni. Huma għandhom jieħdu passi biex jiksbu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u mill-bniet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, inkluż billi jinkoraġġixxu l-iffirmar, ir-ratifika, fejn ikun għad hemm bżonn, u l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Maputo. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, inkluż billi jinkoraġġixxu l-iffirmar, ir-ratifika, fejn ikun għad hemm bżonn, u l-implimentazzjoni tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal. Huma għandhom jadottaw miżuri biex jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem minn persuni li jappartjenu għal minoranzi, persuni b’diżabbiltà u persuni b’albiniżmu, kif ukoll minn popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP).

3.   Il-Partijiet għandhom jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-impunità, jiżguraw l-istat tad-dritt u l-funzjonament indipendenti, imparzjali u effettiv tas-sistema ġudizzjarja. Huma għandhom jiggarantixxu d-dritt tal-vittmi u tas-superstiti għal reparazzjoni adegwata, effettiva u fil-pront.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw is-sistema Afrikana tad-drittijiet tal-bniedem, notevolment il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, biex jiggwidaw lill-Istati Afrikani jikkonformaw mal-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom josservaw u jippreservaw l-integrità u l-indipendenza ta’ dawk il-korpi u għandhom jiżguraw li l-Istati Afrikani kollha jirrispettaw is-sentenzi tal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili u jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaġixxu fil-livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali. Huma għandhom jikkooperaw biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, mas-sistemi edukattivi u mal-midja.

Artikolu 66

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-aċċess ugwali għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-benefiċċju tal-liġi għal kulħadd. Huma għandhom jieħdu miżuri mmirati biex jiżguraw, itejbu u jespandu l-parteċipazzjoni u l-opportunitajiet indaqs fl-isferi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali. Huma għandhom jiżguraw li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-politiki u l-programmi kollha.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jeliminaw kull forma ta’ vjolenza, diskriminazzjoni u fastidju sesswali u bbażati fuq il-ġeneru, kif ukoll vjolenza domestika, u għandhom jiġġieldu t-traffikar tal-persuni. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimmobilizzaw sforz miftiehem biex itemmu ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u sfurzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki dannużi oħrajn li jiddiskriminaw kontra n-nisa u l-bniet. Huma għandhom jipprovdu appoġġ lill-vittmi u s-superstiti ta’ kull forma ta’ vjolenza. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u mhux diskriminatorja tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, magħmula fi New York fit-18 ta’ Diċembru 1979, kif ukoll il-Protokoll Fakultattiv tagħha.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-drittijiet soċjali tan-nisa u tal-bniet jiġu rrispettati u promossi, notevolment billi jitneħħew l-ostakli kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa ta’ kwalità u jiġu eliminati d-disparitajiet bejn il-ġeneri. Huma għandhom isaħħu d-drittijiet ekonomiċi tan-nisa u tal-bniet.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tirrikonoxxi d-dritt tan-nisa u tal-bniet li jipparteċipaw bis-sħiħ fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u għandhom joħolqu kondizzjonijiet u opportunitajiet għan-nisa biex jieħdu pożizzjonijiet ugwali, inkluż fit-tmexxija politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Huma għandhom isaħħu r-rwol tan-nisa u javvanzaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-livelli kollha fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà, kif ukoll il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti, vjolenza u estremiżmu.

Artikolu 67

Id-demokrazija

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jsaħħu l-valuri u l-prinċipji universali tad-demokrazija. Huma għandhom jipproteġu s-separazzjoni tas-setgħat, jippromwovu l-pluraliżmu politiku u jsaħħu t-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-fiduċja fil-proċessi demokratiċi, kif ukoll il-fiduċja bejn il-mexxejja politiċi u n-nies, inkluż billi jappoġġaw ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-integrità tal-proċessi elettorali billi jiggarantixxu elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u kredibbli li jirrispettaw iċ-ċikli elettorali u d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, bir-rispett dovut għas-sovranità. Huma għandhom jippromwovu standards reġjonali u internazzjonali u l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-elezzjonijiet, kif ukoll isaħħu l-kummissjonijiet elettorali indipendenti u imparzjali, filwaqt li jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-partiti politiċi u l-kandidati kollha. Huma għandhom itejbu l-kooperazzjoni fuq l-osservazzjoni elettorali, inkluż is-segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet għall-osservazzjoni elettorali, kif xieraq, u għandhom isaħħu l-kooperazzjoni mal-UA u mar-RECs. Huma għandhom isaħħu l-mekkaniżmi nazzjonali li jirrimedjaw it-tilwim relatat mal-elezzjonijiet fil-ħin.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċità tal-parlamenti eletti biex iwettqu r-rwoli leġiżlattivi, baġitarji u ta’ sorveljanza tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-prerogattivi tal-membri kollha tagħhom.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw liġijiet u regolamenti domestiċi li jirrikonoxxu livelli differenti ta’ gvern li għandhom il-mandat li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’konformità mas-setgħat delegati. Huma għandhom isaħħu l-amministrazzjoni lokali u jiddeċentralizzaw is-setgħa lill-awtoritajiet lokali eletti b’mod demokratiku kif previst fil-liġijiet nazzjonali.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu soċjetajiet inklużivi u pluralistiċi. Huma għandhom ineħħu kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, għal-libertà tal-espressjoni u għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Huma għandhom jippreservaw u jwessgħu spazju ta’ abilitazzjoni għas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u fit-tfassil tal-politika, kif ukoll jiżguraw midja libera u indipendenti, biex iżommu lill-gvernijiet fl-ogħla livelli ta’ trasparenza u responsabbiltà fil-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi. Il-Partijiet għandhom irawmu relazzjonijiet kostruttivi bejn l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu u għandhom iqajmu kuxjenza dwar il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tas-sistemi edukattivi u l-midja.

Artikolu 68

L-istat tad-dritt u l-ġustizzja

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Huma għandhom iżommu l-indipendenza tal-ġudikatura u jimmiraw li jiżguraw il-funzjonament indipendenti, imparzjali u effettiv tas-sistema ġudizzjarja u li jtejbu l-aċċess effettiv u ekwu taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għall-għajnuna legali.

2.   Il-Partijiet għandhom jipprevjenu, jikkundannaw u jeqirdu kull forma ta’ tortura u trattament u pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn minn atturi tal-Istat u mhux tal-Istat fil-kuntesti kollha, inkluż fil-kuntesti tat-terroriżmu, tal-immaniġġjar tal-kriżijiet u tal-migrazzjoni, filwaqt li jappoġġaw ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, magħmula fi New York fl-10 ta’ Diċembru 1984, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi r-reati tal-gwerra, ir-reati kontra l-umanità u l-ġenoċidju, kif ukoll ir-reklutaġġ ta’ suldati tfal u l-vjolenza sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tal-identità, jiġu investigati u ssir prosekuzzjoni tagħhom kif suppost. Huma għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni domestika u s-sistemi ġudizzjarji domestiċi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati u assistenza legali reċiproka għall-Istati li jkunu jixtiequ jwettqu prosekuzzjonijiet domestiċi tal-aktar reati internazzjonali serji.

4.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw ir-riformi ġudizzjarji, filwaqt li jiżguraw sistemi u proċeduri tal-qorti modernizzati, trasparenti u effiċjenti, jipprovdu taħriġ adegwat u jtejbu l-aċċess għal-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza u informazzjoni legali oħra, jimmodernizzaw is-sistemi penitenzjarji u jimmassimizzaw ir-rwol riabilitattiv tagħhom u jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà.

Artikolu 69

Il-governanza tajba

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-isforzi biex jikkonsolidaw il-governanza tajba billi jippromwovu kultura u prattiki demokratiċi, jibnu u jsaħħu istituzzjonijiet ta’ governanza responsabbli, trasparenti u risponsivi fil-livelli kollha, u jrawmu l-pluraliżmu politiku, it-trasparenza u t-tolleranza. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti tal-AGA u jinkoraġġixxu l-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni effettivi tal-politiki ta’ governanza fost l-Istati Afrikani.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kapaċità tal-gvernijiet fil-livelli kollha li jipprovdu servizzi pubbliċi ta’ kwalità, li jiżguraw amministrazzjoni pubblika effettiva, trasparenti, responsabbli u inklużiva, li jippromwovu l-imparzjalità u l-effettività tal-korpi tal-infurzar tal-liġi u li jrawmu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u jaċċelleraw l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet ta’ governanza elettronika faċli għall-utenti u ssimplifikati bħala mezz biex itejbu l-aċċess għal, u d-disponibbiltà ta’, informazzjoni u servizzi pubbliċi, u biex itejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà, filwaqt li jipprevjenu l-abbuż u jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Artikolu 70

L-amministrazzjoni pubblika, statistika u data personali

1.   Il-Partijiet għandhom jibnu kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, jiżviluppaw servizz ċivili professjonali u effiċjenti, itejbu l-mekkaniżmi leġiżlattivi u ta’ governanza u jsaħħu l-kapaċità tal-gvernijiet li jipprovdu servizzi pubbliċi ta’ kwalità.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-imparzjalità, il-ġustizzja, il-proċess dovut u l-kontinwità fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi, u jappoġġaw lill-istituzzjonijiet li huma responsabbli, inklużivi u trasparenti fir-rigward tal-għoti ta’ servizzi pubbliċi effettivi u effiċjenti, inkluż billi jippromwovu l-Karta Afrikana dwar il-Valuri u l-Prinċipji tas-Servizz Pubbliku u l-Amministrazzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-produzzjoni, il-ħażna, il-ġestjoni u t-tixrid ta’ data statistika u informazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali, inkluż billi jippromwovu l-Karta Afrikana dwar l-Istatistika bħala l-qafas ta’ politika għall-iżvilupp tal-istatistika fl-Afrika. Huma għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ identifikazzjoni robusti, siguri u inklużivi biex jiżguraw l-għoti ta’ identità legali għal kull ċittadin, inkluż billi jsaħħu s-sistema ta’ reġistrazzjoni ċivili u statistika vitali.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt għall-privatezza ta’ kull individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, f’konformità mal-istandards multilaterali eżistenti u l-istrumenti u l-prattiki legali internazzjonali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex iżommu reġimi b’saħħithom ta’ protezzjoni tad-data u biex jiżguraw l-infurzar effettiv tagħhom permezz ta’ awtoritajiet superviżorji indipendenti.

Artikolu 71

Korruzzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu u jsaħħu l-leġiżlazzjoni, l-istituzzjonijiet u miżuri oħrajn biex jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni fil-forom kollha tagħha, il-frodi, ir-reati korporattivi finanzjarji u r-reati relatati fis-settur pubbliku u f’dak privat, inkluż bl-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ standards u strumenti internazzjonali rilevanti, notevolment il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, magħmula fi New York fil-31 ta’ Ottubru 2003. Huma għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li huma meħtieġa biex jipprevjenu l-korruzzjoni u biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar il-korruzzjoni tiġi infurzata b’mod effettiv, li jsiru investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet imparzjali u li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-korruzzjoni u għal reati relatati mal-korruzzjoni. Huma għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn biex jipprovdu protezzjoni effettiva minn ritaljazzjoni potenzjali, inkluż fil-kuntest relatat max-xogħol, u minn intimidazzjoni tal-informaturi li jirrapportaw dwar il-korruzzjoni u reati relatati u tax-xhieda li jagħtu xhieda dwar reati bħal dawn, inkluża l-protezzjoni tal-identitajiet tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jippermettu l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavati u tal-istrumenti, jew ta ‘ proprjetà oħra li l-valur tagħha jikkorrespondi għal dak ta’ tali rikavat u strumenti, derivati minn atti ta’ korruzzjoni u reati relatati. Huma għandhom jikkooperaw biex jirkupraw tali rikavati u strumenti u biex jirritornawhom lis-sidien leġittimi preċedenti tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni. Huma għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn biex jiġġieldu l-ħasil tar-rikavat mill-korruzzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tar-riżorsi pubbliċi, inklużi l-assi rkuprati u rritornati. Huma għandhom jinkoraġġixxu azzjonijiet li jappoġġaw il-valuri ta’ kultura ta’ trasparenza, integrità u legalità u bidla fl-attitudnijiet tan-nies għal prattiki korrotti. Huma għandhom isaħħu l-kapaċità u l-għarfien espert tal-amministrazzjoni pubblika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Huma għandhom jippromwovu l-istabbiliment ta’ korpi speċjalizzati fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-investigazzjonijiet ta’ atti ta’ korruzzjoni u reati relatati, inkluż meta jitwettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.

Artikolu 72

Il-governanza finanzjarja

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, inklużi l-mobilizzazzjoni effettiva u trasparenti tad-dħul domestiku, il-ġestjoni tal-baġit u l-użu tad-dħul pubbliku f’konformità mal-prinċipji tal-Inizjattiva tat-Taxxa ta’ Addis. Huma għandhom jippromwovu ġestjoni sostenibbli tad-dejn pubbliku, sistemi ta’ akkwist sostenibbli u appoġġ għall-korpi nazzjonali ta’ sorveljanza.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-governanza u l-ġestjoni tad-dħul tar-riżorsi naturali, filwaqt li jippermettu lill-komunitajiet u lis-soċjetajiet jirnexxu mill-użu tagħhom, inkluż permezz tal-konformità mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u mal-Proċess ta’ Kimberley.

3.   Il-Partijiet għandhom jiġġieldu l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti u għandhom isaħħu l-irkupru tal-assi. Huma għandhom jaħdmu biex jiżguraw l-effiċjenza, l-effettività, iċ-ċertezza, it-trasparenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri konkreti, inkluż billi jippromulgaw leġiżlazzjoni, u jsaħħu l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi rilevanti biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

TITOLU VI

Il-migrazzjoni u l-mobilità

Artikolu 73

Il-Partijiet għandhom jadottaw approċċ komprensiv u bilanċjat biex jindirizzaw il-migrazzjoni. Huma jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tar-refuġjati u l-migranti kollha u għandhom jindirizzaw il-migrazzjoni fi spirtu ta’ solidarjetà, sħubija ġenwina, responsabbiltà kondiviża, u f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, kif ukoll b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Huma jirrikonoxxu li l-interessi Afrikani u Ewropej dwar il-migrazzjoni huma marbuta ma’ xulxin u li, meta jiġu ġestiti sewwa, il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu jkunu sors ta’ prosperità, innovazzjoni u żvilupp sostenibbli. Huma għandhom jidħlu fi djalogu u jikkooperaw fuq l-aspetti kollha marbuta mal-migrazzjoni legali u irregolari, inkluż billi jieħdu miżuri konkreti dwar il-migrazzjoni legali, inaqqsu l-migrazzjoni irregolari u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tagħha, jipprevjenu u jiġġieldu l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali, jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, isalvaw il-ħajjiet u jiżguraw il-protezzjoni, it-tisħiħ tal-impenn u l-investiment tad-dijaspora għall-iżvilupp sostenibbli, jimmassimizzaw l-impatt tar-rimessi, itejbu l-kooperazzjoni fuq ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni sostenibbli tar-rimpatrijati, kif ukoll jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati, u lill-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex isegwu approċċ integrat għall-ġestjoni tal-fruntieri biex jiffaċilitaw il-moviment leġittimu tal-persuni bejn il-fruntieri u jwaqqfu l-migrazzjoni irregolari. Huma għandhom japprofondixxu l-kooperazzjoni u d-djalogu billi jibnu fuq inizjattivi eżistenti, notevolment is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta, jiġifieri l-proċessi ta’ Rabat u ta’ Khartoum, u d-Djalogu Interkontinentali dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità tal-UA-UE. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni triangolari bejn pajjiżi sub-Saħarjani, Mediterranji u Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni. Il-Partijiet għandhom irawmu d-djalogu fl-indirizzar tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni u għandhom jikkooperaw biex irawmu strateġiji ta’ rispons xierqa u rilevanti.

Artikolu 74

Il-migrazzjoni legali u l-mobilità

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu t-trasferiment u l-kondiviżjoni tal-għarfien u jtejbu l-iskemi ta’ mobilità li jiffaċilitaw l-iskambji akkademiċi għal studenti, riċerkaturi, professjonisti akkademiċi u istituzzjonijiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw iż-żjarat għal finijiet ta’ negozju u ta’ investiment.

3.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiżviluppaw perkorsi f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, lejn il-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni u l-mobilità tal-forza tax-xogħol, inklużi miżuri xierqa ta’ protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra kull forma ta’ sfruttament.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kwalifiki, bl-għan li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tagħhom, kif ukoll l-aċċettazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

5.   Il-Partijiet għandhom jiddjalogaw, kif xieraq, dwar il-proċeduri li jiggwidaw il-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni għal migranti residenti legalment.

6.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq kampanji ta’ sensibilizzazzjoni relatati mal-migrazzjoni legali sabiex jinformaw id-deċiżjonijiet tal-migranti u jinformawhom dwar il-possibbiltajiet rigward rotot ta’ migrazzjoni sikuri u legali. Huma għandhom ukoll jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ bidla tal-istatus fl-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom.

7.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jimplimentaw rekwiżiti trasparenti u effettivi għad-dħul u r-residenza għall-fini ta’ xogħol, riċerka, studji, taħriġ u servizz volontarju bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari u l-mobilità.

8.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-proċeduri għal riunifikazzjoni tal-familja għall-migranti, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal.

9.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu u jimmodernizzaw is-sistemi ta’ reġistrazzjoni ċivili u biex joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi bbażati fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, inkluż billi jagħmlu sforzi biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-identità u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti.

Artikolu 75

Il-mobilità intra-Afrikana

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rilevanza tal-mobilità intra-Afrikana u l-benefiċċji potenzjali sinifikanti tagħha fir-rigward tal-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ospitanti u tal-pajjiżi ta’ oriġini.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw aktar il-kooperazzjoni intra-Afrikana għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, filwaqt li jqisu l-Qafas ta’ Politika dwar il-Migrazzjoni tal-UA għall-Afrika.

Artikolu 76

Id-dijaspora, ir-rimessi u l-iżvilupp sostenibbli

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-impenn tad-dijaspora fl-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-investiment għad-dijaspora, u l-ħolqien tan-negozju bħala mezz biex jagħtu spinta lill-iżvilupp lokali u lill-intraprenditorija fil-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll biex jittrasferixxu l-għarfien, l-esperjenza u t-teknoloġija.

2.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kostijiet tat-tranżazzjoni tar-rimessi għal inqas minn 3 %, speċjalment għal pajjiżi b’introjtu baxx u medju, u jeliminaw il-kurituri tar-rimessi b’kostijiet ogħla minn 5 % f’konformità mal-miri miftiehma fuq livell internazzjonali, jikkooperaw biex iżidu l-punti ta’ aċċess għas-servizzi tar-rimessi, b’mod partikolari f’żoni rurali, jippromwovu l-inklużjoni finanzjarja, inkluż permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u teknoloġiji ġodda, u jtejbu l-oqfsa regolatorji għal involviment imtejjeb ta’ atturi mhux tradizzjonali.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet li jassistu fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji u strumenti għall-użu ta’ rimessi tad-dijaspora u investiment għall-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 77

Il-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw u jiżviluppaw reazzjonijiet adegwati għall-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat. Huma għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw lill-pajjiżi ta’ oriġini bi strateġiji xierqa, inkluż bl-għan li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jwaqqfu l-migrazzjoni irregolari permezz ta’ kooperazzjoni mtejba fuq il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, fuq il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u data, u fuq it-trawwim tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, b’referenza partikolari għall-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-flussi migratorji. Huma għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u jżommu, fejn xieraq, networks ta’ komunikazzjoni biex jappoġġaw is-sorveljanza marittima u jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar.

3.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw leġiżlazzjoni, isaħħu l-istituzzjonijiet u għandhom iżidu l-isforzi kollaborattivi biex jindirizzaw it-traffikar tal-persuni, inkluż billi jipproteġu u jassistu lill-vittmi tat-traffikar, u jipprevjenu u jiġġieldu l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Protokolli supplimentari tagħha, partikolarment il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tal-Migrazzjoni Illegali bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jissorveljaw ir-rotot tal-migrazzjoni irregolari, iżidu l-azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u interreġjonali, u jtejbu l-isforzi konġunti biex iżarmaw in-networks kriminali li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni. Huma għandhom jikkooperaw biex jikkondividu l-informazzjoni rilevanti u l-intelligence kriminali dwar ir-rotot tat-traffikar u tal-kuntrabandu u n-networks kriminali, inkluż fir-rigward tal-modus operandi u tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, biex itejbu l-ġbir tad-data u jsaħħu l-istrateġiji ta’ analiżi u ta’ tixrid. Huma għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u l-miżuri rilevanti kontra dawk li jisfruttaw lill-migranti irregolari. Huma għandhom jintensifikaw l-isforzi fuq l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali tal-awturi.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-migrazzjoni irregolari, bl-użu tal-mezzi kollha disponibbli fil-livelli reġjonali, nazzjonali u lokali f’konformità mal-istrateġiji u l-programmi rilevanti.

Artikolu 78

Ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirritornaw migranti b’soġġorn illegali u jaffermaw mill-ġdid l-obbligu legali ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u ta’ kull Membru tal-OSAKP li jaċċettaw lura ċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu preżenti illegalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, mingħajr kundizzjonalità u mingħajr formalitajiet ulterjuri għajr il-verifika prevista fil-paragrafu 3. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq ir-ritorn u r-riammissjoni u għandhom jiżguraw li d-drittijiet u d-dinjità tal-individwi jkunu protetti u rrispettati bis-sħiħ, inkluż fi kwalunkwe proċedura li tinbeda għar-ritorn ta’ migranti b’soġġorn illegali lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

2.   Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta’ kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun preżenti illegalment fit-territorju ta’ Membru tal-OSAKP, fuq it-talba ta’ dak l-Istat mingħajr aktar formalitajiet mill-verifika prevista fil-paragrafu 3 għal dawk il-persuni li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar validu.

Kull Membru tal-OSAKP għandu jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta’ kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq it-talba ta’ dak l-Istat Membru mingħajr aktar formalitajiet mill-verifika prevista fil-paragrafu 3 għal dawk il-persuni li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar validu.

Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu japplikaw biss fir-rigward ta’ dawk il-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-Membri tal-OSAKP, l-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu japplikaw biss fir-rigward ta’ dawk il-persuni li jkunu meqjusa bħala ċ-ċittadini tagħhom f’konformità mas-sistema legali rispettiva tagħhom.

3.   L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Membri tal-OSAKP għandhom iwieġbu malajr għat-talbiet ta’ riammissjoni ta’ xulxin. Huma għandhom iwettqu proċessi ta’ verifika bl-użu tal-aktar proċeduri ta’ identifikazzjoni xierqa u effiċjenti, bil-ħsieb li tiġi aċċertata n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata u li jinħarġu dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa għal finijiet ta’ ritorn, kif stabbilit fl-Anness I. Xejn f’dak l-Anness ma għandu jimpedixxi r-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti formali jew informali bejn l-Istat li lilu tiġi ppreżentata talba ta’ riammissjoni u l-Istat li jippreżenta talba ta’ riammissjoni.

4.   Minkejja l-proċeduri previsti fl-Artikolu 101(5) tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, jekk Parti tqis li Parti oħra tkun naqset milli tirrispetta l-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Anness I f’konformità mal-Istandard 5.26 tal-Kapitolu 5 tal-Anness 9 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan. Jekk dik il-Parti l-oħra tkompli tonqos milli tikkonforma ma’ dawk l-obbligi, il-Parti li tinnotifika tista’ tieħu miżuri proporzjonati li jibdew minn 30 jum min-notifika.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji fil-qafas tad-djalogu ta’ sħubija regolari.

Artikolu 79

Il-protezzjoni u l-ażil

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni u assistenza lil persuni spostati b’mod sfurzat, inklużi refuġjati, persuni li jfittxu l-ażil u persuni spostati internament, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, fejn applikabbli, mad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u mad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-prinċipju fundamentali ta’ non-refoulement.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-kampijiet tar-refuġjati jenħtieġ li jkunu l-eċċezzjoni u, sa fejn ikun possibbli, miżura temporanja b’rispons għal emerġenza, u li jenħtieġ li tingħata preferenza lill-integrazzjoni sostenibbli tar-refuġjati. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni sostenibbli tar-refuġjati fil-komunitajiet ospitanti u fil-pajjiżi tal-ażil tagħhom. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati.

3.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li r-refuġjati u l-persuni li jfittxu l-ażil ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom permezz ta’ aċċess sikur għal servizzi bażiċi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali.

4.   Il-Partijiet għandhom iħarsu l-aħjar interessi tat-tfal f’kull ħin, u għandhom jagħtu aċċess sħiħ għas-sistema edukattiva f’ambjenti ta’ tagħlim sikuri għat-tfal refuġjati kollha. Huma għandhom japplikaw approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet tat-tfal u jiżguraw li t-tfal ma jiġux kriminalizzati jew soġġetti għal miżuri punittivi minħabba l-istatus ta’ refuġjat tagħhom jew dak tal-ġenituri tagħhom.

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-KARIBEW

PARTI I

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

Kapitolu 1

Natura u kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

Sħubija ġenwina

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, ‘Partijiet’ tfisser il-Partijiet rilevanti marbuta b’dan il-Protokoll skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

2.   Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll, li huma komplementari u jsaħħu lil xulxin, skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet jaqblu li dan il-Protokoll għandu jiġi implimentat, b’responsabbiltajiet komplementari fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, abbażi tal-prinċipji tar-rispett reċiproku u r-responsabbiltà, l-ugwaljanza u s-sjieda kondiviża, u bl-impenn tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Huma għandhom jimplimentaw dan il-Protokoll b’mod li jibni fuq u javvanza r-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali profondi fost il-Partijiet għal dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw proċessi ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali, jintensifikaw l-isforzi b’appoġġ għall-multilateraliżmu u l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli, u jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u miżuri multidimensjonali u koerenti fl-insegwiment tad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rispettivi tagħhom u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti.

Artikolu 2

Prijoritajiet strateġiċi

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid in-natura wiesgħa u komprensiva tas-Sħubija Reġjonali tal-Karibew u jaqblu li l-prijoritajiet strateġiċi ta’ dan il-Protokoll huma, inter alia, dawn:

(a)

isaħħu s-sħubija politika tagħhom, li għandha tkun imsejsa fuq djalogu regolari u effettiv u l-promozzjoni ta’ interessi komuni;

(b)

japprofondixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi, jippromwovu t-trasformazzjoni u d-diversifikazzjoni, u jappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli permezz tal-kummerċ, l-investiment, l-iżvilupp tas-settur privat u l-industrijalizzazzjoni sostenibbli;

(c)

itejbu s-sostenibbiltà ambjentali u r-reżiljenza għall-klima, iwettqu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u jsaħħu l-ġestjoni tad-diżastri;

(d)

jibnu soċjetajiet inklużivi, paċifiċi u siguri, b’attenzjoni speċjali għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġustizzja u l-governanza, inkluża l-governanza finanzjarja, u s-sigurtà taċ-ċittadini;

(e)

jinvestu fl-iżvilupp tal-bniedem u f’dak soċjali, filwaqt li jindirizzaw il-faqar u l-inugwaljanzi dejjem jikbru, jisfruttaw il-migrazzjoni b’mod għaqli, jimmassimizzaw l-għarfien tad-dijaspora, il-ħiliet intraprenditorjali u l-investiment, u jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-Haiti bħala l-uniku pajjiż l-inqas żviluppat fil-Karibew, bil-ħsieb li jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali tiegħu, filwaqt li jappoġġaw il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tiegħu, itejbu l-governanza u jnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali.

Artikolu 3

Il-multilateraliżmu u l-bini ta’ alleanzi

1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom għall-multilateraliżmu. Huma għandhom itejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, jistabbilixxu pożizzjonijiet komuni fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u ta’ organizzazzjonijiet u fora reġjonali u internazzjonali oħrajn.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-konsultazzjonijiet biex jibnu alleanzi strateġiċi fuq kwistjonijiet globali ta’ tħassib komuni, inkluż it-tibdil fil-klima, il-governanza tal-oċeani, l-iżvilupp sostenibbli, l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali, id-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet relatati mal-paċi u s-sigurtà, u l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS, small island developing states) fi ħdan l-oqfsa ta’ politika globali rilevanti.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għal, kif xieraq, u jimplimentaw trattati u konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli u rilevanti ewlenin.

Artikolu 4

L-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali fir-reġjun tal-Karibew bħala mezz importanti biex jinkisbu l-paċi u l-prosperità, jinbnew ekonomiji u soċjetajiet sostenibbli u reżiljenti u tiżdied il-kompetittività fis-swieq internazzjonali. Huma għandhom jappoġġaw l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ politiki u kapaċità domestiċi komplementari u, b’hekk, jikkontribwixxu għat-trawwim tal-istabbiltà, il-koeżjoni u l-prosperità reġjonali fil-Karibew.

2.   Il-Partijiet jaqblu li javvanzaw ir-rikonoxximent universali tal-Karibew bħala żona ta’ paċi. Huma għandhom jippromwovu wkoll l-iżvilupp sostenibbli tal-Baħar tal-Karibew fid-dawl tar-rwol tiegħu bħala faċilitatur tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali fir-reġjun.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali u ma’ pajjiżi u territorji li jħaddnu l-istess valuri u li huma lesti u kapaċi jippromwovu għanijiet komuni, filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku tar-reġjun tal-Karibew kollu kemm hu. Huma għandhom jappoġġaw, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ approċċi reġjonali għal kwistjonijiet ta’ interess komuni, inkluż mal-Karibew usa’ u mal-Amerika Latina.

Kapitolu 2

Atturi u proċessi

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

1.   L-istituzzjonijiet stabbiliti minn dan il-Protokoll, li l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tagħhom huma definiti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, huma kif ġej:

(a)

il-Kunsill tal-Ministri Karibew-UE;

(b)

il-Kumitat Konġunt Karibew-UE;

(c)

l-Assemblea Parlamentari Karibew-UE.

2.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jiltaqgħu fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern biex jipprovdu tmexxija politika strateġika għal, u sorveljanza ta’, is-sħubija Karibew-UE.

Artikolu 6

Il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej u r-reġjuni ultraperiferiċi fir-reġjun tal-Karibew

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-rabtiet ekonomiċi, kulturali u bbażati fuq in-nies mill-qrib u storiċi bejn il-Membri tal-OSAKP tal-Karibew u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej assoċjati mal-UE u mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (‘Outermost Regions’ — ORs). Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tar-rwol tal-PTEE u tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-proċessi ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet reġjonali, fejn xieraq, speċjalment fl-oqsma ta’: l-kummerċ, l-investiment u l-kooperazzjoni ekonomika; l-iżvilupp tas-settur privat; l-enerġija; il-konnettività u d-diġitalizzazzjoni; l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali; u t-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà ambjentali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u t-turiżmu.

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-PTEE fir-reġjun tal-Karibew għandhom jingħataw ir-rwol ta’ osservaturi fl-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti minn dan il-Protokoll.

Artikolu 7

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, biex jinfurmawhom, jagħtuhom pariri u jikkonsultawhom, u biex jiżguraw il-kontribut tagħhom fil-proċessi politiċi u għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-konsultazzjoni u d-djalogu għandhom isiru bil-ħsieb li jiġu pprovduti kontributi għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri Karibew-UE.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u monitoraġġ

1.   Il-Partijiet għandhom jimplimentaw l-impenji tagħhom fl-aktar livell xieraq, f’konformità mal-oqfsa ta’ politika rispettivi tagħhom. Huma għandhom jiżviluppaw u japplikaw miżuri biex jimmassimizzaw l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u jsaħħu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati interessati kollha.

2.   Il-Partijiet għandhom jimmonitorjaw u jirrevedu dan il-Protokoll biex jiżguraw li l-implimentazzjoni taderixxi bis-sħiħ mal-prinċipju ta’ sħubija ġenwina u taqbel mal-prijoritajiet strateġiċi tagħha. Huma jistgħu jirreveduh fuq bażi regolari u, kif maqbul b’mod reċiproku, jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari għal oqsma ġodda ta’ involviment, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 99 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

PARTI II

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I

It-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv

Artikolu 9

Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv permezz ta’ trasformazzjoni u diversifikazzjoni ekonomiċi, reżiljenza ekonomika msaħħa, integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali avvanzati, relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali msaħħa, u tranżizzjoni mtejba lejn okkupazzjoni sħiħa u xogħol deċenti għal kulħadd. Huma għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw flussi akbar ta’ kummerċ u investiment, billi jtejbu l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja u l-ambjent tan-negozju, biex jippromwovu t-trasformazzjoni diġitali, javvanzaw l-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni tas-settur privat, u jippromwovu ekonomiji b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għall-klima, filwaqt li jiżguraw li n-nies kollha jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali miftuħa. Huma għandhom jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ewlenin tax-xogħol, inkluż permezz ta’ djalogu soċjali, jippromwovu s-sostenibbiltà ambjentali u jrawmu l-prosperità kondiviża. Huma jaqblu li jikkonċentraw l-isforzi fuq setturi ekonomiċi ewlenin u emerġenti, b’effett multiplikatur fuq it-tkabbir sostenibbli, iż-żieda fil-valur, il-ħolqien tal-impjiegi u l-qerda tal-faqar.

Kapitolu 1

Qafas ekonomiku ġenerali

Artikolu 10

Faċilitaturi tal-iżvilupp ekonomiku

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja, isaħħu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u jaħdmu lejn is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku. Huma għandhom jappoġġaw l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomiċi reġjonali sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn integrazzjoni aktar profonda fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali. Huma għandhom jarmonizzaw u jissimplifikaw ir-regolamenti u l-proċessi tan-negozju, jadottaw politiki tajbin dwar il-kompetizzjoni, inkluża t-trasparenza fuq is-sussidji pubbliċi, u jiżguraw sistemi tat-taxxa effettivi u prevedibbli, inkluż fil-livell intrareġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom joħolqu ambjent legali abilitanti, isaħħu l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-sistemi ġudizzjarji, itejbu l-klima tan-negozju permezz ta’ riforma tar-rekwiżiti regolatorji, itejbu l-aċċess għall-finanzjament, u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-art u tal-proprjetà, u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki li jtejbu r-rilevanza, l-effiċjenza u l-effettività tas-swieq tax-xogħol u jappoġġaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol, inkluża d-dimensjoni intrareġjonali tagħha. Huma għandhom jippromwovu l-edukazzjoni ta’ kwalità u l-iżvilupp tal-ħiliet u għandhom jiżviluppaw edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali xierqa. Huma għandhom jiżguraw li l-progress fil-kapital uman jiġi adattat għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-swieq tax-xogħol u jittejjeb bl-involviment tas-settur privat.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ewlenin bħall-enerġija, it-trasport, l-ilma u s-sanità u l-konnettività diġitali. Huma għandhom jikkooperaw biex jisfruttaw l-opportunitajiet li jinħolqu mill-avvanz teknoloġiku u mill-ekonomija diġitali, inkluż fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), inkluż permezz ta’ servizzi bankarji u mhux bankarji regolati. Huma għandhom jiżviluppaw u jsaħħu s-servizzi finanzjarji diġitali, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mtejba fuq l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali miftiehma u l-iżgurar ta’ swieq effiċjenti u affidabbli, il-protezzjoni tal-konsumatur u aċċess akbar għal servizzi finanzjarji bbażati fuq il-mowbajl.

6.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-forom kollha ta’ tniġġis li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi, inkluż permezz ta’ definizzjoni ċara u attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet lill-industrija u lill-operaturi tan-negozju matul il-katina tal-provvista abbażi tal-prinċipji tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u ta’ min iniġġes iħallas. Huma għandhom jappoġġaw inizjattivi ta’ tkabbir ekoloġiku, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u proċessi industrijali nodfa u li jirrispettaw l-ambjent.

7.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw l-ekonomija ċirkolari billi jippromwovu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tar-riżorsi, inkluż permezz ta’ kapaċità xjentifika u teknoloġika msaħħa, standards, skambju tal-aħjar prattika u r-razzjonalizzazzjoni ta’ sussidji tal-fjuwils fossili ineffiċjenti.

8.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u jieħdu azzjoni biex jappoġġaw l-użu akbar tat-teknoloġija u tal-innovazzjonijiet biex joħolqu valur akbar fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali.

Artikolu 11

L-investiment

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-investiment pubbliku u privat, speċjalment f’setturi b’valur miżjud b’potenzjal għoli għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u tkabbir ekonomiku għoli.

2.   Il-Partijiet għandhom jarmonizzaw u jissimplifikaw ir-regoli, il-proċeduri u r-rekwiżiti relatati mal-investiment. Għal dak l-għan, huma għandhom jipprijoritizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-MSMEs. Huma għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ politiki, strateġiji u għodod ta’ investiment reġjonali.

3.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-investiment fil-Karibew, inkluż billi jsaħħu l-miżuri ta’ faċilitazzjoni tan-negozju. Huma għandhom jappoġġaw ukoll l-investiment billi jtejbu t-trasparenza, l-informazzjoni u l-għarfien mill-investituri dwar l-opportunitajiet ta’ negozju u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri ta’ investiment. Huma għandhom jiffaċilitaw it-tisħiħ tal-analiżi teknika u tal-ħiliet dwar ix-xejriet ekonomiċi u l-ġestjoni tar-riskju għall-investiment.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu użu strateġiku mill-finanzi pubbliċi biex isaħħu l-mekkaniżmi u l-istrumenti ta’ investiment u biex jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u privat addizzjonali, inkluż permezz ta’ finanzi mħallta, garanziji u strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn, filwaqt li jqisu b’mod xieraq is-sostenibbiltà tad-dejn.

Artikolu 12

L-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni tas-settur privat

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat u l-industrijalizzazzjoni sostenibbli, u għandhom ifasslu politiki biex itejbu l-intraprenditorija, id-diversifikazzjoni u l-produttività. Huma għandhom jappoġġaw aktar il-kompetittività tal-intrapriżi, fost l-oħrajn permezz ta’ kapaċità ta’ konformità msaħħa biex jiġu applikati standards internazzjonali rilevanti, miżuri ta’ innovazzjoni msaħħa u aċċess imtejjeb għal finanzjament innovattiv. Huma għandhom jippromwovu l-kapaċità istituzzjonali biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika kummerċjali u ekonomika.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità wkoll lill-iżvilupp tal-intraprenditorija tan-nisa u taż-żgħażagħ, b’mod partikolari billi jiżviluppaw appoġġ u taħriġ immirati għan-negozju, u l-aċċess għal teknoloġija u finanzi affordabbli u affidabbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tkabbir u l-kompetittività tal-MSMEs, jippromwovu l-iżvilupp ta’ negozju reġjonali, u jiffaċilitaw il-kuntatti minn negozju għal negozju bejn l-operaturi ekonomiċi fil-Karibew u fl-UE.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lis-settur informali u jaġġornaw l-attivitajiet ekonomiċi informali f’dawk formali, inkluż permezz ta’ appoġġ immirat għall-iżvilupp tan-negozju.

5.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ korpi kummerċjali u professjonali tas-settur privat reġjonali, permezz ta’, inter alia, kapaċità teknika, ta’ riċerka, ta’ promozzjoni tal-politika u istituzzjonali mtejba.

6.   Il-Partijiet għandhom jagħtu spinta lid-diġitalizzazzjoni u għandhom jippromwovu inizjattivi ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’setturi ekonomiċi ewlenin, inkluż billi jsaħħu l-konnessjonijiet bejn l-industrija, ir-riċerka u l-istituzzjonijiet akkademiċi, biex itejbu l-volum ta’ prodotti ta’ valur għoli, itejbu l-kompetittività u jiżviluppaw swieq ġodda.

7.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aktar sħubijiet pubbliċi-privati bħala mezzi għall-mobilizzazzjoni tal-kapital domestiku u barrani.

8.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u proċessi industrijali aktar nodfa u li jirrispettaw l-ambjent.

9.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp industrijali bil-għan li jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma għandhom jadottaw politiki mfassla biex jiffaċilitaw it-tkabbir u l-opportunitajiet industrijali, notevolment permezz tal-ħolqien ta’ konnessjonijiet u attivitajiet li jżidu l-valur. Huma għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw politiki industrijali nazzjonali u reġjonali sostenibbli biex itejbu l-kompetittività tas-settur privat, b’mod partikolari fil-manifattura u l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija medja u avvanzata. Huma għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji xierqa biex javvanzaw id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom fil-produzzjoni ta’ prodotti industrijali ta’ valur għoli.

10.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu użu usa’ tal-muniti rispettivi tagħhom fi tranżazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 13

Il-kooperazzjoni kummerċjali

1.   Il-Partijiet għandhom javvanzaw il-proċessi ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali fil-Karibew, inkluż permezz ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ imsaħħa u armonizzazzjoni regolatorja biex il-pajjiżi u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kummerċ mal-ġirien tagħhom u jrawmu l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali ewlenin. Huma għandhom jieħdu passi konkreti biex jappoġġaw l-iżvilupp kemm tas-Suq u l-Ekonomija Uniċi tal-CARICOM (CSME) u l-Unjoni Ekonomika tal-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant (OECS).

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-‘FSE CARIFORUM-UE’) biex isaħħu l-effettività tiegħu bħala għodda għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u li tiżgura r-rilevanza kummerċjali tiegħu. Għal dak l-għan, huma għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-mekkaniżmi, il-proċeduri u l-istituzzjonijiet biex itejbu l-kapaċitajiet produttivi u regolatorji reġjonali u nazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw ukoll biex jistabbilixxu politiki ta’ appoġġ xierqa biex jiffaċilitaw flussi kummerċjali akbar, inkluż permezz ta’ produzzjoni u intraprenditorija msaħħa, infrastruttura ta’ kwalità, oqfsa ta’ appoġġ diġitali mtejba, investiment akbar f’setturi li jżidu l-valur u l-iżvilupp ta’ kummerċ elettroniku effettiv.

3.   Il-Partijiet għandhom irawmu l-kummerċ fi ħdan ir-reġjun usa’ tal-Karibew, inklużi l-PTEE assoċjati mal-UE u territorji oħrajn, bħala mezz biex jippromwovu l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO u jiffaċilitaw il-kummerċ permezz ta’, inter alia, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ biex inaqqsu kemm l-ispejjeż tal-kummerċ kif ukoll il-piż regolatorju finanzjarju tal-MSMEs.

5.   Il-Partijiet għandhom isegwu trattament speċjali u differenzjali innovattiv għal ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali ġodda, fejn applikabbli, pereżempju billi jiżguraw li l-flessibbiltajiet fl-impenji kummerċjali jkunu jirriflettu l-ħtiġijiet tal-kapaċità ta’ implimentazzjoni murija.

Kapitolu 2

Setturi ekonomiċi prijoritizzati

Artikolu 14

Is-servizzi

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kapaċità regolatorja u produttiva tas-subsetturi ewlenin tas-servizzi permezz ta’, inter alia, l-iżvilupp ta’ politiki settorjali, oqfsa leġiżlattivi u kapaċità ta’ regolamentazzjoni reġjonali u nazzjonali biex il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet tas-suq taħt l-FSE CARIFORUM-UE, is-CSME, l-OECS u arranġamenti oħrajn reġjonali intra-Karibew. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-servizzi professjonali, konvenzjonali, tal-ipproċessar tad-data, l-industriji rikreattivi, kulturali u kreattivi, u lis-servizzi sportivi, edukattivi, finanzjarji, tal-komunikazzjoni, awdjoviżivi, tat-trasport, ambjentali u turistiċi.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw strateġiji u politiki xierqa biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament tal-kummerċ u għas-servizzi finanzjarji. Huma għandhom itejbu wkoll il-kapaċità li jiġbru, jaħżnu, ixerrdu u janalizzaw data u statistika dwar il-kummerċ fis-servizzi.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu u jsaħħu r-rwol tas-servizzi fil-kompetittività kummerċjali u japprofondixxu l-ktajjen tal-valur permezz ta’, inter alia, it-trawwim tal-innovazzjoni fil-manifattura relatata mas-servizzi u t-titjib tar-rwol tas-servizzi bħala inputs fil-produzzjoni tal-oġġetti.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-titjib tal-kapaċità tal-korpi professjonali reġjonali biex jikkontribwixxu għan-negozjati u l-promozzjoni effettiva tal-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku.

Artikolu 15

L-ekonomija blu

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ ‘ekonomiji blu’ sostenibbli u innovattivi. Huma u jagħmlu dan, għandhom ifittxu li jibbilanċjaw it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti ma’ sigurtà mtejba tal-ikel u tan-nutrizzjoni, għajxien imtejjeb, ekwità soċjali u ekosistemi tal-oċeani msaħħa, filwaqt li jnaqqsu r-riskji ambjentali u l-impatti ekoloġiċi negattivi. Huma għandhom jappoġġaw l-applikazzjoni ta’ approċċi ta’ prekawzjoni u bbażati fuq ix-xjenza għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Huma għandhom jippromwovu l-investiment domestiku u barrani, u jiżviluppaw il-qafas regolatorju u l-infrastruttura meħtieġa biex jippromwovu l-attivitajiet tal-ekonomija blu. Huma għandhom jippromwovu wkoll kollaborazzjoni bilaterali u multilaterali biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekonomiji blu sostenibbli u innovattivi.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli, billi jippromwovu ktajjen ta’ valur tas-sajd sostenibbli u l-bini ta’ kapaċitajiet lokali għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd lokalment u jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji tas-swieq internazzjonali, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tas-sajd artiġjanali u jiżguraw kondizzjonijiet tax-xogħol sikuri, tajbin għas-saħħa u deċenti għas-sajjieda u l-ħaddiema.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw akkwakultura sostenibbli, inkluża l-marikultura, permezz ta’ ppjanar spazjali effettiv, aderenza ma’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi u kondizzjonijiet ekwi mtejba għall-investituri, filwaqt li jiżguraw li t-tħassib tal-komunitajiet lokali jiġi indirizzat.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħtfu l-opportunitajiet fil-bijoteknoloġija tal-baħar permezz ta’, inter alia, l-appoġġ għar-riċerka, it-trawwim ta’ kollaborazzjoni fost l-akkademiċi, l-operaturi ekonomiċi u dawk li jfasslu l-politika, il-promozzjoni tat-trasferiment teknoloġiku u t-tnaqqis tal-ostakli tekniċi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-investituri, filwaqt li jiġu evitati r-riskji għall-ambjent tal-baħar.

Artikolu 16

L-agrikoltura

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżidu u jiddiversifikaw il-produzzjoni u l-produttività agrikola sostenibbli bil-ħsieb li jtejbu s-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, itejbu l-għajxien, joħolqu impjiegi deċenti u jespandu l-introjtu billi jaċċessaw swieq reġjonali u internazzjonali. Huma għandhom isaħħu l-prattiki tal-biedja reżiljenti għall-klima, speċjalment f’azjendi żgħar, jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u s-servizzi tal-ekosistema, u jeliminaw l-inċentivi li jiġġeneraw produzzjoni mhux sostenibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-riċerka, it-taħriġ, ix-xjenza u l-innovazzjoni reġjonali u nazzjonali fl-agrikoltura intelliġenti.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment fis-settur agroalimentari u jiżviluppawh, u għandhom jistabbilixxu regoli u regolamenti li jappoġġaw iż-żieda fl-investiment fis-settur. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu l-opportunitajiet għall-produtturi, għall-proċessuri u għall-esportaturi biex jaċċessaw is-swieq u jirriflettu valur akbar fil-ktajjen tal-valur lokali, reġjonali u globali, inkluż billi jippromwovu l-użu akbar tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni, isaħħu l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw ma’ ostakli mhux tariffarji, partikolarment ostakli tekniċi għall-istandards kummerċjali u sanitarji u fitosanitarji, u jippromwovu skemi tal-kummerċ ġust u tal-prodotti organiċi biex joħolqu valur miżjud fl-ipproċessar agrikolu.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw drittijiet ugwali fuq l-art u l-wirt għan-nisa, itejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzi u għas-swieq, kif ukoll għas-servizzi ta’ appoġġ u għal pariri agrikoli. Huma għandhom jappoġġaw ukoll l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-għoti ta’ servizzi ta’ estensjoni mmirati, teknoloġija u finanzjament.

Artikolu 17

L-industriji estrattivi

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-estrazzjoni sostenibbli u l-kummerċ tal-minerali u tal-materja prima, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ is-sovranità tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u jħarsu d-drittijiet tal-komunitajiet affettwati. Huma għandhom jippromwovu l-kondiviżjoni ekwa tar-riżorsi u jiġġieldu l-isfruttament illegali tar-riżorsi minerali permezz ta’ mezzi legali nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ġestjoni responsabbli tal-industriji estrattivi, f’konsistenza mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u ma’ impenji reġjonali u internazzjonali rilevanti oħrajn.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju tul il-katina tal-valur kollha, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, fejn xieraq, filwaqt li jqisu l-istandards internazzjonali rilevanti.

Artikolu 18

L-enerġija sostenibbli

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu s-sigurtà tal-enerġija, jiggarantixxu l-aċċess għal enerġija sostenibbli għal kulħadd, inkluż għall-aktar konsumaturi vulnerabbli u għal setturi ekonomiċi ewlenin, u biex jibnu r-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija sabiex itejbu l-aċċessibbiltà, id-durabbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija nadifa.

2.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw swieq tal-enerġija miftuħa, trasparenti u li jiffunzjonaw li jixprunaw investiment inklużiv u sostenibbli, speċjalment fil-ġenerazzjoni u l-koġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Huma għandhom jikkooperaw fit-tisħiħ tal-intraprenditorija fis-settur.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżidu l-investiment pubbliku u privat fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jagħtu attenzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi tal-enerġija nazzjonali u reġjonali rilevanti u sistemi infrastrutturali ta’ kwalità li joffru appoġġ.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija, mill-ġenerazzjoni sal-konsum.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu u jsaħħu interkonnessjonijiet tal-enerġija effettivi u biex jippromwovu t-tranżizzjoni tal-enerġija tar-reġjun tal-Karibew permezz tal-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa, differenti, kosteffettivi u sostenibbli, inklużi teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi, biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija, u biex jiżviluppaw il-kapaċità umana u teknika u r-riċerka u l-innovazzjoni.

Artikolu 19

Il-konnettività

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-konnettività intrareġjonali sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu l-konnessjonijiet tat-trasport u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technologies) u l-infrastruttura diġitali b’mod reżiljenti u sostenibbli. Huma għandhom ikomplu jfittxu opportunitajiet ekonomiċi permezz ta’, inter alia, it-tisħiħ tal-kapaċità teknika u umana tal-atturi ewlenin.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw lejn l-iżvilupp ta’ trasport ta’ kwalità u sostenibbli u sistemi ta’ infrastruttura relatati, u b’dan jiffaċilitaw u jtejbu l-moviment tal-persuni, inklużi dawk b’mobilità mnaqqsa, u tal-merkanzija. Huma għandhom jimmiraw li jipprovdu aċċess imtejjeb għall-faċilitajiet tat-trasport rurali, urban, bl-ajru, marittimu, fuq passaġġi fuq l-ilma interni, bil-ferrovija u bit-triq, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni intrareġjonali fir-reġjun tal-Karibew kollu.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment u jtejbu l-governanza ġenerali tas-settur tat-trasport, inkluż billi jeliminaw ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità, u jiżviluppaw u jimplimentaw regolamenti effiċjenti li jippermettu kompetizzjoni ġusta fi ħdan u bejn il-modi tat-trasport.

4.   Il-Partijiet għandhom iżidu l-aċċess għal teknoloġiji tal-ICT li jkunu miftuħin, affordabbli u siguri għal kulħadd, inkluż billi jappoġġaw investiment immirat. Huma għandhom jiżviluppaw l-oqfsa leġiżlattivi u l-istituzzjonijiet regolatorji meħtieġa biex joħorġu l-liċenzji lill-fornituri ta’ servizzi, jippromwovu mġiba kompetittiva, jiżguraw it-trattament ġust tal-konsumaturi, u jappoġġaw il-protezzjoni tad-data u tal-konsumaturi.

5.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-aċċess għal konnettività tal-broadband miftuħa, affordabbli, sigura u affidabbli għal kulħadd u jiżviluppaw infrastruttura diġitali, inkluż permezz ta’ kejbils taħt il-baħar imtejba u teknoloġiji ta’ trażmissjoni moderni oħrajn. Huma għandhom jiżviluppaw oqfsa ta’ politika u regolatorji biex jiffaċilitaw il-liċenzjar effettiv tal-fornituri ta’ servizzi, jippromwovu mġiba kompetittiva u trattament ġust u protezzjoni tal-konsumaturi, u jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-drittijiet tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-istabbiliment ta’ ekonomija diġitali reġjonali biex jiġġeneraw impjiegi deċenti u żvilupp ekonomiku, permezz tal-ħolqien ta’ qafas regolatorju ta’ appoġġ biex jippromwovu l-intraprenditorija diġitali, jimmobilizzaw l-investiment, u jiffaċilitaw it-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni fis-settur privat. Huma għandhom jikkooperaw biex jeliminaw l-ostakli bla bżonn, biex jiżviluppaw pjattaformi ta’ fiduċja elettronika u firma elettronika li jippromwovu aktar kummerċ, biex irawmu l-emerġenza ta’ prodotti ġodda, biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ standards internazzjonali rilevanti, data miftuħa u javvanzaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ data personali.

Artikolu 20

It-turiżmu

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu sabiex jitrawwem żvilupp ekonomiku inklużiv. Huma għandhom jiżguraw l-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet ambjentali, kulturali u soċjali, u l-użu sostenibbli u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u riżorsi naturali oħra fl-ippjanar u l-iżvilupp tal-politika tat-turiżmu.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment biex jippromwovu u jiżviluppaw prodotti u servizzi tat-turiżmu u b’hekk jiġġeneraw impjiegi deċenti, billi joħolqu sħubijiet innovattivi ma’ operaturi ekonomiċi ewlenin, jinvestu fl-iżvilupp tal-kapital uman u fil-kummerċjalizzazzjoni, u jiffaċilitaw il-kuntatti bejn in-negozji biex jagħtu spinta lill-kompetittività u jtejbu l-istandards tas-servizzi. F’dan ir-rigward, huma jaqblu li jagħtu attenzjoni speċjali lill-MSMEs.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-rabtiet bejn is-settur tat-turiżmu u setturi ekonomiċi rilevanti oħra, b’mod partikolari l-agrikoltura, il-manifattura, l-ekonomija blu u t-trasport. Huma għandhom jimmobilizzaw l-investiment fl-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura u s-servizzi bażiċi, it-teknoloġiji diġitali, l-istatistika u l-iżvilupp tal-bniedem, sabiex isaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija tat-turiżmu.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu passi biex jiġġeneraw l-aktar benefiċċji soċjoekonomiċi qawwija mit-turiżmu. Huma għandhom itejbu l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u tar-riżorsi naturali u jippromwovu l-forom innovattivi kollha tat-turiżmu, filwaqt li jirrispettaw l-integrità u l-interessi tal-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u tal-komunitajiet lokali u l-immassimizzar tal-involviment ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-iżvilupp tat-turiżmu.

Artikolu 21

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq ix-xjenza, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, bil-ħsieb li jappoġġaw id-diversifikazzjoni ekonomika, jippromwovu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, itejbu l-kompetittività reġjonali u jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ ekonomija diġitali inklużiva. Huma għandhom jiżviluppaw l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks tar-riċerka, l-infrastruttura u s-servizzi tal-informatika u tad-data xjentifika, u għandhom jippromwovu tali żvilupp fil-kuntest reġjonali tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp tal-kapaċità tar-riċerka, l-infrastruttura u l-faċilitajiet, il-pubblikazzjonijiet u d-data xjentifika. Huma għandhom jippromwovu u jappoġġaw skemi innovattivi ta’ taħriġ u mobilità għall-akkademiċi u r-riċerkaturi. Huma għandhom itejbu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jikkollaboraw b’mod effettiv fir-riċerka u fl-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika, inkluż permezz ta’ aċċess għal skemi ta’ skambji akkademiċi. Huma għandhom jiffaċilitaw ukoll il-kollaborazzjoni fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-intrapriżi. Huma għandhom jippromwovu d-data miftuħa u l-innovazzjoni biex javvanzaw il-progress ekonomiku u biex isegwu eċċellenza xjentifika ta’ benefiċċju reċiproku.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u ta’ soċjetajiet diġitali inklużivi. Huma għandhom jippromwovu l-preservazzjoni u l-użu tal-għarfien tradizzjonali, il-bijodiversità u l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali oħra, u t-trasferiment ta’ teknoloġija u għarfien espert.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-attivitajiet tal-ispazju ċivili, bħar-riċerka spazjali, l-applikazzjoni u s-servizzi tas-sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ awmentazzjoni bis-satellita u l-osservazzjoni tad-dinja u x-xjenza tad-Dinja, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ twissija bikrija u ta’ sorveljanza.

Artikolu 22

Il-kultura u l-industriji kreattivi

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kultura u l-industriji kreattivi bħala xprunaturi tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli u ta’ impjiegi deċenti. Huma għandhom jadottaw miżuri, inter alia, b’appoġġ għall-iżvilupp kreattiv u d-diġitalizzazzjoni tal-prestazzjonijiet u l-produzzjonijiet artistiċi. Huma għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-promozzjoni tal-iżvilupp kulturali u l-intraprenditorija.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ skambji kulturali msaħħa, il-promozzjoni ta’ koproduzzjonijiet, inizjattivi kulturali u kreattivi konġunti, u l-mobilità mtejba ta’ professjonisti kulturali u kreattivi u prattikanti edukattivi alleati. Huma għandhom jappoġġaw iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti b’osservanza sħiħa tal-konvenzjonijiet internazzjonali stabbiliti.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw id-djalogu interkulturali bejn iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u individwi mill-UE u mir-reġjun tal-Karibew.

Artikolu 23

Il-manifattura

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex irawmu manifattura sostenibbli bil-ħsieb li japprofondixxu ż-żieda fil-valur, speċjalment fl-esportazzjoni ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata, biex jiffaċilitaw diversifikazzjoni akbar u biex jimmassimizzaw il-potenzjal tagħha għal konnessjonijiet b’lura ma’ setturi ekonomiċi ewlenin bħall-agrikoltura, l-ekonomija blu, l-industriji u s-servizzi estrattivi.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki biex jattiraw investiment dirett domestiku u barrani fis-settur tal-manifattura. Huma għandhom jippromwovu l-faċilitazzjoni tan-negozju biex javvanzaw il-kollaborazzjoni bejn il-pari, japprofondixxu s-sħubijiet kummerċjali u jiżviluppaw ċentri industrijali, ekosistemi u networks.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw miżuri maħsuba biex iżidu l-kompetittività tas-settur tal-manifattura billi jtejbu l-kapaċità tal-produzzjoni u jindirizzaw restrizzjonijiet bħal nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, defiċits fil-loġistika u fl-infrastruttura, u aċċess limitat għall-finanzi u għall-analiżi tas-suq. Huma għandhom jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, jippromwovu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin u jsaħħu l-konnessjonijiet bejn l-industriji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u akkademiċi.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tisħiħ tal-kummerċ fil-prodotti manifatturati permezz ta’, inter alia, konnessjonijiet imtejba mas-swieq tal-esportazzjoni, kapaċità regolatorja tal-kummerċ imsaħħa, faċilitazzjoni tal-kummerċ, u kapaċità ta’ konformità msaħħa biex jiġu applikati l-istandards internazzjonali tax-xogħol u ambjentali rilevanti.

Artikolu 24

Servizzi kummerċjali u finanzjarji internazzjonali

Il-Partijiet għandhom jaħdmu lejn l-iżvilupp ta’ settur ta’ servizzi kummerċjali u finanzjarji internazzjonali bbażat fuq ir-regoli fil-Karibew permezz ta’, inter alia, appoġġ għall-kooperazzjoni mmirata biex isaħħu l-oqfsa regolatorji tal-Karibew biex jikkonformaw ma’ standards miftiehma fuq livell internazzjonali, jiżviluppaw politiki settorjali xierqa, itejbu l-iżvilupp tal-ħiliet, u jtejbu l-użu tat-teknoloġiji u tad-diġitalizzazzjoni. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li l-istandards miftiehma fuq livell internazzjonali għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni fis-settur tas-servizzi kummerċjali u finanzjarji internazzjonali jiġu implimentati u infurzati fit-territorji tagħhom.

TITOLU II

Is-sostenibbiltà ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturALI

Artikolu 25

Il-Partijiet jirrikonoxxu t-theddida eżistenzjali għall-pajjiżi affettwati u l-impatt fuq l-għajxien li jirriżulta min-natura fit-tul tal-isfidi relatati mas-sostenibbiltà klimatika u ambjentali. Huma għandhom jieħdu azzjoni ambizzjuża biex itaffu t-tibdil fil-klima u jadattaw għalih, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent, u jfittxu l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, sabiex jibnu reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jreġġgħu lura d-degradazzjoni ambjentali. Huma għandhom jadottaw miżuri konkreti biex jindirizzaw it-telfien tal-bijodiversità, iżommu u jirrestawraw l-ekosistemi, jippromwovu l-governanza tal-oċeani, ireġġgħu lura d-deforestazzjoni, u jipprevjenu u jirreaġixxu għal diżastri naturali u perikli antropoġeniċi, inkluż permezz tal-finanzjament għall-klima, il-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini tal-kapaċitajiet, kif xieraq. Huma għandhom jinvestu fi tkabbir ekoloġiku, jippromwovu ekonomiji ċirkolari u jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn żvilupp reżiljenti għall-klima u b’emissjonijiet baxxi, filwaqt li jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jikkomplementa bis-sħiħ is-sostenibbiltà ambjentali. Huma għandhom jikkooperaw fil-livell tar-reġjun usa’ tal-Karibew u jsegwu l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari.

Artikolu 26

Azzjoni klimatika

1.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki u programmi domestiċi komprensivi u inklużivi dwar il-klima, jimplimentaw azzjoni konkreta biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi tagħha, u biex isostnu azzjoni multilaterali dwar it-tibdil fil-klima.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-integrazzjoni ta’ politiki dwar it-tibdil fil-klima u miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fi strateġiji u pjanijiet reġjonali u nazzjonali u djalogi ta’ politika. Huma għandhom jikkooperaw biex jippromwovu azzjoni ta’ adattament, inklużi l-evitar, il-minimizzazzjoni u l-indirizzar tat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima. Huma għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni u ta’ evalwazzjoni biex jittraċċaw il-progress fl-azzjoni klimatika.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iħejju, jikkomunikaw u jaġġornaw b’mod progressiv il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) ambizzjużi, isegwu l-miżuri ta’ mitigazzjoni reġjonali u nazzjonali meħuda biex jilħqu l-għanijiet ta’ tali kontributi u jiżviluppaw strateġiji fit-tul għal żvilupp reżiljenti għall-klima u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ adattament nazzjonali u strateġiji reġjonali u nazzjonali. Huma għandhom jintegraw miżuri ta’ adattament fis-setturi vulnerabbli ewlenin kollha, inklużi l-infrastrutturi, u għandhom jiżviluppaw sistema ta’ governanza effettiva biex jimplimentaw azzjonijiet ta’ adattament u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien u prattiki tajbin dwar it-tibdil fil-klima fil-livelli reġjonali u nazzjonali.

5.   Il-Partijiet għandhom jaġixxu biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż mill-attivitajiet tal-avjazzjoni u tat-tbaħħir, f’konformità mal-impenji u l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi dawk skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

6.   Il-Partijiet, filwaqt li jqisu t-theddid li joħloq it-tibdil fil-klima għall-paċi u s-sigurtà u l-benesseri tan-nies u tal-komunitajiet, għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni u jippromwovu miżuri li jibnu reżiljenza għall-indirizzar tal-vulnerabbiltà tagħhom.

7.   Il-Oartijiet għandhom jippromwovu l-eliminazzjoni gradwali tal-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi skont il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987, billi jikkooperaw biex jappoġġaw ir-ratifika tal-Emenda ta’ Kigali tiegħu u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tagħha.

8.   Il-Partijiet għandhom jirrazzjonalizzaw u jeliminaw gradwalment is-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali u jimminimizzaw l-impatti negattivi possibbli b’mod li jipproteġi lill-komunitajiet foqra u vulnerabbli. Huma għandhom jippromwovu l-qalba għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u aktar nodfa f’konformità mal-azzjonijiet skont l-NDCs.

9.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex javvanzaw l-ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u r-reżiljenza għall-klima billi jsaħħu t-tkabbir ekoloġiku f’setturi ekonomiċi ewlenin u emerġenti, inkluż permezz tal-adozzjoni tal-ekoinnovazzjoni, il-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija, l-iżvilupp ta’ standards u l-iskambju tal-aħjar prattiki.

10.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw għodod ta’ finanzjament innovattivi u jallinjaw il-flussi finanzjarji ma’ perkors lejn żvilupp reżiljenti għall-klima u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, b’enfasi fuq finanzjament għall-klima inklużiv li jfittex li jipproteġi lill-ifqar u lil dawk l-aktar vulnerabbli mill-effetti avversi tat-tibdil fil-klima. Huma għandhom jippromwovu strumenti ta’ politika ekonomika li jappoġġaw l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, bħall-ipprezzar tal-karbonju, strumenti bbażati fuq is-suq u taxxi fuq il-karbonju, kif xieraq.

11.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu koordinazzjoni msaħħa fil-livelli kollha tal-gvern biex jimplimentaw impenji ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Huma għandhom ukoll jinkoraġġixxu u jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u jappoġġaw inizjattivi bħall-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-Aċċellerazzjoni tat-Tranżizzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli fis-SIDS.

12.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kapaċità xjentifika u teknika umana u istituzzjonali għall-azzjoni klimatika u l-ġestjoni u l-monitoraġġ ambjentali tagħhom, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji spazjali u sistemi ta’ informazzjoni u għall-forniment ta’ servizzi klimatiċi komprensivi, b’mod partikolari lil partijiet ikkonċernati vulnerabbli.

Artikolu 27

Il-bijodiversità, l-ekosistemi u r-riżorsi naturali

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-ekosistemi, inkluż bil-ħsieb li jtejbu l-għajxien għall-popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), u l-komunitajiet lokali, filwaqt li jtejbu l-għoti ta’ servizzi tal-ekosistema, filwaqt li jippermettu l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi tagħhom. Huma għandhom jipproteġu, jirrestawraw u jtejbu l-bijodiversità u għandhom jieħdu miżuri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, magħmul f’Nagoya fid-29 ta’ Ottubru 2010. Huma għandhom jikkollaboraw f’negozjati multilaterali fuq il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, tal-ekosistemi u tal-bijodiversità. Huma jirrikonoxxu li l-Baħar tal-Karibew jinkludi ekosistemi fraġli u bijodiversità unika u, għalhekk, għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw il-protezzjoni tagħhom. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jevitaw jew inaqqsu l-impatt ta’ speċijiet aljeni invażivi fuq l-ispeċijiet lokali u tal-ekosistemi fuq l-għajxien tan-nies.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma integrati sostenibbli, jippreservaw u jipproteġu s-sorsi tal-ilma u l-ekosistemi, jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi, jindirizzaw id-degradazzjoni tal-art u t-tniġġis tal-ilma u r-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art, u jindirizzaw l-inċertezza dwar id-disponibbiltà tal-ilma permezz ta’ sistemi ta’ ġbir u ħżin.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimmaniġġjaw u jipproteġu l-ħamrija b’mod sostenibbli bil-ħsieb li jippreservaw ir-rwol kritiku tagħha, inter alia, fl-agrikoltura, fl-akkomodazzjoni u fl-infrastruttura, kif ukoll fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għall-impatti tiegħu u biex isservi bħala riżerva naturali tal-ilma tax-xita.

4.   Il-Partijiet għandhom jipproteġu l-organiżmi selvaġġi u għandhom jiġġieldu kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi billi jappoġġaw l-adozzjoni u l-infurzar ta’ politiki u liġijiet li jagħmluh reat serju. Huma għandhom isaħħu l-miżuri kontra l-kaċċa illegali u l-monitoraġġ tal-infurzar tal-liġi, u jippromwovu l-koordinazzjoni internazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC, International Consortium to Combat Wildlife Crime), il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES, Convention on International Trade in Endangered Species), magħmula f’Washington fit-3 ta’ Marzu 1973, u oqfsa internazzjonali rilevanti oħra. Huma għandhom jieħdu passi biex iqajmu kuxjenza pubblika, jedukaw u jinfluwenzaw lill-konsumaturi, jeqirdu l-ħażniet ta’ organiżmi selvaġġi u prodotti ta’ organiżmi selvaġġi li jkunu ttraffikati illegalment, isaħħu r-rwol tal-komunitajiet lokali u jippromwovu diplomazija u promozzjoni ta’ profil għoli dwar il-ħtieġa li jiġu protetti l-organiżmi selvaġġi.

5.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jistabbilixxu u jaġġornaw l-oqfsa regolatorji u l-mekkaniżmi ta’ infurzar meħtieġa biex itejbu l-immaniġġjar tal-iskart u tas-sustanzi perikolużi kollha. Huma għandhom jikkollaboraw biex jipprevjenu jew jimminimizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors, u biex itejbu l-użu mill-ġdid tal-prodott, ir-riċiklabbiltà u l-effiċjenza fir-riżorsi, inkluż permezz ta’ sistemi effiċjenti ta’ ġbir u riċiklaġġ effettiv sabiex jadattaw il-produzzjoni u l-konsum għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu jew jimminimizzaw is-sustanzi perikolużi fiċ-ċikli tal-materjal u jimmaniġġjaw is-sustanzi kimiċi fil-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu l-immaniġġjar xieraq ta’ sustanzi perikolużi u kontaminanti nukleari u biex iwaqqfu l-moviment transkonfinali illeċitu ta’ dawn is-sustanzi u kontaminanti fil-Baħar tal-Karibew.

6.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-forom kollha ta’ tniġġis u għandhom iqajmu kuxjenza dwar ir-riskji tat-tniġġis tal-arja għas-saħħa pubblika u għall-ambjent u l-bosta benefiċċji ta’ kwalità tal-arja mtejba, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika.

7.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiżviluppaw oqfsa biex jipproteġu l-ekosistemi fraġli u l-bijodiversità, inkluż billi jappoġġaw miżuri għall-ġlieda kontra reati ambjentali. Huma għandhom jikkooperaw fir-riċerka, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, inkluż billi jistabbilixxu ċentri ta’ għarfien u sħubijiet ta’ riċerka. Huma għandhom jippromwovu l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali bħala mezz biex jiġi minimizzat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent. Huma għandhom isaħħu l-involviment tal-popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u tal-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni tal-ekosistemi, filwaqt li jagħtu prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi oħrajn.

Artikolu 28

Il-foresti

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u l-użu tar-riżorsi tal-forestrija. Huma għandhom jikkooperaw biex ireġġgħu lura d-deforestazzjoni, jappoġġaw ir-riforestazzjoni, iwaqqfu d-degradazzjoni tal-foresti u jirrestawraw l-abilità tal-foresti biex jipprovdu servizzi tal-ekosistema.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ktajjen ta’ valur sostenibbli tal-prodotti tal-foresti, jagħtu prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi u lill-isfruttar tal-opportunitajiet ekonomiċi fil-konservazzjoni tal-ekosistemi. Huma għandhom jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat, u għandhom jippromwovu operazzjonijiet ta’ estrazzjoni responsabbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ sostenibbiltà, bħall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT, Forest Law Enforcement, Governance and Trade), inkluż billi jikkonkludu u/jew jimplimentaw Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja. Huma għandhom isaħħu l-koerenza u l-interazzjonijiet pożittivi fil-livell tal-pajjiżi bejn il-mekkaniżmi ta’ sostenibbiltà u l-Qafas ta’ Varsavja għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet għad-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+, Reducing Emissions for Deforestation and Forest Degradation).

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-involviment tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Huma għandhom joħolqu għarfien pubbliku dwar id-deforestazzjoni fil-livelli kollha u jinkoraġġixxu l-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli.

Artikolu 29

Il-governanza tal-oċeani

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-governanza tal-oċeani f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, UN Convention on the Law of the Sea) biex jiżguraw oċeani sikuri, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-oċeani u l-ibħra u jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu. Huma għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali biex jiġġestixxu r-riżorsi oċeaniċi u kostali b’mod responsabbli u akkontabbli, jiżviluppaw miżuri għall-użu, il-ġestjoni u l-konservazzjoni sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni fi ħdan u lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, jippromwovu l-għarfien u r-riċerka, u jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija dwar il-governanza tal-oċeani. Huma għandhom jieħdu azzjoni relatata mal-oċeani li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali, u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs).

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’, inter alia, l-adozzjoni tal-oqfsa regolatorji meħtieġa, il-ġestjoni mtejba, il-konformità, il-kapaċitajiet tal-konformità u tal-infurzar, l-aċċess imtejjeb għall-finanzjament, il-promozzjoni tal-aħjar prattiki u t-trasferiment tat-teknoloġija. Huma għandhom iżommu jew jadottaw inizjattivi biex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU, illegal, unreported and unregulated), inkluża, fejn xierqa, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ traċċabbiltà u ta’ miżuri biex jeskludu prodotti IUU mill-flussi kummerċjali. Huma għandhom jippromwovu u jimplimentaw b’mod effettiv il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u miżuri ta’ infurzar relatati biex jiżguraw il-konformità, sabiex jiġu kkonservati l-istokkijiet tal-ħut u jiġi evitat is-sajd żejjed, f’konformità mal-UNCLOS.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprojbixxu ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, jeliminaw is-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd IUU u joqogħdu lura milli jintroduċu tali sussidji ġodda, filwaqt li jirrikonoxxu li trattament speċjali u differenzjali xieraq u effettiv għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għal dawk l-inqas żviluppati jenħtieġ li jkun parti integrali min-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd tad-WTO u kwalunkwe ftehim sussegwenti li jista’ jirriżulta.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippreservaw u jirrestawraw l-ekosistemi kostali u tal-baħar u l-bijodiversità tagħhom, u jippromwovu l-valorizzazzjoni tal-kapital naturali tal-baħar u kostali. Huma għandhom jiżviluppaw miżuri biex jipprevjenu u jtaffu l-impatt tal-aċidifikazzjoni tal-oċeani fuq l-ekosistemi tal-bijodiversità tal-baħar, inklużi s-sikek tal-qroll, dwar is-sostenibbiltà tas-sajd u dwar l-għajxien tal-komunitajiet kostali li jiddependu fuq ir-riżorsi tal-baħar.

6.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw it-tniġġis tal-baħar, inkluż it-tniġġis akustiku, u jnaqqsu l-iskart fil-baħar, speċjalment il-plastik u l-mikroplastiks. Huma għandhom jimmiraw il-kawżi ewlenin taż-żibel fil-baħar, inkluż permezz ta’ politiki u miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-iskart. Huma għandhom iżidu l-operazzjonijiet ta’ tindif tal-oċeani u tal-kosta, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni ta’ akkumulazzjoni fil-vortiċi tal-oċeani.

7.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw ir-regolamentazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-industrija marittima, u jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni urġenti tal-istrateġija inizjali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti.

8.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw miżuri ta’ konservazzjoni u għodod ta’ ġestjoni bbażati fuq iż-żona biex jipproteġu u jirrestawraw iż-żoni u r-riżorsi kostali u tal-baħar, inklużi ż-żoni protetti tal-baħar, b’mod konsistenti mad-dritt nazzjonali u internazzjonali u abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli u l-għarfien tal-komunitajiet lokali.

9.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-aspetti kollha tal-governanza tal-oċeani, inkluż dwar kwistjonijiet relatati maż-żieda fil-livell tal-baħar u l-effetti u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha.

10.   Il-Partijiet jirrikonoxxu t-tħassib ġenerali li tqajjem dwar l-impatt tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar u l-bijodiversità tiegħu. Huma għandhom jużaw l-aħjar xjenza disponibbli, japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ tal-ekosistema, jippromwovu r-riċerka u jikkondividu l-aħjar prattiki fl-oqsma ta’ interess reċiproku relatati mar-riżorsi minerali ta’ qiegħ il-baħar, sabiex jiżguraw ġestjoni ambjentali tajba tal-attivitajiet għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-bijodiversità tiegħu.

Artikolu 30

Reżiljenza għad-diżastri naturali u ġestjoni komprensiva tad-diżastri

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jibnu r-reżiljenza tan-nies, tas-soċjetajiet u tal-infrastruttura għad-diżastri naturali, u jżidu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, twissija bikrija u valutazzjoni tar-riskji biex itejbu l-miżuri ta’ prevenzjoni, mitigazzjoni, tħejjija, rispons u rkupru f’konformità mal-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 (il-‘Qafas ta’ Sendai’).

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu r-reżiljenza permezz ta’ investiment fil-prevenzjoni u t-tħejjija tar-riskju ta’ diżastri, l-integrazzjoni tal-isforzi għat-tnaqqis tar-riskju f’azzjonijiet ta’ rkupru u l-promozzjoni tal-assigurazzjoni tar-riskju finanzjarju u soluzzjonijiet affordabbli għat-trasferiment tar-riskju. Huma għandhom jippromwovu l-ġbir u l-użu ta’ statistika dwar id-diżastri u data dwar it-telf, il-valutazzjoni komprensiva tar-riskju u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ tnaqqis tar-riskju fil-livelli kollha.

3.   Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri biex isaħħu r-rabta bejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas ta’ Sendai. Huma għandhom jagħtu prijorità lir-reżiljenza għall-klima u għall-perikli naturali fil-qalba tal-isforzi kollha ta’ rikostruzzjoni u ta’ rkupru, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ approċċ ta’ ‘bini mill-ġdid aħjar’.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-impatt tad-diżastri naturali u l-perikli antropoġeniċi permezz tal-għoti f’waqtu u effiċjenti ta’ assistenza u għajnuna umanitarja.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-governanza tar-riskju inklużiva fil-livelli kollha. Huma għandhom iżidu wkoll il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, twissija bikrija u valutazzjoni tar-riskji u jtejbu l-miżuri ta’ prevenzjoni, mitigazzjoni, tħejjija, rispons u rkupru domestiċi u reġjonali, inklużi l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni ċivili biex tissaħħaħ il-kapaċità għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri reġjonali u nazzjonali u ċ-ċentri ta’ eċċellenza tal-innovazzjoni fil-klima. Huma għandhom jippromwovu l-involviment tal-komunitajiet affettwati, tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ reazzjonijiet ta’ politika, billi jiffokaw fuq l-aktar unitajiet domestiċi u gruppi vulnerabbli u emarġinati.

6.   Il-Partijiet għandhom itejbu r-reżiljenza ambjentali permezz ta’, inter alia, l-appoġġ għall-użu tal-ICT u tat-teknoloġiji spazjali biex jaċċelleraw il-proċessi ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għad-diżastri u l-rkupru minnhom. Huma għandhom irawmu opportunitajiet biex isaħħu r-riċerka u jxerrdu l-aħjar prattiki dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastru.

TITOLU III

Id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza, il-paċi u s-sigurtà

Artikolu 31

Il-Partijiet għandhom irawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni bl-għan li jsaħħu s-sigurtà fid-dimensjonijiet kollha tagħha u jiksbu soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti. Huma għandhom jippromwovu u jipproteġu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, jibnu istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti, isaħħu s-sistemi tal-governanza u tal-ġustizzja u jiggarantixxu spazju adegwat u xieraq li jagħti ċ-ċans lill-individwi u lill-gruppi jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-promozzjoni tad-drittijiet taż-żgħażagħ, tan-nisa u l-bniet u tal-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), tal-anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà. Huma għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jippromwovu s-sigurtà taċ-ċittadini u jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità organizzata, b’mod partikolari fir-rigward tad-drogi illeċiti, is-sigurtà marittima, iċ-ċibersigurtà, il-ħasil tal-flus, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-korruzzjoni, kull forma ta’ traffikar, u l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom.

Kapitolu 1

Id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-governanza

Artikolu 32

Id-drittijiet tal-bniedem

1.   Il-Partijiet għandhom jikkontribwixxu għall-protezzjoni, il-promozzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mad-dritt internazzjonali. Huma għandhom jippromwovu u jikkontribwixxu għar-ratifika u l-implimentazzjoni universali tal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jimplimentaw dawk l-istrumenti li huma jissottoskrivu għalihom u jikkunsidraw l-adeżjoni ma’ dawk li għadhom mhumiex parti minnhom. Huma għandhom japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim li jagħti prijorità lill-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ liġijiet komprensivi dwar l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-protezzjoni legali biex jiżguraw ir-responsabbiltà għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex irawmu l-aċċess għall-ġustizzja, u jipprovdu rimedji xierqa u effettivi għall-vittmi u s-superstiti ta’ tali ksur u abbużi.

3.   Il-Partijiet għandhom javvanzaw l-isforzi biex jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u l-bniet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, jiġġieldu kontra t-tħaddim tat-tfal u l-abbuż tat-tfal u jiġġieldu kull forma ta’ sfruttament tat-tfal.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u jieħdu miżuri aktar b’saħħithom biex jiżguraw l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà.

6.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jiżviluppaw u jappoġġaw mekkaniżmi għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-obbligi ta’ rapportar tagħhom. Huma għandhom jirrikonoxxu u josservaw l-indipendenza tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u jrawmu ambjent sikur u abilitanti fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu joperaw liberament u jkollhom aċċess għal mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali, kif xieraq. Huma għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fi strutturi u proċessi konsultattivi. Huma għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-popli indiġeni fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP). Huma għandhom jiżguraw li l-proċessi konsultattivi jqisu wkoll ir-rwol tal-għarfien tradizzjonali u t-tħassib tal-komunitajiet lokali.

7.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż permezz ta’ sistemi edukattivi u l-midja.

Artikolu 33

L-istat tad-dritt u l-ġustizzja

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-aċċess effettiv u ekwu għall-ġustizzja minn kulħadd u għandhom jikkooperaw fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għal dak l-għan, il-Partijiet għandhom itejbu l-aċċess għas-servizzi legali minn persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-imparzjalità tal-ġudikatura. Huma għandhom isegwu sistemi u proċeduri tal-qrati modernizzati u effiċjenti, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, itejbu l-kapaċità li l-ġustizzja ssir b’mod mgħaġġel u ġust, jiżviluppaw l-użu ta’ mekkaniżmi legali ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, inaqqsu x-xogħol b’lura u d-detenzjoni eċċessiva ta’ qabel il-proċess, jipprovdu taħriġ adegwat u jtejbu l-aċċess mill-prattikanti legali u mill-pubbliku għal-leġiżlazzjoni, għall-ġurisprudenza u għal informazzjoni legali oħra.

3.   Il-Partijiet għandhom jopponu u jikkundannaw kull forma ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, diżumani u degradanti oħrajn. Huma għandhom jipprevjenu u jindirizzaw l-ksur mill-forzi tas-sigurtà, itejbu r-rispett għall-istat tad-dritt tul il-ktajjen ġudizzjarji u tas-sigurtà, inkluż permezz ta’ taħriġ dwar l-etika. Huma għandhom isaħħu l-ġlieda kontra l-impunità u ċ-ċaħda tad-dritt tal-vittmi għall-ġustizzja u r-rimedju, b’enfasi partikolari fuq it-tressiq quddiem il-ġustizzja tal-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimmodernizzaw is-sistemi penitenzjarji u jimmassimizzaw ir-rwol ta’ riabilitazzjoni tagħhom, inkluż billi jtejbu r-rispett għad-drittijiet tal-priġunieri, jimplimentaw programmi ta’ riabilitazzjoni u edukazzjoni, iżidu r-rata ta’ riintegrazzjoni soċjali tal-priġunieri, jappoġġaw il-kura għall-priġunieri, jaħdmu lejn l-eradikazzjoni tal-affollament eċċessiv, itejbu t-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-ħabsijiet f’konformità mal-aħjar prattiki u l-istandards internazzjonali, u jipprovdu alternattivi għall-priġunerija għal reati iżgħar.

Artikolu 34

Il-governanza

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jibnu istituzzjonijiet pubbliċi inklużivi, responsabbli u trasparenti. Huma għandhom isaħħu l-kapaċità għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, jiżviluppaw servizz ċivili responsabbli, effiċjenti, trasparenti u professjonali, isaħħu l-għoti ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità, itejbu l-mekkaniżmi leġiżlattivi u ta’ governanza u jippromwovu l-imparzjalità u l-effettività tal-korpi tal-infurzar tal-liġi.

2.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċitajiet tal-parlamenti u tal-istituzzjonijiet lokali, muniċipali, nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw u jtejbu r-rispett għall-prinċipji u l-prattiki demokratiċi.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-rispett għal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, u jippreservaw u jwessgħu spazju abilitanti għas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jtejbu r-responsabbiltà demokratika.

4.   Il-Partijiet għandhom jaċċelleraw l-użu usa’ tal-infrastruttura tal-governanza elettronika u tas-servizzi diġitali bħala mezz biex itejbu l-aċċess għal, u d-disponibbiltà ta’, servizzi pubbliċi, u b’hekk jappoġġaw l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet pubbliċi responsabbli u trasparenti.

5.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet, il-leġiżlazzjoni u l-mekkaniżmi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni, it-tixħim, il-frodi u r-reati korporattivi, inkluż fuq il-konfiska u r-ritorn ta’ assi rkuprati. Huma għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni tiġi infurzata b’mod effettiv, li jitmexxew investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet imparzjali, u li jiġu applikati sanzjonijiet u pieni effettivi u proporzjonati għall-korruzzjoni u għal reati relatati mal-korruzzjoni. Huma għandhom jippromwovu u jimplimentaw standards u strumenti internazzjonali rilevanti, notevolment il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, magħmula fi New York fil-31 ta’ Ottubru 2003, filwaqt li jirrikonoxxu li l-korruzzjoni hija kwistjoni tranżnazzjonali, li hija marbuta ma’ forom oħrajn ta’ kriminalità tranżnazzjonali u ekonomika, u li tirrikjedi sforzi konġunti u multidixxiplinari anki fil-livelli internazzjonali.

Artikolu 35

Il-finanzi pubbliċi u l-governanza finanzjarja

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, inkluż użu msaħħaħ u effettiv tad-dħul pubbliku, ġestjoni sostenibbli tad-dejn pubbliku, sistemi ta’ akkwist sostenibbli, u appoġġ għall-korpi nazzjonali ta’ sorveljanza. Huma għandhom jippromwovu responsabbiltà, trasparenza, ġustizzja, legalità u integrità akbar fil-ġestjoni tar-riżorsi pubbliċi. Huma għandhom jappoġġaw miżuri maħsuba biex jibnu sistemi ta’ nfiq pubbliku effettivi, ekwi u trasparenti. Huma għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fis-SIDS tal-Karibew, b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza ekonomika msaħħa tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-finanzi pubbliċi, permezz ta’, inter alia, it-titjib tal-kapaċità li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, l-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ politika u miżuri biex jiżdiedu l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa, u l-kollaborazzjoni fil-qafas tan-NU u ta’ korpi rilevanti oħrajn tal-finanzi pubbliċi globali.

3.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u jnaqqsu l-opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali u multilaterali. Il-Partijiet għandhom japplikaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inter alia, fil-promulgazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, fl-iżvilupp ta’ politiki komprensivi, fl-adozzjoni ta’ miżuri konkreti u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi rilevanti.

Kapitolu 2

Il-kriminalità u s-sigurtà

Artikolu 36

Is-sigurtà tal-bniedem u taċ-ċittadini

1.   Il-Partijiet għandhom isegwu approċċ integrat immirat lejn il-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskji tal-kriminalità u l-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jipprosegwixxu, jiġġieldu u jfittxu li jipprevjenu kull forma ta’ vjolenza, inklużi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza domestika. Huma għandhom jimmiraw li jappoġġaw, jassistu u jsaħħu l-pożizzjoni tal-vittmi u tas-superstiti u li jadottaw miżuri biex jiġġieldu l-emarġinazzjoni, il-vittimizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-vjolenza minn gruppi permezz ta’ miżuri komprensivi ta’ tnaqqis tar-riskji, ta’ prevenzjoni u ta’ edukazzjoni, l-għoti ta’ servizzi soċjali adegwati, u azzjonijiet ibbażati fil-komunità għat-tkissir taċ-ċiklu tal-vjolenza, u l-ġenerazzjoni ta’ opportunitajiet alternattivi ta’ għajxien għaż-żgħażagħ u għall-persuni vulnerabbli. Huma għandhom jindirizzaw l-aċċess u l-użu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom bil-ħsieb li jipprevjenu u jnaqqsu l-effetti negattivi tal-vjolenza bl-armi fuq is-soċjetà u n-nies.

4.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-problemi soċjali u ta’ sigurtà maħluqa mid-deportazzjoni ta’ kriminali barranin u individwi li jkunu servew is-sentenzi tagħhom, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw fl-iffaċilitar tar-riabilitazzjoni u tar-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fil-minimizzazzjoni tar-rata ta’ reċidività. Huma għandhom jiżguraw l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni rilevanti dwar id-deportazzjoni permezz tal-mezzi xierqa, f’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja applikabbli, u għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, kif stabbilit f’dan il-Protokoll.

Artikolu 37

Il-kriminalità organizzata

1.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-forom kollha ta’ kriminalità organizzata, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u billi jadottaw miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-protokolli supplimentattivi tagħha. Huma għandhom jikkooperaw biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ rapportar internazzjonali. Il-Partijiet għandhom jiġġieldu l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni, id-drogi illeċiti, l-annimali u l-pjanti selvaġġi fil-periklu, l-iskart u s-sustanzi perikolużi. Il-Partijiet għandhom jindirizzaw ukoll reati ambjentali, inkluż il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat tiegħu. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll biex jiġġieldu t-traffikar ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom u armi konvenzjonali u oġġetti b’użu doppju oħrajn. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jikkooperaw, inter alia, biex isaħħu s-sejbien ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illegali u l-munizzjon tagħhom, filwaqt li jintraċċaw l-oriġini tagħhom, jappoġġaw il-qerda tagħhom, itejbu l-kapaċità li jinvestigaw u jipprosegwixxu b’mod effettiv reati relatati mal-armi u jikkondividu l-aħjar prattiki.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-persuni, javvanzaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-awturi, jikkollaboraw biex jipprevjenu u jidentifikaw każijiet ta’ traffikar tal-persuni u jiżviluppaw miżuri effettivi għar-riintegrazzjoni tal-vittmi fis-soċjetajiet tagħhom. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-vittmi kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom, filwaqt li jqisu l-vulnerabbiltà partikolari tan-nisa u tat-tfal. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża intelliġenza kriminali, u għandhom isaħħu l-kapaċitajiet biex jiżviluppaw politiki u jimplimentaw azzjonijiet biex jindirizzaw it-traffikar tal-persuni u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jiġġieldu l-użu tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u tan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali. Huma għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni, inkluż dwar il-bini tal-kapaċità u forom oħra ta’ assistenza teknika. Huma għandhom jinfurzaw miżuri biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, biex ifixklu l-flussi finanzjarji illeċiti, u b’hekk iċaħħdu lill-kriminali mill-profitti, u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja. Huma għandhom jappoġġaw l-istabbiliment u t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni u tal-korpi nazzjonali għall-irkupru tal-assi, il-konfiska tal-assi kriminali, ir-ritorn u l-mobilizzazzjoni tagħhom għal finijiet ta’ benefiċċju pubbliku, u l-estensjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi u l-faċilitaturi tar-reati.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jipprevjenu u jiġġieldu reati ta’ teknoloġija avvanzata, ċibernetiċi u elettroniċi u d-distribuzzjoni ta’ kontenut illegali online. Huma għandhom isaħħu l-kapaċità biex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità permezz, fost l-oħrajn, tal-akkomunament u t-taħriġ tar-riżorsi umani u t-trawwim tal-kollaborazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika, l-operaturi ekonomiċi u r-riċerkaturi. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ investigaturi taċ-ċiberkriminalità, tal-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità u tax-xjenza forensika diġitali. Huma jirrikonoxxu li l-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità u standards internazzjonali applikabbli oħra jipprovdu bażi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ politiki domestiċi dwar iċ-ċiberkriminalità.

5.   Il-Partijiet jieħdu miżuri biex itejbu r-reżiljenza tal-individwi u tal-komunitajiet għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Huma għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jiskambjaw informazzjoni u għarfien espert dwar gruppi terroristiċi u n-networks ta’ appoġġ tagħhom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-privatezza. Huma għandhom jikkooperaw biex iressqu lill-awturi tat-terroriżmu quddiem il-ġustizzja u għandhom jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ ċittadini ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u ta’ kull Stat Parti tal-Karibew, rispettivament, li jkunu ġew radikalizzati.

Artikolu 38

Drogi illeċiti

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itaffu l-isfidi, inkluż fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa, li jirriżultaw mill-kultivazzjoni, il-produzzjoni u l-konsum ta’ drogi illeċiti u sustanzi psikoattivi, u t-traffikar u t-tranżitu ta’ dawn is-sustanzi mit-territorji tagħhom. Tali kooperazzjoni għandha tkun fuq livell bilaterali, reġjonali, multilaterali jew triangolari, kif xieraq.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex inaqqsu l-provvista u d-domanda tad-drogi, abbażi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà komuni u kondiviża, u fuq approċċ integrat, bilanċjat u bbażat fuq l-evidenza.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-kapaċitajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-kapaċitajiet ta’ rapportar tagħhom. Huma għandhom jidentifikaw, ifixklu u jżarmaw gruppi kriminali organizzati tranżnazzjonali permezz ta’ mekkaniżmi msaħħa għall-iskambju ta’ informazzjoni u intelliġenza kriminali relatata mad-droga, filwaqt li jippromwovu investigazzjonijiet u operazzjonijiet konġunti, inkluż ma’ pajjiżi ġirien.

4.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju relatati mal-abbuż tad-droga li jaffettwaw lill-individwi, lill-komunitajiet u lis-soċjetajiet. Huma għandhom isaħħu l-istat tad-dritt u jibnu istituzzjonijiet responsabbli, effettivi u inklużivi u servizzi pubbliċi biex jiġġieldu l-vjolenza relatata mad-droga.

5.   Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri biex jappoġġaw attivitajiet ta’ żvilupp alternattivi biex jissostitwixxu l-kultivazzjoni u l-produzzjoni illegali tad-droga f’żoni rurali u urbani, u biex itejbu l-benesseri ekonomiku tal-popolazzjonijiet vulnerabbli affettwati, filwaqt li jrawmu simultanjament l-inklużjoni soċjali fil-livell tal-komunità u fis-soċjetà usa’.

6.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw u jaċċelleraw l-isforzi biex inaqqsu d-domanda u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw l-impatti tad-drogi fuq is-saħħa u l-ħajja soċjali. Huma għandhom jieħdu miżuri xierqa għall-età u għall-ġeneru, imfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli permezz ta’, inter alia, programmi ta’ prevenzjoni, trattament, kura, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni soċjali.

7.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw theddid ġdid u emerġenti relatat mal-produzzjoni, u l-użu, l-abbuż illegali ta’ sustanzi sintetiċi, inklużi oppjojdi, u għandhom jiżviluppaw u jtejbu l-programmi u jtejbu l-mekkaniżmi ta’ rapportar biex jindirizzaw l-użu illeċitu ta’ sustanzi kimiċi prekursuri.

Artikolu 39

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u ġestjoni integrata tal-fruntieri

1.   Il-Partijiet għandhom irawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni fuq l-infurzar tal-liġi, u l-kooperazzjoni ġudizzjarja strateġika. Huma għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jiskambjaw informazzjoni u intelligence kriminali fil-ħin, jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u jiżviluppaw kapaċitajiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-kooperazzjoni tas-sigurtà reġjonali permezz tat-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-intelligence u l-ġbir u l-analiżi tad-data, filwaqt li jirrispettaw l-oqfsa legali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma għandhom jippromwovu r-riżoluzzjoni paċifika ta’ tilwim u kontroversji dwar il-fruntieri f’konformità mad-dritt internazzjonali. Huma għandhom jappoġġaw miżuri għall-bini tal-fiduċja u strateġiji ta’ żvilupp speċifiċi, fejn xieraq, biex iżidu l-fiduċja u jnaqqsu t-tensjonijiet possibbli fil-fruntieri.

Artikolu 40

Is-sikurezza u s-sigurtà marittimi u tal-avjazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw kooperazzjoni fuq kwistjonijiet marittimi u tal-avjazzjoni, bil-ħsieb li jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà, u għandhom itejbu, inter alia, l-immirar u l-ġestjoni ta’ merkanzija b’riskju għoli, f’konformità mad-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu s-sigurtà marittima, f’konformità mal-UNCLOS, billi jirrispondu għat-theddid għall-vapuri u għall-installazzjonijiet u l-assi marittimi kritiċi, itejbu l-monitoraġġ u jinfurzaw il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti. Huma għandhom jieħdu azzjoni kontra l-piraterija, is-serq bl-armi u kull forma ta’ kriminalità organizzata fuq il-baħar, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji spazjali.

TITOLU IV

L-iżvilupp tal-bniedem, il-koeżjoni soċjali u l-mobilità

Artikolu 41

Il-Partijiet huma determinati li jeqirdu l-faqar fil-forom kollha tiegħu sal-2030, jindirizzaw b’mod effettiv l-inugwaljanza, jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jagħtu s-setgħa lin-nisa u liż-żgħażagħ biex jiżguraw li kulħadd ikollu l-mezzi meħtieġa biex igawdi ħajja dinjituża. Huma determinati wkoll li jippromwovu l-koeżjoni soċjali, u joħolqu l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni effettiva tan-nies fil-ħajja demokratika u l-kontribut attiv tagħhom għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi nisa, tfal, anzjani u popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-komunitajiet lokali u l-persuni b’diżabbiltà. Huma għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu l-protezzjoni soċjali bħala investiment fundamentali għall-qerda tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza, u bħala mezz importanti biex jinħoloq ċiklu ta’ awtotisħiħ lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, billi l-qligħ ekonomiku jerġa’ jiġi investit b’mod aktar wiesa’ fis-soċjetà u fin-nies u billi tiżdied ir-reżiljenza soċjali. Il-Partijiet għandhom jadottaw approċċ komprensiv u bilanċjat għall-migrazzjoni. Huma għandhom jindirizzaw il-migrazzjoni fi spirtu ta’ solidarjetà, sħubija u responsabbiltà kondiviża, u f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Il-Partijiet għandhom jisfruttaw il-benefiċċji tal-migrazzjoni, jippromwovu l-integrazzjoni tal-migranti, jimmassimizzaw l-għarfien, il-ħiliet intraprenditorjali u l-investiment tad-dijaspora u jimmassimizzaw l-użu tar-rimessi bħala sors ta’ finanzjament għal żvilupp inklużiv u sostenibbli. Huma għandhom isegwu wkoll djalogu miftuħ dwar il-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Karibew u għandhom jikkooperaw biex inaqqsu l-impatt negattiv tat-telf tal-ħiliet fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi.

Kapitolu 1

Is-servizzi soċjali

Artikolu 42

L-edukazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jikkonsolidaw u jippromwovu aċċess inklużiv, affordabbli u ekwu għal u jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ edukazzjoni nazzjonali msaħħa u inklużivi u infrastruttura u tagħmir imtejba, b’attenzjoni partikolari għall-persuni b’diżabbiltà. Huma għandhom jappoġġaw l-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jiġi żviluppat ambjent favorevoli li fih is-subien u l-bniet ikollhom opportunitajiet edukattivi ugwali u kisba edukattiva komparabbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-twassil u l-applikazzjoni estiżi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u l-arti fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi aċċessibbli u affordabbli għal finijiet edukattivi u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u litteriżmu għal kulħadd.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu r-reġistrazzjoni u l-kwalità fl-edukazzjoni terzjarja, fit-taħriġ tekniku u vokazzjonali, u fit-tagħlim mhux formali, ibbażat fuq ix-xogħol u tul il-ħajja, bil-ħsieb li jżidu l-għadd ta’ persuni b’edukazzjoni għolja u ħaddiema tas-sengħa.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-iżvilupp akkademiku, jippromwovu r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti, tal-persunal u tal-akkademiċi bejn il-Karibew u l-Unjoni Ewropea.

6.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu r-riċerka akkademika, l-iżvilupp u l-innovazzjoni permezz ta’, inter alia, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fost l-istituzzjonijiet ewlenin u l-avvanz tal-użu tar-riċerka u l-analiżi xjentifika sabiex tinkiseb eċċellenza akkademika ta’ benefiċċju reċiproku.

Artikolu 43

Is-saħħa

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu kopertura tas-saħħa universali u affordabbli u aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa, inkluż permezz ta’ sistemi tas-saħħa nazzjonali msaħħa, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ kwalità sostenibbli u l-aċċess għal mediċini, vaċċini u dijanjostika essenzjali sikuri u affordabbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-inċidenza u l-piż dejjem akbar tal-mard mhux komunikabbli, filwaqt li jieħdu passi lejn il-prevenzjoni u l-kontroll, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, l-użu ta’ għodod diġitali u edukazzjoni dwar is-saħħa.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali biex jidentifikaw u jirrispondu malajr u b’mod effettiv għat-tifqigħat ta’ mard komunikabbli u għal emerġenzi tas-saħħa oħrajn ta’ tħassib nazzjonali u internazzjonali, billi jsegwu approċċ ‘saħħa waħda’ li jinkludi s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, il-pjanti u l-ekosistemi.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw emerġenzi tas-saħħa pubblika permezz ta’, inter alia, l-użu ta’ sistemi ta’ twissija bikrija għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni, l-iżvilupp ta’ pjanijiet koerenti u multisettorjali biex tittejjeb il-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa, il-forniment ta’ mediċini, vaċċini u tagħmir tas-saħħa essenzjali u affordabbli, inkluża d-dijanjostika, u l-għoti ta’ assistenza u għajnuna umanitarja. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex itaffu l-impatt ta’ emerġenzi globali tas-saħħa pubblika.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-riċerka u l-kondiviżjoni ta’ għarfien, esperjenzi u l-aħjar prattiki fis-settur tas-saħħa.

Artikolu 44

L-akkomodazzjoni, l-ilma u s-sanità

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-aċċess universali għal akkomodazzjoni deċenti, sikura u affordabbli b’enfasi partikolari fuq persuni vulnerabbli u emarġinati, inklużi l-popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), u l-komunitajiet lokali, sabiex jiġġeneraw impatt pożittiv fuq is-saħħa tan-nies, javvanzaw l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet u jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn l-unitajiet domestiċi urbani u rurali. Huma għandhom jippromwovu akkomodazzjoni u infrastruttura intelliġenti fil-livell klimatiku permezz ta’, inter alia, id-disinn u l-infurzar tal-kodiċijiet tal-bini.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-aċċess għal provvista tal-ilma sikura, affordabbli u sostenibbli, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ ġestjoni sostenibbli u integrata tar-riżorsi tal-ilma, immaniġġjar tal-iskart solidu u l-promozzjoni ta’ miżuri ta’ riċiklaġġ tal-ilma.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess adegwat, ekwu u affordabbli għas-servizzi sanitarji u tal-iġjene għal kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet u ta’ dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu aċċess universali u mtejjeb għal elettriku affordabbli u jżidu l-użu effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija għal kulħadd.

Artikolu 45

L-urbanizzazzjoni sostenibbli u l-iżvilupp rurali

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ambjent li jippermetti żvilupp rurali u urban sostenibbli. Huma għandhom irawmu l-ippjanar sostenibbli tal-użu tal-art, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-akkwiżizzjonijiet tal-art u d-drittijiet tal-proprjetà trasparenti u regolati, il-mobilità urbana sostenibbli u bliet intelliġenti u sikuri.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu żvilupp bilanċjat ta’ ekonomiji u komunitajiet rurali, b’enfasi partikolari fuq il-ġenerazzjoni tal-impjiegi u tal-introjtu. Huma għandhom jaċċelleraw id-diversifikazzjoni rurali billi jżidu l-valur għall-produzzjoni lokali u għandhom jisfruttaw ir-riżorsi naturali u kulturali.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki urbani u rurali inklużivi, bilanċjati u integrati, kif ukoll koordinazzjoni governattiva f’diversi livelli, billi jinvolvu b’mod attiv lill-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali u billi joħolqu rabtiet aktar b’saħħithom bejn iż-żoni rurali u urbani.

Artikolu 46

Is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel suffiċjenti, affordabbli, sikur u nutrittiv, bil-ħsieb li jtemmu l-forom kollha ta’ nutrizzjoni ħażina u jevitaw kriżijiet tal-ikel. Għal dak l-għan, huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-aktar pajjiżi vulnerabbli, inklużi dawk affettwati minn diżastri u persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

2.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-impatt negattiv ta’ produzzjoni agrikola mnaqqsa, tad-dipendenza għolja fuq oġġetti tal-ikel importati u tal-isfruttament eċċessiv tal-istokk tal-ħut fuq is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, għandhom jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura, is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel lokali.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-impatt tal-kriżijiet tal-ikel u jiżguraw azzjoni f’waqtha biex jagħmlu l-ikel disponibbli lokalment, billi jiżviluppaw interventi u infrastruttura ta’ politika, inkluż l-investiment f’sistemi ta’ trasport u ħażna reżiljenti għall-klima. F’dak il-kuntest, huma għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli.

Kapitolu 2

Koeżjoni soċjali

Artikolu 47

L-ugwaljanza, il-protezzjoni soċjali u x-xogħol deċenti

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ugwaljanza billi jadottaw politiki b’appoġġ għall-kisba b’mod progressiv u s-sostenn tat-tkabbir tal-introjtu tal-ifqar membri tal-popolazzjoni b’rata ogħla mill-medja nazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki fiskali, ekonomiċi u soċjali ekwi u tajbin orjentati lejn soċjetajiet aktar inklużivi b’distribuzzjoni mtejba tal-introjtu biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-inġustizzja.

3.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu lejn l-estensjoni tal-kopertura tal-protezzjoni soċjali, speċjalment għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bl-għan li tintlaħaq b’mod progressiv l-universalità, permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali, sigurtà tal-introjtu bażiku u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u li jirrispondu għax-xokkijiet. Huma għandhom jippromwovu r-riċerka u l-kondiviżjoni ta’ għarfien, esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar il-protezzjoni soċjali.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u politiki tal-impjiegi mmirati lejn il-kisba ta’ standards internazzjonali għal xogħol deċenti għal kulħadd, u pagi ġusti li jipprevedu standard tal-għajxien deċenti, inkluż it-titjib tal-kondizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema. Huma għandhom jiġġieldu kull forma ta’ sfruttament, inkluż sfruttament sesswali u tal-ħaddiema, kemm f’setturi formali kif ukoll f’dawk informali.

5.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ekonomija informali, inkluż aċċess innovattiv għal servizzi finanzjarji, kreditu u mikrofinanzjament u miżuri ta’ protezzjoni soċjali msaħħa, bil-ħsieb li jiffaċilitaw tranżizzjoni bla xkiel għall-ekonomija formali.

6.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà bil-ħsieb li javvanzaw l-implimentazzjoni effettiva ta’ ftehimiet internazzjonali rilevanti, li jippromwovu l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà mingħajr diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip u l-aċċess ugwali tagħhom għas-servizzi soċjali u s-swieq tax-xogħol.

7.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-koeżjoni soċjali permezz ta’, inter alia, il-protezzjoni u t-titjib tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli u d-diversità tal-espressjonijiet kulturali.

Artikolu 48

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-politiki, il-programmi u l-mekkaniżmi mmirati biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiżguraw u jtejbu l-opportunitajiet indaqs għall-parteċipazzjoni fis-setturi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali. Huma għandhom jiżguraw li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-politiki kollha, inkluż permezz tal-ħolqien u l-konsolidazzjoni tal-oqfsa legali.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-integrità fiżika u psikoloġika tan-nisa u tal-bniet billi jadottaw miżuri leġiżlattivi u ta’ politika biex iwaqqfu ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u sfurzati, u jeliminaw kull forma ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, b’mod partikolari l-vjolenza domestika kontra n-nisa u l-irġiel, it-traffikar tal-persuni, il-forom kollha ta’ sfruttament sesswali u tal-ħaddiema, u l-forom kollha ta’ fastidju fl-isfera pubblika u f’dik privata. Huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja u għandhom jippromwovu kampanji ta’ prevenzjoni u sensibilizzazzjoni biex tiġi avvanzata bidla fl-imġiba, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti kollha, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, magħmula fi New York fit-18 ta’ Diċembru 1979, u jinkoraġġixxu r-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv tagħha.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet jiġu rrispettati u promossi. Huma għandhom isaħħu d-drittijiet soċjali tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, inkluż l-aċċess għas-servizzi tal-ippjanar tal-familja. Huma għandhom isaħħu d-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, inkluż billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ekonomiċi, servizzi finanzjarji, teknoloġija abilitanti, impjiegi, il-kontroll u l-użu tal-art u assi produttivi oħrajn. Huma għandhom jappoġġaw lill-imprendituri nisa, inaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u jneħħu regolamenti u prattiki diskriminatorji oħrajn.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-parteċipazzjoni u l-vuċi tan-nisa u tal-bniet fil-ħajja politika, inkluż permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-proċessi u l-pożizzjonijiet elettorali, tal-politika u tal-governanza u fl-isforzi ta’ bini tal-komunità.

6.   Il-Partijiet għandhom jagħtu s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-bniet u jsaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-prevenzjoni u l-protezzjoni minn kull forma ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru. Huma għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ investigazzjoni u responsabbiltà tal-fastidju, jipprovdu lill-vittmi b’kura u appoġġ, u jippromwovu kondizzjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà għan-nisa u l-bniet.

7.   Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing u tal-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħhom. Huma għandhom jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aċċess universali għal informazzjoni u edukazzjoni komprensivi affordabbli u ta’ kwalità dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, filwaqt li jqisu l-gwida teknika internazzjonali tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, kif ukoll il-ħtieġa għall-għoti ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Huma għandhom isegwu l-implimentazzjoni effettiva tal-Kunsens ta’ Montevideo dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, kif xieraq.

Artikolu 49

Iż-żgħażagħ

1.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki mmirati biex jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-involviment tagħhom fil-ħajja politika, soċjali, ċivika u ekonomika.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli fis-setturi kollha b’kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti għaż-żgħażagħ, inkluż billi jappoġġawhom fil-kisba ta’ ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ tekniku u vokazzjonali u l-aċċess imtejjeb għat-teknoloġiji, u billi jappoġġaw is-servizzi tal-impjiegi biex jgħaqqdu liż-żgħażagħ mal-opportunitajiet tax-xogħol u l-aċċess għal servizzi finanzjarji u sħubijiet għal negozji ġodda.

3.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu strutturi ta’ governanza biex jippromwovu ċittadinanza responsabbli taż-żgħażagħ, iżidu l-influwenza taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jrawmu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja politika u fl-isforzi ta’ bini tal-komunità. Huma għandhom jippromwovu parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fl-azzjoni ambjentali, b’mod partikolari programmi ta’ monitoraġġ tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex itejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għall-ġustizzja u jsaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal. Huma għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu lit-tfal minn kull forma ta’ vjolenza fiżika jew mentali, korriment, abbuż, negliġenza jew trattament negliġenti, trattament ħażin u sfruttament, inkluż abbuż sesswali.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu programmi soċjali u tal-ġustizzja għall-prevenzjoni tad-delinkwenza tal-minorenni u għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja ekonomika u soċjali. Huma għandhom jappoġġaw istituzzjonijiet, bħal skejjel, organizzazzjonijiet soċjali u ta’ ispirazzjoni reliġjuża u gruppi taż-żgħażagħ, li jikkontribwixxu għall-bini ta’ reżiljenza f’żgħażagħ li jinsabu f’riskju u komunitajiet vulnerabbli.

Artikolu 50

L-isport

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-isport u l-edukazzjoni fiżika bħala motivatur għall-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa u l-benesseri, l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom jikkollaboraw biex jisfruttaw is-saħħa ekonomika, kulturali u soċjali tal-isport billi, inter alia, jiżviluppaw faċilitajiet adegwati, jippromwovu l-parteċipazzjoni f’attivitajiet sportivi u oħrajn ta’ edukazzjoni fiżika u jiskambjaw l-aħjar prattiki. Huma għandhom jippromwovu l-mobilità ta’ persuni sportivi u professjonisti assoċjati bħala mezz biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni interkulturali.

Kapitolu 3

Il-migrazzjoni, il-mobilità u l-iżvilupp

Artikolu 51

Il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Iżvilupp

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut ta’ ċittadini ta’ migranti residenti legalment u tad-dijaspora tagħhom għall-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali tal-pajjiżi ospitanti tagħhom. Huma għandhom jappoġġaw l-integrazzjoni tagħhom billi jippromwovu, inter alia, l-intraprenditorija, l-appoġġ għan-negozju u l-iżvilupp tal-ħiliet f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Huma jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha u tal-persuni spostati b’mod sfurzat, inklużi refuġjati u persuni li jfittxu l-ażil, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, b’enfasi speċjali fuq in-nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal.

2.   Il-Partijiet għandhom isegwu djalogu miftuħ biex jippromwovu l-mobilità u s-soġġorni għal żmien qasir sabiex itejbu l-iskambju f’oqsma bħat-turiżmu u n-negozju, kif ukoll biex irawmu fehim reċiproku u jippromwovu valuri kondiviżi. Dak l-iskambju għandu jqis ukoll is-sitwazzjoni speċifika tal-PTEE assoċjati mal-UE u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, b’rikonoxximent tal-prossimità fiżika u r-rabtiet ekonomiċi u kulturali tagħhom u oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ skemi għall-migrazzjoni ċirkolari, u għandhom jimplimentaw u jtejbu, kif xieraq, l-oqfsa legali għall-iffaċilitar tal-proċeduri ta’ dħul mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament. Huma għandhom jikkunsidraw aspetti ta’ riintegrazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Membru tal-OSAKP residenti legalment fit-territorji tal-Membri tal-OSAKP jew l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, fil-pajjiżi ta’ oriġini biex jiżguraw li l-esperjenza jew il-kwalifiki miksuba minnhom jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-suq tax-xogħol u l-komunità lokali.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex inaqqsu l-impatt negattiv tat-telf tal-ħiliet fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi. Huma għandhom jadottaw ukoll approċċ koerenti biex javvanzaw it-taħriġ ta’ professjonisti magħżula fil-Karibew, li jinkludi l-espansjoni ta’ skemi ta’ taħriġ u l-promozzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE.

5.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tar-rimessi bħala sors għal żvilupp inklużiv u sostenibbli jekk ikunu ġestiti kif suppost, għandhom jimmiraw li jnaqqsu l-kostijiet ta’ tranżazzjoni tar-rimessi għal inqas minn 3 % u jeliminaw il-kurituri tar-rimessi b’kostijiet ogħla minn 5 % sal-2030, jippromwovu l-inklużjoni finanzjarja permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u teknoloġiji ġodda, u jtejbu l-oqfsa regolatorji għall-involviment imtejjeb ta’ atturi ekonomiċi mhux tradizzjonali. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kontribut tad-dijaspora għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, billi jippromwovu u jiffaċilitaw l-investiment tad-dijaspora, u l-ħolqien tan-negozju bħala mezz biex jagħtu spinta lill-iżvilupp lokali u lill-intraprenditorija fil-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll biex jittrasferixxu l-għarfien, l-esperjenza u t-teknoloġija.

6.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw miżuri biex jisfruttaw il-benefiċċji tal-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar u jimmitigaw kwalunkwe impatt negattiv ibbażat fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà, prosperità kondiviża u responsabbiltà.

7.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-iskemi ta’ mobilità tal-Karibew-UE u intrareġjonali, inkluż il-moviment liberu tal-persuni fil-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali.

PROTOKOLL REĠJONALI GĦALL-PAĊIFIKU

PARTI I

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI

Kapitolu 1

Natura u kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

Sħubija ġenwina

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, ‘Partijiet’ tfisser il-Partijiet rilevanti marbuta b’dan il-Protokoll skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

2.   Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim u tal-miri speċifiċi stabbiliti f’dan il-Protokoll, li huma komplementari u jsaħħu lil xulxin, skont l-Artikolu 6 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom u jintensifikaw il-kooperazzjoni bil-ħsieb li jippromwovu valuri kondiviżi, interessi, responsabbiltajiet u obbligi komuni. Din is-sħubija ġenwina għandha tiġi implimentata fl-ispirtu ta’ rispett reċiproku u responsabbiltà, ugwaljanza u sjieda kondiviża.

Artikolu 2

Il-multilateraliżmu

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni u jintensifikaw l-isforzi b’appoġġ għall-multilateraliżmu u l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, permezz ta’ djalogu ta’ sħubija xieraq kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Parti Ġenerali, biex jibnu koalizzjonijiet strateġiċi fuq għadd ta’ kwistjonijiet globali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-governanza tal-oċeani, il-bijodiversità, l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet relatati mal-paċi u s-sigurtà. Fejn xieraq, huma għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-oqfsa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u ta’ organizzazzjonijiet u fora reġjonali u internazzjonali oħrajn. Huma għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu ma’, kif xieraq, u jimplimentaw trattati u konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin.

Artikolu 3

Għanijiet

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid in-natura wiesgħa u komprensiva ta’ dan il-Protokoll u jaqblu li l-għanijiet tiegħu huma, inter alia, li:

(a)

isaħħu s-sħubija politika tagħhom, imsejsa fuq djalogu regolari u l-promozzjoni ta’ interessi komuni;

(b)

itejbu r-reżiljenza għall-ambjent u l-klima u jsegwu l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

(c)

jibnu soċjetajiet demokratiċi, paċifiċi u bbażati fuq id-drittijiet, ibbażati fuq l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u jagħmlu progress fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-governanza finanzjarja;

(d)

jappoġġaw tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli permezz ta’ investiment imsaħħaħ u żvilupp tas-settur privat, b’attenzjoni speċjali għall-ekonomija blu u l-konnettività mtejba;

(e)

jappoġġaw miżuri konkreti mmirati lejn it-tisħiħ tal-governanza tal-oċeani u l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, inkluż is-sajd; u

(f)

jinvestu fl-iżvilupp tal-bniedem u f’dak soċjali, filwaqt li jindirizzaw l-inugwaljanzi u jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, b’attenzjoni speċjali għall-promozzjoni taż-żgħażagħ u għall-għoti ta’ setgħat ekonomiċi, soċjali u politiċi lin-nisa u l-bniet.

Artikolu 4

L-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-proċess ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali fil-Paċifiku bħala mod kif jiġu ġestiti l-isfidi bejn il-pajjiżi u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll sabiex jinkisbu benefiċċji sħaħ minnu, filwaqt li jitqiesu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluż il-Qafas għar-Reġjonaliżmu tal-Paċifiku.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jżidu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet reġjonali, il-pajjiżi u t-territorji li jħaddnu l-istess valuri u li huma lesti u kapaċi jippromwovu u jindirizzaw għanijiet komuni, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tar-reġjun tal-Paċifiku kollu kemm hu.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jappoġġaw il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-kooperazzjoni trijangolari bħala mezz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali.

Kapitolu 2

Atturi u proċessi

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

1.   L-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti minn dan il-Protokoll, kif definiti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tagħhom, huma dawn li ġejjin:

(a)

il-Kunsill tal-Ministri Paċifiku-UE;

(b)

il-Kumitat Konġunt Paċifiku-UE;

(c)

l-Assemblea Parlamentari Paċifiku-UE.

2.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jiltaqgħu fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, kif meqjus meħtieġ, abbażi ta’ skeda ta’ żmien u aġenda li dwarhom jiftiehmu b’mod reċiproku.

Artikolu 6

Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej fir-reġjun tal-Paċifiku

1.   Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu r-rabtiet bejn il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-UE fir-reġjun tal-Paċifiku u l-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jinvolvu lill-PTEE fl-integrazzjoni, il-kooperazzjoni u l-organizzazzjonijiet reġjonali, kif xieraq, speċjalment fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà ambjentali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-konnettività, u l-kummerċ u l-investiment.

3.   Il-Partijiet jaqblu li l-PTEE fir-reġjun tal-Paċifiku għandhom jingħataw ir-rwol ta’ osservaturi fl-istituzzjonijiet konġunti stabbiliti minn dan il-Protokoll.

Artikolu 7

Mekkaniżmi għall-konsultazzjoni u l-impenn mal-partijiet ikkonċernati

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-settur privat sabiex iżommuhom infurmati dwarhom u jiġbru kontribuzzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Protokoll, inkluż fid-dawl tal-Kunsill tal-Ministri Paċifiku-UE.

Artikolu 8

L-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   Meta jimplimentaw azzjonijiet għal kull qasam ta’ kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom, f’konformità mal-qafas legali stabbilit minn dan il-Ftehim, iqisu l-oqfsa strateġiċi u ta’ politika rispettivi tagħhom, inklużi strateġiji reġjonali adottati mill-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku, kif xieraq.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjoni u jimplimentaw miżuri fil-livell domestiku, reġjonali u multinazzjonali l-aktar xieraq. Huma għandhom ifittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq u jsaħħu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati li jkunu interessati, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet.

3.   Il-Partijiet għandhom jissorveljaw dan il-Protokoll biex jiżguraw li l-azzjonijiet u l-miżuri jiġu implimentati b’mod effettiv u effiċjenti, inkluż permezz ta’ approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati. Huma jistgħu jadattawha għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu u jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma eżistenti u ġodda, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 99(5) tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet għandhom iwettqu valutazzjonijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni regolari u indipendenti tal-attivitajiet previsti fl-oqsma ta’ kooperazzjoni ewlenin skont dan il-Protokoll.

PARTI II

OQSMA EWLENIN TA’ KOOPERAZZJONI

TITOLU I

Is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima

Artikolu 9

Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu t-theddida serja maħluqa mit-tibdil fil-klima, miż-żieda fil-livell tal-baħar u mid-degradazzjoni ambjentali għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u għall-ħajja tan-nies, u filwaqt li jirrikonoxxu r-riskji sinifikanti għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, għandhom jibnu reżiljenza għat-tibdil fil-klima u għandhom ireġġgħu lura d-degradazzjoni ambjentali. Huma għandhom jieħdu azzjoni ambizzjuża biex itaffu t-tibdil fil-klima u jadattaw għalih, biex jevitaw, jimminimizzaw u jindirizzaw ir-riskji ta’ telf u ħsara, biex jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent, u biex jappoġġaw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Huma għandhom jadottaw miżuri biex jindirizzaw it-telfien tal-bijodiversità, iżommu u jirrestawraw l-ekosistemi, jippromwovu l-governanza tal-oċeani, u jipprevjenu u jirreaġixxu għad-diżastri. Huma għandhom jinvestu fit-tkabbir ekoloġiku, fl-ekonomiji ċirkolari u fl-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mas-sostenibbiltà ambjentali.

Artikolu 10

Azzjoni klimatika

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jfakkru l-objettivi, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi u filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fid-dawl tas-sejbiet tar-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-impatti ta’ tisħin globali ta’ 1,5 oC ’il fuq mil-livelli pre-industrijali, jaqblu li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali, b’mod konsistenti maż-żamma taż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 oC ’il fuq mil-livelli pre-industrijali u jsegwu l-isforzi biex it-tisħin globali jiġi limitat għal perkors ta’ 1,5 oC. Huma jirrikonoxxu l-importanza li jitwettqu l-emissjonijiet antropoġeniċi żero netti globali malajr kemm jista’ jkun. Huma jimpenjaw ruħhom, għal dak l-għan, għal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs, nationally determined contributions) suċċessivi li se jirrappreżentaw progressjoni lil hinn mill-NDCs attwali tagħhom u jirriflettu l-ogħla ambizzjoni possibbli tagħhom, fid-dawl ta’ ċirkostanzi nazzjonali differenti, u jaffermaw mill-ġdid l-objettiv tagħhom li kull wieħed li jikseb newtralità klimatika sal-2050.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki u programmi domestiċi komprensivi u inklużivi dwar il-klima, inkluż permezz ta’ oqfsa leġiżlattivi u ta’ governanza, u għandhom iwettqu azzjonijiet konkreti biex iżidu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Huma għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni u ta’ evalwazzjoni biex jittraċċaw il-progress fl-azzjoni klimatika.

3.   Il-Partijiet għandhom jaċċelleraw u jintensifikaw l-isforzi biex jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima, inkluż billi jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ adattament nazzjonali ambizzjużi. Huma għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw politiki, strateġiji u oqfsa leġiżlattivi bil-ħsieb li jintegraw l-adattament fis-setturi soċjoekonomiċi u ambjentali rilevanti.

4.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-enerġija mill-fjuwils fossili u s-settur tat-trasport jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-karbonju, jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta’ effiċjenza enerġetika u enerġija rinnovabbli u li jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mis-setturi tat-trasport fuq l-art, bl-avjazzjoni u marittimu. Huma għandhom isaħħu l-azzjoni kooperattiva dwar l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija. Huma għandhom jimmiraw li jirrazjonalizzaw u jeliminaw gradwalment is-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali u li jimminimizzaw l-impatti negattivi possibbli, b’mod li jipproteġi lill-foqra u lill-komunitajiet affettwati.

5.   Il-Partijiet għandhom japplikaw approċċi integrati, olistiċi u bilanċjati mhux tas-suq biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu, filwaqt li jqisu il-vulnerabbiltà tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluż il-Qafas għal Żvilupp Reżiljenti fil-Paċifiku (FRDP, Framework for Resilient Development in the Pacific) u s-Sħubija għar-Reżiljenza fil-Paċifiku.

6.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw azzjoni biex jallinjaw il-flussi finanzjarji ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għall-klima. Huma għandhom jikkooperaw biex jimmobilizzaw il-finanzjament għall-klima minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi, strumenti u mezzi biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ adattament nazzjonali u kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali lil hinn mil-livelli attwali f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

7.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu tnaqqis gradwali ambizzjuż tal-idrofluworokarburi skont il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987, u l-Emenda ta’ Kigali tiegħu. Huma għandhom jinkoraġġixxu lill-Partijiet kollha għall-Protokoll biex jirratifikaw u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida ta’ dik l-Emenda.

8.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-koordinazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza u għandhom jieħdu azzjoni bbażata fuq u ggwidata mill-aħjar xjenza disponibbli u, kif xieraq, għarfien tradizzjonali, sistemi ta’ għarfien indiġeni u lokali. Huma għandhom jinkoraġġixxu u jippermettu lill-awtoritajiet lokali jagħmlu u jimplimentaw impenji ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Huma għandhom jippromwovu inizjattivi eżistenti bħall-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom.

9.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw networks ta’ għarfien għall-adattament u r-rispons għall-klima u jsaħħu l-kapaċità xjentifika, teknika, umana u istituzzjonali għall-azzjoni klimatika u l-ġestjoni u l-monitoraġġ ambjentali, inkluż permezz ta’ teknoloġiji spazjali u sistemi ta’ informazzjoni.

Artikolu 11

L-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi li jipprovdu, li jgħaqqdu l-bijodiversità mal-għajxien. Huma għandhom jipproteġu, jirrestawraw u jsaħħu l-bijodiversità, f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Qafas Globali għall-Bijodiversità wara l-2020. Huma għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ strateġiji fit-tul iffokati fuq l-integrazzjoni tal-bijodiversità f’oqfsa reġjonali u nazzjonali fir-reġjun tal-Paċifiku, filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni u l-koerenza fl-istituzzjonijiet kollha, u jiġġeneraw evidenza biex jinformaw it-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu approċċ integrat għal u jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ infurzar għall-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ambjent fil-livelli kollha, inkluż l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari u ekoloġika, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri u, fejn xieraq, il-prattiki indiġeni, tradizzjonali u konswetudinarji.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u ta’ riżorsi oħrajn tas-siġar tagħhom, inaqqsu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni, jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ fl-injam u prodotti bbażati fuq l-injam illegali, jirrestawraw il-funzjonijiet tal-foresti naturali, inkluż il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema, u jippromwovu estrazzjoni responsabbli, filwaqt li jqisu d-domandi għal żvilupp sostenibbli, inklużi l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-popolazzjonijiet li qed jikbru tagħhom.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma integrati sostenibbli, jippreservaw u jipproteġu s-sorsi tal-ilma u l-ekosistemi, jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi, jindirizzaw id-degradazzjoni tal-art, it-tniġġis tal-ilma u r-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art, u l-inċertezzi dwar id-disponibbiltà tal-ilma permezz ta’ sistemi ta’ ġbir u ħżin.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiġġieldu kontra t-theddida ta’ speċijiet aljeni invażivi f’termini tal-estinzjoni tal-ispeċijiet lokali, il-bijodiversità, il-funzjonijiet u s-servizzi tal-ekosistema, l-għajxien u r-reżiljenza tan-nies, u l-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku.

6.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw b’mod effettiv il-forom kollha ta’ tniġġis. Huma għandhom jaħdmu biex jistabbilixxu l-oqfsa regolatorji u l-mekkaniżmi ta’ infurzar meħtieġa għall-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart. Huma għandu jkollhom l-għan li jipprevjenu jew jimminimizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors, u li jtejbu l-użu mill-ġdid tal-prodott, ir-riċiklabbiltà u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex jadattaw il-produzzjoni u l-konsum għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu jew jimminimizzaw is-sustanzi perikolużi fiċ-ċikli tal-materjal u jimmaniġġjaw is-sustanzi kimiċi fil-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Artikolu 12

Reżiljenza għad-diżastri

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jibnu r-reżiljenza tal-persuni, tas-soċjetajiet, tal-istituzzjonijiet u tal-infrastruttura għal avvenimenti ta’ diżastri. Huma għandhom iqisu r-rabtiet b’saħħithom bejn id-diżastri u t-tibdil fil-klima u l-impatti tad-diżastri fuq l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali, l-għajxien tan-nies, speċjalment ta’ gruppi u individwi vulnerabbli, il-wirt kulturali, l-integrità ambjentali, l-iżvilupp ekonomiku u s-sigurtà tal-bniedem. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw u jissorveljaw il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluż l-FRDP.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu approċċ olistiku għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, inkluż billi jqisu l-FRDP, jinvestu fil-prevenzjoni u t-tħejjija tar-riskju, l-integrazzjoni tal-isforzi għat-tnaqqis tar-riskju f’azzjonijiet ta’ rkupru u l-promozzjoni tal-assigurazzjoni tar-riskju finanzjarju. Huma għandhom jappoġġaw ir-reżiljenza tas-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura, is-sigurtà alimentari u s-sigurtà tal-ilma, filwaqt li jiżguraw li l-investimenti jikkunsidraw u jirrispondu għal fehim realistiku tar-riskji futuri. Huma għandhom ipoġġu r-reżiljenza klimatika fil-qalba tal-isforzi kollha ta’ rikostruzzjoni u ta’ rkupru, inkluż billi jimplimentaw approċċ ta’ ‘bini mill-ġdid aħjar’.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-aċċess għal, it-trasferiment u l-użu sistematiku ta’ teknoloġiji rilevanti għall-bini tar-reżiljenza. Huma għandhom jinvestu fil-ġbir u l-użu ta’ statistika dwar id-diżastri u data dwar it-telf, valutazzjoni komprensiva tar-riskju, l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ tnaqqis tar-riskju fil-livelli kollha, u rabtiet imsaħħa bejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Huma għandhom jappoġġaw l-użu ta’ teknoloġiji u informazzjoni spazjali biex itejbu l-miżuri ta’ prevenzjoni, tħejjija, rispons u rkupru.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex isaħħu l-governanza tar-riskju inklużiva fil-livelli kollha, inkluż l-iżvilupp tal-kapaċità għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri reġjonali u nazzjonali u ċentri ta’ eċċellenza tal-innovazzjoni klimatika. Huma għandhom jaħdmu biex iżidu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, ta’ twissija bikrija u ta’ valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li jtejbu l-kapaċità domestika u reġjonali u l-kapaċità għall-miżuri ta’ prevenzjoni, mitigazzjoni, tħejjija, rispons u rkupru, inklużi mekkaniżmi ta’ protezzjoni ċivili, kif ukoll il-kapaċità tal-komunitajiet u l-istituzzjonijiet lokali, b’enfasi fuq l-aktar unitajiet domestiċi u gruppi vulnerabbli u emarġinati.

5.   Il-Partijiet għandhom jissorveljaw il-prijoritajiet u l-objettivi tal-immaniġġjar tar-riskju ta’ diżastri u tar-riskju ta’ tibdil fil-klima u jevalwawhom fl-isfond tal-aħjar prattiki internazzjonali.

TITOLU II

Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli

Artikolu 13

1.   Il-Partijiet għandhom isegwu strateġiji integrati u jimplimentaw riformi biex jibnu ekonomiji reżiljenti u diversifikati, jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u t-trasformazzjoni, isaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u tan-negozju, u jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn okkupazzjoni sħiħa u impjiegi ta’ kwalità. Huma jimpenjaw ruħhom li joħolqu ambjent tan-negozju li jwassal għal flussi akbar ta’ investiment u għall-iżvilupp tas-settur privat. Huma għandhom isaħħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni ekonomika intrareġjonali, inkluża l-mobilità tal-oġġetti u tas-servizzi. Huma għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw użu usa’ tal-muniti rispettivi tagħhom fi tranżazzjonijiet internazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu miżuri b’appoġġ għan-natura trasformattiva tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-innovazzjoni u tar-riċerka. Huma għandhom jaħdmu biex jiksbu ekonomiji ċirkolari, b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għall-klima u jiżguraw li n-nies kollha jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ negozju miftuħa, li l-istandards tax-xogħol ewlenin jiġu rrispettati u mħarsa, inkluż permezz ta’ djalogu soċjali, u li jiġu promossi l-awtonomizzazzjoni soċjoekonomika u l-inklużjoni ta’ persuni vulnerabbli, nisa u żgħażagħ, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali xierqa. Huma jaqblu li jikkonċentraw l-isforzi fuq setturi ewlenin b’effett multiplikatur fuq it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-qerda tal-faqar, inkluża l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni f’oqsma ekonomiċi ġodda.

Kapitolu 1

It-tkabbir ekonomiku u d-diversifikazzjoni

Artikolu 14

Faċilitaturi tal-iżvilupp ekonomiku

1.   Il-Partijiet għandhom isegwu miżuri li jappoġġaw il-kisba ta’ livelli ogħla ta’ produttività ekonomika permezz tad-diversifikazzjoni, it-titjib teknoloġiku u l-innovazzjoni, bħala prijorità, u li jtejbu l-istabbiltà tas-settur makroekonomiku u finanzjarju, jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-regolamenti u l-proċessi tan-negozju, isaħħu sistemi tat-taxxa effettivi u prevedibbli, u jtejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistemi ġudizzjarji. Huma għandhom jadottaw politiki sodi dwar il-kompetizzjoni u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, tad-drittijiet tal-proprjetà u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu leġiżlazzjoni, regolamenti u politiki tajbin dwar il-faċilitazzjoni tan-negozju bl-għan li jnaqqsu l-ostakli regolatorji u amministrattivi u jtejbu t-trasparenza, filwaqt li jiżviluppaw ħiliet intraprenditorjali u kultura ta’ negozju bl-għan li jżidu l-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat. Huma għandhom jippromwovu wkoll ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inklużi fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jindirizzaw u jtejbu l-iżvilupp tal-kapital uman, b’mod partikolari permezz ta’ investiment u appoġġ għall-ħolqien ta’ forza tax-xogħol b’edukazzjoni għolja, imħarrġa, effiċjenti u bil-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa, li jkunu mħarrġa biżżejjed biex ikollhom aċċess għal xogħol deċenti, inkluż f’setturi ġodda ta’ tkabbir dinamiku, li jaqblu mad-domandi tas-swieq tax-xogħol u li jtejbu l-involviment tas-settur privat. Huma għandhom jagħmlu enfasi partikolari fuq it-titjib tal-litteriżmu diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ tekniċi u vokazzjonali u programmi ta’ edukazzjoni terzjarja.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu politiki li jtejbu r-rilevanza, l-effiċjenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Huma għandhom jippromwovu l-mobilità tax-xogħol intrareġjonali b’appoġġ għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku u biex jirrispondu b’mod pożittiv għall-ħtiġijiet tas-settur privat u jikkontribwixxu għal integrazzjoni ekonomika mtejba, investiment akbar u produttività tan-negozju mtejba.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ewlenin bħall-enerġija, it-trasport u l-ilma, kif ukoll tas-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communication technologies) u l-konnettività diġitali.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp taż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, inkluż billi jsaħħu l-konnessjonijiet bejn infrastrutturi reżiljenti, it-turiżmu, l-agrikoltura u l-industrija.

7.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw miżuri maħsuba biex itejbu l-kwalità, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-assigurazzjoni, finanzjarji u mhux finanzjarji għall-intrapriżi privati, fis-setturi formali u f’dawk informali. Huma għandhom itejbu l-aċċess għal finanzjament affordabbli, inkluż billi jiżviluppaw sistemi bankarji u mhux bankarji vijabbli u jsaħħu s-servizzi finanzjarji diġitali li jiffaċilitaw iż-żieda fil-valur permezz tal-integrazzjoni tad-ditti, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, f’katini ta’ valur reġjonali u globali, u permezz ta’ produzzjoni mtejba, il-kapaċità regolatorja tal-kummerċ, l-intraprenditorija, il-faċilitazzjoni tan-negozju mtejba, id-diversifikazzjoni tal-prodotti u d-destinazzjonijiet tal-esportazzjoni, u t-titjib teknoloġiku u l-innovazzjoni, inkluż tal-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku.

Artikolu 15

L-investiment

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jinkoraġġixxu, joħolqu u jżommu ambjent li jwassal għal investiment responsabbli għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Huma għandhom jissimplifikaw u jaċċelleraw il-proċeduri u r-rekwiżiti amministrattivi, u għandhom jappoġġaw miżuri li joħolqu klima ta’ investiment prevedibbli u sigura, jiffaċilitaw is-sħubijiet u jippromwovu d-djalogu bejn is-settur pubbliku u dak privat.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jattiraw u jżommu investiment pubbliku u privat sostenibbli u responsabbli, inkluż investiment dirett barrani, permezz ta’ taħlit, garanziji u strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn biex jagħtu spinta lill-fiduċja tal-investituri. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni adegwata u faċilment aċċessibbli dwar opportunitajiet ta’ negozju kemm fl-UE kif ukoll fil-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-investimenti permezz ta’ taħlita ta’ interventi xierqa, b’attenzjoni partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa.

Artikolu 16

L-iżvilupp tas-settur privat

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ settur privat dinamiku, kompetittiv u responsabbli, inkluż permezz tal-adozzjoni tal-politiki u r-riformi ekonomiċi, istituzzjonali u leġiżlattivi meħtieġa fil-livell nazzjonali jew fil-livell reġjonali, jew fit-tnejn. Huma għandhom jieħdu miżuri biex isaħħu u jtejbu l-produttività u l-effiċjenza tas-settur privat. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lit-tkabbir u l-kompetittività mtejba tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, lill-inkubaturi tan-negozju u lill-iżvilupp tal-industriji artiġjanali.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħtfu l-opportunitajiet tal-progress teknoloġiku u tal-ekonomija diġitali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jimmobilizzaw l-investiment b’appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-ekonomija diġitali, u biex jinkoraġġixxu lis-settur privat jagħti spinta lid-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari f’termini tal-investimenti, l-innovazzjoni, l-għarfien tas-suq, l-aċċess u l-għarfien espert.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp industrijali bil-għan li jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma għandhom jadottaw politiki mmirati li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw it-tkabbir u l-opportunitajiet industrijali, notevolment permezz tal-ħolqien ta’ konnessjonijiet u attivitajiet li jżidu l-valur, inklużi industriji fuq skala żgħira. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u proċessi xierqa u d-diversifikazzjoni ta’ prodotti niċċa. Huma għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji li jibnu kapaċità reġjonali u nazzjonali għall-kompetittività fil-manifattura u l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija medja u avvanzata.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u proċessi industrijali aktar nodfa u li jirrispettaw l-ambjent. Huma għandhom jindirizzaw b’mod effettiv il-forom kollha ta’ tniġġis li jirriżultaw mill-attivitajiet ekonomiċi, inkluż permezz ta’ definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u l-attribuzzjoni tagħhom lill-industrija u lill-operaturi tan-negozju tul il-katina tal-provvista, abbażi tal-prinċipji tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u ta’ min iniġġes iħallas.

Artikolu 17

Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fir-riċerka xjentifika, fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni, bl-għan li jippromwovu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà u jtejbu l-kompetittività reġjonali. Huma għandhom jiżviluppaw l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks ta’ riċerka u tal-infrastrutturi u s-servizzi tal-informatika u tad-data xjentifika, u jippromwovu tali żvilupp fil-kuntest reġjonali tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw, kif xieraq, l-aċċess għall-programmi tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni ta’ xulxin, għall-infrastrutturi u l-faċilitajiet tar-riċerka, għall-pubblikazzjonijiet u għad-data xjentifika f’oqsma ta’ rilevanza, inklużi t-tibdil fil-klima u l-oċeani.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-attivitajiet tal-ispazju ċivili, bħar-riċerka spazjali, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ awmentazzjoni bis-satellita, l-Osservazzjoni tad-Dinja u x-Xjenza tad-Dinja, b’mod partikolari fuq l-użu ta’ twissija bikrija u sorveljanza.

Artikolu 18

Ir-rimessi

Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tar-rimessi bħala sors ewlieni għal żvilupp inklużiv u sostenibbli, għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjoni tar-rimessi għal inqas minn 3 % u jeliminaw il-kurituri tar-rimessi b’kostijiet ogħla minn 5 % sal-2030, biex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar il-litteriżmu finanzjarju u l-inklużjoni finanzjarja permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u biex itejbu l-oqfsa regolatorji għall-involviment imtejjeb ta’ atturi mhux tradizzjonali, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

Kapitolu 2

Il-kooperazzjoni kummerċjali

Artikolu 19

L-integrazzjoni kummerċjali

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħtu spinta lill-opportunitajiet kummerċjali għall-vantaġġ reċiproku tagħhom, kif ukoll mar-reġjun usa’, inklużi l-PTEE. Huma għandhom jimmiraw li jrawmu l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku fl-ekonomija dinjija, speċjalment billi jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tal-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ ma’ reġjuni oħrajn.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika eżistenti bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, filwaqt li jinkoraġġixxu l-adeżjoni tal-pajjiżi interessati u, fejn xieraq, iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-ftehim.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw il-proċessi ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali fir-reġjun tal-Paċifiku, inklużi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-armonizzazzjoni regolatorja, sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kummerċ mal-ġirien tagħhom u sabiex irawmu l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali.

Artikolu 20

Il-kapaċità kummerċjali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-bini tal-kapaċità kummerċjali, inkluż permezz ta’ produzzjoni u intraprenditorija msaħħa, u żieda fl-investiment f’setturi li jżidu l-valur. Huma għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet qafas u l-politiki domestiċi t-tajba jkunu fis-seħħ biex jiffaċilitaw flussi kummerċjali akbar.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, billi jibnu fuq l-impenji rispettivi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ. Tali kooperazzjoni għandha tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku, inklużi dawk relatati mar-restrizzjonijiet ġeografiċi, it-teknoloġija, il-finanzjament tal-kummerċ u l-konnettività. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, relatati mal-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet, it-tranżitu u proċeduri doganali oħrajn fuq il-moviment ta’ oġġetti u servizzi, inkluża l-awtomatizzazzjoni tal-proċeduri doganali.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu, jidentifikaw u jeliminaw l-ostakli tekniċi bla bżonn għall-kummerċ, kif ukoll l-ostakli mhux tariffarji bla bżonn li jirrestrinġu l-esportazzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, huma għandhom jikkooperaw biex jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali permezz ta’ appoġġ xieraq għall-bini tal-kapaċitajiet, u mekkaniżmi mtejba ta’ kontroll tal-kwalità u laboratorji ta’ ċertifikazzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu r-regolamenti u l-prattiki sanitarji u fitosanitarji, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi istituzzjonali u regolatorji u infrastrutturi u sistemi ta’ informazzjoni adegwati.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimplimentaw arranġamenti amministrattivi ta’ kooperazzjoni u verifika fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom.

6.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-kontribut tat-teknoloġija diġitali għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, jaqblu li jikkooperaw lejn pjattaformi diġitali reġjonali xierqa tal-Paċifiku għall-kummerċ nazzjonali u transkonfinali.

Artikolu 21

Is-servizzi

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ settur tas-servizzi robust u vibranti, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tiegħu f’termini tal-kontribut tiegħu għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, biex jipprovdi inputs għall-attivitajiet ekonomiċi kollha u jiffaċilita l-produzzjoni trasformattiva u l-proċessi tal-esportazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċità fil-provvista tas-servizzi. Għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-servizzi relatati mal-moviment tal-persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju, servizzi finanzjarji u servizzi ta’ negozju oħrajn, turiżmu, industriji kulturali u kreattivi, u kostruzzjoni u servizzi tal-inġinerija relatati.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku fejn xieraq, inkluż bil-ħsieb li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Huma għandhom jikkooperaw biex jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ fis-servizzi, bl-għan li jrawmu l-kompetizzjoni, joħolqu l-impjiegi, jixprunaw it-tkabbir u l-iżvilupp u jtejbu l-kwalità tas-settur tas-servizzi tagħhom.

Kapitolu 3

Setturi ewlenin

Artikolu 22

L-ekonomija blu

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ‘ekonomija blu’ li tkun ġestita sewwa, u sostenibbli, u li jkollha l-għan li tirrikonċilja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli mal-ħolqien tal-impjiegi, għajxien imtejjeb u ekwità soċjali, benefiċċji ekonomiċi ġusti, u sigurtà alimentari msaħħa, abbażi tal-konservazzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw akkwakultura sostenibbli permezz ta’ ppjanar spazjali effettiv, approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mtejba għall-investituri, filwaqt li jiżguraw li din tissodisfa t-tħassib tal-komunitajiet lokali.

3.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, inkluż fil-livell tas-sajd artiġjanali, billi jippromwovu ktajjen ta’ valur sostenibbli permezz ta’ investiment imtejjeb fil-produttività u fil-kapaċitajiet tal-ipproċessar lokali, filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd u sigurtà u sikurezza alimentari mtejba.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħtfu l-opportunitajiet fil-qasam tal-bijoteknoloġija tal-baħar, billi jappoġġaw ir-riċerka u jnaqqsu l-ostakli tekniċi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-investituri, filwaqt li jevitaw riskji għall-ambjent tal-baħar.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda dwar l-ekonomija blu, inkluż it-tisħiħ tal-ippjanar spazjali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tajbin dwar l-investiment.

6.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-enerġija rinnovabbli tal-baħar bil-ħsieb li jaċċelleraw it-tranżizzjoni enerġetika nadifa fil-gżejjer kollha.

Artikolu 23

L-agrikoltura

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu agrikoltura sostenibbli u jappoġġaw prattiki u azzjonijiet agroekoloġiċi biex jibnu agrikoltura reżiljenti għall-klima u jiżguraw żieda fil-valur u diversifikazzjoni biex itejbu l-għajxien, jespandu l-introjtu u joħolqu impjiegi deċenti.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex iżidu l-opportunitajiet għall-produtturi, il-proċessuri u l-esportaturi, b’mod partikolari azjendi agrikoli żgħar, biex jaċċessaw swieq fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, inkluż permezz ta’ appoġġ ta’ estensjoni agrikola, infrastrutturi rurali u aċċess għall-finanzi mtejba. Huma għandhom jikkooperaw biex jiżguraw konformità ma’ prattiki u standards aċċettati internazzjonalment, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu s-sigurtà alimentari billi jiżviluppaw ktajjen tal-valur sensittivi għan-nutrizzjoni inklużivi u bijodiversi, inkluż permezz tal-ipproċessar u ż-żieda fil-valur lokali u kapaċitajiet imtejba ta’ aġenti tal-katina tal-valur. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom fir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u tal-ikel mir-reġjun tal-Paċifiku u mill-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiġġieldu kontra l-pesti, il-mard u l-ispeċijiet invażivi li jaffettwaw l-agrikoltura tagħhom.

Artikolu 24

It-turiżmu

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu, filwaqt li jimmassimizzaw il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u ż-żieda fid-dħul tal-gvern, filwaqt li jiżguraw l-integrazzjoni tad-dimensjonijiet ambjentali, kulturali u soċjali.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u tar-riżorsi naturali, u għandhom isaħħu r-rabtiet bejn it-turiżmu u setturi ekonomiċi rilevanti oħra, b’mod partikolari t-trasport, l-agrikoltura u l-ekonomija blu.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu prattiki ta’ żvilupp sostenibbli u għandhom jimmiraw li jottimizzaw il-benefiċċji soċjoekonomiċi tat-turiżmu, filwaqt li jipproteġu l-art, l-oċeani, in-nies u l-kulturi, jirrispettaw l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali, u jappoġġaw l-involviment tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp tat-turiżmu, b’mod partikolari t-turiżmu rurali u komunitarju u l-ekoturiżmu. Huma għandhom jinkoraġġixxu l-investiment f’teknoloġija ġdida għar-riċerka u l-iżvilupp statistiku, ir-reżiljenza għall-klima u għad-diżastri, il-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, u l-għajxien u l-parteċipazzjoni tal-komunità.

4.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-investiment fil-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi tat-turiżmu. Huma għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ sħubijiet innovattivi ma’ linji tal-ajru u operaturi tal-kruċieri rilevanti u jinvestu fl-iżvilupp tal-kapital uman, fit-taħriġ fis-settur tat-turiżmu u fil-bini tal-kapaċitajiet, il-kummerċjalizzazzjoni, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni diġitali, u jinkoraġġixxu kuntatti kummerċjali u skambji ta’ persunal tas-sengħa, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-kompetittività, jittejbu l-istandards tas-servizzi u għall-iżvilupp ulterjuri tas-settur tat-turiżmu.

Artikolu 25

L-enerġija sostenibbli

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tal-enerġija għall-prosperità ekonomika u tal-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali u tas-sigurtà tal-bniedem, kif ukoll il-ħtieġa għal tranżizzjoni bla xkiel għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu s-sigurtà tal-enerġija u r-reżiljenza tal-infrastrutturi tal-enerġija biex itejbu l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija nadifa.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jappoġġaw ir-riformi tal-enerġija fir-reġjun tal-Paċifiku li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-intensità tal-karbonju tal-proċessi ta’ żvilupp tiegħu, li jżidu l-effiċjenza tal-provvista u l-konsum tal-enerġija fl-użu finali, li jtejbu r-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija, u li jnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluż il-Qafas għal Azzjoni dwar is-Sigurtà tal-Enerġija fil-Paċifiku u l-FRDP.

3.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw swieq tal-enerġija miftuħa, trasparenti u li jiffunzjonaw li jixprunaw investiment inklużiv u sostenibbli fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni responsabbli, u fl-effiċjenza enerġetika.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija, mill-ġenerazzjoni sal-konsum, u għandhom isaħħu, itejbu u jittrasformaw il-faċilitajiet tal-produzzjoni, il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, inkluż permezz tat-tisħiħ u l-espansjoni tal-grilji tad-distribuzzjoni tal-enerġija urbana u rurali.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-tranżizzjoni enerġetika tar-reġjun tal-Paċifiku permezz tal-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa, diversi, kosteffettivi u sostenibbli, inklużi teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi.

Artikolu 26

Il-konnettività

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu r-restrizzjonijiet ġeografiċi li jiffaċċjaw l-Istati gżejjer tal-Paċifiku, għandhom isaħħu l-konnettività madwar ir-reġjun tal-Paċifiku, filwaqt li jiżguraw li din tkun sostenibbli, komprensiva, ibbażata fuq ir-regoli, u li trawwem l-investiment u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu konnessjonijiet tat-trasport sikuri, siguri, reżiljenti u sostenibbli, bl-ajru, bl-art u bil-baħar, u networks diġitali, minn mobbli sa fissi, mis-sinsla tal-internet sal-aħħar mil, minn kejbils sa satelliti. Huma jimpenjaw ruħhom li jaħdmu lejn il-konnettività tal-enerġija, bl-għan li jrawmu soluzzjonijiet moderni, effiċjenti u nodfa u jippromwovu l-kuntatti bejn il-persuni.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jirristrutturaw, isaħħu u jtejbu s-sistemi tat-trasport u tal-infrastruttura relatati, jiffaċilitaw u jtejbu l-moviment tal-passiġġieri, inklużi dawk b’mobilità mnaqqsa, u tal-merkanzija, u jipprovdu aċċess kosteffettiv, sikur, sigur u sostenibbli għal servizzi affidabbli u effettivi tat-trasport urban, bl-ajru, marittimu, fuq passaġġi tal-ilma interni, bil-ferrovija u bit-triq. Huma għandhom itejbu l-governanza ġenerali tas-settur tat-trasport, billi jiżviluppaw u jimplimentaw regolamenti effiċjenti biex jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni madwar ir-reġjun tal-Paċifiku, biex jippermettu kompetizzjoni ġusta u interoperabbiltà fi ħdan u bejn il-modi tat-trasport, kif ukoll biex jattivaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-settur privat fi proġetti tat-trasport, inkluż fuq il-manutenzjoni u fuq l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-kapaċità u ta’ infrastrutturi b’konnessjoni nieqsa.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ servizzi tat-trasport marittimu kosteffettivi u effiċjenti bħala l-mod ewlieni ta’ trasport li jiffaċilita l-kummerċ. Huma għandhom jikkooperaw fis-settur tat-trasport marittimu biex jippromwovu l-isforzi tal-Membri tal-OSAKP tal-Paċifiku fl-iżvilupp ta’ portijiet u servizzi tal-portijiet kompetittivi, inkluża l-infrastruttura tan-navigazzjoni, bil-ħsieb li jtejbu l-moviment tal-merkanzija u tan-nies.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fis-settur tal-avjazzjoni, inkluż billi jikkunsidraw żieda fir-rotot u fil-frekwenza tas-servizzi tal-ajru fir-reġjun Paċifiku. Huma għandhom jikkooperaw ukoll biex isaħħu u jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni, u s-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru, inkluża l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għal theddid u riskji relatati. Huma jaqblu li jsaħħu u jtejbu l-faċilitajiet ta’ għajnuna għan-navigazzjoni tal-ivvjaġġar bl-ajru u bil-baħar, inklużi l-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-kartografija.

5.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jagħtu spinta lill-aċċess għal konnettività tal-broadband u infrastrutturi diġitali miftuħa, affordabbli u siguri, inkluż permezz ta’ kejbils taħt il-baħar imtejba. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-aċċess faċli għall-ICT u jappoġġaw l-użu xieraq tal-intelliġenza artifiċjali u tal-internet tal-oġġetti u l-iskjerament ta’ networks mingħajr fili estensivi bi prezz baxx, adattati għaċ-ċirkostanzi lokali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu l-istituzzjonijiet regolatorji meħtieġa biex joħorġu liċenzji lill-fornituri ta’ servizzi, jippromwovu mġiba kompetittiva u jiżguraw il-benesseri u l-protezzjoni tal-konsumatur, isaħħu l-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tal-Partijiet, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika Reġjonali tal-ICT tal-Paċifiku.

Artikolu 27

L-industriji estrattivi

1.   Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-kontribut tal-industriji estrattivi għall-iżvilupp ekonomiku, għandhom jiffaċilitaw l-investiment sostenibbli u responsabbli permezz ta’ leġiżlazzjoni, politiki u oqfsa regolatorji xierqa konsistenti mal-aħjar prattiki internazzjonali. Huma għandhom jimmiraw li jiżguraw aċċess ġust u mingħajr distorsjoni għar-riżorsi estrattivi, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-liġijiet nazzjonali u s-sovranità tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u jħarsu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali affettwati.

2.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi estrattivi, inkluż l-iżvilupp ta’ oqfsa leġiżlattivi, filwaqt li jqisu l-impatti ambjentali. Huma għandhom jippromwovu t-trasparenza u r-responsabbiltà, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji rilevanti biex jiffaċilitaw l-esplorazzjoni u l-isfruttament sostenibbli u responsabbli tar-riżorsi estrattivi.

Artikolu 28

Il-forestrija

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti, inaqqsu u jwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, jikkonservaw il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-foresti, jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat, u jippromwovu prodotti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ktajjen ta’ valur sostenibbli ta’ agroindustriji u komoditajiet u prodotti tal-foresti, filwaqt li jagħtu prijorità lill-ħolqien tal-impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi oħrajn fil-konservazzjoni tal-ekosistemi. Huma għandhom jikkooperaw fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż għall-provvista legali u sostenibbli ta’ prodotti għal qligħ kummerċjali u l-kummerċjalizzazzjoni sostenibbli tal-flora u l-fawna tal-foresti, b’rispett sħiħ għall-aħjar prattiki u standards internazzjonali u ftehimiet internazzjonali rilevanti. Huma għandhom jikkollaboraw u jippromwovu l-użu ta’ teknoloġija u metodi xierqa biex jidentifikaw u jiżviluppaw ħxejjex aromatiċi u materjali oħrajn ibbażati fuq il-foresti li jikkontribwixxu għall-prodotti mediċinali, filwaqt li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda telfien tal-bijodiversità, li ma jinħoloq ebda żbilanċ fl-ekosistema, u li l-aċċess għall-prodotti mediċinali ma jkunx imfixkel.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu l-governanza u s-sostenibbiltà tal-foresti, inkluż billi jqisu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT, Forest Law Enforcement, Governance and Trade) u billi jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ftehimiet ta’ sħubija volontarji. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu l-koerenza u l-interazzjonijiet pożittivi fil-livell tal-pajjiżi bejn il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT u azzjoni klimatika fis-settur tal-foresti u tal-użu tal-art, inkluż fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali oħrajn, b’mod partikolari l-Qafas ta’ Varsavja għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+, Reducing Emissions for Deforestation and Forest Degradation). Huma għandhom jimpenjaw ruħhom ukoll fl-iżvilupp u fir-rieżami tal-politiki, tal-leġiżlazzjonijiet, tar-regolamenti, tal-istrateġiji u tal-pjanijiet għal azzjoni klimatika fis-settur tal-foresti u tal-użu tal-art, f’konformità mal-NDCs. Huma għandhom jieħdu passi biex itejbu l-kwalità tal-inventarji għall-emissjonijiet u t-tneħħijiet mis-settur tal-foresti.

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ strateġiji u inizjattivi ta’ adattament u ta’ konservazzjoni tal-foresti biex itejbu s-saħħa tal-foresti, ireġġgħu lura d-deforestazzjoni, jirrestawraw il-pajsaġġi tal-foresti degradati, itejbu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jistabbilixxu mill-ġdid il-kopertura tal-foresti. Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-foresti naturali u verġni biex jipprovdu l-ekosistemi, il-klima u s-servizzi kulturali li jiddependu fuqhom is-soċjetajiet tagħna, huma għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u jimplimentaw approċċi xierqa u inċentivi pożittivi għall-adattament u l-konservazzjoni tagħhom.

5.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tisħiħ u l-bini tal-kapaċitajiet ta’ istituzzjonijiet u aġenziji reġjonali, subreġjonali u nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Huma għandhom iżidu l-għarfien pubbliku dwar id-deforestazzjoni fil-livelli kollha u jinkoraġġixxu l-konsum ta’ prodotti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli. Huma għandhom jippromwovu u jappoġġaw l-użu ta’ fjuwil tat-tisjir alternattiv, sostenibbli u nadif għall-komunitajiet lokali. Huma għandhom isaħħu l-involviment tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali fil-protezzjoni tal-foresti.

TITOLU III

L-oċeani, l-ibħra u s-sajd

Artikolu 29

Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol essenzjali tal-oċeani għall-ħajja fid-dinja, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-għajxien tan-nies. Huma jaqblu li jżidu l-isforzi biex jipproteġu l-oċeani u l-ibħra mill-konsegwenzi negattivi u mill-impatt ta’ pressjonijiet differenti, bħat-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-ibbliċjar tal-qroll, l-isfruttament żejjed, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU) u attivitajiet distruttivi u mhux sostenibbli oħrajn. Huma għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, jipproteġu l-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar, inaqqsu t-tniġġis ta’ kull tip u jimplimentaw politiki ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih.

Kapitolu 1

Il-governanza tal-oċeani

Artikolu 30

Oċeani sostenibbli

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-isforzi ta’ xulxin biex jiżguraw governanza tal-oċeani mtejba u integrata, miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tas-sajd reġjonali u subreġjonali msaħħa, il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, strateġiji oħra speċifiċi għar-reġjun, u strumenti għall-ġestjoni effettiva tal-oċeani.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jimplimentaw trattati, konvenzjonijiet u ftehimiet reġjonali u internazzjonali rilevanti dwar il-governanza tal-oċeani, li għalihom huma parti, u l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi previsti fihom.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-governanza tal-oċeani għall-użu u l-konservazzjoni sostenibbli tagħhom, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, UN Convention on the Law of the Sea) u filwaqt li jqisu l-oqfsa reġjonali rilevanti, inkluż billi jippromwovu approċċ ta’ ġestjoni integrata, b’kont meħud tad-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimmitigaw u jtaffu l-pressjoni fuq l-oċeani u r-riżorsi tagħhom, għal oċeani sikuri, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli, kif ukoll biex isaħħu l-għarfien dwar l-oċeani. Huma għandhom jikkooperaw fuq il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi kostali u tal-baħar.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jnaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jiġġieldu kontra t-tniġġis akustiku u l-iskart tal-baħar, inklużi l-plastik u l-mikroplastik, it-tixrid taż-żejt u l-kontaminanti nukleari. Huma għandhom jappoġġaw u jistinkaw għar-regolamentazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti, filwaqt li jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni urġenti tal-istrateġija inizjali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti. Huma għandhom jippromulgaw leġiżlazzjoni u regolamenti li jirregolaw ir-rimi ta’ skart ta’ ħsara u skart, inkluż l-impożizzjoni ta’ penali għall-ksur.

6.   Il-Partijiet jaqblu li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-aqwa xjenza disponibbli, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-importanza tal-għarfien tradizzjonali u indiġenu.

7.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fuq ir-riċerka, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni, l-ippjanar spazjali tal-baħar, u l-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar u ta’ ħabitats tal-baħar, b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli u b’kont meħud tal-għarfien tal-komunitajiet indiġeni u lokali.

8.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jibnu l-kapaċità u l-għarfien espert fil-governanza tal-oċeani, inkluż permezz tar-riċerka xjentifika tal-baħar u t-trasferiment tat-teknoloġija tal-baħar, f’konformità mal-UNCLOS.

9.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni fuq l-aspetti kollha tal-governanza tal-oċeani, inkluż fuq kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-livell tal-baħar u l-effetti u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha, l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, is-sajd, it-tniġġis tal-baħar u r-riċerka u l-iżvilupp.

10.   Il-Partijiet jirrikonoxxu t-tħassib ġenerali li tqajjem dwar l-impatt tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar u l-bijodiversità tiegħu. Huma għandhom jużaw l-aħjar xjenza disponibbli, japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ tal-ekosistema, jippromwovu r-riċerka u jikkondividu l-aħjar prattiki fl-oqsma ta’ interess reċiproku relatati mar-riżorsi minerali ta’ qiegħ il-baħar, sabiex jiżguraw il-ġestjoni ambjentali tajba tal-attivitajiet għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-bijodiversità tiegħu.

Artikolu 31

Il-bijodiversità ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, inkluż permezz ta’ organizzazzjonijiet u arranġamenti reġjonali u internazzjonali kompetenti, fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija tal-baħar għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

Kapitolu 2

Is-sajd

Artikolu 32

Il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-konservazzjoni u l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-livelli bilaterali, subreġjonali, reġjonali u multilaterali, kif xieraq.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li r-riżorsi tas-sajd jiġu kkonservati u ġestiti b’mod effettiv u jinqabdu b’mod sostenibbli, u li r-redditi soċjali u ekonomiċi jiġu ottimizzati.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni trasparenti u bbażati fuq ix-xjenza f’konformità mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari r-regoli u l-prinċipji stabbiliti fl-UNCLOS u fil-Ftehim tan-NU dwar il-Ħażniet ta’ Ħut, u li jirrispettaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, fejn applikabbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tas-sajd kostali permezz ta’ politiki, liġijiet u regolamenti effettivi. Huma għandhom jippromwovu l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd mill-komunitajiet lokali, u mis-sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali, u għandhom jippromwovu s-sigurtà alimentari u l-ekwità interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali.

Artikolu 33

Sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat

1.   Il-Partijiet, f’konformità mal-obbligi internazzjonali, għandhom iżommu jew jadottaw inizjattivi biex jiġġieldu s-sajd IUU fil-ġuriżdizzjonijiet rispettivi tagħhom, f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn, u fl-ibħra miftuħa, filwaqt li jirrikonoxxu li tali attivitajiet jikkostitwixxu theddida serja għall-konservazzjoni effettiva, il-ġestjoni u l-isfruttament sostenibbli tas-sajd.

2.   Il-Partijiet għandhom jimplimentaw politiki u miżuri biex jeskludu prodotti tas-sajd IUU mill-flussi kummerċjali. Huma għandhom jimplimentaw u jinfurzaw miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, bħal skemi ta’ osservaturi, sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, liċenzji u awtorizzazzjonijiet tas-sajd, reġistrazzjoni u rapportar tal-qabdiet, kontroll tat-trażbord, spezzjonijiet u kontroll tal-Istat tal-port u miżuri assoċjati, biex jiżguraw konformità, inklużi azzjoni ta’ infurzar u sanzjonijiet skont ir-regolamenti domestiċi, bl-għan li jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut, jipprevjenu s-sajd eċċessiv u jippromwovu s-sajd sostenibbli.

3.   Il-Partijiet, f’konformità mal-obbligi tagħhom skont il-liġijiet nazzjonali u l-istrumenti subreġjonali, reġjonali u internazzjonali eżistenti, jaqblu li ma jagħtux permess għad-dħul lil, jirrifjutaw li jipprovdu servizz lil, jew li jkeċċu mill-portijiet tagħhom, bastimenti ta’ Partijiet li jkunu nstabu li kienu involuti f’sajd IUU f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn u fl-ibħra miftuħa, jew li jkollhom storja ta’ sajd IUU.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jirratifikaw il-ftehimiet internazzjonali rilevanti fir-rigward tas-sajd IUU, b’mod partikolari l-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat, magħmul f’Ruma fit-22 ta’ Novembru 2009, u għandhom jippromwovu l-komplementarjetà u l-konsistenza bejn il-miżuri u l-istrateġiji internazzjonali u reġjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU.

Artikolu 34

Sussidji tas-sajd dannużi

Il-Partijiet jaqblu li jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprojbixxu ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd żejjed, u li jeliminaw sussidji li jikkontribwixxu għas-sajd IUU u joqogħdu lura milli jintroduċu tali sussidji ġodda, filwaqt li jirrikonoxxu li trattament xieraq, effettiv, speċjali u differenzjali għall-Istati tal-Paċifiku li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jenħtieġ li jkun parti integrali min-negozjati tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd.

TITOLU IV

Is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza

Artikolu 35

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiksbu soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti, jipproteġu, jippromwovu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem, u għandhom isaħħu l-prinċipji demokratiċi u l-governanza tajba. Huma għandhom jappoġġaw istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti fil-livelli kollha u għandhom jieħdu passi konkreti dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil tal-flus. Huma għandhom jindirizzaw theddid ġdid jew li qed jikber għas-sigurtà, inkluż it-terroriżmu, it-theddid għaċ-ċibersigurtà u l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata tranżnazzjonali, b’mod partikolari b’rabta mas-sigurtà marittima, iċ-ċiberkriminalità, is-sigurtà tal-bniedem, u s-sigurtà ambjentali, filwaqt li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali, billi jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inklużi l-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-Boe dwar is-Sigurtà Reġjonali u l-istrateġiji rilevanti tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw, kull meta jkun xieraq f’konformità mal-obbligi internazzjonali eżistenti, ix-xogħol tal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dik tal-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar kwistjonijiet rilevanti.

Kapitolu 1

Is-sigurtà

Artikolu 36

Il-paċi u s-sigurtà

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja, permezz tal-protezzjoni, il-promozzjoni u l-issodisfar tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, is-sigurtà tal-bniedem imsaħħa, is-sigurtà ambjentali, u l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi.

2.   Il-Partijiet għandhom jindirizzaw il-forom kollha ta’ vjolenza bbażata fuq l-identità, inkluża l-vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru, interkomunali, etnika u reliġjuża. Huma għandhom jappoġġaw il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni permezz ta’ mekkaniżmi ta’ ġustizzja tranżizzjonali, inklużi prattiki tradizzjonali jew konswetudinarji, fejn u meta dawn ma jkunux inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment. Huma għandhom jipprovdu appoġġ lill-vittmi kollha ta’ vjolenza.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itejbu s-sigurtà marittima, f’konformità mal-UNCLOS u filwaqt li jqisu l-oqfsa reġjonali rilevanti, billi jikkondividu l-informazzjoni, jirrispondu għat-theddid għall-bastimenti u għall-installazzjonijiet u l-assi marittimi, u jinfurzaw il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti. Huma għandhom jikkooperaw, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji spazjali, biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà li jirriżultaw minn kriminalità tranżnazzjonali bħat-traffikar tad-drogi, il-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, ix-xogħol furzat, it-traffikar ta’ persuni u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u għad-dritt internazzjonali, li jindirizzaw dawk il-fatturi, li jistgħu joħolqu ambjent li jwassal għall-estremiżmu vjolenti u għar-radikalizzazzjoni. Huma għandhom jiżviluppaw leġiżlazzjoni u strateġiji ġodda, jew isaħħu dawk eżistenti, u jikkooperaw biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, il-finanzjament tat-terroriżmu u t-theddid assoċjat, kif xieraq, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, kull fejn applikabbli. Huma għandhom jikkooperaw lejn l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCRs), inklużi l-UNSCRs 2396 (2017) u 2462 (2019), u tal-Assemblea Ġenerali. Huma għandhom joqogħdu lura milli jipprovdu kwalunkwe forma ta’ appoġġ lil atturi tal-Istat u mhux tal-Istat li jipprovaw jiżviluppaw, jakkwistaw, jimmanifatturaw, jippossjedu, jittrasportaw, jittrasferixxu jew jużaw armi nukleari, kimiċi, bijoloġiċi jew kwalunkwe armi oħrajn u l-mezzi tat-twassil tagħhom, għal finijiet terroristiċi. Huma għandhom itejbu l-kooperazzjoni biex jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet jipprevjenu u jżidu r-reżiljenza kontra atti ta’ terroriżmu, estremiżmu vjolenti u radikalizzazzjoni.

5.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li t-tibdil fil-klima huwa theddida eżistenzjali għall-għajxien, is-sigurtà u l-benesseri tal-popli u l-komunitajiet, u jimpenjaw ruħhom li jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Huma għandhom jippromwovu r-rikonoxximent globali tat-tibdil fil-klima bħala riskju għas-sigurtà u għandhom jaħdmu flimkien biex jipprevjenu l-impatti tat-tibdil fil-klima milli jkomplu jaġixxu bħala multiplikatur tat-theddid, bħal theddid minn żieda fil-livelli tal-baħar u eventi ta’ temp estrem, b’implikazzjonijiet serji għall-paċi u s-sigurtà. Huma għandhom jirrikonoxxu u jaġixxu fuq it-theddida tat-tibdil fil-klima għall-paċi u s-sigurtà billi jsaħħu l-miżuri ta’ adattament u reżiljenza kif ukoll is-sistemi ta’ twissija bikrija.

6.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu ċ-ċibersigurtà u biex jipprevjenu u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità bl-użu tal-internet, inkluż is-serq tal-proprjetà intellettwali bl-użu tal-internet. Huma għandhom jikkooperaw biex jikkondividu l-aħjar prattiki għall-protezzjoni b’mod aktar effettiv tal-infrastrutturi kritiċi nazzjonali u reġjonali minn attakki ċibernetiċi. Huma għandhom jippromwovu governanza tal-internet b’diversi partijiet ikkonċernati u jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-distribuzzjoni online ta’ materjali illeċiti jew dannużi. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ esperti tekniċi taċ-ċibersigurtà u investigaturi taċ-ċiberkriminalità, tal-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità u tax-xjenza forensika diġitali. Huma għandhom isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jippromwovu s-sigurtà u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju. Huma għandhom jirrikonoxxu li ċ-ċiberkriminalità hija problema globali u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jibnu fuq in-normi u l-istandards internazzjonali eżistenti, inklużi dawk tal-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità.

Artikolu 37

Il-kriminalità organizzata

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali, inklużi, iżda mhux limitatament għal, it-traffikar tal-bnedmin, id-drogi illeċiti, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat, il-kummerċ illegali ta’ speċijiet fil-periklu, inklużi speċijiet tal-baħar fil-periklu, annimali u pjanti selvaġġi, kif ukoll prodotti derivati, u attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji illegali oħrajn.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jżommu sforzi kkoordinati biex jipprevjenu u jiġġieldu l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom biex jiffinanzjaw attivitajiet kriminali. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jinfurzaw miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-flussi finanzjarji illeċiti, f’konformità mal-istandards u l-oqfsa internazzjonali rilevanti, notevolment ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, bl-għan li jiġġieldu l-attivitajiet ta’ networks kriminali u terroristiċi organizzati tranżnazzjonali. Huma għandhom itejbu l-koordinazzjoni bejn il-mekkaniżmi ta’ sigurtà reġjonali u nazzjonali permezz ta’ djalogu miftuħ u l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika b’appoġġ għat-twissija bikrija u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, imsieħba u partijiet ikkonċernati rilevanti.

Kapitolu 2

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza

Artikolu 38

Id-drittijiet tal-bniedem

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u jaqblu li jirrispettaw, jipproteġu, jissodisfaw u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm jekk huma ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali. Huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa f’konformità mat-trattati internazzjonali rilevanti biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, u l-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin. Huma għandhom jindirizzaw u jiġġieldu l-forom kollha ta’ razziżmu, diskriminazzjoni, diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, inkluż il-manifestazzjoni tagħhom permezz ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, it-traffikar tal-bnedmin, bin-nisa u l-bniet partikolarment fil-mira għal sfruttament sesswali, diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, ksenofobija u intolleranza relatata.

2.   Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u mill-bniet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom. Huma għandhom jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tat-tfal.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi u jmexxu ’l quddiem id-drittijiet tal-popli indiġeni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP).

4.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw miżuri għat-titjib tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-iżvilupp, li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem kollha, u jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw, inter alia, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għal kulħadd fit-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-aċċess għal u l-kontroll fuq ir-riżorsi u s-servizzi essenzjali għad-dritt għal standard tal-għajxien adegwat. Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, id-drittijiet għall-edukazzjoni, is-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, l-ikel, l-ilma tax-xorb u s-sanità, l-akkomodazzjoni adegwata, ix-xogħol u l-ġustizzja. Il-passi li għandhom jittieħdu għar-realizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandhom jinkludu servizzi aċċessibbli li jindirizzaw il-kawżi u l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta’ distribuzzjoni ġusta u ekwa tar-riżorsi.

5.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw lejn ir-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Paċifiku, inkluż permezz tal-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ mekkaniżmi u istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, u permezz tat-tisħiħ ta’ ambjent abilitanti u sikur għall-impenn attiv tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u l-aċċess għal mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 39

Id-demokrazija u l-governanza

1.   Il-Partijiet għandhom iħarsu l-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi f’konformità ma’ prinċipji rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u oqfsa legali nazzjonali, inklużi gvernijiet responsabbli eletti permezz ta’ elezzjonijiet paċifiċi, inklużivi, trasparenti u kredibbli, l-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet u t-tranżizzjoni sussegwenti tal-gvern u d-dritt tal-individwu li jipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi tas-soċjetà li jgħix fiha.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu r-rwol tal-parlamenti, jippromwovu l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, u jippreservaw u jwessgħu spazju abilitanti għas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jtejbu r-responsabbiltà demokratika. Huma għandhom isaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali, reġjonali u deċentralizzati biex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipji u l-prattiki demokratiċi.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-prinċipji ta’ governanza tajba. Huma għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jibnu istituzzjonijiet pubbliċi inklużivi, responsabbli u trasparenti. Huma għandhom jappoġġaw il-kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, jiżviluppaw servizz ċivili responsabbli, effiċjenti, trasparenti u professjonali, u jsaħħu l-għoti ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità.

4.   Il-Partijiet għandhom jaċċelleraw l-iskjerament ta’ infrastruttura ta’ servizzi ta’ governanza elettronika u servizzi diġitali bħala mezz biex itejbu l-aċċess għal, u d-disponibbiltà ta’, servizzi pubbliċi, itejbu l-prattiki demokratiċi u l-governanza, u jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

5.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu jew isaħħu l-mekkaniżmi u l-istituzzjonijiet biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, it-tixħim, il-frodi u reati finanzjarji korporattivi, inkluż bl-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ standards u strumenti internazzjonali rilevanti, notevolment il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, magħmula fi New York fil-31 ta’ Ottubru 2003. Huma għandhom jippromwovu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u r-responsabbiltà, jinkoraġġixxu azzjonijiet li jappoġġaw il-valuri ta’ kultura ta’ trasparenza, legalità u bidla fl-imġiba sabiex tiġi żgurata l-eradikazzjoni tal-korruzzjoni, u jkomplu jiżviluppaw il-leġiżlazzjoni biex jiġu ffaċilitati l-irkupru u r-ritorn tal-assi.

6.   Il-Partijiet għandhom isaħħu s-sistemi ta’ governanza biex iwaqqfu l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu l-kuntrabandu ta’ migranti u networks kriminali relatati, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin, b’enfasi speċifika fuq il-protezzjoni tal-vittmi.

Artikolu 40

L-istat tad-dritt u l-ġustizzja

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-rispett għal-liġi u jikkooperaw biex jikkonsolidaw l-istat tad-dritt. Huma għandhom jimmiraw li jiżguraw ġudikatura indipendenti, imparzjali u effettiva u li jsaħħu l-istituzzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprovdu aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd taħt proċess xieraq.

2.   Il-Partijiet għandhom jopponu u jikkundannaw kull forma ta’ tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor minn atturi statali u mhux statali fil-kuntesti kollha, inkluż billi jappoġġaw ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, magħmula fi New York fl-10 ta’ Diċembru 1984, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu riformi tal-ġustizzja sabiex jiżguraw sistemi u proċeduri tal-qorti effiċjenti u jimmodernizzaw is-sistemi penitenzjarji. Huma għandhom jikkooperaw biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ atturi ewlenin fil-ġudikatura u fil-korpi leġiżlattivi.

Artikolu 41

Il-governanza finanzjarja

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, inklużi l-mobilizzazzjoni effettiva u l-użu tad-dħul pubbliku, il-ġestjoni sostenibbli tad-dejn pubbliku, sistemi tal-akkwist pubbliku sostenibbli, trasparenti, kompetittivi u prevedibbli, u appoġġ għall-korpi nazzjonali ta’ sorveljanza.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromulgaw leġiżlazzjoni, jieħdu miżuri konkreti u jsaħħu l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi rilevanti biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, u jiżguraw l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxi.

TITOLU V

L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali

Artikolu 42

Il-Partijiet huma determinati li jeqirdu l-faqar fil-forom kollha tiegħu sal-2030, irawmu l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali permezz ta’ aċċess inklużiv u ekwu għas-servizzi soċjali u sigurtà alimentari mtejba, jindirizzaw l-inugwaljanza b’mod effettiv, jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ, jiżguraw li kulħadd ikollu l-mezzi meħtieġa biex igawdi l-ħajja b’dinjità, u joħolqu l-kondizzjonijiet biex in-nies jipparteċipaw b’mod effettiv fil-ħajja demokratika u jikkontribwixxu attivament għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali bħala investiment fundamentali għall-qerda tal-faqar u għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza, u bħala mezz importanti biex jerġgħu jinvestu l-kisbiet ekonomiċi b’mod aktar wiesa’ fis-soċjetà u fin-nies. Huma għandhom jippromwovu l-kultura u l-isport bħala xprunaturi għal żvilupp tal-bniedem u soċjali sostenibbli u tkabbir ekonomiku inklużiv, kif ukoll għall-inklużjoni soċjali u għal soċjetajiet paċifiċi.

Kapitolu 1

Is-servizzi soċjali

Artikolu 43

L-edukazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw aċċess inklużiv u ekwu għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli primarji, sekondarji u terzjarji, kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluż il-Qafas ta’ Edukazzjoni Reġjonali tal-Paċifiku. Huma għandhom jippromwovu l-iżvilupp tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Huma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa u lill-bniet, u lill-gruppi emarġinati u vulnerabbli, inklużi persuni b’diżabbiltà.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità tat-tagħlim formali u mhux formali u biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali, bil-ħsieb li jżidu l-għadd ta’ ħaddiema tas-sengħa u b’edukazzjoni għolja li jaqblu mal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu inizjattivi li jinkoraġġixxu u jippermettu l-iżvilupp u l-użu usa’ tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-infrastruttura u t-tagħmir taċ-ċentri edukattivi. Huma għandhom itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni permezz ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza, l-iżvilupp tal-kurrikulu u l-kwalità mtejba tat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema.

Artikolu 44

Is-saħħa

1.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiksbu kopertura tas-saħħa universali u aċċess ekwu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz ta’ sistemi tas-saħħa nazzjonali msaħħa, faċilitajiet u tagħmir modernizzati, u mediċini u vaċċini essenzjali ta’ kwalità u affordabbli.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jitteħidx, bil-ħsieb li titnaqqas l-inċidenza tiegħu, inkluż billi jiżdied l-investiment għall-promozzjoni tas-saħħa, u strateġiji ta’ prevenzjoni primarji u sekondarji. Huma għandhom iqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom li jippromwovu l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jitteħidx. Huma għandhom jindirizzaw l-isfidi assoċjati mas-saħħa mentali, permezz tal-iżvilupp ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u bbażati fil-komunità, inklużi dawk li jindirizzaw disturbi psikosoċjali.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu s-sistemi nazzjonali u reġjonali ta’ sorveljanza u monitoraġġ biex jidentifikaw u jirrispondu malajr u b’mod effettiv għal mard komunikabbli u emerġenzi oħra tas-saħħa ta’ tħassib nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, inklużi infezzjonijiet b’potenzjal pandemiku bħall-influwenza. Huma għandhom jikkooperaw ukoll biex jimplimentaw approċċ ‘saħħa waħda’ biex jindirizzaw ir-reżistenza antimikrobika u l-konsegwenzi tagħha kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għas-saħħa tal-annimali.

Artikolu 45

L-ilma u s-sanità

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi biex irawmu l-aċċess għal ilma suffiċjenti, sikur u affordabbli għall-użu personali u domestiku, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lil persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Huma għandhom jippromwovu azzjoni biex isaħħu s-sigurtà tal-ilma kontra l-impatti tat-tkabbir tal-popolazzjoni, il-varjabbiltà tal-klima u t-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ effiċjenza mtejba fl-użu tal-ilma, is-sikurezza tal-ilma tax-xorb, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, u l-iżvilupp ta’ sistemi nazzjonali għall-ġbir u l-ħażna tal-ilma.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħtu spinta lill-aċċess fiżiku u affordabbli għas-sanità għal kulħadd, fl-isferi kollha tal-ħajja, li huwa sikur, iġjeniku, sigur, soċjalment u kulturalment aċċettabbli u li jipprovdi privatezza u jiżgura dinjità. Huma għandhom jappoġġaw u jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali fl-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ faċilitajiet u prattiki ta’ iġjene fid-djar, fl-iskejjel u fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari f’żoni li jiffaċċjaw sfidi diffiċli, bħal żoni rurali u remoti, gżejjer żgħar u insedjamenti urbani informali.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ għarfien u teknoloġija kondiviżi, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet meħtieġ biex jippjanaw, iwasslu u jżommu sistemi u infrastruttura tal-ilma u s-sanità ta’ kwalità.

Artikolu 46

L-akkomodazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi biex jiżguraw aċċess ekwu għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għal kulħadd, inklużi dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Huma għandhom jindirizzaw il-kwistjoni tal-inugwaljanzi bejn l-unitajiet domestiċi urbani u ż-żoni rurali, u bejn il-gżejjer remoti u dawk ewlenin. Huma għandhom jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, inkluż dwar il-kodiċijiet tal-bini, bil-ħsieb li jtejbu r-reżiljenza ambjentali u jiksbu akkomodazzjoni intelliġenti fil-livell klimatiku.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiksbu aċċess universali għal servizzi tal-enerġija sostenibbli għal kulħadd, itejbu l-aċċess għall-elettriku u jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-unitajiet domestiċi.

Artikolu 47

Is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni mtejba

1.   Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel suffiċjenti, affordabbli, sikur u nutrittiv, inkluż billi jippromwovu ikel nutrittiv lokali u jinvestu f’sistemi tal-ikel sostenibbli, inklużi trasport u ħażna reżiljenti għall-klima. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ sorsi adegwati ta’ ikel ta’ emerġenza matul l-irkupru minn diżastru.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex itemmu l-forom kollha ta’ malnutrizzjoni u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-insigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw id-diversifikazzjoni agrikola u l-produzzjoni lokali tal-ikel, kemm għal skopijiet ta’ sussistenza kif ukoll għal skopijiet kummerċjali. Huma għandhom jimmiraw li jsaħħu sistemi ta’ biedja reżiljenti u diversifikati u agrikoltura effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi jużaw varjetajiet ta’ għelejjel nutrittivi reżiljenti u b’rendiment għoli. Huma għandhom jindirizzaw l-isfruttament żejjed tar-riżorsi tas-sajd, filwaqt li jqisu li l-ħut huwa sors kritiku għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu dieti tajbin għas-saħħa, inaqqsu d-dipendenza fuq ikel importat b’valur nutrizzjonali baxx, isaħħu r-regolamentazzjoni tat-tikkettar tan-nutrizzjoni, irawmu programmi ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar prattiki ta’ nutrizzjoni u dieta tajba għas-saħħa, u jippromwovu l-produzzjoni u l-konsum ta’ ikel lokali tajjeb għas-saħħa.

Kapitolu 2

L-inugwaljanza, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali

Artikolu 48

Il-protezzjoni soċjali

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u politiki tal-impjiegi diretti biex jiżguraw xogħol deċenti għal kulħadd, inkluż it-titjib tal-kondizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema. Huma għandhom jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ekonomija informali, inkluż l-aċċess għall-kreditu u l-mikrofinanzjament u miżuri ta’ protezzjoni soċjali msaħħa, bil-ħsieb li jiffaċilitaw tranżizzjoni aktar bla xkiel għall-ekonomija formali. Huma għandhom jiġġieldu kull forma ta’ sfruttament għal profitt, inkluż l-isfruttament sesswali u tax-xogħol, kemm f’ekonomiji formali kif ukoll f’dawk informali.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jestendu l-kopertura tal-protezzjoni soċjali, speċjalment għal persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà u gruppi emarġinati, kif ukoll għal dawk li huma impjegati b’mod formali u informali, bl-għan li jilħqu l-universalità b’mod progressiv, permezz ta’ sigurtà bażika tal-introjtu u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u li jirrispondu għax-xokkijiet.

Artikolu 49

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet

1.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-politiki, il-programmi u l-mekkaniżmi mmirati biex jiżguraw, itejbu u jespandu l-parteċipazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali. Huma għandhom jinkoraġġixxu r-ratifika u jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, magħmula fi New York fit-18 ta’ Diċembru 1979, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha. Huma għandhom jiżguraw li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-politiki kollha. Huma għandhom iqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluża l-arkitettura reġjonali tal-Paċifiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, jidentifikaw opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa u għandhom jiżguraw li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom jiġu rrispettati u promossi. Huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għas-servizzi finanzjarji u l-impjiegi, u l-kontroll fuq u l-użu tal-art u assi produttivi oħra. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jappoġġaw lill-imprendituri nisa, inaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u jneħħu regolamenti u prattiki diskriminatorji oħrajn. Huma għandhom jaħdmu biex jibnu r-reżiljenza tan-nisa għall-impatti tat-tibdil fil-klima u għandhom isostnu l-għajxien tagħhom fl-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura, u fl-industriji kulturali. Huma għandhom isaħħu l-ġbir, il-kumpilazzjoni, l-analiżi u t-tixrid ta’ data statistika aċċessibbli dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-leġiżlazzjoni u l-miżuri ta’ politika meħtieġa biex iwaqqfu ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u sfurzat, u li jeliminaw kull forma ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, b’mod partikolari l-vjolenza domestika, kull forma ta’ sfruttament sesswali u tax-xogħol, u kull forma ta’ fastidju fl-isferi pubbliċi u privati, inkluż permezz ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni għal bidla fl-imġiba.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex isaħħu l-parteċipazzjoni u l-vuċi tan-nisa u l-bniet fil-ħajja pubblika u politika, inkluż fil-proċessi elettorali, politiċi, ta’ governanza u ta’ żvilupp, il-gvern lokali, il-mekkaniżmi tradizzjonali u konswetudinarji, it-tmexxija, il-korpi kostituzzjonali, l-intrapriżi li jkunu l-proprjetà tal-Istat, il-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

5.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali biex jindirizzaw u jittrattaw kwistjonijiet relatati ma’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi l-prevenzjoni ta’, u l-protezzjoni kontra, kull forma ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, l-investigazzjoni tal-fastidju u l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, u l-kura u l-appoġġ għall-vittmi. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti nazzjonali u l-oqfsa reġjonali mal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-oqfsa reġjonali rilevanti.

6.   Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta’ rieżami tagħhom. Huma għandhom jippromulgaw politiki u jfasslu programmi li jimmiraw li jiksbu aċċess universali għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva ta’ kwalità affordabbli, komprensivi u integrati bi programmi adegwati ta’ konsulenza, informazzjoni u edukazzjoni sesswali, filwaqt li jqisu l-gwida teknika internazzjonali tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, kif xieraq, kif ukoll l-għoti ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tad-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Asja u tal-Paċifiku dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, kif xieraq.

Artikolu 50

Iż-żgħażagħ

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu strutturi ta’ governanza biex jibbenefikaw mid-dividend taż-żgħażagħ u biex isaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ u jżidu l-influwenza tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja politika u fl-isforzi ta’ konsolidazzjoni tal-paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Huma għandhom jippromwovu parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ f’azzjoni ambjentali, b’mod partikolari programmi ta’ monitoraġġ u adattament għat-tibdil fil-klima.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u x-xogħol deċenti għaż-żgħażagħ, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ, biex jgħinuhom jiksbu ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol bl-għan li jsibu impjieg.

3.   Il-Partijiet għandhom irawmu programmi soċjali u tal-ġustizzja għall-prevenzjoni tad-delinkwenza tal-minorenni u l-integrazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali. Huma għandhom jappoġġaw istituzzjonijiet, bħal skejjel, organizzazzjonijiet ta’ ispirazzjoni reliġjuża u gruppi taż-żgħażagħ, li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini ta’ reżiljenza f’komunitajiet vulnerabbli li jkollhom iż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex itejbu u jsaħħu s-sistemi u s-salvagwardji għall-protezzjoni tat-tfal. Huma għandhom jappoġġaw miżuri maħsuba biex iwaqqfu t-tħaddim u l-abbuż tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u sfurzat u l-piena korporali.

Artikolu 51

Il-persuni b’diżabbiltà

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà mingħajr ebda tip ta’ diskriminazzjoni. Huma għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà permezz ta’ aċċess ugwali għas-servizzi soċjali, inklużi l-edukazzjoni u s-saħħa u l-parteċipazzjoni effettiva fis-swieq tax-xogħol u opportunitajiet ekonomiċi oħra.

2.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu r-ratifika u jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom.

Artikolu 52

Il-kultura, l-isport u l-kuntatti bejn il-persuni

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-protezzjoni u t-titjib ta’ wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, u d-diversità tal-espressjoni kulturali, bil-ħsieb li jtejbu l-fehim reċiproku u jrawmu skambji kulturali bilanċjati. Huma għandhom jikkooperaw u jippromwovu l-investiment biex jappoġġaw il-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-arti u l-kultura tradizzjonali, l-għarfien indiġenu u d-diversità kulturali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-industriji kreattivi u kulturali u t-turiżmu kulturali bħala xprunaturi għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-mobilità tal-professjonisti tal-kultura u tal-industrija kreattiva u ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti, u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali u kreattivi. Huma għandhom jinkoraġġixxu t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u taż-żgħażagħ permezz ta’ ktajjen tal-valur kulturali, permezz tat-tisħiħ ta’ sħubiji pubbliċi-privati għall-produzzjoni kulturali, u l-integrazzjoni tal-kultura, filwaqt li jqisu l-oqfsa ta’ politika rilevanti tagħhom, inkluża l-Istrateġija Kulturali Reġjonali tal-Paċifiku.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-kokreazzjoni internazzjonali u reġjonali, u l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi kulturali. Huma għandhom jiżviluppaw oqfsa regolatorji u appoġġ istituzzjonali speċifiċi għas-settur li, fost l-oħrajn, jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għax-xogħlijiet kreattivi.

4.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu skambji fis-settur kulturali, inklużi bejn istituzzjonijiet bħal mużewijiet u konservatorji, u għandhom jinkoraġġixxu djalogu interkulturali bejn in-nies, kif ukoll bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma għandhom jappoġġaw il-mobilità taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema żgħażagħ bħala mezz biex jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-akkwist ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi barra mis-sistemi edukattivi formali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw inizjattivi rilevanti fil-qasam tal-mobilità tal-edukazzjoni għolja, bil-ħsieb li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-modernizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja u jinkoraġġixxu l-mobilità tal-istudenti u tal-akkademiċi.

5.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-isport bħala motivatur għall-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku inklużiv, l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu kapaċitajiet, jiżviluppaw faċilitajiet adegwati u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni akbar tan-nies f’attivitajiet sportivi u attivitajiet oħrajn ta’ edukazzjoni fiżika, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa. Huma għandhom jappoġġaw l-isport bħala mezz għad-djalogu u l-kooperazzjoni interkulturali bejn in-nazzjonijiet, il-prevenzjoni tal-kunflitt u tal-vjolenza, u r-rikonċiljazzjoni wara l-kunflitt.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

“ANNESS I

IL-PROĊESSI TA’ RITORN U TA’ RIAMMISSJONI

1.   Definizzjonjiet

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

‘Stat rikjedenti’ tfisser l-Istat (wieħed mill-Membri tal-OSAKP jew wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) li jissottometti talba għal riammissjoni skont l-Artikolu 74(3) tal-Parti Ġenerali tal-Ftehim;

(2)

‘Stat rikjest’ tfisser l-Istat (wieħed mill-Membri tal-OSAKP jew wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) li lilu tiġi ppreżentata talba ta’ riammissjoni skont l-Artikolu 74(3) tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

2.   Ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ persuni mingħajr dokument validu tal-ivvjaġġar

Il-proċessi ta’ ritorn u riammissjoni għandhom jitwettqu kif ġej:

Jekk il-persuna li dwarha ġiet ippreżentata talba ta’ riammissjoni jkollha passaport skadut, karta tal-identità valida jew skaduta jew dokument tal-identità uffiċjali ieħor b’ritratt jew jekk l-identità tal-persuna tkun ġiet ikkonfermata bil-mezzi kollha xierqa, inkluż bħala riżultat ta’ tfittxija mwettqa fir-rekords tal-applikazzjoni għall-viża jew kwalunkwe rekord uffiċjali ieħor tal-Istat rikjedenti, l-Istat rikjest għandu, malli jirċievi l-informazzjoni rilevanti, jipprovdi dokumenti validi tal-ivvjaġġar malajr kemm jista’ jkun wara t-talba tal-Istat rikjedenti, sakemm ma tiġix ipprovduta raġuni ġustifikabbli għal żmien addizzjonali, u f’dak il-każ, l-Istat rikjest għandu jipprovdi d-dokumenti tal-ivvjaġġar fl-iqsar żmien possibbli; jew

F’każijiet oħrajn, jekk ikun meħtieġ li tiġi vverifikata ċ-ċittadinanza tal-persuna li dwarha ġiet ippreżentata talba ta’ riammissjoni, l-Istat rikjest għandu jipproċedi bil-verifika meħtieġa immedjatament wara li jirċievi t-talba mill-Istat rikjedenti bl-użu tal-aktar proċeduri ta’ identifikazzjoni xierqa u effiċjenti, inkluża intervista ta’ identifikazzjoni fuq talba tal-Istat rikjedenti. L-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest għandhom jikkonsultaw reġistri bijometriċi, fejn dawn jkunu disponibbli.

Fi kwalunkwe każ, meta jirċievi talba għal riammissjoni għal wieħed miċ-ċittadini tiegħu, l-Istat rikjest għandu jwieġeb sa mhux aktar tard minn 30 jum minn meta tkun saret dik it-talba f’konformità mal-limiti ta’ żmien previsti fl-Istandard 5.26 tal-Kapitolu 5 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, magħmula f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, billi jipprovdi liċ-ċittadini tiegħu bid-dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa għal finijiet ta’ ritorn jew billi jissodisfa lill-Istat rikjedenti li l-persuna kkonċernata mhijiex waħda miċ-ċittadini tiegħu.

3.   Mezzi tat-trasport għar-ritorn

Ir-ritorn għandu jseħħ, b’notifika minn qabel lill-Istat rikjest, bi kwalunkwe mezz ta’ trasport f’ konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 74 tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim. Ir-ritorn bl-ajru ma għandux ikun ristrett għall-użu ta’ titjiriet skedati.

4.   Ir-ritorn ta’ minorenni mhux akkumpanjati

Sabiex jiġu żgurati l-aħjar interessi tat-tfal, minorenni mhux akkumpanjat jista’ jintbagħat lura biss lil membru tal-familja tiegħu, tutur innominat, awtoritajiet oħrajn previsti fil-liġijiet nazzjonali, jew faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati tal-Istat rikjest.

5.   Ftehimiet u arranġamenti bilaterali

Fuq it-talba ta’ Parti, il-Partijiet għandhom, mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà diretta tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VI tal-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim u ta’ dan l-Anness, jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali li jirregolaw obbligi speċifiċi għar-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea u tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat. Dawk il-ftehimiet jew arranġamenti għandhom jinkludu perjodi ta’ żmien iqsar għall-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, biex tiġi ffaċilitata aktar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness. Tali ftehimiet jew arranġamenti bilaterali għandhom ikopru, jekk jitqies meħtieġ minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet għal dak il-ftehim jew arranġament, arranġamenti għar-ritorn u r-riammissjoni ta’ persuni għajr ċittadini tal-partijiet, inklużi persuni apolidi, li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tal-Istat rikjest.

L-obbligi stabbiliti f’dawk il-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

“ANNESS II

OPERAZZJONIJIET TAL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Artikolu 1

Personalità ġuridika u status

1.   Il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-‘BEI’) u kwalunkwe sussidjarja tal-BEI għandhom ikollhom personalità ġuridika fit-territorju tal-Membri tal-OSAKP, inkluża b’mod partikolari l-kapaċità li jikkuntrattaw, li jakkwistaw u li jiddisponu minn proprjetà mobbli u immobbli u li jkunu parti fi proċedimenti legali.

2.   Il-BEI u kwalunkwe sussidjarja tal-BEI għandhom igawdu fit-territorju ta’ kull Membru tal-OSAKP l-istess trattament fir-rigward tal-arranġamenti u l-istatus fiskali u doganali li jkunu mogħtija lill-istituzzjoni internazzjonali li topera f’dak il-Membru tal-OSAKP li jkun l-aktar iffavorit fir-rigward ta’ tali arranġamenti u status.

Artikolu 2

Ir-regolamentazzjoni tal-affarijiet bankarji u finanzjarji

Il-BEI u kwalunkwe sussidjarja tal-BEI jistgħu jsegwu, bħala organizzazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Membri tal-OSAKP għall-finijiet ikkontemplati minn dan il-Ftehim, l-attivitajiet previsti mill-istatut tal-BEI jew ta’ tali sussidjarja, kif jista’ jiġi emendat, inkluż, iżda mhux limitat għal, finanzjament permezz ta’ self, bonds, garanziji, ekwità, kważi ekwità jew kwalunkwe strument ta’ finanzjament ieħor, l-għoti jew il-finanzjament ta’ assistenza teknika, l-investiment fi swieq tal-flus, ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli u t-twettiq ta’ kwalunkwe operazzjoni finanzjarja oħra marbuta ma’ kwalunkwe attività bħal din, u l-operat ta’ kontijiet bankarji fi kwalunkwe munita.

Artikolu 3

Il-kambju

1.   Għall-operazzjonijiet kollha mwettqa mill-BEI, jew minn kwalunkwe waħda mis-sussidjarji tiegħu, iffinanzjati mill-UE biex jappoġġaw it-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Membri tal-OSAKP għandhom jiżguraw li:

(a)

il-benefiċjarji u l-kontropartijiet jistgħu jikkonvertu fi kwalunkwe munita kompletament konvertibbli, bir-rata tal-kambju kurrenti ta’ dak iż-żmien, l-ammonti fil-munita nazzjonali tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat li jkunu meħtieġa għall-ħlas f’waqtu tas-somom kollha dovuti lill-BEI jew lil kwalunkwe sussidjarja tal-BEI fir-rigward ta’ tali operazzjonijiet; u

(b)

l-ammonti msemmija fil-punt (a) jkunu liberament, immedjatament u effettivament trasferibbli ġewwa jew barra t-territorju tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat sabiex il-benefiċjarju jew kontroparti msemmija fil-punt (a) jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn il-BEI jew lejn tali sussidjarja.

2.   Għall-operazzjonijiet kollha mwettqa mill-BEI, jew minn kwalunkwe waħda mis-sussidjarji tiegħu, iffinanzjati mill-UE biex jappoġġaw it-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Membri tal-OSAKP għandhom jiżguraw li l-BEI jew tali sussidjarja jistgħu:

(a)

jikkonvertu fi kwalunkwe munita kompletament konvertibbli, bir-rata tal-kambju kurrenti ta’ dak iż-żmien, l-ammonti fil-munita nazzjonali tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat riċevuti mill-BEI jew minn tali sussidjarja;

(b)

jittrasferixxu liberament, immedjatament u effettivament l-ammonti hekk ikkonvertiti kif imsemmija fil-punt (a) ’il barra mit-territorju tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat lejn tali kontijiet bankarji kif jistgħu jiddeterminaw liberament il-BEI jew tali sussidjarja, jew jiddisponu minn tali ammonti fit-territorju tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat; U

(c)

jikkonvertu fil-munita nazzjonali tal-Membru tal-OSAKP ikkonċernat, bir-rata tal-kambju kurrenti ta’ dak iż-żmien, kwalunkwe ammont fi kwalunkwe munita kompletament konvertibbli.

Artikolu 4

Ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet tal-qrati

Kull Membru tal-OSAKP jimpenja ruħu, fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima li tinqala’ bejn il-BEI jew kwalunkwe sussidjarja tal-BEI u benefiċjarju jew kwalunkwe parti terza rigward l-attivitajiet tal-BEI jew kwalunkwe sussidjarja tal-BEI sabiex iwettqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, li:

(a)

jiżgura li l-qrati tal-Membru tal-OSAKP ikollhom l-awtorità li jirrikonoxxu deċiżjoni finali mogħtija bi proċess dovut minn qorti jew tribunal ta’ ġuriżdizzjoni kompetenti, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe qorti nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe tribunal tal-arbitraġġ sal-punt permissibbli mill-kostituzzjoni ta’ dak il-Membru tal-OSAKP; u

(b)

jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni bħal din f’konformità mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli tiegħu.


(1)   ĠU KE L 317, 15.12.2000, p. 3.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2862/corrigendum/2025-11-07/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top