Il-Parlamenti nazzjonali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Skont it-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) ingħataw għadd ta’ drittijiet u setgħat ġodda.

L-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħtu lill-Parlamenti nazzjonali d-dritt li jirċievu informazzjoni direttament minn istituzzjonijiet tal-UE dwar programmi leġiżlattivi, dokumenti konsultattivi, minuti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, eċċ. kif ukoll atti leġiżlattivi tal-UE.

L-Artikolu 5 TUE u l-Protokoll Nru 2 TFUE jagħtuhom id-dritt li joġġezzjonaw għal proposti tal-UE fuq il-bażi tas-sussidjarjetà. Fejn il-Parlamenti nazzjonali jqisu li l-atti leġiżlattivi proposti mill-Kummissjoni Ewropea ma jikkonformawx mas-sussidjarjetà, huma għandhom id-dritt li jibagħtu opinjoni motivata lill-Kummissjoni fi żmien 8 ġimgħat mit-trażmissjoni tal-abbozz fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Il-Parlament nazzjonali ta’ kull Stat Membru jiġi allokat żewġ voti. Jekk il-Kummissjoni tirċievi opinjonijiet motivati li jirrappreżentaw mill-inqas terz tal-voti allokati lill-Parlamenti nazzjonali (jew kwart fil-każ ta’ proposti fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà), hija meħtieġa tirrevedi l-proposta tagħha u tiddeċiedi jekk għandhiex iżżommha, temendaha jew tirtiraha. Imbagħad għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tagħmel dan. Din is-sistema hija magħrufa bħala l-proċedura tal-karta s-safra.

Fejn il-Kummissjoni tirċievi opinjonijiet motivati li jirrappreżentaw maġġoranza tal-voti tal-Parlament nazzjonali u l-proposta taqa’ taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proposta tagħha u tiddeċiedi jekk iżżommhiex, temendahiex jew tirtirahiex. Jekk tiddeċiedi li żżommha, għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tagħmel dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u tispjega għaliex il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din hija magħrufa bħala l-proċedura tal-karta oranġjo. Fejn maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew jew 55 % tal-membri tal-Kunsill iqisu li proposta ma tikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta tiġi miċħuda.

Skont l-Artikolu 70 TFUE, il-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu infurmati dwar is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika tal-Istati Membri fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. L-Artikoli 85 u 88 TFUE jippermettu l-iskrutinju tagħhom tal-attivitajiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi.

It-trattati jippermettu l-użu ta’ klawsoli passerelle ġenerali u speċifiċi li jagħmluha possibbli li tinbidel minn votazzjoni b’unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, jew minn proċedura leġiżlattiva speċjali għal proċedura leġiżlattiva ordinarja. Eżempju bħal dan ikun l-Artikolu 81 TFUE. Il-proposti għal bidla bħal din għandhom jiġu nnotifikati lill-Parlamenti nazzjonali, li jistgħu jopponu l-proposta fi żmien 6 xhur.

ARA WKOLL