This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tikkonsisti fl-adozzjoni konġunta ta’ atti leġiżlattivi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, b’mod ġenerali, wara proposta mill-Kummissjoni Ewropea.
Din hija ddefinita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u hija l-aktar proċedura tal-Unjoni Ewropea (UE) komuni għat-tfassil tal-liġijiet.
Bit-Trattat ta’ Maastricht u l-introduzzjoni tal-proċedura tal-kodeċiżjoni, il-Parlament sar koleġiżlatur fuq l-istess livell tal-Kunsill, ħlief fil-każijiet previsti fit-Trattati li fihom japplikaw proċeduri leġiżlattivi speċjali.
It-Trattat ta’ Liżbona semma’ mill-ġdid il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u żied in-numru ta’ oqsma ta’ politika li għalihom tapplika din il-proċedura, u b’hekk saħħaħ is-setgħat tal-Parlament.
Il-proċedura tinkludi qari wieħed jew tnejn u, jekk meħtieġ, proċedura ta’ konċiljazzjoni u t-tielet qari. Il-Kunsill jivvota b’maġġoranza kwalifikata. Il-Parlament Ewropew jivvota b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa fl-ewwel u fit-tielet qari u b’maġġoranza tal-membri tiegħu fit-tieni qari.