Brussell, 8.11.2023

COM(2023) 719 final

2023/0405(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

“Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd 

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2023) 719 final} - {SWD(2023) 720 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

“Jiena ninsab impenjata bis-sħiħ biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal2025. Jeħtieġ li negħlbu l-ostakoli għat-tagħlim u ntejbu l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità. Hemm bżonn li nippermettu lil dawk li qed jitgħallmu biex jiċċaqilqu aktar faċilment bejn is-sistemi edukattivi f’pajjiżi differenti. Jeħtieġ ukoll li nibdlu l-kultura ta’ edukazzjoni lejn it-tagħlim tul il-ħajja li jarrikkixxi lilna lkoll.”

Il-President von der Leyen, Linji Gwida Politiċi 1

Il-mobbiltà tal-apprendiment uriet li hija esperjenza siewja ħafna biex in-nies jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-iżvilupp personali, edukattiv u professjonali, għall-involviment ċiviku u l-inklużjoni soċjali 2 . L-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-apprendiment hija wkoll mutur b’saħħtu għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-fornituri tal-apprendiment mhux formali u informali biex itejbu l-kwalità tal-apprendiment li joffru. Fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li jeħtieġu “rivoluzzjoni tal-ħiliet”, il-mobbiltà tal-apprendiment tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata d-diskrepanzi fil-ħiliet, tħaffef l-iżvilupp tal-ħiliet u tibni sens qawwi ta’ ċittadinanza u fehim tal-valuri komuni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Skont din il-proposta, il-mobbiltà tal-apprendiment tfisser iċ-ċaqliq fiżiku lejn pajjiż li mhux il-pajjiż tar-residenza, biex isir studju, taħriġ jew apprendiment mhux formali jew informali. Din għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li jkopri t-tipi kollha ta’ mobbiltà tal-apprendiment u l-istudenti u l-persunal fis-setturi kollha tal-apprendiment tul il-ħajja, inklużi l-iskola, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendiment għall-adulti, kif ukoll il-mobbiltà tal-apprendiment taż-żgħażagħ, tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u tal-persunal fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u fil-qasam tal-isport. Tkopri wkoll kemm il-mobbiltà tal-apprendiment intra-UE kif ukoll dik internazzjonali lejn l-UE u minnha.

Ir-rakkomandazzjoni proposta hija element kostitwenti ewlieni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fejn l-apprendiment ma jkunx imfixkel mill-fruntieri, u fejn kulħadd ikollu l-opportunità li jitgħallem jew li jistudja barra mill-pajjiż. Hija se ssaħħaħ il-kundizzjonijiet qafas meħtieġa biex tippermetti l-mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd u sabiex aktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programm Erasmus+ 3 u minn skemi oħrajn ta’ mobbiltà tal-apprendiment transfruntier.

Il-qafas propost tal-UE għall-mobbiltà tal-apprendiment jaġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 “Żgħażagħ f’Moviment” – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ 4 billi jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha miż-żgħażagħ għall-istudenti ta’ kull età u għall-edukaturi u l-persunal. Barra minn hekk, dan il-qafas il-ġdid għall-mobbiltà tal-apprendiment jindirizza xejriet ġodda ta’ apprendiment, inkluża l-proliferazzjoni ta’ għodod diġitali għall-apprendiment u għall-apprendiment imħallat, kif ukoll mobbiltà aktar sostenibbli.

Dan l-aġġornament tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 5 , sabiex aktar studenti u għalliema jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakli u jibbenefikaw minn opportunità ta’ mobbiltà. Il-Komunikazzjoni identifikat l-objettivi ewlenin li ġejjin tal-qafas aġġornat – l-iffaċilitar tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà għal varjetà ferm usa’ ta’ parteċipanti, it-trawwim ta’ mobbiltà ekoloġika u diġitali u l-inkoraġġiment ta’ mobbiltà bilanċjata. Il-Komunikazzjoni enfasizzat ukoll li l-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-mobbiltà tal-apprendiment, hija essenzjali biex jintlaħqu l-prijoritajiet ġeopolitiċi tal-UE u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.

Din il-proposta ta’ politika dwar il-mobbiltà tal-apprendiment hija parti mill-pakkett dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta’ mobbiltà tat-talenti flimkien mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u proposta leġiżlattiva dwar ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE, li tippromwovi lill-UE bħala destinazzjoni attraenti għat-talenti għall-fini ta’ tagħlim, studju u ħidma.

Is-Sħubijiet ta’ Talent għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab biex tingħata spinta lill-mobbiltà tal-forza tax-xogħol internazzjonali u lill-iżvilupp tat-talenti b’mod ta’ benefiċċju reċiproku. Huma jipprovdu struttura stabbli, xprunata mill-politika u flessibbli li tista’ tippromwovi b’mod effettiv il-kooperazzjoni anki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż dwar il-mobbiltà tal-apprendiment kemm għall-istudenti kif ukoll għall-persunal. Se jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u jsaħħu l-mobbiltà tal-apprendiment minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, is-Sħubijiet se jappoġġaw l-isforzi biex jinbnew sistemi ta’ ħiliet effettivi f’pajjiżi terzi u fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-forza tax-xogħol tal-UE f’setturi ta’ prijorità għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Il-mobbiltà tal-apprendiment tal-istudenti minn pajjiżi terzi tista’ tikkontribwixxi wkoll għal rikonoxximent aktar mgħaġġel tal-kwalifiki tagħhom meta jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE. Din tista’ tgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn il-kwalifiki miksuba f’pajjiżi terzi u r-rekwiżiti Ewropej billi jipprovdi lill-parteċipanti ċertifikati mikrokredenzjali, traskrizzjonijiet u dokumentazzjonijiet ta’ sostenn oħrajn li jistgħu jgħinu lill-evalwaturi tal-kredenzjali jivvalutaw il-kwalifiki tagħhom malajr u b’mod akkurat. Se tindika wkoll il-kompetenzi lingwistiċi rilevanti, l-adattabilità kulturali u l-esponiment għall-istandards edukattivi Ewropej li jistgħu jiffaċilitaw aktar validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tagħhom.

Barra minn hekk, il-mobbiltà tal-apprendiment, b’mod partikolari l-iskambji li jinkludu komponenti ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol li jgħammru lill-parteċipanti b’esperjenza fis-suq tax-xogħol, tista’ sservi bħala pass importanti għall-individwi biex jikkunsidraw li jirritornaw lejn l-UE u jfittxu opportunitajiet ta’ xogħol. B’segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2017 dwar il-Monitoraġġ tal-Perkors fil-Karriera tal-Gradwati 6 , l-iżvilupp ta’ għodod u metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni komparabbli relatata mal-apprendiment u max-xogħol dwar gradwati mobbli (li jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor tal-UE għal skopijiet relatati mal-istudju jew max-xogħol) huwa prijorità taħt l-attivitajiet imwettqa min-Network Ewropew dwar il-Monitoraġġ tal-Perkors fil-Karriera tal-Gradwati, bħall-istħarriġ tal-Eurograduate 2022.

L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati mir-rakkomandazzjoni proposta

Għalkemm sar ħafna progress fil-qasam tal-mobbiltà tal-apprendiment mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 “Żgħażagħ f’Moviment”, l-evidenza turi li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu offruti opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd, u b’mod partikolari għall-persuni b’inqas opportunitajiet 7 .

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2022 dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 8 żvela li 15 % biss ta’ dawk li wieġbu pparteċipaw fi studju, taħriġ jew apprendistat f’pajjiż ieħor tal-UE. L-istess stħarriġ enfasizza wkoll li ż-żgħażagħ raw titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-moviment liberu ta’ studenti, apprendisti u skulari, fl-aqwa tliet oqsma ta’ prijorità għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2023 dwar l-Integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol b’enfasi partikolari fuq it-traineeships, 21 % taż-żgħażagħ li wieġbu kellhom mill-inqas wieħed mit-traineeships tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE; l-ostakli ewlenin imsemmija għall-aċċess għal traineeships transfruntiera kienu n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet.

Fl-2023, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-mobbiltà 9 identifikat prestazzjoni tajba fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tar-Rakkomandazzjoni tal-2011. Madankollu, is-sitwazzjoni kienet imħallta għall-Istati Membri individwali. L-appoġġ sistemiku għall-parteċipazzjoni ta’ studenti żvantaġġati 10 fil-mobbiltà tal-apprendiment ġie żvelat bħala l-qasam bl-akbar ħtieġa għal aktar progress.

Il-pandemija tal-COVID-19 fixklet l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol b’mod mingħajr preċedent. Hija kellha impatt negattiv kemm fuq il-mobbiltà fiżika kif ukoll fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-istudenti u tal-persunal 11 . Il-pandemija żvelat ukoll inugwaljanzi profondi fl-aċċess għal opportunitajiet online, inklużi attivitajiet edukattivi, għat-tfal 12 . Fl-istess ħin, hija wasslet għall-iżvilupp rapidu ta’ xejriet ġodda ta’ mobbiltà tal-apprendiment, bħal mobbiltà mħallta u skambji virtwali. Is-settur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ġie affettwat ħafna wkoll, kif muri fir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2021, u l-pandemija żiedet il-ħtieġa għar-riżorsi, inkluż għall-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ, sabiex jiġu appoġġati l-mobbiltà tal-apprendiment, l-iżvilupp, l-involviment u s-saħħa taż-żgħażagħ.

Evidenza li tinkludi l-istudju kkuntrattat mill-Kummissjoni “Appoġġ għall-mobbiltà tal-apprendiment: il-progress, l-ostakli u t-triq ’il quddiem” 13 , l-eżitu tas-sejħa għall-evidenza u l-konsultazzjoni pubblika ssottolinjaw l-ostakli ewlenin għall-mobbiltà tal-apprendiment, inklużi r-restrizzjonijiet finanzjarji u soċjali, in-nuqqas ta’ informazzjoni u gwida, l-ostakli lingwistiċi u tal-aċċessibbiltà, u l-ostakli amministrattivi. Ostaklu importanti ieħor li jxekkel il-mobbiltà huwa l-firxa limitata ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, minħabba li l-proċeduri ta’ rikonoxximent spiss ikunu bil-mod, l-informazzjoni ma tkunx disponibbli faċilment, u titħalla għad-diskrezzjoni ta’ istituzzjonijiet individwali.

Fl-2022, iċ-ċittadini Ewropej fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fil-proposti tagħhom dwar politiki futuri enfasizzaw il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu opportunitajiet għall-mobbiltà: Jippromwovu skambji Ewropej f’oqsma differenti, kemm fiżikament kif ukoll b’mod diġitali, inklużi skambji edukattivi, ġemellaġġ, ivvjaġġar u mobbiltà professjonali (inkluż għall-għalliema u politiċi eletti lokali)u “jistabbilixxu sal-2025 Żona Ewropea tal-Edukazzjoni inklużiva li fiha ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u apprendiment tul il-ħajja, inklużi dawk f’żoni rurali u remoti 14 . Skont ir-rakkomandazzjonijiet, tali skambji għandhom isiru aċċessibbli madwar l-Istati Membri għal kulħadd, irrispettivament mill-età, il-livell ta’ edukazzjoni, l-isfond u l-mezzi finanzjarji tagħhom. Il-proposti talbu wkoll li jissaħħu l-programmi ta’ mobbiltà eżistenti tal-UE u li jiġi żgurat aċċess divers għalihom. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet ħeġġet speċifikament lill-UE biex tinkludi l-attivitajiet sportivi fil-programmi ta’ skambju u mobbiltà fil-livell tal-UE.

Fl-2023, il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-mobbiltà tal-apprendiment ipprovda 21 rakkomandazzjoni 15 dwar il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni aktar mifruxa u diversa fil-programm Erasmus+ u fi skemi oħrajn ta’ mobbiltà tal-apprendiment. Ir-rakkomandazzjonijiet iffokaw fuq l-għoti mmirat ta’ informazzjoni, l-inklużjoni ta’ individwi ta’ kull età u sfond, l-importanza tal-multilingwiżmu, il-mobbiltà tal-apprendiment tal-impjegati, u aspetti oħrajn tal-mobbiltà tal-apprendiment, inkluż ir-rikonoxximent tar-rwol tal-edukaturi fl-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-apprendiment u tal-mobbiltà aktar ekoloġika.

Il-mobbiltà tal-apprendiment għandha l-potenzjal li tnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet billi ttejjeb l-impjegabbiltà tal-parteċipanti, tiżviluppa l-kompetenzi trażversali tagħhom u tikkontribwixxi għal tqabbil aħjar tal-ħiliet. Bl-istess mod, bħala destinazzjoni attraenti għall-mobbiltà tal-apprendiment, hija tista’ min-naħa tagħha żżid l-aċċess tal-impjegaturi lokali għall-forza tax-xogħol. Bħalissa tliet kwarti (74 %) tal-SMEs fl-Ewropa jgħidu li qed jiffaċċjaw b’mod konkret nuqqas ta’ ħiliet għal mill-inqas rwol wieħed ta’ impjieg fil-kumpanija tagħhom bħalissa. Barra minn hekk, kważi erbgħa minn kull ħames kumpaniji jindikaw fl-istħarriġ li ġeneralment ikun diffiċli għalihom li jsibu ħaddiema bil-ħiliet it-tajbin, u aktar minn nofshom (53 %) isibuha diffiċli biex iżommu ħaddiema tas-sengħa 16 .

Objettivi tal-proposta

Din il-proposta ta’ politika għandha l-għan li żżid l-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd permezz ta’ azzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. L-ambizzjoni tagħha hija li gradwalment timxi biex il-mobbiltà tal-apprendiment fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir in-norma aktar milli l-eċċezzjoni.

Sabiex tingħata spinta lill-mobbiltà tal-apprendiment u sabiex din issir aktar inklużiva, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti miri ġodda fil-livell tal-UE u li ssir ħidma sabiex dawn jintlaħqu sal-2030:

   Fl-edukazzjoni għolja, is-sehem ta’ gradwati b’esperjenza ta’ mobbiltà tal-apprendiment għandu jkun ta’ mill-inqas 25 %.

   Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-sehem ta’ studenti vokazzjonali li jibbenefikaw minn mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż għandu jkun ta’ mill-inqas 15 %.

   Fis-sistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u ż-żgħażagħ u l-isport, il-persuni b’inqas opportunitajiet għandhom jammontaw għal mill-inqas 20 % tal-istudenti kollha li jibbenefikaw mill-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż.

Il-proposta għandha wkoll l-għan li tagħti spinta speċifika lill-mobbiltà tal-apprendiment għall-għalliema u l-apprendisti permezz ta’ oqfsa ta’ politika ddedikati, kif stabbilit fl-annessi. L-għalliema b’esperjenza ta’ mobbiltà tal-apprendiment huma mudelli eżemplari importanti għall-istudenti u għall-promoturi ewlenin tal-mobbiltà tal-apprendiment fl-iskejjel. Għall-għalliema nfushom, il-mobbiltà tal-apprendiment tista’ ġġib benefiċċji sinifikanti relatati mal-esperjenzi kulturali, konjittivi u ta’ apprendiment personali, minbarra l-għarfien u l-ħiliet biex jitrawwem l-iskambju ta’ prattiki tajbin. L-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-apprendiment iżidu wkoll l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim u jistgħu jgħinu biex jattiraw u jżommu l-għalliema fl-iskejjel. Iż-żieda fil-mobbiltà tal-apprendisti se tgħin biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u biex tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. L-apprendisti jiffaċċjaw sett speċifiku ta’ ostakli, bħall-kumplessità tal-obbligi legali relatati mal-istatus tal-apprendist, l-età żgħira tal-apprendisti nfushom, id-diversità tal-iskemi u l-kurrikuli nazzjonali ta’ apprendistat li jridu jikkonformaw magħhom matul l-iskambju ta’ mobbiltà u n-nuqqas ta’ rieda tal-impjegaturi biex jinvolvu ruħhom fil-mobbiltà tal-apprendiment minħabba r-riskju ta’ telf fil-produttività. Ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tipprovdi qafas ta’ politika koerenti li jinkludi proposti għal bidliet inkrementali għal żmien qasir u elementi ta’ strateġija komprensiva fit-tul.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tibni fuq id-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti li jippermettu u jappoġġaw il-mobbiltà tal-apprendiment u tikkomplementahom. L-aktar rilevanti huma dawn li ġejjin:

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2021 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 17 stabbiliet bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tagħha l-mira li tagħmel l-apprendiment tul il-ħajja u l-mobbiltà realtà għal kulħadd. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2023 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: inħarsu lejn l-2025 u lil hinn 18 enfasizzat il-fatt li l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli li fadal għall-mobbiltà tal-apprendiment u tat-tagħlim huma essenzjali għall-kisba sħiħa taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 19 jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu l-ħiliet li jippermettu lin-nies jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, kullimkien fl-Unjoni Ewropea.

Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 20 tnediet fid-9 ta’ Mejju 2023 u għandha tibqa’ għaddejja sat-8 ta’ Mejju 2024, bil-ħsieb li jiġu promossi l-politiki dwar il-ħiliet u l-investimenti biex l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-ħiliet tan-nies, inklużi l-ħiliet miksuba matul il-mobbiltà, jitqabblu mal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol.

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar iż-Żgħażagħ 2019-2027 21 enfasizzat l-importanza tal-mobbiltà tal-apprendiment għaż-żgħażagħ biex jesperjenzaw skambji, kooperazzjoni, azzjoni kulturali u ċivika fil-kuntest Ewropew. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ 22 talbet il-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea tal-ħidma fost iż-żgħażagħ permezz ta’ skambju, kooperazzjoni, apprendiment interkulturali u apprendiment bejn il-pari transfruntiera u tranżnazzjonali.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 23 u l-linji gwida Ewropej tal-2023 dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali 24 ssottolinjaw il-fatt li l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment miksuba permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali jista’ jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u tal-mobbiltà tal-apprendiment, b’mod partikolari fil-każ ta’ dawk soċjoekonomikament żvantaġġati jew bi kwalifiki baxxi.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships tal-10 ta’ Marzu 2014 25 tkopri t-traineeships barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali, inklużi t-traineeships transfruntiera. Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem biex taġġorna dan il-qafas.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja tat-22 ta’ Mejju 2017 26 għandha, fost l-objettivi usa’ tagħha, l-objettiv li żżid il-mobbiltà u l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-istudenti.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 27 stabbiliet 14-il kriterju biex tippromwovi fehim komuni tas-sistemi nazzjonali ta’ apprendistati, fattur ewlieni biex tiżdied il-fiduċja reċiproka u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tranżnazzjonali tal-apprendisti. Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ il-promozzjoni progressiva tal-mobbiltà tranżnazzjonali tal-apprendisti, jew fuq il-post tax-xogħol jew fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bħala komponent tal-kwalifika tal-apprendistat. Il-mobbiltà tal-apprendisti titrawwem ukoll mill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati.

Id-Deċiżjoni tal-Europass tat-18 ta’ April 2018 stabbiliet qafas Ewropew biex jappoġġa t-trasparenza u l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba f’ambjenti formali, mhux formali u informali, inkluż permezz tal-mobbiltà, permezz ta’ pjattaforma online li toffri għodod u informazzjoni bbażati fuq il-web dwar servizzi li joffru gwida għall-mobbiltà tal-apprendiment tranżnazzjonali u l-immaniġġjar tal-karriera.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż 28 enfasizzat l-importanza tar-rikonoxximent tal-kwalifiki Ewropej u tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni fil-livell sekondarju għoli mingħajr ebda proċedura separata ta’ rikonoxximent. Ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni 29 kif ukoll il-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill, adottati fis-26 ta’ Mejju 2023 30 , jenfasizzaw li huma meħtieġa sforzi addizzjonali sostanzjali sabiex ir-rikonoxximent awtomatiku jsir realtà fl-UE.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi 31 bil-għan li jissaħħaħ l-apprendiment tal-lingwi minn età bikrija u tinbena “sensibilizzazzjoni lingwistika” fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sabiex aktar żgħażagħ jitkellmu mill-inqas żewġ lingwi Ewropej minbarra l-lingwa materna tagħhom.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 32 enfasizzat li l-programmi ta’ skambju tal-Unjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni kkontribwew sabiex l-Ewropa ssir destinazzjoni attraenti, u b’hekk jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 33 introduċiet mira ġdida fil-livell tal-UE ta’ 8 % tal-istudenti vokazzjonali li jibbenefikaw minn mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż sal-2025. Ir-rakkomandazzjoni enfasizzat l-importanza tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal fis-settur tal-VET, u għall-organizzazzjonijiet bħala mod importanti sabiex l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni jitqiegħdu fil-prattika. Id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück 34 approvata mill-ministri responsabbli mill-VET, mis-Sħab Soċjali Ewropej u mill-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet nazzjonali biex jappoġġaw u jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-VET u tal-istudenti adulti, inklużi l-apprendisti.

L-Aġenda tal-Balkani tal-Punent dwar l-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, strateġija ta’ kooperazzjoni komprensiva u fit-tul tal-UE u tal-Balkani tal-Punent, imnedija fis-Summit ta’ Brdo bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fis-6 ta’ Ottubru 2021, tinkludi objettiv għat-titjib tal-mobbiltà tal-apprendiment.

L-istrateġija Ewropea għall-universitajiet 35 tat-18 ta’ Jannar 2022 tinkludi l-objettivi għall-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea ta’ Assigurazzjoni u Rikonoxximent tal-Kwalità biex tinkoraġġixxi r-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki madwar l-Ewropa, u biex tappoġġa r-rikonoxximent trasparenti u ġust tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk tar-refuġjati, permezz tan-network ta’ ċentri ta’ rikonoxximent akkademiku 36 u l-għodod ta’ trasparenza tal-UE – il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja tipprevedi t-titjib tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali sistemika u dejjiema fil-livell istituzzjonali, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ tikketta ta’ lawrja Ewropea konġunta u strumenti ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzata bħal status legali Ewropew possibbli għal alleanzi ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa 37 jitolbu l-promozzjoni u l-espansjoni tal-mobbiltà għall-għalliema u għall-ħarrieġa sabiex din issir karatteristika komuni fit-taħriġ u l-karriera tagħhom. L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+, appoġġati mill-programm Erasmus+ tal-2021-2027, jittestjaw ukoll miżuri ġodda li jappoġġaw il-mobbiltà tal-għalliema u li jippermettu l-apprendiment reċiproku fost l-għalliema u l-edukaturi tal-għalliema permezz ta’ networks tranżnazzjonali, komunitajiet ta’ prattika u programmi konġunti bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea 38 għandha l-għan li tiffaċilita volontarjat tranżnazzjonali aħjar taż-żgħażagħ fl-Unjoni. Hija tenfasizza l-importanza tad-dimensjonijiet tal-inklużività, tal-kwalità, tar-rikonoxximent u tas-sostenibbiltà tal-volontarjat tranżnazzjonali taż-żgħażagħ.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-mobbiltà tal-apprendiment appoġġata fil-livell tal-UE hija marbuta ma’ oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni demokratika, l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni, il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni, l-apprendiment tal-lingwi, il-kreattività u l-kultura, l-azzjoni klimatika u d-diġitalizzazzjoni.

Minbarra li tikkontribwixxi għat-twettiq taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-proposta tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, li tfittex li tindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet u li tippromwovi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal li tirrikonoxxi d-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja u li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u titlob aktar sforzi biex tiġi ggarantita edukazzjoni inklużiva, mhux segregata u ta’ kwalità 39 . Hija tappoġġa wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, li għandu l-għan li jisfrutta l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għall-apprendiment u t-tagħlim. Fl-ewwel prinċipju tiegħu, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 40 jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettu lin-nies jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, kullimkien fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta hija allinjata wkoll mal-politiki u l-inizjattivi tal-UE mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobbiltà, bħall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, u dawk li jippromwovu l-multilingwiżmu u d-djalogu interkulturali, inkluża l-Istrateġija tal-UE dwar il-Multilingwiżmu. Billi tippromwovi l-mobbiltà tal-apprendiment, il-proposta tħeġġeġ lill-individwi jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi, is-sensibilizzazzjoni kulturali u l-kompetenzi interkulturali tagħhom.

Ħafna programmi u strumenti tal-UE jappoġġaw il-mobbiltà tal-apprendiment, b’mod partikolari:

·il-programm Erasmus+ joffri opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment tranżnazzjonali u internazzjonali għal studenti ta’ kull età, persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u diversi attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

·il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà joffri liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ volontarjat u solidarjetà madwar l-UE u lil hinn minnha, u f’attivitajiet relatati mal-għajnuna umanitarja globalment;

·il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġaw lill-Istati Membri u lir-reġjuni fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva mhux segregata, taħriġ u opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal sal-livell terzjarju. Billi jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali u vokazzjonali, kif ukoll l-edukazzjoni u l-apprendiment għall-adulti, dawn il-fondi jgħinu wkoll biex jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni għall-persuni b’diżabilità, li jippermettu l-mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd. L-inizjattiva ALMA (Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb) hija ffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) jintegraw fis-soċjetà billi tħaffef triqithom lura fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-impjieg. L-inizjattiva toffri lill-parteċipanti esperjenza relatata max-xogħol ta’ bejn xahrejn u sitt xhur fi Stat Membru ieħor, bħala parti minn ċiklu ta’ proġett komprensiv li jinkludi taħriġ, coaching u konsulenza.

·L-Interreg tindirizza l-ostakli fil-fruntieri, inkluż għall-mobbiltà tal-apprendiment, u tipprovdi lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, kif ukoll lill-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-opportunità li jikkooperaw għall-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari taż-żgħażagħ.

·Fuq talba, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku joffri lill-Istati Membri, għarfien espert imfassal apposta biex jirriformaw u jtejbu l-mobbiltà tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi ewlenin li jiffokaw fuq l-attrazzjoni tat-talent, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-ħiliet. Barra minn hekk, l-inizjattiva ewlenija “Skambju ta’ Kooperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika” (PACE) tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambji transfruntiera ta’ ħaddiema taċ-ċivil fost l-Istati Membri biex isaħħu l-ħiliet u l-kapaċità amministrattiva tagħhom, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni.

·L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali jidentifika l-mobbiltà tal-apprendiment bejn l-UE u l-pajjiżi sħab bħala wieħed mill-modi ewlenin biex jinqered il-faqar, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, u jiġi promoss l-iżvilupp tal-bniedem.

·L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) jidentifika li, skont ir-regolament, għandhom jiġu żgurati opportunitajiet biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi fi proċess ta’ adeżjoni għas-sħubija fl-UE, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Skont l-Artikolu 165(1) tat-TFUE, l-UE għandha “tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom”.

L-għan tal-azzjoni tal-Unjoni skont it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt inċiżi tal-Artikolu 165(2) tat-TFUE għandu jkun li:

tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema, billi tinkoraġġixxi, fost l-oħrajn, ir-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi u tal-perjodi ta’ studju,

tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi,

tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ skambji taż-żgħażagħ u ta’ skambji ta’ għalliema soċjoedukattivi, u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa,

tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) tat-TFUE jipprevedi li sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi msemmija f’dan l-artikolu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet.

Skont l-Artikolu 166(1) tat-TFUE, l-UE għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

L-għan tal-azzjoni tal-Unjoni skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 166(2) tat-TFUE għandu jkun li:

“tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-edukaturi u ta’ min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ”.

L-aħħar parti tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 166 tat-TFUE tipprevedi li, sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi msemmija f’dan l-artikolu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet.

L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja tal-UE jew impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri se jiddeċiedu kif jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Skont l-Artikoli 165(1) u 166(1) tat-TFUE, rispettivament, l-Istati Membri huma responsabbli għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom. Fl-istess ħin, l-evidenza turi li huma jiffaċċjaw għadd ta’ kwistjonijiet komuni relatati mal-eżiti edukattivi u l-benesseri fl-iskola.

Din ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill se tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll id-diversità kulturali u lingwistika tagħhom. Fl-istess ħin, ir-rakkomandazzjoni se tirrifletti r-rwol supplimentari u ta’ sostenn tal-UE u n-natura volontarja tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, l-inizjattiva se tappoġġa l-isforzi mill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u mekkaniżmi, kif xieraq għas-sistemi u l-istrutturi nazzjonali tagħhom.

L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja tal-UE jew impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikoli 165(4) u 166(4), li jeskludu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, rispettivament. Il-valur miżjud Ewropew tagħha jinsab prinċipalment fil-kapaċità tal-UE li timmobilizza l-impenn politiku fil-livell nazzjonali u li tappoġġa s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ linji gwida ta’ politika, għodod u strumenti komuni (Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew+, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni), filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ is-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE.

La l-kontenut u lanqas il-forma ta’ din ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta ma jaqbżu dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. L-impenji li se jagħmlu l-Istati Membri huma ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddeċiedi liema approċċ għandu jieħu.

Għażla tal-istrument

Sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE, it-Trattat jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ rakkomandazzjonijiet, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija strument xieraq fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn l-UE għandha kompetenza ta’ appoġġ, u hija strument li ntuża ta’ spiss għall-azzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma. Bħala strument legali, hija turi l-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri ppreżentati u tipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-awtorità tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-mobbiltà ġiet stabbilita biex issegwi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Żgħażagħ f’Moviment” tal-2011, li tipprovdi qafas għall-monitoraġġ tal-progress li sar mill-pajjiżi Ewropej fl-appoġġ għall-mobbiltà tal-apprendiment. Hija fiha indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali. Il-proposta tibni fuq data kwalitattiva dwar il-mobbiltà tal-apprendiment ipprovduta mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-mobbiltà.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u ġbir tal-għarfien espert

Il-proposta hija bbażata fuq l-input miġbur matul proċess ta’ konsultazzjoni estensiv. Dan jinkludi:

konsultazzjoni pubblika miftuħa ta’ 12-il ġimgħa dwar l-inizjattiva l-ġdida, mit-8 ta’ Frar sat-3 ta’ Mejju 2023;

Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-mobbiltà tal-Apprendiment b’150 ċittadin magħżula b’mod aleatorju mis-27 Stat Membru kollha fuq tliet tmiem il-ġimgħa f’Marzu u April 2023; rapport taċ-ċittadini li fih rakkomandazzjonijiet, diskussjonijiet u deliberazzjonijiet mill-panel taċ-ċittadini dwar il-mobbiltà tal-apprendiment huwa anness ma’ din il-proposta.

serje ta’ gruppi fokali ma’ studenti, persunal, partijiet ikkonċernati rilevanti u esperti fil-qasam;

serje ta’ konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, inkluż f’avvenimenti fuq skala kbira; u

diversi laqgħat tal-grupp ta’ tmexxija, laqgħat tal-grupp ta’ esperti u seduti ta’ smigħ mas-sħab soċjali.

Il-proposta hija bbażata wkoll fuq studju mwettaq mill-Grupp PPMI fl-2023 “Appoġġ għall-mobbiltà tal-apprendiment: il-progress, l-ostakli u t-triq ’il quddiem” 41 li jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp ewlieni mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011, u x-xejriet fil-mobbiltà tal-apprendiment.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-approċċ komplementari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impatti mistennija, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt. It-tħejjija tal-proposta kienet informata minn studji preċedenti 42 , konsultazzjoni tal-Istati Membri, konsultazzjonijiet immirati u l-konsultazzjoni pubblika.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija konformi mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tirrikonoxxi li s-solidarjetà hija wieħed mill-valuri universali li fuqhom hija msejsa l-UE. B’mod partikolari, din il-proposta tqis bis-sħiħ:

·l-Artikolu 8 (id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali);

·l-Artikolu 13 (il-libertà akkademika);

·l-Artikolu 14 (id-dritt għall-edukazzjoni);

·l-Artikolu 21 (id-dritt għan-nondiskriminazzjoni);

·l-Artikolu 24 (id-drittijiet tat-tfal);

·l-Artikolu 26 (l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli).

Il-miżuri se jitwettqu f’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 43 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma hijiex se tirrikjedi riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li għandhom jiġu żviluppati mill-Istati Membri għall-2025-2030 u se tabbozza rapport ġenerali fl-2026.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni fil-kuntest tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Ma Japplikax

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta ta’ politika tipprovdi qafas komprensiv dwar it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet abilitanti għall-mobbiltà tal-apprendiment, l-indirizzar tal-isfidi u l-għoti ta’ inċentivi. Hija għandha l-għan li tagħmel il-mobbiltà tal-apprendiment parti integrali mill-perkorsi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li ssaħħaħ l-apprendiment tal-lingwi u li timxi lejn rikonoxximent awtomatiku intra-UE tal-eżiti tal-perjodu ta’ apprendiment barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, għandha l-għan li tagħmel il-mobbiltà tal-apprendiment aktar inklużiva u aċċessibbli billi tistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ulterjuri biex jipprovdu gwida, finanzjament xieraq u appoġġ ieħor lill-persuni b’inqas opportunitajiet. Il-proposta għandha wkoll l-għan li tagħmel il-mobbiltà tal-apprendiment aktar sostenibbli mil-lat ambjentali, li tagħmel użu mit-teknoloġiji diġitali fl-iffaċilitar tagħha u li tippromwovi l-valuri tal-UE. Għan ieħor tal-proposta hu li tiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi ewlenin kif previst fl-inizjattiva tas-Sħubijiet ta’ Talent, filwaqt li tippromwovi lill-UE bħala destinazzjoni attraenti għat-talenti minn pajjiżi terzi biex jitgħallmu, jitħarrġu u jistudjaw u jtejbu r-rikonoxximent ġust u trasparenti tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll apprendiment parzjali u preċedenti.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament jiddeskrivi evidenza ta’ riċerka reċenti flimkien mal-eżiti ta’ diversi konsultazzjonijiet li jappoġġaw ir-rakkomandazzjoni proposta.

2023/0405 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

“Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd 

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja tal-UE wegħdu li jaħdmu lejn Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar edukazzjoni u taħriġ u jkunu jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi fil-kontinent kollu.

(2)Il-mobbiltà tal-apprendiment uriet li hija siewja ħafna biex l-istudenti jiksbu l-kompetenzi 44 meħtieġa għall-iżvilupp personali, edukattiv u professjonali. L-esperjenzi ta’ apprendiment transfruntier iżidu l-fehim interkulturali u jgħinu fl-iżvilupp ta’ identità Ewropea komuni. L-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-apprendiment, kemm dik dieħla kif ukoll dik ħierġa, hija wkoll mutur b’saħħtu għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-fornituri tal-apprendiment mhux formali u informali biex tittejjeb il-kwalità tal-apprendiment offrut.

(3)Il-mobbiltà tal-apprendiment hija importanti biex tgħin fl-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħiliet fl-UE, b’mod partikolari dawk meħtieġa biex jinkisbu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għat-tranżizzjoni tal-istudenti għas-suq tax-xogħol. L-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, inklużi l-perjodi mqattgħin f’pajjiż ieħor, iġib benefiċċji għall-akkwist tal-ħiliet u għall-impjegabbiltà. Il-mobbiltà tal-apprendiment tista’ tiffaċilita wkoll l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tal-UE.

(4)L-għoti ta’ opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd huwa essenzjali għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 45  ħabbret aġġornament tal-qafas tal-mobbiltà tal-apprendiment, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 “Żgħażagħ f’Moviment– il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ 46 , u l-iżvilupp tal-qafas ta’ politika għall-mobbiltà tal-apprendiment tal-għalliema sabiex aktar studenti u għalliema jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-mobbiltà. Din ir-Rakkomandazzjoni taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tagħha, tespandi l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment — miż-żgħażagħ sal-istudenti ta’ kull età u persunal — u tindirizza xejriet ġodda ta’ apprendiment, inkluż l-apprendiment imħallat.

(5)Waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2021 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 47 kienet li l-apprendiment tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà għal kulħadd. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2023 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: inħarsu lejn l-2025 u lil hinn 48 enfasizzat li l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli li fadal għall-mobbiltà tal-apprendiment u t-tagħlim, filwaqt li tiġi mħeġġa mobbiltà inklużiva, sostenibbli u bilanċjata, huma essenzjali għall-kisba sħiħa taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

(6)Id-data miġbura miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) tiżvela li l-pajjiżi jeħtieġ li jżidu l-isforzi biex itejbu l-prestazzjoni medja tagħhom fl-għoti ta’ appoġġ komprensiv għall-mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), b’mod partikolari għall-apprendisti. L-analiżi tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali 49 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020 tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar il-VET għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 50 turi li madwar nofs l-Istati Membri biss taw prijorità lill-miżuri biex tissaħħaħ il-mobbiltà fil-VET.

(7)Analiżi 51 tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 52 u l-evidenza tas-Cedefop 53 jissuġġerixxu li l-mobbiltà tal-apprendisti għadha mhix żviluppata biżżejjed u jeħtieġ li jsir sforz akbar biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi skambji ta’ mobbiltà.

(8)Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa 54 talbu l-promozzjoni u l-espansjoni tal-mobbiltà sabiex din issir karatteristika komuni fit-taħriġ u l-karriera tagħhom.

(9)L-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 55 turi l-ħtieġa għal aktar sforzi sabiex ikun possibbli aċċess effettiv għaż-żgħażagħ u l-persuni kollha li jaħdmu maż-żgħażagħ għal opportunitajiet ta’ mobbiltà. Dan jinkludi l-volontarjat fis-settur tas-soċjetà ċivili u aktar ħidma fuq sistemi effettivi għall-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz tal-mobbiltà tal-apprendiment mhux formali u informali, f’sinerġija mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea 56 .

(10)In-nuqqas ta’ kompetenzi f’lingwa barranija jibqa’ wieħed mill-ostakli ewlenin biex wieħed jidħol għal esperjenzi ta’ mobbiltà tal-apprendiment, jistudja u jaħdem barra mill-pajjiż, u jiskopri bis-sħiħ id-diversità kulturali tal-Ewropa. Fl-istess ħin, xi offerti ta’ korsijiet f’lingwa barranija jistgħu jħeġġu lill-istudenti minn pajjiż ieħor biex jinvolvu ruħhom fil-mobbiltà tal-apprendiment

(11)Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki u tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż 57 kif ukoll il-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill 58 enfasizzaw li huma meħtieġa sforzi addizzjonali sostanzjali sabiex ir-rikonoxximent awtomatiku jsir realtà fl-UE. Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, sar titjib konsiderevoli fil-fehim tal-kunċett ta’ rikonoxximent awtomatiku fost l-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, l-inkonsistenzi li fadal u n-nuqqas ta’ trasparenza huma fattur sinifikanti li jiskoraġġixxi lill-istudenti milli jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ mobbiltà.

(12)Il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-apprendiment ma’ pajjiżi terzi tista’ tagħmel is-sistemi edukattivi Ewropej aktar attraenti għall-bqija tad-dinja u tattira t-talent lejn l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom. Il-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-mobbiltà tal-apprendiment, hija essenzjali biex jintlaħqu l-prijoritajiet ġeopolitiċi tal-UE, b’mod partikolari l-Global Gateway, u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.

(13)Il-benefiċċji tal-promozzjoni tal-aċċess għal persuni b’inqas opportunitajiet għall-mobbiltà tal-apprendiment huma partikolarment importanti, u dan l-objettiv ta’ inklużjoni huwa fil-qalba tal-programm Erasmus+ 2021-2027. Huwa kruċjali li dan l-objettiv jiġi estiż għal skemi oħrajn ta’ mobbiltà tal-apprendiment madwar l-UE.

(14)L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej għandha fil-mira mobbiltà ta’ 50 % fost l-istituzzjonijiet parteċipanti, filwaqt li l-iżvilupp possibbli ta’ lawrja Ewropea konġunta jirrikjedi wkoll li l-mobbiltà tiġi inkorporata fil-kurrikuli. Il-baġit miżjud tal-Erasmus+ għall-2021-2027 jirfed l-objettiv tal-UE li jkun hemm aktar studenti li jipparteċipaw fil-mobbiltà tal-apprendiment mill-inqas darba matul l-istudji tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li tiżdied il-mira ta’ mobbiltà tal-apprendiment ta’ 20 %, li ġiet stabbilita għall-ewwel darba fil-kuntest tal-Proċess ta’ Bolonja fl-2009. L-għodod li ġew żviluppati minn dak iż-żmien, flimkien mal-miżuri proposti minn din ir-Rakkomandazzjoni, joħolqu l-kundizzjonijiet qafas meħtieġa sabiex mill-inqas 25 % tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja jipparteċipaw fil-mobbiltà tal-apprendiment.

(15)Il-mudelli tal-apprendiment evolvew fl-aħħar għaxar snin, inkluż minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li tat spinta lill-apprendiment virtwali u mħallat. L-espansjoni tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għall-istudenti, l-edukaturi u l-persunal fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport f’ambjenti formali, mhux formali u informali wasslet ukoll għall-iżvilupp ta’ formati flessibbli ta’ mobbiltà tal-apprendiment.

(16)Il-mobbiltà bilanċjata għar-riċerkaturi, b’mod partikolari r-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera, jenħtieġ li tiġi appoġġata aktar biex jiżdied l-iżvilupp personali u professjonali tagħhom għall-benefiċċju tal-kompetittività tas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa.

(17)Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. Il-viżjoni għall-kwalità fl-edukazzjoni tinkludi l-promozzjoni tal-libertà doppja għall-istudenti u l-għalliema biex ikunu mobbli, b’mod partikolari għall-persuni minn sfondi soċjali żvantaġġati u għal dawk b’diżabilità, u għall-istituzzjonijiet biex jassoċjaw ruħhom ma’ xulxin b’mod liberu fl-Ewropa u lil hinn minnha. Is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ekwi jenħtieġ li jappoġġaw soċjetajiet koeżivi u jistabbilixxu l-pedamenti għal ċittadinanza attiva u jtejbu l-impjegabbiltà. Hija tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kundizzjonijiet abilitanti għall-mobbiltà tal-apprendiment, u jneħħu l-ostakli u jipprovdu inċentivi li huma mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-persunal f’setturi differenti.

(18)Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan ukoll li tiffaċilita kooperazzjoni akbar ma’ pajjiżi terzi ewlenin kif previst fl-inizjattiva tas-Sħubijiet ta’ Talent, filwaqt li tippromwovi lill-UE bħala destinazzjoni attraenti għal persuni b’talent minn pajjiżi terzi biex jitgħallmu, jitħarrġu u jistudjaw.

(19)Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tfakkar is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet eżistenti bejn il-programmi tal-UE li jindirizzaw il-mobbiltà tal-apprendiment, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u strumenti ta’ finanzjament oħrajn fil-livell reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, bħall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, fi ħdan l-inizjattiva Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb (ALMA).

(20)Din ir-Rakkomandazzjoni għandha wkoll l-għan li tagħti spinta lill-mobbiltà tal-apprendiment għall-għalliema u l-apprendisti permezz ta’ oqfsa ta’ politika ddedikati fl-Annessi. L-iskejjel qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ għalliema, u l-mobbiltà tal-apprendiment jenħtieġ li żżid l-attraenza tal-professjoni. L-għalliema li esperjenzaw mobbiltà jistgħu jsiru mudelli eżemplari għall-istudenti u jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali u internazzjonali. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u fis-servizz jenfasizzaw l-impatt pożittiv tal-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż fuq l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, kif ukoll fuq is-sistemi edukattivi, filwaqt li jidentifikaw l-ostakli għall-mobbiltà. L-apprendisti jiffaċċjaw ukoll sett ta’ ostakli speċifiċi relatati mal-karatteristiċi speċjali tal-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol. Jenħtieġ li l-mobbiltà tagħhom tgħin biex tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet, tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u żżid l-impjegabbiltà, b’mod partikolari taż-żgħażagħ,

JIRRIKONOXXI LI:

(21)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, tintuża l-istess definizzjoni ta’ “mobbiltà tal-apprendiment” bħal fir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-programm Erasmus+. Din tfisser li tiċċaqlaq fiżikament lejn pajjiż ieħor li ma huwiex il-pajjiż ta’ residenza biex twettaq studji, taħriġ jew apprendiment mhux formali jew informali. Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri kemm il-mobbiltà tal-apprendiment intra-UE kif ukoll dik internazzjonali lejn l-UE u minnha.

(22)Il-mobbiltà tal-apprendiment skont din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-istudenti u l-persunal fis-setturi kollha tal-apprendiment tul il-ħajja, inklużi l-iskola, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendiment għall-adulti, kif ukoll il-mobbiltà tal-apprendiment taż-żgħażagħ, tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u tal-persunal kemm fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif ukoll fl-isport. Hija tkopri t-tipi kollha ta’ mobbiltà tal-apprendiment, inklużi l-mobbiltà għal żmien qasir, il-mobbiltà fi grupp, il-mobbiltà mħallta, il-mobbiltà tal-kreditu u l-mobbiltà li twassal għal lawrja.

(23)Għall-mira tal-mobbiltà tal-apprendiment fl-edukazzjoni għolja, l-azzjonijiet ta’ mobbiltà koperti jinkludu l-mobbiltà ħierġa tal-istudenti ta’ minimu ta’ xahrejn, inklużi kemm it-traineeships kif ukoll il-mobbiltà tal-istudju, u mobbiltà iqsar li tikkonsisti f’mill-inqas tliet krediti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS). Dawn jistgħu jkunu jew kompletament fiżiċi jew imħalltin, u jikkonsistu f’komponent kemm virtwali kif ukoll fiżiku. Il-mira tiġi kkalkolata fil-livell tal-gradwati, għall-gradwati li jipparteċipaw fil-mobbiltà tal-apprendiment mill-inqas darba matul l-istudji tagħhom.

(24)Sabiex twieġeb għas-sejħiet 59 għal mira aktar ambizzjuża mill-mira attwali ta’ 8 % għall-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż għall-istudenti tal-VET, din ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li sal-2030, il-mira ta’ parteċipazzjoni għall-istudenti tal-VET, inklużi l-apprendisti, tiżdied għal 15 %. Il-mira għall-VET tibni fuq l-indikatur definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar punt ta’ riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim (2011/C372/08) 60 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza. Din titkejjel bħala s-sehem ta’ studenti u apprendisti rreġistrati fi programmi vokazzjonali ta’ livell sekondarju u postsekondarju li pparteċipaw f’perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż matul l-istudji tagħhom. Tinkludi l-parteċipanti tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà flessibbli bħal dawk fil-qafas tal-Erasmus+ (pereżempju l-mobbiltà għal żmien qasir, il-mobbiltà fi grupp, il-mobbiltà mħallta, il-mobbiltà marbuta mal-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet tal-ħiliet).

(25)F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/817, il-“persuni b’inqas opportunitajiet” tfisser dawk il-persuni li, għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ġeografiċi jew ta’ saħħa, minħabba l-isfond ta’ migrazzjoni tagħhom, jew għal raġunijiet bħal diżabilità jew diffikultajiet edukattivi jew għal kwalunkwe raġuni oħra, inkluża raġuni li tista’ tagħti lok għad-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiffaċċjaw ostakli li jżommuhom milli jkollhom aċċess effettiv għal opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment.

(26)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u f’konformità mal-linji gwida ta’ implimentazzjoni għall-Istrateġija għall-Inklużjoni u d-Diversità tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 61 , l-ostakli għall-mobbiltà tal-apprendiment jinkludu d-diżabilitajiet, il-problemi tas-saħħa, l-ostakli marbuta mas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, id-differenzi kulturali, l-ostakli soċjali, l-ostakli ekonomiċi, l-ostakli marbuta mad-diskriminazzjoni u l-ostakli ġeografiċi.

JIRRIKONOXXI L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIBNI FUQ L-INIZJATTIVI EŻISTENTI BIEX TAPPOĠĠA L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI U BIEX ISSAĦĦAĦ IL-BAŻI TA’ EVIDENZA DWAR IL-MOBBILTÀ TAL-APPRENDIMENT BILLI:

(27)Tiżviluppa linji gwida għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ azzjoni msemmija fil-punt 12 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, kif ukoll tabbozza rapport ġenerali ta’ dawn il-pjanijiet biex tappoġġa l-opportunitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari u l-iskambju ta’ prattika tajba.

(28)Tappoġġa aktar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi tibni fuq il-kooperazzjoni u l-ħolqien konġunt tal-gruppi ta’ esperti taħt il-governanza taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

(29)Tinkoraġġixxi u tappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u programmi ta’ mobbiltà tal-apprendiment fil-livell nazzjonali, lokali u Ewropew.

(30)Tiżviluppa aktar, tippromwovi u tipprovdi l-appoġġ permezz tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-użu tal-għodod tal-UE li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż bħall-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti, l-Appoġġ Lingwistiku Online, il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, it-Taħriġ Online Ġenerali, il-Youthpass u l-Europass.

(31)Tiżviluppa aktar, tippromwovi u tipprovdi appoġġ permezz tal-programm Erasmus+ għall-użu ta’ għodod tal-UE li jappoġġaw it-trasparenza u l-validazzjoni tal-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż u l-kredenzjali, b’mod partikolari l-Youthpass u l-pjattaforma tal-Europass/Europass mobbiltà, inkluż permezz tal-interoperabbiltà semantika permezz tal-Mudell Ewropew tal-Apprendiment u l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment.

(32)Tiżviluppa aktar u tipprovdi appoġġ lill-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, inkluż permezz tal-programm Erasmus+ u l-appoġġ għall-politika, li jippermettulhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jaġixxu bħala mudelli eżemplari għas-settur tal-edukazzjoni għolja billi jrawmu mobbiltà mingħajr xkiel u inkorporata fil-kampusijiet interuniversitarji Ewropej, jippromwovu l-użu ta’ mikrokredenzjali u jwittu t-triq lejn lawrja Ewropea konġunta possibbli.

(33)Tipprovdi aktar appoġġ mill-programm Erasmus+ billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-apprendiment reċiproku fost l-Istati Membri dwar l-iżgurar tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż imwettqa fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, inkluż għall-apprendiment virtwali u mħallat.

(34)Tkompli tappoġġa lill-Istati Membri lejn approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, b’mod partikolari permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari, il-promozzjoni ta’ inizjattivi u avvenimenti bħall-Jum Ewropew tal-Lingwi u l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD dwar l-iżvilupp ta’ għodod innovattivi għall-apprendiment tal-lingwi.

(35)Tippromwovi l-bini ta’ sinerġiji u komplementarjetajiet bejn il-programmi tal-UE li jindirizzaw il-mobbiltà tal-apprendiment, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u strumenti ta’ finanzjament oħrajn fil-livell reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE bħall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’mod partikolari l-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sabiex timmassimizza l-impatt tal-azzjonijiet li jippromwovu l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment, inkluż billi tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ għodod u strateġiji biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’inqas opportunitajiet.

(36)Tgħin lill-Istati Membri jirriformaw u jtejbu s-sistemi ta’ mobbiltà tal-apprendiment fil-livell nazzjonali u f’diversi pajjiżi.

(37)Timmappja l-oqsma ta’ intervent tal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti fil-livell reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-azzjonijiet potenzjali u l-prattiki tajbin tagħhom b’appoġġ għall-mobbiltà tal-apprendiment u jitrawwem approċċ sinerġetiku effettiv fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(38)Taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fuq it-titjib ulterjuri tal-kwalità u d-disponibbiltà tad-data u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji fil-livell tal-UE għall-ġbir u l-analiżi tad-data, inkluż stħarriġ, pereżempju, l-istħarriġ Ewropew ta’ traċċar tal-gradwati, dwar il-mobbiltà tal-apprendiment fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u taż-żgħażagħ, li jistgħu jirrappreżentaw ukoll l-inklużività u d-diversitajiet territorjali, f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

(39)Iġġedded it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobbiltà, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti mill-Istati Membri, sabiex issegwi l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tespandiha biex tkopri s-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u taż-żgħażagħ.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI U JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI

F’konformità mal-karatteristiċi tal-edukazzjoni fl-iskejjel nazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u s-sistemi tal-edukazzjoni għall-adulti, u s-setturi taż-żgħażagħ u tal-isport:

(a)jippromwovu l-moviment bla xkiel tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-persunal fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bil-ħsieb li jappoġġaw l-iżvilupp tas-sett ta’ ħiliet tagħhom b’mod ġenerali, b’mod partikolari dawk il-kompetenzi li huma essenzjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jibnu l-fiduċja u l-fehim bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-setturi taż-żgħażagħ u tal-isport, u jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva;

(b)jaħdmu lejn skemi ta’ mobbiltà tal-apprendiment li huma inklużivi u sostenibbli mil-lat ambjentali, jibbenefikaw mill-użu ta’ teknoloġiji diġitali u jippromwovu valuri komuni tal-UE;

(c)jistabbilixxu miri ġodda fil-livell tal-UE sal-2030 u jaħdmu biex jiksbuhom:

fl-edukazzjoni għolja, jenħtieġ li s-sehem ta’ gradwati b’esperjenza ta’ mobbiltà tal-apprendiment ikun ta’ mill-inqas 25 %;

fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jenħtieġ li s-sehem ta’ studenti vokazzjonali li jibbenefikaw minn mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż ikun ta’ mill-inqas 15 %;

fis-sistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u taż-żgħażagħ u l-isport, jenħtieġ li l-persuni b’inqas opportunitajiet ikunu jammontaw għal mill-inqas 20 % tal-istudenti kollha li jibbenefikaw mill-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż.

(d)jistabbilixxu kooperazzjoni strutturali mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-mobbiltà tal-apprendiment fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(1)Jipprovdu opportunitajiet sistemiċi ta’ mobbiltà tal-apprendiment billi:

(a)jagħmlu l-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż parti standard u integrali mill-edukazzjoni fl-iskejjel, mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u mill-apprendistati, mill-edukazzjoni għolja u mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti billi jinkorporaw l-opportunità għal perjodi ta’ mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż fil-kurrikuli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ twieqi ta’ mobbiltà flessibbli, korsijiet elettivi u opportunitajiet oħrajn;

(b)jappoġġaw lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iżvilupp u t-twassil ta’ sehem dejjem akbar ta’ attivitajiet transfruntiera konġunti, inklużi programmi konġunti li jwasslu għal lawrji konġunti, billi jagħmlu l-aħjar użu mill-inizjattivi Ewropej, b’mod partikolari mill-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, miċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, mit-Timijiet Nazzjonali tal-VET, mill-Alleanzi għall-Innovazzjoni u mill-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+; jibnu fuq l-esperjenzi tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej li jimmiraw għal rata ta’ mobbiltà ta’ 50 % ta’ studenti b’għażliet ta’ mobbiltà fiżika, virtwali u mħallta;

(c)jippromwovu u jinkorporaw il-mobbiltà dieħla u ħierġa tal-apprendiment fl-ambjenti tal-apprendiment mhux formali u informali, tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-volontarjat bħala għażliet ta’ mobbiltà siewja u vijabbli għall-istudenti u l-persunal kollha, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri maħsuba biex jintlaħqu ż-żgħażagħ u appoġġ ieħor lill-fornituri ta’ apprendiment mhux formali u informali, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, liċ-ċentri taż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(d)jappoġġaw l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ kwalità għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment, inkluż billi jibnu fuq l-istandards ta’ kwalità żviluppati fi ħdan il-programm Erasmus+, il-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u skemi oħrajn ta’ mobbiltà tal-apprendiment, u billi jiffokaw fuq l-aċċessibbiltà u l-inklużività ta’ tali attivitajiet;

(e)jikkooperaw mal-korpi li jimmaniġġjaw u jimplimentaw l-istrumenti ta’ finanzjament fil-livell reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE biex jiżguraw attivitajiet ikkoordinati li jappoġġaw u jippromwovu l-mobbiltà tal-apprendiment, filwaqt li jevitaw id-duplikazzjonijiet u jimmassimizzaw l-impatt tar-riżorsi.

(2)Itejbu l-apprendiment tal-lingwi billi:

(a)isaħħu l-apprendiment tal-lingwi fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fis-sistemi taż-żgħażagħ u l-isport, inkluż billi jipprovdu parti mill-kurrikuli f’lingwi oħrajn tal-UE minbarra l-lingwa/i nazzjonali biex jagħtu spinta lill-għażliet u l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment;

(b)jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-apprendiment tal-lingwi, inkluż għall-popolazzjoni adulta, sabiex jittejbu l-kompetenzi multilingwi u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-mobbiltà tal-apprendiment, miż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u mill-opportunitajiet ta’ impjieg.

(3)Jappoġġaw l-involviment fl-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment billi:

(a)jibnu kultura ta’ mobbiltà tal-apprendiment tul il-ħajja fl-istadji kollha tal-apprendiment mill-edukazzjoni skolastika sal-edukazzjoni għall-adulti u fl-ambjenti kollha tal-apprendiment, inkluż billi jiżviluppaw varjetà ta’ formati u attivitajiet ta’ mobbiltà, jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti biex isegwu l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom, iżidu l-attraenza tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fl-ospitar ta’ studenti mobbli u jinkoraġġixxu lin-networks tal-alumni biex jiżviluppaw u jippromwovu l-esperjenza ta’ apprendiment fil-livell lokali;

(b)irawmu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-korpi privati biex jippromwovu u jappoġġaw il-mobbiltà ħierġa tal-apprendiment, inkluż għal persuni b’inqas opportunitajiet, u joħolqu ambjent akkoljenti għall-parteċipanti tal-mobbiltà dieħla tal-apprendiment minn barra l-pajjiż;

(c)jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw l-iskemi ta’ mobbiltà, kemm fi rwoli li jibagħtu kif ukoll dawk ospitanti, biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti u jipprovdu gwida ċara matul il-proċess kollu tal-applikazzjoni;

(d)jappoġġaw il-formati flessibbli ta’ mobbiltà tal-apprendiment li jistgħu jwessgħu l-grupp ta’ parteċipanti u jservu bħala pass ’il quddiem għal perjodi itwal ta’ mobbiltà, inklużi attivitajiet ta’ mobbiltà fi grupp, mobbiltà għal żmien qasir u programmi intensivi mħalltin u kwalunkwe esperjenza oħra ta’ apprendiment li tista’ twassal għal mikrokredenzjali, f’konformità mal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà;

(e)jivvalutaw il-ħidma tal-persunal li jħejji u jimplimenta proġetti u attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment billi jagħmluha parti integrali u rikonoxxuta formalment mill-professjoni tal-persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini tal-kwoti tas-sigħat tax-xogħol u r-rekwiżiti formali għall-avvanz fil-karriera, u jirrikonoxxu r-rwol tal-mobbiltà tal-persunal fit-tħejjija, fl-inkoraġġiment u mbagħad fl-appoġġ tal-mobbiltà tal-istudenti.

(4)Jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment billi:

(a)jistabbilixxu promoturi tal-mobbiltà tal-apprendiment — koordinaturi, punti ta’ kuntatt, ambaxxaturi jew ċentri ta’ informazzjoni ddedikati dwar il-mobbiltà tal-apprendiment — fil-livell lokali jew reġjonali biex jikkondividu l-għarfien espert tagħhom ma’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ lokali u reġjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u korpi privati, jappoġġaw l-involviment f’attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment u jħeġġu lil dawn il-koordinaturi biex jagħmlu networking fil-livell nazzjonali u intra-UE;

(b)joffru lill-istudenti informazzjoni mmirata dwar l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment matul iċ-ċiklu tal-apprendiment tul il-ħajja, inkluż fl-iskejjel u fiċ-ċentri taż-żgħażagħ, fost il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni għall-adulti, il-fornituri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-volontarjat, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-impjegaturi, billi jibnu fuq il-promoturi tal-mobbiltà tal-apprendiment u jintegraw l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment fl-istudju u fil-gwida għall-karriera;

(c)jippromwovu l-benefiċċji ta’ perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż u jipprovdu pariri, suġġerimenti u mentoraġġ, b’mod partikolari lil studenti b’inqas opportunitajiet, inkluż billi jagħmlu l-aħjar użu mill-App tal-Erasmus+;

(d)jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet ospitanti biex jiżguraw akkoljenza bla xkiel ta’ studenti li jkunu deħlin, inkluż permezz tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni u materjal rilevanti;

(e)jistabbilixxu rabta bejn il-mobbiltà tal-apprendiment u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol billi jistabbilixxu konnessjoni bejn il-promoturi tal-mobbiltà tal-apprendiment u l-konsulenti tal-mobbiltà tan-network Ewropew ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi (EURES);

(f)jipprovdu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi ospitanti billi jagħmlu użu mill-informazzjoni disponibbli fuq il-portal tal-EURES dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi tal-EFTA u t-taqsima ddedikata tar-Rokna tat-Tagħlim tal-UE , inkluż billi jgħaqqdu dik l-informazzjoni mal-portali nazzjonali tal-mobbiltà tal-apprendiment.

(5)Jappoġġaw it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment billi:

(a)isaħħu r-rikonoxximent awtomatiku tal-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, inkluż għall-apprendiment virtwali u mħallat, billi jipprovdu gwida u taħriġ għall-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jiżguraw il-konsistenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent;

(b)jiżguraw ir-rikonoxximent awtomatiku sħiħ tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż fl-edukazzjoni għolja billi jagħmlu użu sħiħ mill-iskemi u l-għodod disponibbli, inkluż billi jiżguraw, permezz tas-sistema esterna ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, l-implimentazzjoni sħiħa tal-ECTS f’konformità mal-Gwida għall-Utenti tal-2015, li tiffoka fuq l-eżiti tal-apprendiment;

(c)jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex iżommu rekord tad-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment biex jiżguraw il-konsistenza u t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet maż-żmien u bejn l-istrutturi organizzattivi differenti tal-istituzzjonijiet u l-fehim tal-kunċett u d-definizzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku;

(d)jappoġġaw ir-rikonoxximent sħiħ tal-kompetenzi miksuba permezz tal-mobbiltà tal-apprendiment fl-ambjenti tal-apprendiment mhux formali u informali, tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-volontarjat billi jippromwovu l-kooperazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ validazzjoni fost il-korpi rilevanti fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-fornituri tal-apprendiment mhux formali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali jkunu jistgħu jintużaw aktar faċilment fl-edukazzjoni formali u fis-suq tax-xogħol;

(e)jappoġġaw lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-organizzaturi tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment taż-żgħażagħ, tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-volontarjat fl-użu sistemiku tal-oqfsa u l-istrumenti tal-UE, inklużi l-Europass, il-klassifikazzjoni multilingwi tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-okkupazzjonijiet Ewropej, il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass mobbiltà u l-Youthpass u/jew l-oqfsa nazzjonali biex jappoġġaw l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u, fejn xieraq, iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi żviluppati permezz tal-mobbiltà tal-apprendiment;

(f)jieħdu passi lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni Globali tal-UNESCO dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja biex itejbu r-rikonoxximent ġust u trasparenti tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-apprendiment parzjali u preċedenti; jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar il-proċessi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi u l-komparabbiltà mal-kwalifiki nazzjonali;

(g)jużaw il-kooperazzjoni politika, b’mod partikolari d-Djalogu dwar il-Politika Globali tal-Proċess ta’ Bolonja u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet ta’ rikonoxximent u tal-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità, biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ta’ pajjiżi terzi u jallinjaw il-proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità sabiex jimmassimizzaw l-eżiti tal-apprendiment tal-esperjenza tal-mobbiltà ta’ studenti minn pajjiżi terzi u jiżguraw ir-rikonoxximent sħiħ tal-perjodu ta’ mobbiltà lejn il-lawrja tal-istudent fil-pajjiż ta’ oriġini.

(6)Jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol u l-mobbiltà tax-xogħol billi:

(a)jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-mobbiltà tal-apprendiment għall-mobbiltà tax-xogħol billi jgħinu lill-istudenti mobbli, kif ukoll lill-għalliema, lill-ħarrieġa, lil edukaturi oħrajn u lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jaċċessaw l-appoġġ għall-persuni li qed ifittxu impjieg mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u mill-EURES;

(b)jgħinu lill-istudenti, inklużi l-gradwati reċenti permezz tal-Erasmus+, jagħmlu traineeships barra mill-pajjiż biex jiżviluppaw il-ħiliet intraprenditorjali, innovattivi, kreattivi u interkulturali tagħhom;

(c)jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet rilevanti biex jospitaw trainees minn barra l-pajjiż, inkluż permezz ta’ investimenti, bini ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni aċċessibbli.

(7)Jagħmlu l-mobbiltà tal-apprendiment aktar inklussiva u aċċessibbli billi:

(a)jistabbilixxu miri ta’ inklużjoni fil-livell reġjonali jew nazzjonali għall-mobbiltà tal-apprendiment li jikkontribwixxu sabiex tintlaħaq il-mira ta’ inklużjoni fil-livell tal-UE stabbilita fil-punt (ċ), u jiżviluppaw miżuri ddedikati biex jappoġġaw il-mobbiltà ta’ persuni b’inqas opportunitajiet;

(b)jiżguraw li l-mobbiltà tal-apprendiment tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità billi jneħħu l-ostakli u jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom mill-istadji bikrija tat-tfassil tal-attività ta’ apprendiment;

(c)jipprovdu l-livell ta’ appoġġ meħtieġ biex jagħmlu l-mobbiltà tal-apprendiment aċċessibbli għall-persuni b’inqas opportunitajiet, kif ukoll appoġġ lill-organizzazzjonijiet li jospitaw tali persuni, inkluż billi jipprovdu finanzjament xieraq fil-livell reġjonali jew nazzjonali u billi jrawmu sinerġiji fost strumenti ta’ finanzjament reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE differenti;

(d)jipprovdu informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar il-finanzjament disponibbli għall-mobbiltà tal-apprendiment, iż-żmien tal-pagamenti u appoġġ disponibbli ieħor għall-istudenti;

(e)jinkoraġġixxu l-prepagamenti sħaħ jew parzjali tal-għotjiet u jippermettu l-portabbiltà ta’ għotjiet u self. F’konformità mad-dritt nazzjonali, iħeġġu biex dawk l-għotjiet jiġu eżentati minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali u jittrattaw l-għotjiet mogħtija minn entitajiet legali pubbliċi jew privati bl-istess mod; u jinformaw lill-parteċipanti mobbli dwar ir-rekwiżiti proċedurali fir-rigward tat-tassazzjoni fuq l-introjtu;

(f)jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti mobbli flimkien mal-awtoritajiet lokali u nazzjonali rilevanti;

(g)jiżguraw, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE, il-protezzjoni xierqa tal-parteċipanti mobbli, inklużi apprendisti, trainees, riċerkaturi żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, b’mod partikolari minorenni, f’termini tal-assigurazzjoni, l-istandards tax-xogħol, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza, it-taxxa, is-sigurtà soċjali, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa u, fejn rilevanti, il-possibbiltà li jiġu akkumulati intitolamenti tal-pensjoni.

(8)Jagħmlu l-mobbiltà tal-apprendiment aktar sostenibbli mil-lat ambjentali billi:

(a)fejn xieraq, jagħmlu l-ivvjaġġar b’mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli minn u lejn id-destinazzjonijiet tal-mobbiltà tal-apprendiment u matul il-perjodi ta’ mobbiltà parti integrali mill-esperjenza tal-mobbiltà tal-apprendiment, u jipprovdu finanzjament adegwat kif ukoll gwida dwar l-ivvjaġġar sostenibbli;

(b)jgħinu lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment jintegraw il-prattiki ta’ sostenibbiltà fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom permezz ta’ taħriġ, linji gwida u l-iskambju ta’ prattika tajba;

(c)jappoġġaw lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iffissar ta’ miri u fl-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ fil-livell organizzazzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-ivvjaġġar għall-mobbiltà tal-apprendiment.

(9)Jagħmlu użu mit-teknoloġiji diġitali biex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-apprendiment billi:

(a)jappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta’ sistemi interoperabbli tal-IT ibbażati fuq standards Ewropej komuni għall-istudenti, l-edukaturi u l-persunal, f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, biex jimmaniġġjaw u jirreġistraw l-esperjenzi tal-mobbiltà tal-apprendiment, u għall-organizzazzjonijiet biex jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, jimmaniġġjaw il-mobbiltà, jappoġġaw ir-rikonoxximent awtomatiku u jnaqqsu l-piż amministrattiv, inkluż billi jagħmlu użu sħiħ mill-karatteristiċi tal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti u mill-għodod offruti mill-pjattaforma tal-Europass, fost l-oħrajn permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-kredenzjali tal-apprendiment bl-infrastruttura tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment;

(b)jikkontribwixxu għal inizjattivi li jappoġġaw il-mobbiltà tar-riċerkaturi u jipprovdu informazzjoni rilevanti u servizzi ta’ appoġġ, inklużi l-EURAXESS 62 u l-Pjattaforma tat-Talent taż-ŻER li ġejja 63 ;

(c)jipprovdu appoġġ finanzjarju u tar-riżorsi umani lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jippermettilhom jistabbilixxu u jużaw għodod diġitali fil-livell tagħhom meta jkun meħtieġ u/jew jużaw l-għodod diġitali eżistenti biex jikkomplementaw il-mobbiltà fiżika;

(d)jappoġġaw l-iżvilupp ta’ formati ta’ mobbiltà mħallta u virtwali ta’ kwalità billi jadattaw l-oqfsa nazzjonali eżistenti biex ikomplu jippermettu formati ta’ mobbiltà innovattivi komplementari li jagħmlu użu mit-teknoloġiji diġitali.

(10)Jippromwovu l-valuri tal-UE permezz tal-mobbiltà tal-apprendiment billi:

(a)jinkoraġġixxu lill-istudenti, l-edukaturi u l-persunal kollha jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunitajiet ospitanti, inklużi l-attivitajiet ta’ volontarjat, matul il-perjodu ta’ mobbiltà tal-apprendiment tagħhom barra mill-pajjiż;

(b)jarrikkixxu l-esperjenzi ta’ mobbiltà tal-apprendiment b’taħriġ fis-sensibilizzazzjoni interkulturali, l-involviment ċiviku, il-litteriżmu diġitali u tal-midja, il-valuri tal-UE u d-drittijiet fundamentali;

(c)jipprovdu lill-istudenti, l-edukaturi u l-persunal li jkunu deħlin b’informazzjoni rilevanti għall-kuntest lokali u joħolqu kultura akkoljenti permezz ta’ mentors u appoġġ amministrattiv;

(d)jiżguraw li l-istudenti mobbli u l-persunal igawdu l-ogħla livell ta’ libertà akkademika; jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, inkluż permezz ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, biex jiżviluppaw kultura ta’ kwalità fejn tiġi żgurata aderenza sħiħa mal-prinċipji tal-integrità akkademika wkoll matul il-perjodi ta’ mobbiltà.

(11)Jippromwovu l-UE bħala destinazzjoni tal-apprendiment billi:

(a)jikkooperaw mill-qrib fl-approċċ ta’ Tim Ewropa biex iżidu l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni tal-apprendiment, billi jużaw il-firxa eżistenti ta’ inizjattivi reġjonali u nazzjonali bħall-proġett ta’ Studju fl-Ewropa fl-edukazzjoni għolja;

(b)jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-apprendiment ma’ partijiet oħrajn tad-dinja, b’mod partikolari ma’ pajjiżi b’perspettiva ta’ tkabbir, permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti tagħhom u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dawk fl-UE; Is-Sħubijiet ta’ Talent jistgħu jipprovdu qafas għal sħubijiet ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi terzi ewlenin f’konformità mal-objettivi miftiehma b’mod reċiproku; tali kooperazzjoni tista’ tgħin biex jiġi żgurat li l-mobbiltà tal-apprendiment tgħin indirettament biex tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet f’pajjiżi terzi u fl-UE, pereżempju, billi timmira għad-diskrepanzi fil-ħiliet f’setturi affettwati mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u ttejjeb l-impjegabbiltà tal-istudenti;

(c)jappoġġaw il-ħruġ f’waqtu ta’ viżi għal soġġorn twil u ta’ permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jintgħażlu għal opportunità ta’ apprendiment fi Stat Membru, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/801 64 , jew ta’ viżi għal soġġorn qasir, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 810/2009 65 , skont id-durata maħsuba ta’ soġġorn fl-UE.

(12)Jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi:

(a)sa Mejju 2025, jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni għall-2025-2030 fil-livell reġjonali jew nazzjonali f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata fis-setturi tal-edukazzjoni għolja, tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, tal-edukazzjoni skolastika u tal-edukazzjoni għall-adulti u fis-sistemi taż-żgħażagħ u tal-isport li jindirizzaw kemm il-mobbiltà ħierġa kif ukoll dik dieħla tal-apprendiment;

(b)jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjonijiet li biħsiebha tieħu kif spjegat fil-premessi 27-39.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (2019-2024) - “Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa” Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (2019-2024) - “Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa” | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(2)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) 1288/2013, {COM(2018) 367 final} - {SEC(2018) 265 final} - {SWD(2018) 276 final. Link: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018SC0277
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Erasmus+, ĠU L 189, 28.05.2021.
(4)    ĠU C 199/1, 7.7.2011.
(5)    COM(2020) 625 final.
(6)    ĠU C 423/1 tad-9.12.2017.
(7)    F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/817 dwar l-Erasmus+ u għall-fini ta’ din il-proposta ta’ politika, “persuni b’inqas opportunitajiet” tfisser persuni li, għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ġeografiċi jew tas-saħħa, minħabba l-isfond ta’ migrazzjoni tagħhom, jew għal raġunijiet bħal diżabilità jew diffikultajiet edukattivi, jew għal kwalunkwe raġuni oħra, inkluża raġuni li tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiffaċċjaw ostakli li jżommuhom milli jkollhom aċċess effettiv għal opportunitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment.
(8)    Stħarriġiet tal-Ewrobarometru: Iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ - Mejju 2022; L-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol b’enfasi partikolari fuq it-traineeships - April 2023
(9)    It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-mobbiltà bdiet topera fl-2016 bl-objettiv li tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali. Link: https://national-policies.eacea.ec.europa.eu/mobility-scoreboard .
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 iddeskriviet lill-istudenti żvantaġġati bħala persuni li jistgħu jiġu mċaħħda minn opportunitajiet għall-mobbiltà tal-apprendiment.
(11)    Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2021. Link: https://op.europa.eu/webpub/eac/education-and-training-monitor-2021/en/  
(12)    How families handled emergency remote schooling during the COVID-19 lockdown in spring 2020, 2020, il-JRC u l-Eurostat. Stħarriġ dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi [isoc_i, ci_in_h], 2019
(13)    Pjattaforma tal-pubblikazzjonijiet tal-UE, link: https://op.europa.eu
(14)    Fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, 800 ċittadin magħżula b’mod aleatorju nġabru fl-2021-2022 biex jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki futuri https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/conference-future-europe_mt#final-reports-and-proposals  
(15)    Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-mobbiltà tal-apprendiment involva 150 ċittadin magħżula b’mod aleatorju ta’ kull età u bi sfondi diversi fid-deliberazzjonijiet f’Marzu u April 2023. Link għar-rakkomandazzjonijiet finali: https://citizens.ec.europa.eu/learning-mobility-panel_mt.
(16)    Ewrobarometru Flash FL529: Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet - In-nuqqas ta’ ħiliet, l-istrateġiji ta’ reklutaġġ u ta’ żamma f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; link: https://data.europa.eu/data/datasets/s2994_fl529_eng?locale=mt
(17)    ĠU C 66, 26.02.2021, p. 1-21.
(18)    ĠU C 185, 26. 05.2023, p. 35-38.
(19)    https://op.europa.eu/webpub/empl/european-pillar-of-social-rights/mt/
(20)    https://year-of-skills.europa.eu/index_en
(21)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1–22
(22)    ĠU C 415, 1.12.2020, p. 1–8.
(23)     ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1–5 .
(24)    Is-Cedefop (2023). Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali. Il-Lussemburgu: l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Serje ta’ referenza tas-Cedefop; Nru 124. http://data.europa.eu/doi/10.2801/389827
(25)    ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1-4.
(26)     ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15–28 .
(27)     ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1–6 .
(28)     ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1–8 .
(29)     COM/2023/91 final
(30)     ĠU C 185, 26.5.2023, p. 44–50
(31)     ĠU C 189, 5.6.2019, p. 15–22 .
(32)     COM(2020) 625 final .
(33)     ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16 .
(34)    Id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta’ tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi, approvata fit-30 ta’ Novembru 2020. Link: https://www.cedefop.europa.eu/mt/content/osnabruck-declaration-2020-vocational-education-and-training-enabler-recovery-and-just-transitions
(35)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet, COM(2022) 16 final .
(36)    Network konġunt tan-Network Ewropew ta’ Ċentri ta’ Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku fl-Unjoni Ewropea (ENIC-NARIC).
(37)     ĠU C 167, 21.4.2022, p. 2–8 .
(38)     ĠU C 157, 11.4.2022, p. 1–9 .
(39)    COM(2021) 142 final. L-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal tissottolinja li aktar minn 22 % tat-tfal fl-UE huma f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, li madwar 10 % taż-żgħażagħ fl-UE jitilqu mill-edukazzjoni kmieni.
(40)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32017C1213%2801%29 .
(41)    Pjattaforma tal-pubblikazzjonijiet tal-UE, link: https://op.europa.eu
(42)    Ir-referenzi sħaħ huma disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
(43)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.
(44)    F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1-13), il-kompetenzi huma definiti bħala taħlita ta’ għarfien, ħiliet u attitudnijiet.
(45)     COM(2020) 625 final
(46)    ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(47)    ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1-21.
(48)    ĠU C 185, 26.5.2023, p. 5.
(49)    Briefing note – Working together towards attractive, inclusive, innovative, agile and flexible VET; is-Cedefop. Link: https://www.cedefop.europa.eu/mt/publications/9180
(50)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.
(51)    Link: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89&furtherNews=yes&langId=mt&newsId=10070
(52)    ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.
(53)    Enablers and disablers of cross-border long-term apprentice mobility: evidence from country- and project-level investigations. Link: https://www.cedefop.europa.eu/files/2021-10/3089_en.pdf
(54)    ĠU C 167, 21.4.2022, p. 2.
(55)    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021).
(56)    ĠU C 157, 11.4.2022, p. 1-9.
(57)     COM/2023/91 final
(58)     ĠU C 185, 26.5.2023, p. 44-50 .
(59)    Inkluż ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza.
(60)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52011XG1220(06)
(61)    Linji gwida ta’ implimentazzjoni għall-Istrateġija għall-Inklużjoni u d-Diversità tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, link: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/implementation-guidelines-erasmus-and-european-solidarity-corps-inclusion-and-diversity-strategy
(62)    EURAXESS – Riċerkaturi Attivi huwa punt uniku ta ’ servizz għar-riċerkaturi u l-innovaturi li qed ifittxu li javvanzaw fil-karrieri u l-iżvilupp personali tagħhom billi jiċċaqilqu lejn pajjiżi oħrajn.
(63)    Din l-azzjoni appoġġata mill-programm Orizzont Ewropa għandha l-għan li tagħti spinta lill-interoperabbiltà tal-karrieri u lill-impjegabbiltà tat-talenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-setturi kollha.
(64)    Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).
(65)    Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

Brussell, 8.11.2023

COM(2023) 719 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

“Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd 



{SWD(2023) 719 final} - {SWD(2023) 720 final}




ANNESS I

Qafas ta’ politika għall-mobbiltà tal-għalliema

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 1 tiddikjara li l-Kummissjoni “se tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, qafas ta’ politika biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-mobbiltà tat-tagħlim tal-għalliema fl-Ewropa abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-mobbiltà tagħhom”.

Ir-Riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) tinkludi azzjonijiet speċifiċi biex tiġi indirizzata l-prijorità tal-għalliema u tal-ħarrieġa. Din tinvolvi wkoll l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġi żviluppat qafas ta’ politika għall-mobbiltà tal-għalliema.

Ir-raġuni għal dan il-mandat hija li hemm sfidi speċifiċi għall-għalliema li huma analizzati wkoll fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-proposta.

Dan il-qafas jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-iskola, dak lokali, dak reġjonali u tas-sistema biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-mobbiltà tal-għalliema identifikati fl-Istati Membri tal-UE. L-ambizzjoni tiegħu hija li jservi bħala ispirazzjoni għall-partijiet ikkonċernati li lesti jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom stess għall-mobbiltà tal-għalliema f’konformità mas-sistemi rispettivi tagħhom. Dan jikkomplementa u jkompli jibni fuq l-azzjonijiet speċifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u fis-servizz, u dwar il-valorizzazzjoni tal-mobbiltà tal-għalliema fl-iskejjel u fil-komunitajiet. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw l-impatt pożittiv tal-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż fuq l-iżvilupp professjonali tal-għalliema kif ukoll fuq is-sistemi tal-edukazzjoni, filwaqt li jidentifikaw l-ostakli għall-mobbiltà. Dan l-Anness jipprevedi l-ħtieġa li jingħelbu tali ostakli biex il-mobbiltà tal-għalliema ssir perkors standard kemm fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema kif ukoll matul l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom.

L-idea sottostanti hija li l-mobbiltà tal-apprendiment tal-għalliema jenħtieġ li tkun parti essenzjali mill-edukazzjoni inizjali u mill-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tista’ żżid l-attraenza tal-professjoni u hija l-pedament fl-iżvilupp ulterjuri tal-iskejjel u tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-apprendiment bejn il-pari, jistabbilixxu l-arranġamenti u l-miżuri meħtieġa deskritti f’dan id-dokument; se tibni fuq il-prattiki tajbin żviluppati taħt il-programm Erasmus+, bħall-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+, li għandhom l-għan li joffru appoġġ lill-għalliema fil-bidu tal-karriera tagħhom u jsaħħu l-iżvilupp professjonali tagħhom.

Il-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-iskola, f’dak reġjonali, lokali u tas-sistema jistgħu jilħqu l-objettivi ġenerali deskritti hawn fuq permezz ta’:

1.Integrazzjoni tal-mobbiltà fl-edukazzjoni inizjali u fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema

(a)Edukazzjoni inizjali

l-integrazzjoni ta’ mobbiltà inklużiva u bbilanċjata bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema bħala parti rrakkomandata ħafna mill-kurrikuli tagħhom;

ir-rikonoxximent tal-mobbiltà tal-apprendiment bħala parti integrali mill-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, speċjalment l-inkarigi ta’tagħlim barra mill-pajjiż bħala ekwivalenti għat-taħriġ fl-iskola f’istituzzjoni nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

l-allokazzjoni ta’ perjodi ta’ ħin (“twieqi ta’ mobbiltà”) fis-sena akkademika ta’ kwalunkwe edukazzjoni inizjali tal-għalliema biex l-għalliema studenti jkunu jistgħu jipparteċipaw faċilment f’perjodi ta’ mobbiltà mingħajr ma l-istudji tagħhom jiġu affettwati;

l-inklużjoni fil-moduli inizjali tal-kurrikuli tal-edukazzjoni tal-għalliema ddedikati għall-kisba tal-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu perjodi ta’ mobilità tal-apprendiment barra mill-pajjiż (eż. ħiliet lingwistiċi, medjazzjoni interkulturali, ħiliet diġitali).

(b)Żvilupp professjonali kontinwu

il-premjazzjoni formali lill-għalliema li jwettqu perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż u r-rikonoxximent tar-riżultati bħala parti leġittima u siewja mill-attivitajiet professjonali tagħhom;

l-identifikazzjoni u l-integrazzjoni ta’ twieqi ta’ mobbiltà fis-sena skolastika, meta l-fatt li jintbagħtu u jiġu ospitati l-għalliema u l-għalliema futuri jkun xieraq u faċli biex jiġi implimentat, u l-fatt li jiġi żgurat li jkun hemm għalliema sostituti meta jkun hemm bżonn;

il-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali fil-livell nazzjonali jew, fejn applikabbli, fil-livell reġjonali biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet, b’mod partikolari għar-rikonoxximent u għall-komparabbiltà tal-ħiliet miksuba (eż. permezz ta’ qafas ta’ kwalità komuni u billi jsir użu minn terminoloġija standardizzata tal-ħiliet disponibbli fil-livell Ewropew);

l-appoġġ lill-iskejjel b’riżorsi xierqa u bi proċeduri flessibbli fejn l-għalliema li jipparteċipaw fil-mobbiltà jridu jiġu sostitwiti temporanjament.

2.    it-titjib tal-kooperazzjoni fil-livell lokali billi jiġi żviluppat u implimentat approċċ strateġiku lejn il-mobbiltà tal-għalliema:

(a)Integrazzjoni tal-mobbiltà tal-għalliema fl-iżvilupp ġenerali tal-iskejjel

l-inkoraġġiment ta’ dawk li jfasslu l-politika, tal-mexxejja tal-iskejjel, tal-edukaturi tal-għalliema u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jistabbilixxu kif il-mobbiltà tal-apprendiment, inkluża l-mobbiltà tal-għalliema — irrispettivament mill-għarfien espert tat-tagħlim u mill-ġeneru tagħhom — tista’ tiġi integrata fl-istrateġija għall-iżvilupp tal-iskejjel;

id-definizzjoni ta’ objettivi fuq perjodi ta’ żmien qasir, medju u twil għall-mobbiltà tal-apprendiment biex issir parti mill-istrateġija ġenerali għall-iżvilupp tal-iskejjel, inkluż it-trażmissjoni u l-ospitar tal-għalliema (inklużi l-għalliema fit-taħriġ u persunal ieħor tal-iskejjel) u proġetti ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet barra mill-pajjiż (inkluża l-kooperazzjoni online);

is-segwitu ta’ strateġija progressiva lejn l-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi, li tibda bl-użu tal-għodod u l-pjattaformi diġitali, tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-kooperazzjoni ma’ reġjuni transfruntiera;

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-iskejjel fl-istess żona jew reġjun biex jiġu ffaċilitati s-sostituzzjonijiet għall-għalliema li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi programmi ta’ mobbiltà tal-apprendiment;

li jittieħed vantaġġ mis-sistema lokali ta’ organizzazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinstabu sħab barra mill-pajjiż;

l-istabbiliment ta’ networks ta’ istituzzjonijiet parteċipanti bejn l-Istati Membri biex tiġi żviluppata sistema għall-mobbiltà tal-għalliema bbażata fuq ir-reġistri tal-awtoritajiet edukattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, il-konsorzji tal-iskejjel, il-komunità tal-eTwinning u networks eżistenti oħrajn;

it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema billi jittejbu l-kompetenzi lingwistiċi tagħhom, jiżdiedu metodi innovattivi għat-tagħlim u għall-apprendiment tal-lingwi u billi jiġi introdott il-multilingwiżmu fil-klassi.

(b)Allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa

l-allokazzjoni ta’ persunal dedikat (koordinaturi tal-mobbiltà) għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u attivitajiet ta’ mobbiltà, inkluż il-mentoraġġ tal-għalliema mobbli, l-appoġġ għall-istituzzjonijiet li jospitaw u li jibagħtu għalliema u l-indirizzar tal-loġistika u tal-proċeduri amministrattivi bħall-akkomodazzjoni, it-tassazzjoni fuq l-introjtu u s-sigurtà soċjali fl-aktar livell xieraq (l-iskejjel, l-awtoritajiet lokali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ);

il-ġbir flimkien tar-riżorsi fil-livell tal-awtoritajiet lokali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol amministrattiv involut fit-tħejjija u fl-immaniġġjar tal-proġetti ta’ mobbiltà, b’mod partikolari biex l-iskejjel bl-inqas mezzi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment;

it-titjib tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex jospitaw u jibbenefikaw mill-attivitajiet ta’ mobbiltà kemm tal-għalliema kif ukoll tal-ħarrieġa prattikanti u prospettivi, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kooperazzjoni mal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+;

ir-rikonoxximent u l-ippremjar tax-xogħol tal-persunal li jagħmel possibbli l-opportunitajiet ta’ mobbiltà fil-prattika;

l-appoġġ ta’ skejjel attivi fi proġetti ta’ mobbiltà billi jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali;

it-trawwim ta’ sinerġiji ma’ fondi lokali, nazzjonali u tal-UE oħrajn, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, flimkien mal-Erasmus+.

3.    Promozzjoni tal-benefiċċji tal-mobbiltà tal-apprendiment u l-appoġġ tagħha bit-taħriġ meħtieġ

iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha tas-sistema tal-edukazzjoni (b’mod partikolari l-mexxejja tal-iskejjel u maniġers oħrajn fil-livelli lokali u reġjonali) dwar il-benefiċċji tal-mobbiltà tal-apprendiment transfruntiera għall-persunal tal-edukazzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet, inkluż l-għajnuna lill-istudenti biex jitgħallmu ħiliet ta’ lingwi barranin;

l-għoti ta’ taħriġ lill-mexxejja tal-iskejjel (inkluż permezz ta’ job shadowing barra mill-pajjiż) dwar l-iżvilupp tal-iskejjel appoġġat mill-mobbiltà tal-apprendiment barra mill-pajjiż;

il-ħolqien ta’ inċentivi u l-apprezzament tax-xogħol tal-mexxejja tal-iskejjel li jinvolvu l-iskejjel u l-persunal tagħhom fi proġetti ta’ mobbiltà;

l-apprezzament u l-promozzjoni tal-effetti pożittivi ta’ tali esperjenzi għall-għalliema, għall-istudenti u għall-iżvilupp tal-iskejjel u għall-edukazzjoni skolastika fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

ANNESS II

Qafas ta’ politika għall-mobbiltà tal-apprendisti

L-apprendistati 2 ilhom karatteristika ċentrali tal-politiki Ewropej dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sa mill-2010, li bdew bil-Komunikat ta’ Bruges u ġew imtennija fl-2020 bid-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück u bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Minn dak iż-żmien, il-prijoritajiet ta’ politika speċifiċi evolvew u issa jinkludu li l-mobbiltà transfruntiera għall-finijiet ta’ apprendiment issir realtà għall-apprendisti wkoll. Il-mobbiltà tal-apprendisti ġġib benefiċċji ċari għaż-żgħażagħ f’termini ta’ taħriġ u impjegabbiltà, għall-kumpaniji hekk kif il-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom jitwessgħu, u għas-soċjetà kollha kemm hi. Wieħed ma jistax jitgħallem il-ħiliet u l-kompetenzi li tista’ toffri l-mobbiltà transfruntiera (eż. ħiliet interkulturali, ħiliet organizzazzjonali, lingwa u ħiliet trasferibbli oħrajn, jew ħiliet speċifiċi f’qasam tekniku mhux disponibbli fil-kumpanija/istituzzjoni li tibgħat) mid-dar. Madankollu, minħabba sett ta’ ostakli speċifiċi, bħall-kumplessità tal-obbligi legali relatati mal-istatus amministrattiv tal-apprendisti, l-età żgħira tagħhom, skemi u kurrikuli nazzjonali differenti ta’ apprendistat, u r-riskju ta’ telf fil-produttività li jiffaċċjaw l-impjegaturi, l-apprendisti għandhom aċċess limitat għall-esperjenzi tal-mobbiltà tal-apprendiment. Dan l-Anness jipproponi li jiġi stabbilit qafas strateġiku fil-livell nazzjonali biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-apprendisti fil-livell tas-sistema, fil-livell individwali u tal-kumpanija. Dan jibni fuq id-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li jistabbilixxu qafas li jappoġġa l-mobbiltà tal-apprendisti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali (VET) abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

1.    Rekwiżiti fil-livell tas-sistema għall-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-apprendisti

(a)L-inklużjoni tal-mobbiltà tal-apprendisti bħala parti minn strateġija nazzjonali ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ u strateġiji (ekonomiċi) settorjali — dan jista’ jinkludi approċċ inkrementali li jibni fuq il-mobbiltà għal żmien qasir, il-mobbiltà f’reġjuni transfruntiera jew f’setturi magħżula jew jippromwovi skemi ta’ mobbiltà kollettivi jew ta’ rotazzjoni għal żmien qasir;

(b)It-trawwim tal-internazzjonalizzazzjoni abbażi tal--għarfien prattiku taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali li jgħaqqdu lill-fornituri ta’ referenza tal-VET fl-Istati Membri, billi tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni, inkluż ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, u jsir dak kollu possibbli biex jiġu żviluppati kurrikuli u kwalifiki ta’ kwalità għolja ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-ħiliet settorjali u l-isfidi tas-soċjetà. Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali jaħdmu fuq sett ta’ attivitajiet, li jinkludu l-integrazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti fil-kurrikuli kif ukoll fuq it-titjib tal-kwalità u tal-opportunitajiet tal-mobbiltà tal-istudenti barra mill-pajjiż. Dawn jaġixxu bħala xprunaturi tal-eċċellenza u tal-innovazzjoni u jippromwovu rwol proattiv għall-VET fl-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali;

(c)L-allokazzjoni ta’ persunal dedikat (ambaxxaturi, punti fokali, koordinaturi tal-mobbiltà) fil-livelli lokali u nazzjonali biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-mobbiltà tal-apprendisti fir-rigward tad-diversi skemi nazzjonali u reġjonali u tiġi ffaċilitata, u ħalli jiġi pprovdut appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u attivitajiet ta’ mobbiltà, inkluż il-mentoraġġ ta’ apprendisti, l-appoġġ għall-istituzzjonijiet li jospitawhom u li jibagħtuhom u l-indirizzar tal-loġistika u tal-proċeduri amministrattivi;

(d)Il-promozzjoni ta’ sistema għall-mobbiltà tal-apprendistati billi jiġu stabbiliti, fost affarijiet oħrajn, networks ġodda jew billi jissaħħu dawk eżistenti bejn l-impjegaturi, il-fornituri tal-VET, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u s-sħab soċjali, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-inizjattivi eżistenti bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati;

(e)Isiru arranġamenti tal-kurrikulu biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-apprendisti mingħajr ma tiġi pperikolata t-tlestija tal-istudji tagħhom u jiġu rikonoxxuti l-eżiti tal-apprendiment miksuba barra mill-pajjiż (pereżempju billi jiġi inkluż modulu ta’ mobbiltà dedikat fil-kurrikuli jew jiġi introdott l-apprendiment mill-bogħod meta jkun meħtieġ u meta jkun possibbli);

(f)L-iżgurar tal-aċċess faċli għall-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti legali u amministrattivi għall-mobbiltà tal-apprendistati relatati mal-kumpens u mal-istatus legali tal-apprendisti mobbli;

(g)It-tnaqqis tal-piż amministrattiv fil-proċess tal-applikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri tal-viża u tal-permessi ta’ residenza għall-apprendisti nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jkunu deħlin, meta jkun applikabbli u f’konformità mad-Direttiva 2016/801;

(h)L-inkoraġġiment ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-mobbiltà tal-apprendisti ma’ Stati Membri oħrajn u ma’ pajjiżi terzi (jew reġjuni, jekk applikabbli) biex jitneħħa kwalunkwe ostaklu persistenti u għar-rikonoxximent u għall-komparabbiltà tal-ħiliet miksuba (eż. permezz ta’ qafas ta’ kwalità komuni mmirat lejn il-kwistjonijiet nazzjonali speċifiċi marbuta mal-mobbiltà tal-apprendisti u s-sistemi ta’ apprendistat fiż-żewġ pajjiżi);

(i)L-involviment tas-sħab soċjali fl-istadji kollha tat-tfassil, tal-implimentazzjoni u tas-segwitu tal-istrateġiji u l-iskemi ta’ mobbiltà tal-apprendisti.

2.    Appoġġ għall-apprendisti

(a)L-implimentazzjoni tal-mobbiltà b’mod inklużiv, l-għoti ta’ appoġġ speċifiku lill-persuni b’diżabilità u lill-persuni b’inqas opportunitajiet;

(b)L-ikkumplimentar tal-għotjiet tal-Erasmus+ b’finanzjament addizzjonali biex jiġu koperti l-kostijiet tal-mobbiltà tal-apprendisti;

(c)Il-promozzjoni ta’ arranġamenti u ta’ għodod pedagoġiċi biex tiġi appoġġata l-mobbiltà tal-apprendisti, pereżempju permezz ta’ apprendiment mill-bogħod biex jingħelbu d-differenzi fl-istruttura doppja tal-apprendiment u tat-taħriġ;

(d)L-għoti ta’ aktar appoġġ u sensibilizzazzjoni lill-apprendisti, inkluż dwar l-appoġġ għat-tħejjija tal-lingwi (l-iżvilupp ta’ materjali speċifiċi għall-apprendiment tal-lingwi għal ċerti impjiegi bil-lingwa tal-pajjiżi ospitanti);

(e)It-tfassil ta’ miżuri ta’ akkumpanjament għall-apprendisti li jmorru barra minn pajjiżhom, pereżempju billi tiġi żviluppata sistema ta’ mentoraġġ/ta’ sieħeb għall-fażi preparatorja, filwaqt li tiġi offruta l-mobbiltà virtwali fil-fażi preparatorja (biex tikkomplementa l-mobbiltà fiżika) u meta jkunu barra mill-pajjiż, jew l-appoġġ lill-apprendisti mar-ritorn tagħhom huma u jintegraw fl-ambjent tax-xogħol tagħhom u jużaw il-ħiliet li jkunu għadhom kif kisbu;

(f)Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet għall-apprendisti fl-iskejjel tal-VET, inklużi opportunitajiet tal-Erasmus+ u skemi ta’ mobbiltà internazzjonali, permezz ta’ network iddedikat ta’ konsulenti u l-midja soċjali;

(g)Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet għall-apprendisti offruti fuq il-portal online tal-EURES biex jgħinu lill-istudenti mobbli fit-tranżizzjoni tagħhom lejn is-suq tax-xogħol.

3.    Appoġġ għall-kumpaniji

(a)L-għoti ta’ inċentivi finanzjarji lill-impjegaturi bħala kumpens għall-perjodu meta l-apprendisti jkunu barra mill-pajjiż kif ukoll lill-apprendisti biex jirritornaw għand l-impjegatur li jibgħathom (pereżempju bonus malli jlestu l-programm, sussidju tal-pagi jekk jiġu impjegati wara l-gradwazzjoni);

(b)L-għoti ta’ assistenza mmirata lill-impjegaturi, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, pereżempju billi jiġi appoġġat l-istabbiliment ta’ networks intermedjarji fost il-pajjiżi li jirċievu u li jibagħtu, preferibbilment fuq bażi settorjali, biex jgħinu lill-kumpaniji bi kwistjonijiet organizzazzjonali u b’rekwiżiti legali;

(c)Il-promozzjoni ta’ kollaborazzjonijiet transfruntiera bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) u l-impjegaturi billi jiġu esplorati miżuri li joffru opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali barra mill-pajjiż għal apprendisti f’setturi li huma affettwati mit-tranżizzjoni doppja; l-appoġġ għall-kollaborazzjonijiet transfruntiera bejn il-PES u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet f’impjiegi ekoloġiċi u diġitali permezz ta’ programmi ta’ apprendistat; il-kunsiderazzjoni ta’ sħubijiet reġjonali transfruntiera bejn il-PES bħala punt tat-tluq;

(d)Il-promozzjoni tal-opportunitajiet tal-Erasmus+ u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati fost il-kumpaniji, filwaqt li jiġu enfasizzati l-benefiċċji ta’ meta l-apprendistati jiġu ospitati u jintbagħtu fuq mobbiltà.

(1)     COM(2020) 625 final
(2)    Skont ir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2018/C tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (europa.eu) , l-apprendistati huma mifhuma bħala skemi formali ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li:a) jikkombinaw l-apprendiment fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ ma’ apprendiment sostanzjali msejjes fuq ix-xogħol f’kumpaniji u f’postijiet tax-xogħol oħrajn;b) iwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti fil-livell nazzjonali;c) huma bbażati fuq ftehim li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendista, tal-impjegatur u, fejn xieraq, tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali; ud) jinvolvu li l-apprendista jitħallas jew b’xi mod jirċievi kumpens għall-komponent ibbażat fuq ix-xogħol.