This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018H1210(01)
Council Recommendation of 26 November 2018 on promoting automatic mutual recognition of higher education and upper secondary education and training qualifications and the outcomes of learning periods abroad
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż
ST/14081/2018/INIT
ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 444/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-26 ta' Novembru 2018
dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż
(2018/C 444/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-mobbiltà għall-apprendiment trawwem għarfien, ħiliet, kompetenzi u esperjenzi, inkluż kompetenzi personali u soċjali u kuxjenza kulturali, li huma kruċjali għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-promozzjoni ta' identità Ewropea. |
(2) |
Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura (1), stabbiliet viżjoni li sal-2025 tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fejn l-apprendiment, l-istudju u t-twettiq tar-riċerka ma jiġux imfixkla mill-fruntieri, inkluż billi jitneħħew l-ostakli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, kemm fil-livell tal-iskejjel kif ukoll fl-edukazzjoni għolja. |
(3) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 appellaw lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex imexxu l-ħidma 'l quddiem fil-“promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar rikonoxximent reċiproku ta' diplomi tal-edukazzjoni għolja u tat-tmiem tal-iskola fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja” (2). |
(4) |
Il-Konvenzjoni tal-1997 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent) u t-testi sussidjarji tagħha, żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco, tipprovdi qafas legali għar-rikonoxximent ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja. |
(5) |
Il-Ministri għall-Edukazzjoni taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja għamlu impenn għall-għan fit-tul ta' rikonoxximent awtomatiku ta' lawrji akkademiċi komparabbli fil-Komunikat ta' Bucharest tal-2012. Sar progress inkluż permezz tal-ħidma tal-Grupp Pijunier dwar ir-Rikonoxximent Awtomatiku, iżda s'issa l-għan għadu ma ntlaħaqx. |
(6) |
Fl-2002, il-Ministri responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri għamlu impenn għall-Proċess ta' Copenhagen, proċess ta' kooperazzjoni msaħħa li tippromwovi r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi. |
(7) |
L-assigurazzjoni tal-kwalità b'mod partikolari għandha rwol ewlieni x'taqdi fit-titjib tat-trasparenza, u b'hekk tgħin biex tinbena fiduċja reċiproka. Huwa għalhekk importanti li titkompla l-ħidma li diġà twettqet fil-kuntest tal-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, il-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u r-referenzjar għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja. |
(8) |
Biex jitħaffef ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment fil-leġislazzjoni nazzjonali, inkluż fil-qafas tal-mobbiltà, jenħtieġ li titkompla l-ħidma fuq l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. |
(9) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja (3) mistenni li ttejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki, u b'hekk tiffaċilita r-rikonoxximent tagħhom. |
(10) |
Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar l-Immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa, jappella għal sforzi addizzjonali min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw rikonoxximent aktar effettiv u armonizzazzjoni akbar tal-kwalifiki akkademiċi (4). |
(11) |
F'kuntest dejjem aktar globalizzat, huwa importanti li l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta' apprendiment madwar l-Ewropa. Biex dan iseħħ, jenħtieġ li kwalifika mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed tkun valida fi kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-iskop ta' aċċess għal aktar attivitajiet ta' apprendiment. Dan jinkludi ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom kwalifika minn Stat Membru wieħed u jmorru fi Stat Membru ieħor. Madankollu, in-nuqqas ta' dan ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż qed ixekkel il-mobbiltà. Approċċ mifrux mal-Unjoni kollha għar-rikonoxximent awtomatiku jipprovdi ċ-ċarezza u l-konsistenza meħtieġa biex jingħelbu l-ostakli li fadal. |
(12) |
Fl-edukazzjoni għolja, il-proċeduri ta' rikonoxximent ħafna drabi jibqgħu kkumplikati wisq jew għaljin wisq u hemm wisq studenti mobbli li ma jiksbux rikonoxximent sħiħ tal-eżiti ta' apprendiment miksuba b'suċċess. Madankollu, diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva biex jagħmlu progress lejn rikonoxximent reċiproku awtomatiku, inkluż permezz tal-iffirmar ta' ftehimiet reġjonali. Dawn l-inizjattivi jistgħu jservu bħala mudelli għall-ħolqien ta' sistema mifruxa mal-Unjoni kollha. |
(13) |
Fl-edukazzjoni u t-taħriġ fuq livell sekondarju għoli, id-detenturi ta' kwalifiki li jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja fi Stat Membru wieħed ħafna drabi ma jkollhomx ċertezza dwar l-aċċess għall-edukazzjoni għolja fi Stat Membru ieħor. B'mod partikolari, xi Stati Membri ma jirrikonoxxux il-kwalifiki li jiftħu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal detenturi ta' kwalifiki sekondarji fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, filwaqt li perjodi ta' apprendiment iqsar barra mill-pajjiż mhux neċessarjament joħolqu problemi ta' rikonoxximent, l-inċertezza tibqa' sfida importanti għal perjodi ta' bejn tliet xhur u sena. |
(14) |
Approċċ pass pass ser jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kondizzjonijiet li ser jagħmlu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku possibbli. Dan l-approċċ ser jibni fuq l-għodod diġà stabbiliti għall-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iżda ser itejjeb l-użu tagħhom u jgħolli progressivament il-livell ta' ambizzjoni. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju ġenerali għoli, ser jiġi varat proċess ta' kooperazzjoni mmirat lejn il-bini tal-livell meħtieġ ta' fiduċja bejn is-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri. Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi approċċ komplementari għall-inizjattivi tal-Istati Membri, u l-impenji huma ta' natura volontarja. |
(15) |
Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sistema għar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali u r-rekwiżiti minimi armonizzati ta' taħriġ għal diversi professjonijiet skont id-Direttiva (KE) Nru 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
F'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, abbażi tal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent (7) u t-testi sussidjarji tagħha u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:
Prinċipju Ewlieni
1. |
Sal-2025, idaħħlu fis-seħħ il-passi meħtieġa biex
|
Edukazzjoni Għolja
2. |
B'rikonoxximent tal-importanza li titrawwem it-trasparenza u tinbena l-fiduċja fis-sistemi ta' edukazzjoni għolja ta' xulxin biex jinkiseb rikonoxximent reċiproku awtomatiku għall-fini tal-apprendiment ulterjuri, jaqblu li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin, li fihom:
|
3. |
F'kooperazzjoni maċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, jiżviluppaw gwida nazzjonali biex tappoġġa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jipproduċu u jimplimentaw b'mod effettiv l-għodod ta' trasparenza li ġejjin, skont il-linji gwida tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti, u b'hekk jiżguraw il-konsistenza u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-istudenti:
|
4. |
F'kooperazzjoni maċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku jipprovdu appoġġ u taħriġ espert lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla biex jimplimentaw tali gwida nazzjonali u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħha. |
L-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-Livell Sekondarju Għoli
5. |
Sabiex isir progress sostanzjali lejn ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli għall-fini biss ta' aktar apprendiment, irawmu t-trasparenza u jibnu l-fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' xulxin billi:
|
6. |
Jiffaċilitaw il-mobbiltà u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż matul l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli billi:
|
Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku
7. |
Jiżviluppaw il-kapaċità u jsaħħu r-rwol taċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku u tal-persuni li jevalwaw il-kredenzjali, b'mod partikolari fir-rigward tat-tixrid ta' informazzjoni, l-użu ta' għodod online biex jitjiebu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-konsistenza, u l-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju għall-utenti tas-servizzi tagħhom. |
Il-permeabbiltà u l-mobbiltà
8. |
Jesploraw prattiki tajba fir-rigward tar-rikonoxximent tal-apprendiment minn qabel u l-permeabbiltà bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. |
Bażi ta' Evidenza
9. |
Itejbu l-bażi ta' evidenza billi tinġabar u tixxerred id-data dwar il-firxa u t-tip ta' każijiet ta' rikonoxximent għall-fini ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Rapportar u Evalwazzjoni
10. |
Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u b'mod regolari minn hemm 'il quddiem, jirrappurtaw permezz ta' oqfsa u għodod eżistenti dwar l-esperjenzi, il-prattiki tajbin, inkluż ftehimiet reġjonali, u l-progress lejn il-kisba ta' rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u l-eżiti ta' perjodi ta' apprendiment barra l-pajjiż. |
B'DAN JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:
11. |
Tipprovdi appoġġ immirat lill-Istati Membri, inkluż apprendiment reċiproku, l-immappjar tal-ostakli mġarrba fil-prattika attwali tar-rikonoxximent tal-kwalifiki, l-iskambju ta' prattiki tajbin u l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet ta' rikonoxximent u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura. Din il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti tal-Proċess ta' Bologna għall-edukazzjoni għolja fl-Unjoni, il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u t-testi sussidjarji tagħha kif ukoll l-istrumenti tal-Proċess ta' Copenhagen għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. |
12. |
Fil-qasam tal-edukazzjoni sekondarja għolja ġenerali, tvara proċess ta' kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni skont il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ET 2020 jew kwalunkwe qafas suċċessur, b'mod konġunt mal-Istati Membri, biex tinbeda kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambju ta' prattiki fost l-Istati Membri fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja għolja biex jinkisbu l-għanijiet ta' din ir-rakkomandazzjoni biex titrawwem it-trasparenza u tinbena l-fiduċja reċiproka fis-sistemi tal-edukazzjoni skolastika madwar l-Unjoni. |
13. |
Tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, servizz ta' informazzjoni online faċli għall-utent dwar il-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli li jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja f'kull Stat Membru, billi tiżviluppa aktar il-pjattaformi online eżistenti. |
14. |
Tesplora s-sinerġiji bejn l-għodod ta' trasparenza tal-Unjoni (11) u, fejn adatt, tiżviluppahom aktar, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni u l-mobbiltà bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
15. |
Tesplora, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, bħat-teknoloġija tal-katina tal-blokok, biex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku. |
16. |
Tesplora, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, l-estensjoni tar-rwol tagħhom biex jinkludu setturi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ u kif tappoġġahom f'tali estensjoni. |
17. |
Tappoġġa l-użu ta' sorsi Ewropej ta' finanzjament, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, fejn adatt u skont il-kapaċità finanzjarja, il-bażi legali, proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet u l-prijoritajiet definiti għall-perjodu 2014-2020 tagħhom, mingħajr ebda preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Issaħħaħ il-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju fil-Programm Erasmus+ u l-Programm suċċessur tiegħu. |
18. |
Tirrapporta lill-Kunsill fi żmien erba' snin dwar is-segwitu tar-Rakkomandazzjoni permezz tal-oqfsa u l-għodod eżistenti, abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BOGNER-STRAUSS
(1) COM(2017) 673 final.
(2) EUCO 19/1/17 REV 1.
(3) ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.
(4) P7_TA(2012)0139.
(5) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(6) Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132).
(7) Il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew.
(8) Kif definit fl-Anness.
(9) Kif definit fil-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u konfermat l-aħħar għall-Proċess ta' Bologna fil-Komunikat ta' Pariġi tal-25 ta' Mejju 2018.
(10) Bħal dawk disponibbli permezz tal-pjattaforma online tal-Europass u l-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim ta' Apprendiment li huma parti mis-Sistema Ewropea tal-Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.
(11) Bħas-Suppliment tad-Diploma, is-Suppliment taċ-Ċertifikat, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti, is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u dawk disponibbli permezz tal-pjattaforma online tal-Europass.
ANNESS
GLOSSARJU
Rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifika: id-dritt għad-detenturi ta’ kwalifika ta’ ċertu livell li tkun inħarġet minn Stat Membru wieħed li jiġu kkunsidrati għad-dħul fi programm ta’ edukazzjoni għolja fil-livell li jmiss fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkollhom bżonn jgħaddu minn ebda proċedura ta’ rikonoxximent separata. Dan ma għandux jippreġudika d-dritt ta’ istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja jew l-awtoritajiet kompetenti milli jistabbilixxu kriterji ta’ evalwazzjoni u ammissjoni speċifiċi għal programm speċifiku. Ma jippreġudikax id-dritt li jiġi vverifikat jekk il-kwalifika hijiex awtentika u, fil-każ ta’ kwalifika ta’ edukazzjoni u taħriġ sekondarji għolja, jekk tagħtix verament aċċess għall-edukazzjoni għolja fl-Istat Membru li joħroġha jew, f’każijiet debitament ġustifikati, jekk il-kwalifika mogħtija tilħaqx ir-rekwiżiti għall-aċċess għal programm speċifiku ta’ edukazzjoni għolja fl-Istat Membru riċevitur.
Rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-eżiti ta’ perjodu ta’ apprendiment f’pajjiż barrani: fil-livell tal-edukazzjoni għolja, id-dritt li jiġu rikonoxxuti l-eżiti tal-apprendiment ta’ perjodu ta’ apprendiment: kif miftiehem minn qabel fi ftehim ta’ apprendiment u kkonfermat fit-Traskrizzjoni tar-Rekords, skont is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS). B’mod konkret, dan ifisser li tiġi applikata r-regola stabbilita fil-Gwida tal-Utenti tal-ECTS tal-2015 li tiddikjara li: “[i]l-krediti kollha miksuba matul il-perjodu ta’ studju barra mill-pajjiż jew matul il-mobbiltà virtwali — kif miftiehem fil-Ftehim ta’ Apprendiment u kkonfermat mit-Traskrizzjoni tar-Rekords — għandhom jiġu ttrasferiti mingħajr dewmien u jgħoddu għal-lawrja tal-istudenti mingħajr ħidma jew valutazzjoni addizzjonali tal-istudent.”Fil-livell sekondarju għoli, id-dritt li jiġu rikonoxxuti fil-pajjiż ta’ oriġini l-eżiti tal-apprendiment minn perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż fi Stat Membru wieħed, dment li l-eżiti tal-apprendiment jikkorrispondu b’mod ġenerali ma’ dawk fil-kurrikuli nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini. Dan ma għandux jippreġudika d-dritt ta’ istituzzjoni edukattiva u ta’ taħriġ milli tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi qabel perjodu ta’ mobbiltà għall-apprendiment, jew milli tivverifika jekk dawk ir-rekwiżiti ġewx issodisfati mar-ritorn minn perjodu ta’ mobbiltà għall-apprendiment.
Katina ta’ blokok: mod li jippermetti r-reġistrazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni minn komunità. Kull membru tal-komunità jżomm il-kopja tiegħu jew tagħha stess tal-informazzjoni. L-entrati huma permanenti, trasparenti u jistgħu jitfittxu. Kull aġġornament huwa “blokka” ġdida miżjuda mat-tarf ta’ “katina”.
Suppliment għaċ-Ċertifikat: dokument mehmuż ma’ ċertifikat ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew ċertifikat professjonali maħruġ mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, sabiex jagħmilha iktar faċli għal terzi persuni — partikolarment f’pajjiż ieħor — biex jifhmu l-eżiti tal-apprendiment miksuba mid-detentur tal-kwalifika, kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tlestew u l-ħiliet miksuba.
Katalgu tal-Kors: deskritt fil-Gwida tal-Utenti tal-ECTS (2015) bħala “[i]l-Katalgu tal-Kors jinkludi informazzjoni dettaljata, faċli għall-utenti u aġġornata dwar l-ambjent tal-apprendiment tal-istituzzjoni (informazzjoni ġenerali dwar l-istituzzjoni, ir-riżorsi u s-servizzi tagħha, kif ukoll informazzjoni akkademika dwar il-programmi u l-komponenti edukattivi individwali tagħha) li jenħtieġ li tkun disponibbli għall-istudenti qabel ma jibdew l-istudji tagħhom u matulhom biex tgħinhom jagħmlu l-għażliet it-tajba u jużaw il-ħin tagħhom bl-aktar mod effiċjenti. Il-Katalgu tal-Kors jenħtieġ li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-istituzzjoni, u jindika l-kors/titli tas-suġġett bil-lingwa nazzjonali (jew lingwa reġjonali, jekk ikun rilevanti) u bl-Ingliż, biex b’hekk il-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jaċċessawh b’mod faċli. L-istituzzjoni hija libera li tiddeċiedi l-format tal-Katalgu, kif ukoll is-sekwenzjar tal-informazzjoni. Għandu jkun ippubblikat kmieni biżżejjed biex studenti prospettivi jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom”.
Awtorità kompetenti: individwu jew organizzazzjoni li jkollha s-setgħa jew il-poter, permezz ta’ awtorità investita jew delegata legalment, li twettaq funzjoni speċifika.
Evalwatur Kredenzjali: persuna li tevalwa l-kwalifiki jew tagħmel deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tagħhom.
Suppliment għad-Diploma: dokument mehmuż ma’ diploma ta’ edukazzjoni għolja maħruġ mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti sabiex jagħmilha iktar faċli għal terzi persuni — partikolarment f’pajjiż ieħor — biex jifhmu l-eżiti tal-apprendiment miksuba mid-detentur tal-kwalifika kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tlestew u l-ħiliet miksuba.
Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti: approvat mill-Ministri tal-Edukazzjoni taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja fl-2015, l-objettiv tiegħu huwa li jtejjeb l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-programmi konġunti billi jistabbilixxi standards u jneħħi l-ostakli għar-rikonoxximent tagħhom.
Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET): qafas tekniku għat-trasferiment, ir-rikonoxximent u, fejn xieraq, l-akkumulazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-individwi bil-għan li tinkiseb kwalifika. Is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali tiddependi fuq id-deskrizzjoni tal-kwalifiki f’termini ta’ unitajiet tal-eżiti tal-apprendiment, fuq il-proċessi ta’ trasferiment, rikonoxximent u akkumulazzjoni, u fuq serje ta’ dokumenti kumplimentari, bħal memoranda ta’ qbil u ftehimiet ta’ apprendiment.
Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS): deskritta fil-Gwida tal-Utenti tal-ECTS (2015) bħala “[s]istema ffukata fuq min jitgħallem għall-akkumulazzjoni u t-trasferiment tal-krediti, ibbażata fuq il-prinċipju tat-trasparenza tal-proċessi ta’ apprendiment, tagħlim u valutazzjoni. L-objettiv tagħha huwa l-iffaċilitar tal-ippjanar, it-twettiq u l-evalwazzjoni ta’ programmi ta’ studju u l-mobbiltà tal-istudenti billi tirrikonoxxi l-kisbiet fl-apprendiment u l-kwalifiki u l-perjodi ta’ apprendiment”.
Qafas tal-Kwalifiki taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (QF-EHEA): qafas globali għall-kwalifiki fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja ta’ 48 pajjiż. Dan jinkludi erba’ ċikli (ċiklu qasir, Baċellerat, Master, studji ta’ dottorat), inkluż, f’kuntesti nazzjonali, kwalifiki intermedji, deskritturi ġeneriċi għal kull ċiklu bbażat fuq l-eżiti tal-apprendiment u l-kompetenzi, u firxiet ta’ krediti fl-ewwel u t-tieni ċiklu.
Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR): reġistru tal-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità, li jelenka dawk li wrew il-konformità sostanzjali tagħhom ma’ sett komuni ta’ prinċipji għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-Ewropa. Dawn il-prinċipji jissemmew fil-komunikazzjoni dwar l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESG).
Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET): komunità ta’ prattika li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppaw u jtejbu l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK): għodda ta’ traduzzjoni li tgħin fil-komunikazzjoni u t-tqabbil bejn is-sistemi tal-kwalifiki fl-Ewropa. It-tmien livelli ta’ referenza Ewropej komuni tagħha huma deskritti f’termini ta’ eżiti tal-apprendiment: għarfien, ħiliet u responsabbiltà u awtonomija. Dan jippermetti lil kwalunkwe sistema nazzjonali tal-kwalifiki, oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u kwalifiki fl-Ewropa biex jirrelataw mal-livelli tal-Qafas tal-Kwalifiki Ewropew. L-istudenti, il-gradwati, il-fornituri u l-impjegaturi jistgħu jużaw dawn il-livelli biex jifhmu u jqabblu l-kwalifiki mogħtija f’pajjiżi differenti u minn sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ differenti.
Ftehim ta’ Apprendiment: fl-edukazzjoni għolja, iddefinit fil-Gwida tal-Utenti tal-ECTS (2015) bħala “[f]tehim formalizzat bejn it-tliet partijiet involuti fil-mobbiltà — l-istudent, l-istituzzjoni li tibgħat u l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni/intrapriża li tirċievi — biex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-krediti u r-rikonoxximent tagħha. Il-ftehim għandu jiġi ffirmat mit-tliet partijiet qabel ma jibda l-perjodu ta’ mobbiltà u huwa maħsub biex jagħti lill-istudent jew studenta konferma li l-krediti miksuba b’suċċess minnu jew minnha matul il-perjodu ta’ mobbiltà ser jiġu rikonoxxuti”. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarji għolja, ftehim tat-tliet partijiet involuti fil-mobbiltà - l-istudent/it-trainee, il-familja tiegħu/tagħha, l-istituzzjoni li qed tibgħat u l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni/l-intrapriża li tirċievi - biex jiffaċilita l-organizzazzjoni tal-perjodu ta’ apprendiment u r-rikonoxximent tiegħu. It-tliet partijiet li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Tagħlim jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-arranġamenti miftiehma, u b’hekk jiżguraw li l-istudent/it-trainee jirċievu r-rikonoxximent għall-perjodu ta’ tagħlim jew l-eżiti tal-apprendiment mingħajr rekwiżiti ulterjuri.
Eżiti tal-apprendiment: dikjarazzjonijiet ta’ x’jaf, x’jifhem u x’inhuwa kapaċi jagħmel student mat-tlestija ta’ proċess tal-apprendiment, li huma ddefiniti f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi.
Qafas nazzjonali tal-kwalifiki: strument għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki skont sett ta’ kriterji għal livelli speċifikati ta’ apprendiment miksub, li għandu l-għan li jintegra u jikkoordina s-sottosistemi nazzjonali tal-kwalifiki u jtejjeb it-trasparenza, l-aċċess, il-progressjoni u l-kwalità tal-kwalifiki b’rabta mas-suq tax-xogħol u mas-soċjetà ċivili.
Istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja: kwalunkwe tip ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalunkwe kwalifika rikonoxxuta oħra ta’ livell terzjarju, irrispettivament minn x’jissejjaħ tali stabbiliment, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li hija rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li tappartjeni lis-sistema ta’ edukazzjoni għolja tiegħu.
Kwalifika: tfisser eżitu formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u ta’ validazzjoni li jinkiseb meta awtorità jew korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb l-eżiti tal-apprendiment sal-istandards preskritti.
Rikonoxximent ta’ apprendiment preċedenti: ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, kemm jekk minn edukazzjoni u taħriġ formali jew apprendiment mhux formali jew informali, miksuba qabel it-talba għall-validazzjoni (1).
Standards u Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESG): sett ta’ standards u linji gwida ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità interna u esterna fl-edukazzjoni għolja, żviluppati fi ħdan il-Proċess ta’ Bologna. Dawn jipprovdu gwida dwar l-oqsma li huma vitali għall-għoti b’suċċess u għal ambjenti ta’ apprendiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni għolja. L-Istandards u Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja għandhom jitqiesu f’kuntest usa’ li jinkludi oqfsa ta’ kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti u s-Suppliment tad-Diploma, li kollha jikkontribwixxu biex jippromwovu t-trasparenza u l-fiduċja reċiproka fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja.
Traskrizzjoni tar-Rekords: iddefinita fil-Gwida tal-Utenti tal-ECTS (2015) bħala “[r]ekord aġġornat tal-progress tal-istudenti fl-istudji tagħhom: il-komponenti edukattivi li attendew, in-numru ta’ punti fi ħdan is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti li kisbu, u l-gradi li ngħataw. Huwa dokument vitali għar-reġistrazzjoni tal-progress u għar-rikonoxximent tal-kisbiet tal-apprendiment, inkluż għall-mobbiltà tal-istudenti. Il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet jipproduċu t-Traskrizzjoni tar-Rekords mill-bażijiet ta’ data istituzzjonali tagħhom”.
(1) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).