Brussell, 11.5.2022

COM(2022) 212 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Deċennju Diġitali għat-tfal u ż-żgħażagħ:




l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+)


1.Introduzzjoni

L-2012 kienet is-sena li fiha ġiet stabbilita l-ewwel strateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal (BIK). L-istrateġija aġġornata għal internet aħjar għat-tfal (BIK+), stabbilita f’din il-komunikazzjoni, se tiżgura li t-tfal jiġu protetti, rispettati u mogħtija s-setgħa online fid-Deċennju Diġitali l-ġdid.

Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal, huwa intrinsiku għall-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea 1 . Dawn iridu jiġu rrispettati ugwalment, kemm online kif ukoll offline 2 . Fid-Deċennju Diġitali, kull tifel u tifla fl-Ewropa jistħoqqilhom jirnexxu f’ambjent diġitali sikur u li jagħti s-setgħa u li jkunu parti mit-tranżizzjoni diġitali globali.

It-tfal joħolqu, jilagħbu u jinteraġixxu online minn età dejjem iżgħar, bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali għall-edukazzjoni, id-divertiment, il-kuntatt soċjali u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Huma u jagħmlu dan, spiss jiltaqgħu ma’ kontenut u ma’ servizzi diġitali li ma kinux iddisinjati għat-tfal.

It-tfal u ż-żgħażagħ 3 ma humiex grupp uniku u omoġenu; huma jvarjaw skont l-età, il-ġeneru, il-kapaċitajiet li qed jevolvu u l-isfond soċjali u ekonomiku. It-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħal tfal b’diżabilitajiet, tfal minn sfond razzjali jew etniku minoritarju, tfal refuġjati, tfal f'kura, tfal LGBTQI+, kif ukoll tfal bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, jistgħu jiffaċċjaw sfidi addizzjonali fl-ambjent diġitali.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali iżda wkoll il-ħtieġa kruċjali għal aċċess ugwali għat-teknoloġija (apparati u network), għall-ħiliet u għall-kompetenzi diġitali inkluż il-litteriżmu medjatiku għat-tfal kollha 4 . It-tfal li ma jkollhomx aċċess għall-internet huma esklużi minn riżorsi li jistgħu jgħinuhom jitgħallmu u jikbru. L-inugwaljanzi jistgħu jwasslu għal riskji ogħla ta’ eżiti edukattivi aktar baxxi, saħħa mentali ħażina, u nuqqas ta’ prospetti fit-tul 5 .

F’dan il-kuntest, u biex jiġu indirizzati r-riskji u l-ħsarat tas-soċjetà dejjem aktar diġitalizzata, inkluż għat-tfal, f’Diċembru 2020 il-Kummissjoni pproponiet riforma ambizzjuża tal-ġabra ta’ regoli eżistenti bl-għan li jinħoloq spazju diġitali aktar sikur li fih jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-utenti kollha tas-servizzi diġitali. Il-ftehim politiku riċenti dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) juri li l-protezzjoni tal-minorenni hija waħda mill-pedamenti tar-regoli l-ġodda, li tobbliga lill-kumpaniji jqiegħdu l-interessi tat-tfal fuq quddiem nett tal-kunsiderazzjonijiet tagħhom 6 .

Barra minn hekk, bħala parti mill-viżjoni tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 7 , il-Kummissjoni pproponiet Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali 8 li tirrifletti l-valuri tal-UE bħall-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lit-tfal.

L-istrateġija Ewropea tal-2012 għal internet aħjar għat-tfal (l-istrateġija BIK) 9 stabbiliet parametru referenzjarju globali, li jiggwida u li jifforma l-politiki nazzjonali fl-UE. L-Istati Membri kollha inkorporaw elementi tal-istrateġija BIK. F’Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat l-ewwel strateġija komprensiva tal-UE tagħha dwar id-drittijiet tat-tfal fejn ħabbret aġġornament tal-istrateġija tal-BIK 10 .

L-istrateġija aġġornata tal-BIK+ hija l-fergħa diġitali tal-istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal u tirrifletti l-prinċipju diġitali propost reċentement li “t-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jiġu protetti u għandhom jingħataw is-setgħa online” 11 . Hija tqis ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal 12 , il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-litteriżmu medjatiku 13 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 14 .

Din l-istrateġija l-ġdida hija bbażata fuq proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mat-tfal, ikkumplimentat minn konsultazzjonijiet immirati mal-ġenituri, mal-għalliema, mal-Istati Membri, mal-industrija tal-ICT u tal-media, mas-soċjetà ċivili, mal-akkademiċi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali 15 .

Għalhekk, il-BIK+ għandu l-għan li jikkomplementa u li jappoġġa l-implimentazzjoni prattika tal-miżuri eżistenti għall-protezzjoni tat-tfal online, jiżviluppa l-ħiliet tat-tfal u jagħtihom is-setgħa biex igawdu u jsawru l-ħajja tagħhom online b’mod sikur.

2.Dak li għamlet l-UE s’issa

Mill-2012, l-istrateġija BIK kellha rwol ċentrali fl-influwenza tal-protezzjoni u tal-awtonomizzazzjoni tat-tfal fil-livell Ewropew, nazzjonali u internazzjonali. Il-grupp ta’ esperti dwar l-internet aktar sikur 16 jippermetti l-iskambju ta’ prattika tajba madwar l-Istati Membri, u l-Kummissjoni ħeġġet il-kooperazzjoni tal-industrija mas-soċjetà ċivili u maż-żgħażagħ permezz tal-Alleanza sabiex tipproteġi aħjar il-minorenni online 17 .

L-istrateġija tal-2012 tal-BIK stabbiliet in-network ikkofinanzjat tal-UE ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur (SIC) 18 u l-portal iffinanzjat mill-UE betterinternetforkids.eu, iċ-ċentru għas-sikurezza online tat-tfal. L-SICs jappoġġaw 30 miljun persuna kull sena 19 . Huma jmexxu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni lokalizzati u jipprovdu materjali dwar l-aspetti kollha tas-sikurezza online tat-tfal fl-Istati Membri; joffru għajnuna u jidentifikaw theddidiet emerġenti permezz tal-helplines; u jappoġġaw it-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online permezz tal-hotlines INHOPE 20 , preżenti f’46 pajjiż. L-SICs jaħdmu ma’ network ta’ Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ tal-BIK u ta’ Panels taż-Żgħażagħ tal-BIK 21 li jagħtu pariri u jinformaw lil dawk li jfasslu l-politika u lill-prattikanti, pereżempju l-Wegħda taż-Żgħażagħ tal-BIK 22 dwar komunikazzjoni li tinftiehem mit-tfal. L-inizjattiva tal-UE Jum għal Internet Aktar Sikur 23 issa tiġi ċċelebrata madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni tikkoopera wkoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs, akkademiċi li jaħdmu fuq id-drittijiet diġitali tat-tfal u s-settur privat.

Mill-2012, il-qafas ġuridiku u ta’ politika tal-UE biex tiġi żgurata sikurezza online tat-tfal saħansitra aktar effettiva evolva b’mod konsiderevoli 24 . Pereżempju, skont id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) 25 , l-obbligi għall-protezzjoni tal-minorenni minn kontenut dannuż li jista’ jxekkel l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tagħhom u l-kontenut illegali 26 issa jestendu għall-pjattaformi tal-video-sharing. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jidentifika d-data personali tat-tfal bħala li teħtieġ protezzjoni speċjali, bil-kunsens tal-ġenituri jkun meħtieġ sa ċertu età (bejn 13 u 16-il sena skont l-Istat Membru). 27 , 28  Id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti 29 tipproteġi lit-tfal bħala konsumaturi vulnerabbli u tipprojbixxi l-appelli diretti għax-xiri.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, id-DSA se jobbliga lill-pjattaformi online kollha jfasslu s-sistemi tagħhom b’kunsiderazzjoni għad-drittijiet tal-utenti tfal. It-tfal, b’mod partikolari jridu jkunu jistgħu jifhmu faċilment it-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizz li jużaw. Madankollu, dan huwa biss il-bidu. Skont ir-regoli l-ġodda, il-pjattaformi online kollha li joffru servizzi lit-tfal fl-Unjoni, bħall-media soċjali jew il-pjattaformi interattivi tal-logħob, se jkunu obbligati jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw il-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal fuq is-servizzi tagħhom. Barra minn hekk, il-pjattaformi online se jkunu pprojbiti milli jippreżentaw reklamar lit-tfal abbażi tat-tfassil ta’ profil. Fl-aħħar nett, pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix se jkollhom jikkunsidraw kwalunkwe riskju sistemiku li jikkonċerna s-servizzi tagħhom, inkluż kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal.

L-Att propost dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) 30 jistabbilixxi regoli uniformi għall-IA fl-UE, u jfittex li joħloq suq uniku għal applikazzjonijiet tal-IA affidabbli li jistgħu jintużaw b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet tat-tfal. Il-proposta għal qafas Ewropew tal-Identità Diġitali (eID) 31 se tippermetti lill-minorenni, abbażi tal-liġijiet nazzjonali, li jużaw il-Portafoll tal-Identità Diġitali, pereżempju biex jagħtu prova tal-età tagħhom mingħajr ma jiżvelaw data personali oħra.

Proposta ġdida għal regolament li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 32 , ippreżentata fl-istess ħin tal-istrateġija tal-BIK+, tistabbilixxi ċerti obbligi għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jew ta’ komunikazzjoni interpersonali biex jidentifikaw, jirrapportaw u jneħħu l-abbuż sesswali tat-tfal online. Il-proposta tipprevedi wkoll Ċentru Ewropew ġdid għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li jiffaċilita l-individwazzjoni, ir-rapportar u t-tneħħija tal-abbuż sesswali tat-tfal online, jipprovdi appoġġ lill-vittmi, u jservi bħala ċentru għall-għarfien, l-għarfien espert u r-riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online.

It-tfal huma rikonoxxuti bħala li huma f’riskju partikolari li jisfaw vittmi tat-traffikanti online skont l-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 33 . Enfasi speċjali fuq il-vittmi tfal hija parti mill-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi 34 .

L-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 35 tenfasizza li l-bniet jistgħu jisfaw vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, vjolenza li hija diretta kontra mara jew tifla minħabba li hija mara jew tifla jew li tolqothom b’mod sproporzjonat. Il-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika tinkludi l-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru, u tipprevedi miżuri għall-protezzjoni u għall-appoġġ tal-vittmi ta’ tali vjolenza online u offline, irrispettivament mill-età tagħhom 36 .

Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni 37 tindirizza l-protezzjoni tat-tfal migranti inkluż dwar l-aċċess sikur għal teknoloġiji ġodda.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali (2021-2027) 38 jindirizza l-isfidi għall-edukazzjoni u t-taħriġ intensifikati mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiżgura trasformazzjoni diġitali sostenibbli fl-edukazzjoni billi joħloq ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tat-tfal, tal-għalliema u tal-edukaturi.

L-istrateġija tal-UE dwar iż-żgħażagħ għall-2019 sal-2027 39 trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku.

L-istrateġija tal-BIK+ se tibni fuq dawn il-kisbiet u se tiżgura sinerġiji mal-inizjattivi rilevanti biex jiġu indirizzati t-tħassib u l-ħtiġijiet tat-tfal għad-deċennju diġitali.

3.Dak li nbidel - għaliex hemm bżonn ta’ strateġija ġdida

It-tfal bħala utenti tat-teknoloġiji diġitali

Mill-2012, l-użu tat-teknoloġiji diġitali mit-tfal inbidel b’mod drammatiku. Apparat modern jippermetti lill-utenti tfal jinteraġixxu, jikkuntattjaw, jilagħbu u jikkondividu ma’ oħrajn, spiss mingħajr superviżjoni tal-ġenituri. Is-sejbiet tal-“EU Kids Online” tal-2020 40 juru li l-maġġoranza tat-tfal jirrapportaw l-użu tal-ismartphones tagħhom “kuljum” jew “kważi l-ħin kollu”, biż-żmien imqatta’ online kważi jirdoppja meta mqabbel mal-2010 f’ħafna pajjiżi. L-età li fiha t-tfal jibdew jużaw apparat diġitali qiegħda tonqos ukoll.

Tali livelli ogħla ta’ użu tal-internet jistgħu jwasslu għal stil ta’ ħajja aktar sedentarju b’implikazzjonijiet possibbli fuq is-saħħa. Ħafna psikologi qajmu tħassib dwar l-iżvilupp ta’ disturbi fl-attenzjoni u diffikultà ta’ skonnessjoni fit-tfal.

Filwaqt li huwa mħeġġeġ bilanċ b’saħħtu online/offline, l-astinenza diġitali ma hijiex għażla għat-tfal tal-lum, peress li l-informazzjoni, l-elementi tal-edukazzjoni formali, il-kuntatt soċjali u d-divertiment qed isiru dejjem aktar online.

It-teknoloġija tkompli tiżviluppa malajr, u b’hekk toħloq kemm opportunitajiet kif ukoll riskji ġodda. Fil-futur qarib, l-IA, ir-realtà virtwali, awmentata u estiża, l-internet tal-oġġetti, il-kriptovaluta, u bidliet teknoloġiċi oħra li jaffettwaw lit-tfal se jwasslu għal sfidi soċjali u etiċi ġodda (eż. preġudizzji, nuqqas ta’ ġustizzja, nuqqas ta’ trasparenza fl-użu tal-IA, interazzjoni ma’ deep fakes, avatars u robots).

Dawn il-kwistjonijiet ingħataw ukoll prominenza fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, fejn il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej li jittratta l-Valuri u d-Drittijiet talab għal protezzjoni akbar tal-minorenni online. Dan ġie approvat mill-Plenarja tal-Konferenza u huwa inkluż fi proposta li ġiet ippreżentata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea 41 .

It-tfal u l-ħsarat online

Il-kontenut, l-imġiba, il-kuntatti u r-riskji għall-konsumatur dannużi u illegali ta’ spiss ikunu preżenti online għat-tfal. Is-servizzi diġitali, mill-media soċjali għal-logħob interattiv, jistgħu jesponu lit-tfal għal riskji bħal kontenut mhux xieraq, bullying, grooming 42 , abbuż sesswali tat-tfal jew radikalizzazzjoni.

Bi tweġiba għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-lista ta’ tħassib identifikat mit-tfal infushom kienet tinkludi l-esponiment għal kontenut ta’ ħsara, li jista’ jigglorifika u jippromwovi ħsara fuq il-persuna nnifisha, suwiċidju, vjolenza, diskors ta’ mibegħda, fastidju sesswali, it-teħid tad-droga, sfidi online riskjużi, disturbi tal-ikel u prattiki tad-dieta perikolużi. Tali kontenut vjolenti, tal-biża’ jew inkella mhux xieraq għall-età jista' jiġi aċċessat faċilment. It-tfal jirrapportaw li jaraw il-pornografija f’età bikrija 43 , u dan jaffettwa l-fehmiet tagħhom dwar x’jikkostitwixxi relazzjoni b’saħħitha.

Minkejja l-liġi eżistenti tal-UE (AVMSD u GDPR), il-mekkaniżmi ta’ verifika tal-età u l-għodod ta’ kunsens tal-ġenituri f’ħafna każijiet għadhom ineffettivi, bl-utenti spiss jintalbu jdaħħlu d-data tat-twelid tagħhom biss mar-reġistrazzjoni 44 .

Madankollu, kif deskritt fit-taqsima 2 ta’ hawn fuq, huwa mistenni li d-DSA approvat reċentement itejjeb b’mod sinifikanti s-sikurezza tal-utenti kollha, inklużi t-tfal, u jagħtihom is-setgħa li jagħmlu għażliet infurmati meta jkunu online.

B’mod partikolari, bħala parti mill-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tad-DSA, ir-riskji sistemiċi relatati mal-minorenni jirrikjedu attenzjoni speċifika. Pjattaformi online kbar ħafna se jkunu obbligati jikkunsidraw kemm huwa faċli għat-tfal li jifhmu d-disinn u l-funzjonament tas-servizz tagħhom, kif ukoll kif it-tfal jistgħu jiġu esposti għal kontenut li jista’ jfixkel is-saħħa fiżika u mentali, u l-iżvilupp morali tagħhom. Riskji bħal dawn jistgħu jinħolqu, pereżempju, fit-tfassil ta’ interfaċċi online li intenzjonalment jew mhux intenzjonalment jisfruttaw in-nuqqas ta’ esperjenza tat-tfal jew li jistgħu jikkawżaw imġiba ta’ dipendenza. F’dan ir-rigward, pjattaformi online kbar ħafna se jkollhom jadottaw miżuri mmirati biex jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, inkluż l-użu ta’ għodod ta’ verifika tal-età u ta’ kontroll tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lit-tfal jindikaw abbuż jew jiksbu appoġġ. Il-vjolenza ċibernetika, inkluż il-kondiviżjoni mhux konsenswali ta’ kontenut intimu, hija eżempju ta’ kontenut li jirrikjedi pproċessar rapidu jekk indikat mill-utenti, inkluż tfal, u l-adattament xieraq tal-prattiki ta’ moderazzjoni tal-kontenut.

In-network tal-hotlines tal-UE, INHOPE, indika li n-numru ta’ immaġnijiet online ta’ abbuż sesswali suspettat tat-tfal ipproċessati madwar id-dinja kważi rdoppja bejn l-2017 u l-2019. Il-problema kompliet tiżdied matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment għat-tfal li jgħixu ma’ dawk li jabbużaw minnhom 45 . It-tfal jistgħu jkunu groomed online 46 għall-finijiet ta’ abbuż sesswali jew traffikar, u jinsabu f’riskju li jkollhom stampi u vidjows espliċiti, kemm jekk jinħolqu f’relazzjoni ta’ kunsens mal-pari kif ukoll jekk ikunu taħt pressjoni, kondiviżi ulterjorment mingħajr il-kunsens tagħhom.

Globalment, aktar minn terz taż-żgħażagħ irrapportaw li huma vittmi tal-bullying ċibernetiku 47 . It-tfal jistgħu jkunu esposti għal imġiba tossika, aggressiva, ta’ tfixkil jew ta’ dipendenza u jipparteċipaw fiha 48 jew jistgħu jisfaw fil-mira ta’ kontenut mhux xieraq, sessist jew razzist. Dan jista’ min-naħa tiegħu jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’attivitajiet online (eż. mill-bniet), u jkollu impatt fuq id-drittijiet tat-tfal 49 .

Ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu, id-diżinformazzjoni u l-estremiżmu politiku online li jwasslu għar-radikalizzazzjoni qegħdin jiżdiedu. Il-Kummissjoni bdiet Kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta’ mibegħda fl-2016 50 sabiex iżżid ir-rispons kontra d-diskors ta’ mibegħda online. F’kooperazzjoni man-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, hija qiegħda tqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-kreaturi tal-web u d-disinjaturi tal-logħob dwar ir-riskji online tar-radikalizzazzjoni għat-tfal. Il-kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni 51 qiegħed jiġi rieżaminat sabiex jissaħħu l-impenji f’dan il-qasam.

It-tfal bħala konsumaturi diġitali attivi

It-tfal issa huma konsumaturi diġitali aktar attivi u indipendenti milli kienu 10 snin ilu, u spiss jużaw prodotti u servizzi diġitali mfassla għall-adulti. Huma esposti għal jew jisfaw fil-mira ta’ firxa ta’ tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni online. Permezz ta’ sistemi ta’ rakkomandazzjoni tal-media soċjali, u algoritmi oħrajn, reklamar immirat, kummerċjalizzazzjoni tal-influwenzaturi u l-ludifikazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni 52 , kontenut dannuż jew mhux xieraq jiġi propost lill-utenti żgħar fl-età, li jisfrutta n-nuqqas ta’ esperjenza u n-nuqqas ta’ awtokontroll tagħhom 53 . Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’kontenut għoli ta’ xaħam, ta’ zokkor jew ta’ melħ fost it-tfal 54 tista’ taggrava l-imġiba dijetetika mhux xierqa, pereżempju. Bl-istess mod, il-kummerċjalizzazzjoni aggressiva lit-tfal ta’ investimenti riskjużi bħala imħatri sikuri tista’ twassal għal konsegwenzi finanzjarji serji. Sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-ħsarat assoċjati ma’ dan għat-tfal, id-DSA jressaq għadd ta’ obbligi. Dawn jinkludu projbizzjoni fuq il-pjattaformi online biex il-minorenni jiġu ppreżentati b’reklamar ibbażat fuq it-tfassil ta’ profili, u obbligu għall-pjattaformi online biex jipprovdu trasparenza dwar is-sistemi u l-opzjonijiet ta’ rakkomandazzjoni tagħhom għall-utenti biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni.

Is-servizzi diġitali issa jiġbru u jikkondividu kontinwament data dwar it-tfal u d-“datafikazzjoni” 55 tibda saħansitra qabel it-twelid. Filwaqt li l-big data aggregata tista’ tippermetti għarfien rivoluzzjonarju eż. dwar is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal, id-datafikazzjoni tat-tfulija jista’ jkollha wkoll impatt negattiv potenzjalment tul il-ħajja fuq il-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal. Kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri ma għandhomx sensibilizzazzjoni dwar il-kondiviżjoni estensiva ta’ data personali li tista’ tirriżulta mill-użu ta’ servizzi diġitali, b’mod partikolari dawk mingħajr pagamenti monetarji 56 . Għalkemm jinġabar ammont kbir ta' data mill-industrija dwar l-użu mit-tfal tas-servizzi diġitali u r-riskji relatati, l-akkademiċi ma għandhom l-ebda aċċess jew għandhom aċċess limitat ħafna għal dawn is-settijiet ta’ data importanti.

It-tfal issa huma sistematikament esposti għal kontenut u għal prattiki kummerċjali mhux xierqa. Għad hemm bżonn ta’ riċerka dwar l-impatt newroloġiku fit-tul fuq it-tfal ta’ metodi użati għal skopijiet kummerċjali bħad-disinn persważiv, pereżempju l-logħob ta’ mekkaniżmi tax-xorti bħal “loot boxes 57 ”.

Il-logħob tal-azzard online issa huwa attività ewlenija online tat-tfal: 73 % tat-tfal fl-UE ta’ bejn is-6 u l-10 snin, 84 % ta’ bejn il-11 u l-14-il sena u 74 % taż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena jilagħbu l-logħob vidjo. Il-logħob online xieraq għall-età fil-mira jista’ jappoġġa attivitajiet edukattivi u parteċipattivi kostruttivi online, jiżviluppa ħiliet u kompetenzi diġitali, u jġib benefiċċji soċjetali oħrajn (eż. it-terapija u l-kultura). L-isforzi mmexxija mill-industrija għandhom rwol importanti biex jiżguraw ambjent sikur għal-logħob għall-protezzjoni tat-tfal filwaqt li jippromwovu wkoll drawwiet ta’ logħob tajbin għas-saħħa. Dan għandu jinkludi wkoll approċċ sikur sa mid-disinn għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi diġitali mmirati lejn il-minorenni.

Nuqqas ta’ ħiliet

Messaġġ komuni mismugħ fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni mat-tfal kien il-ħtieġa għal titjib fil-litteriżmu medjatiku u fl-edukazzjoni dwar is-sikurezza online għat-tfal fl-iskejjel. Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, inkluż il-litteriżmu diġitali u fehim tal-valur tal-użu magħmul mid-data personali, huma essenzjali għat-tfal tal-lum, u jippermettulhom jitgħallmu, jikkollegaw u jkunu kontributuri attivi u informati fit-tiswir tad-dinja ta’ madwarhom.

L-adulti responsabbli għat-tfal (ġenituri, persuni li jindukraw, għalliema, mexxejja tal-klabbs u tal-isport, mexxejja reliġjużi, kura soċjali, kura tas-saħħa, ħaddiema żgħażagħ eċċ.) jeħtieġu ħiliet sabiex jappoġġaw, jagħtu pariri u jiggwidaw lit-tfal. Il-konsultazzjonijiet tagħna wrew li dawn il-ħiliet spiss ikunu neqsin.

Id-distakk diġitali

Mhux it-tfal kollha għandhom aċċess ugwali, effettiv, sikur u inklużiv għat-teknoloġija diġitali.

It-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, it-tfal f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali u t-tfal li jgħixu f’żoni rurali u remoti b’infrastruttura tal-broadband mhux adegwata għandhom igawdu aċċess ugwali għall-apparati u għall-ħiliet diġitali, kif ukoll opportunitajiet indaqs biex jisfruttaw l-opportunitajiet tad-deċennju diġitali

Studji riċenti 58 dwar id-deprivazzjoni diġitali juru li f’xi pajjiżi Ewropej, madwar 20 % tat-tfal jgħixu f’familji li ma jistgħux jaffordjaw konnessjoni tal-kompjuter jew tal-internet fid-dar. 40 % tal-unitajiet domestiċi rurali ma għandhomx aċċess għal broadband veloċi. F’xi żoni, aktar minn 15 % taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena jħossuhom diġitalment maqtugħin, u madwar l-Ewropa, 8 % ta’ dawk minn dak il-grupp ta’ età ma jħossuhomx diġitalment kunfidenti.

Fuq livell globali, is-sitwazzjoni hija saħansitra agħar: huwa stmat li 1,3 biljun tifel u tifla ta’ bejn it-3 u s-17-il sena ma għandhomx konnessjoni tal-internet fid-djar tagħhom 59 . Id-deprivazzjoni diġitali fit-tfulija tista’ tirriżulta f’nuqqas ta’ ħiliet diġitali u ta’ kunfidenza diġitali fil-ħajja tal-adulti u ssaħħaħ id-distakk diġitali.

Nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva

It-tfal ma għadhomx konsumaturi passivi tat-teknoloġija, iżda jistgħu jużaw it-teknoloġija b’mod attiv biex jesprimu lilhom infushom u jinfluwenzaw id-dinja ta’ madwarhom. It-tfal għandna nisimgħuhom aktar u ninkluduhom fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi diġitali u tal-politiki diġitali.

4.Il-viżjoni għal deċennju diġitali għat-tfal u għaż-żgħażagħ 

Il-viżjoni tagħna: Servizzi diġitali xierqa għall-età, fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u fejn kull wild fl-Ewropa jkun protett, mogħti s-setgħa u rrispettat online.

Il-BIK+, inizjattiva ewlenija tas-sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, tipproponi azzjonijiet madwar tliet pilastri:

1.esperjenzi diġitali sikuri għall-protezzjoni tat-tfal minn kontenut, imġiba, kuntatt u riskji għall-konsumatur online dannużi u illegali u għat-titjib tal-benesseri tagħhom online permezz ta’ ambjent diġitali sikur u xieraq għall-età, maħluq b’mod li jirrispetta l-aħjar interessi tat-tfal;

2.l-awtonomizzazzjoni diġitali sabiex it-tfal jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex jagħmlu għażliet tajbin u jesprimu ruħhom fl-ambjent online b’mod sikur u responsabbli;

3.il-parteċipazzjoni attiva, ir-rispett tat-tfal billi jingħataw vuċi fl-ambjent diġitali, b’aktar attivitajiet immexxija mit-tfal sabiex jitrawmu esperjenzi diġitali sikuri innovattivi u kreattivi.

L-implimentazzjoni tal-BIK+ tirrikjedi tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza u kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali. F’dawn l-aħħar snin, in-NU, l-UNICEF, l-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa, u l-NGOs għad-drittijiet tat-tfal kollha indirizzaw id-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali 60 .

5.Kif jinkisbu r-riżultati: pilastri u azzjonali 

L-azzjonijiet il-ġodda elenkati hawn taħt se jibnu fuq u se jirrinfurzaw l-infrastruttura eżistenti tal-BIK tal-Kummissjoni kif deskritta hawn fuq.

5.1.Esperjenzi diġitali sikuri (Kif it-tfal jiġu protetti aħjar online)

“Aħna lkoll nafu li ż-żgħażagħ ikunu fuq dawk il-pjattaformi, ħafna drabi mingħajr il-permess tal-ġenituri. Jekk jien naf b’dan, jafu daqsi l-pjattaformi u l-kumpaniji.” – għalliem Spanjol 61

Il-Kummissjoni se tiffaċilita kodiċi ta’ kondotta komprensiv tal-UE dwar disinn xieraq għall-età, li jibni fuq ir-regoli l-ġodda fid-DSA u f’konformità mal-AVMSD u l-GDPR. Il-kodiċi għandu l-għan li jiżgura l-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal meta jużaw prodotti u servizzi diġitali. Dan il-proċess se jinvolvi lill-industrija, lil dawk li jfasslu l-politika, lis-soċjetà ċivili u lit-tfal.

Il-valur miżjud ta’ tali kodiċi jkun in-natura koregolatorja tiegħu. Skont id-DSA, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna biex jipparteċipaw f’kodiċijiet ta’ kondotta u titlobhom jimpenjaw ruħhom biex jieħdu miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tar-riskju, biex jindirizzaw riskji jew ħsarat speċifiċi identifikati, permezz tal-aderenza ma’ kodiċi ta’ kondotta partikolari. Għalkemm il-parteċipazzjoni f’tali kodiċijiet ta’ kondotta tibqa’ volontarja, kwalunkwe impenn meħud mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandu jkun soġġett għal awditi indipendenti.

L-industrija għandha responsabbiltà sinifikanti. Dawn għandhom l-għodod sabiex joħolqu prodotti li b’mod prestabbilit u ppjanat ikunu faċli sabiex jintużaw, sikuri u privati. Il-prodotti u s-servizzi diġitali kollha li x’aktarx jintużaw mit-tfal għandhom għalhekk jirrispettaw karatteristiċi tad-disinn ġusti u bażiċi li jinkorporaw il-valuri Ewropej, kif minqux fid-DSA. Pereżempju, informazzjoni xierqa għall-età, li tinftiehem faċilment u aċċessibbli, bħat-termini u l-kundizzjonijiet, l-istruzzjonijiet u t-twissijiet, u mekkaniżmi sempliċi għar-rapportar tal-ħsara għandhom jakkumpanjaw il-prodotti u s-servizzi kollha li x’aktarx jintużaw mit-tfal. Dawk kollha involuti fid-disinn diġitali għandhom jifhmu l-impatt potenzjalment dannuż fuq it-tfal tal-għażliet tad-disinn u tal-iżvilupp 62 kif ukoll ir-riskji u l-ħsarat possibbli, bħall-grooming, li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi diġitali differenti mit-tfal.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma li għaddejja 63 u filwaqt li tqis ir-regoli l-ġodda tad-DSA għall-pjattaformi online, il-Kummissjoni se tappoġġa metodi biex tingħata prova tal-età b’mod li tiġi ppreservata l-privatezza u b’mod sikur, li għandhom jiġu rikonoxxuti madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri 64 (li f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jagħżlu li joħorġu IDs elettroniċi għal dawk ta’ taħt it-18-il sena skont il-proposta riċenti dwar l-Identità Diġitali Ewropea), mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni sabiex issaħħaħ metodi effettivi ta’ verifika tal-età, bħala prijorità. Din il-ħidma se tħeġġeġ soluzzjonijiet tas-suq permezz ta’ qafas robust ta’ ċertifikazzjoni u interoperabbiltà. 

Lil hinn mill-verifika tal-età għall-aċċess għal ċertu kontenut online, il-Kummissjoni se tinkludi fil-kodiċi ta’ kondotta għall-fornituri online li se jiġi stabbilit taħt l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025, taqsima li timmira kontenut għall-adulti biss, li timmira b’mod partikolari li tiġġieled il-kondiviżjoni ta’ immaġnijiet intimi mhux kunsenswali, kemm jekk awtentiċi kif ukoll jekk manipulati, li jistgħu jinvolvu wkoll tfal – għalkemm mhux biss. 

Minkejja l-azzjonijiet attwali, il-bullying ċibernetiku jibqa’ l-aktar suġġett irrapportat lill-helplines tal-SICs fl-aħħar deċennju. In-numru eżistenti 116 111 huwa riżervat b’mod speċjali għall-helplines tat-tfal fl-UE. Il-bullying ċibernetiku u problemi online oħra jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ dan in-numru, jew direttament mill-helplines tal-SIC. L-istrateġija se tagħmel l-appoġġ offrut mill-SICs aktar viżibbli permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa madwar l-116 111 u servizzi online relatati (eż. apps tal-helpline) li għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Barra minn hekk, grupp ta’ esperti ad hoc se jipprovdi rakkomandazzjonijiet ta’ politika relatati mal-bullying (ċibernetiku) u mal-benesseri fl-iskejjel 65 .

Il-helplines u l-hotlines tal-internet aktar sikuri kofinanzjati mill-UE 66 se jkomplu jassistu lill-pubbliku, b’mod partikolari lit-tfal, meta jiġu ffaċċjati b’kontenut dannuż u illegali. Jekk jingħataw l-istatus ta’ “senjalaturi fdati” skont il-kundizzjonijiet tad-DSA, dawn se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal valutazzjoni aktar rapida ta’ notifiki ta’ kontenut illegali online u t-teħid ta’ azzjoni rigward dan. Eżempji ta’ kontenut bħal dan huma materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u diskors ta’ mibegħda razzist u ksenofobiku f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online, inkluż diskors ta’ mibegħda antisemitiku kif stabbilit mill-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija 67 .

Il-Kummissjoni se tikkoordina u se tippromwovi skambji ta’ prattika tajba fost l-awtoritajiet tal-UE u l-Istati Membri dwar l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur fir-rigward tat-tfal. Il-Kummissjoni se timmappja wkoll ir-riċerka dwar l-impatt tan-newrokummerċjalizzazzjoni fuq it-tfal sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur jivvalutaw aħjar kif it-tekniki ta’ influwenza kummerċjali jistgħu jkunu inġusti fuq it-tfal. Dan l-għarfien se jintuża għall-attivitajiet ta’ infurzar koordinati li għandhom jitwettqu skont ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur 68 .

Il-Kummissjoni se:

·tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta’ kodiċi ta’ kondotta komprensiv tal-UE dwar disinn xieraq għall-età li jibni fuq il-qafas ipprovdut fid-DSA, sal-2024;

·toħroġ talba ta’ standardizzazzjoni għal standard Ewropew dwar l-assigurazzjoni tal-età/il-verifika tal-età online fil-kuntest tal-proposta tal-eID, mill-2023;

·tappoġġa l-iżvilupp ta’ prova diġitali rikonoxxuta madwar l-UE kollha tal-età bbażata fuq id-data tat-twelid fil-qafas tal-proposta tal-eID, mill-2024;

·tinkludi fokus fuq kontenut għall-adulti biss fil-kodiċi ta’ kondotta ppjanat taħt l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025;

·tiżgura li n-numru armonizzat 116 111 jindirizza l-bullying ċibernetiku, f’kooperazzjoni mal-helplines tal-SIC kofinanzjati mill-UE, sal-2023;

·tikkofinanzja l-helplines u l-hotlines tal-internet aktar sikuri fl-UE inklużi dawk rikonoxxuti fil-futur bħala “senjalaturi fdati” skont id-DSA, biex tgħin lill-pubbliku, b’mod partikolari lit-tfal, meta jiġu ffaċċjati b’kontenut ta’ ħsara u illegali, mill-2022;

·tikkondividi r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-bullying (ċibernetiku) mill-grupp ta’ esperti għall-appoġġ tal-benesseri fl-iskejjel, mill-2023;

·timmappja r-riċerka eżistenti dwar l-impatt tan-newrokummerċjalizzazzjoni fuq it-tfal sa tmiem l-2022, biex tappoġġa attivitajiet ta’ infurzar koordinati mwettqa skont ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi mill-2023.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex:

·jappoġġaw metodi effettivi ta’ verifika tal-età, f’konformità mal-proposta tal-eID;

·jappoġġaw, inkluż b’persunal imħarreġ, in-numru armonizzat 116 111 biex jiġi indirizzat il-bullying ċibernetiku.

Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija sabiex:

·tivvaluta u tindirizza b’mod konsistenti r-riskji speċifiċi għat-tfal li jirriżultaw mill-użu tal-prodotti u tas-servizzi tagħha inkluż riskji għas-sigurtà, kif ukoll prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni relevanti;

·tikkontribwixxi u timpenja ruħha għal kodiċi ta’ kondotta komprensiv tal-UE dwar disinn adattat għall-età, kif ukoll it-taqsima dwar kontenut għall-adulti biss fil-kodiċi ta’ kondotta li għandu jiġi stabbilit taħt l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025;

·timplimenta b’mod effettiv miżuri dwar l-aċċess għal kontenut ristrett għall-età, inkluż siti web b’kontenut għall-adulti u logħob 18+, f’konformità mar-regoli nazzjonali u Ewropej; 

·tikkoopera ma’ senjalaturi fdati sabiex tivvaluta u tneħħi malajr kontenut illegali u taġixxi fuq in-notifika ta’ kontenut ta’ ħsara;

·tippermetti lir-riċerkaturi akkademiċi jaċċessaw data u informazzjoni rilevanti dwar opportunitajiet u riskji għat-tfal f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

5.2.Awtonomizzazzjoni diġitali (Kif it-tfal jingħataw awtonomija aħjar sabiex jagħmlu għażliet tajbin online)

“It-tfal ingħataw għodda kumplessa mingħajr manwal ta’ struzzjoni” 69  – tifel jew tifla Portugiżi.

Id-Deċennju Diġitali tal-Kummissjoni jistabbilixxi miri ambizzjużi li 80 % tal-popolazzjoni adulta sal-2030 ikollha ħiliet diġitali bażiċi u 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati 70 . Għal dak il-għan, it-tfal għandhom jiksbu ħiliet diġitali minn età bikrija ’l quddiem. Pereżempju, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar 71 tgħin lit-tfal jifhmu kif jaħdmu l-algoritmi u d-dinja diġitali.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE żviluppaw strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali (jew bħala suġġett transkurrikulari jew bħala suġġett separat) uħud iwettqu monitoraġġ u evalwazzjoni regolari sabiex jivvalutaw l-impatt u jirrieżaminaw dawn l-istrateġiji. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment ta’ ħiliet diġitali fl-edukazzjoni 72 sabiex tippromwovi fehim komuni, timmobilizza l-involviment politiku tranżnazzjonali, tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju reċiproku u tħeġġeġ l-investimenti.

Iż-żamma ta’ bażi ta’ għarfien aġġornata u l-monitoraġġ tal-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-benesseri tat-tfal huma essenzjali għal dan u għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ tfal fl-UE.

Il-litteriżmu diġitali (jew in-nuqqas tiegħu) jibda kmieni fil-ħajja. Il-ħiliet fil-litteriżmu medjatiku 73 huma kruċjali għat-tfal sabiex jifhmu u jinnavigaw l-informazzjoni li jaċċessaw online, sabiex jidentifikaw riskji online bħal miżinformazzjoni/diżinformazzjoni, scams u frodi, u reklamar moħbi, u sabiex jipparteċipaw b’mod attiv u responsabbli fl-ekonomija diġitali, fis-soċjetà, u fil-proċessi demokratiċi.

Il-feedback tal-għalliema matul il-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni enfasizza d-diffikultajiet fl-involviment tal-kollegi. Ir-raġunijiet imsemmija kienu jinkludu li ma hemmx biżżejjed sensibilizzazzjoni, ħafna għalliema ma għandhomx l-għarfien, il-ħiliet u l-kunfidenza meħtieġa, u li huwa diffiċli li wieħed iżomm ruħu aġġornat mal-iżvilupp teknoloġiku kontinwu. Huma meħtieġa taħriġ għall-għalliema, promozzjoni ta’ riżorsi affidabbli u aktar kampanji li jimmiraw lill-ġenituri u lill-persuni li jindukraw. It-taħriġ dwar id-drittijiet tat-tfal online għandu jiġi inkluż ukoll f’dawn l-inizjattivi sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni aktar b’saħħitha li d-drittijiet tat-tfal online huma l-istess bħal dawk offline, kif stipulat mill-Kumment Ġenerali Nru 25 tan-NU.

BIK+, permezz tal-pjattaforma betterinternetforkids.eu (“il-portal tal-BIK”) u n-network tal-SIC, tista’ tappoġġa l-iżvilupp ta’ moduli tal-għalliema (eż. Kors Online Miftuħ Massiv – “MOOC”) għal gruppi ta’ etajiet differenti b’lezzjonijiet dwar il-litteriżmu medjatiku, is-sikurezza online, ir-riskji tal-konsumatur online, id-data personali, il-bullying ċibernetiku, il-benesseri mentali, l-isterjotipi ta’ ħsara, ir-rappreżentazzjoni ħażina tas-sess fil-pornografija, il-kunsens diġitali u r-rispett, u l-ludifikazzjoni 74 fit-tagħlim 75 .

L-iskambju ta’ prattiki tajbin fost l-Istati Membri se jiġi kkoordinat u promoss taħt id-Djalogu Strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali 76 u l-Gruppi ta’ Esperti rilevanti.

Il-BIK+ se tappoġġa kampanji ta’ litteriżmu medjatiku fuq skala kbira, biex jintlaħqu t-tfal, il-familji u l-għalliema, jiġu sfruttati l-multiplikaturi nazzjonali u Ewropej eżistenti bħall-iskejjel, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-industrija. It-tfal, u fejn xieraq il-ġenituri u l-għalliema, għandhom ikunu involuti biex jagħmlu l-approċċi aktar xierqa għall-età u jippermettu skambji transġenerazzjonali dwar l-użu kreattiv u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali, iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji għat-tfal bħala konsumaturi żgħar fl-età, u rigward l-użu tad-data personali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-OECD fuq l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kompetenza finanzjarja għat-tfal 77 , li għandu jinħareġ sal-aħħar tal-2022 li se jinkludi l-ħiliet finanzjarji essenzjali li għandhom bżonn it-tfal fid-dinja diġitali.

L-istrateġija BIK+ se tikkumplimenta u taħdem f’sinerġija mal-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali, pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-SICs nazzjonali bħala punt uniku ta’ servizz għal informazzjoni u appoġġ affidabbli u xierqa għall-età, imfassla għall-ħtiġijiet nazzjonali fl-edukazzjoni formali u informali. Il-Kummissjoni se tkompli tikkondividi u tippromwovi r-riżorsi disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz tal-portal BIK, u tinkoraġġixxi l-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tas-SICs u ta’ atturi oħra, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu, f’varjetà ta’ ambjenti minn klabbs sportivi għall-iskejjel, biex jintwera r-rispett diġitali.

It-tagħlim bejn il-pari, il-kokreazzjoni, u l-eżempju tal-Ambaxxaturi Żgħażagħ tal-BIK u l-Bordijiet taż-Żgħażagħ tal-BIK se jiġu promossi bħala prattika tajba għall-approċċi edukattivi fl-UE u lil hinn minnha.

Sabiex jiġu appoġġati t-tfal kollha, l-ambjent diġitali jrid ikun varjat, inklużiv, mhux diskriminatorju u ħieles mill-isterjotipi. Informazzjoni oġġettiva u adattata għall-età online dwar is-sess u l-ġeneru għandha tkun disponibbli għat-tfal. Is-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità u l-ġeneru għandha tiġi appoġġata għall-professjonisti tal-ICT, biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-bniet, tal-utenti żgħażagħ b’diżabilità u tat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli oħrajn. Għandhom jiġu mħeġġa mudelli ta’ rwol pożittiv għall-bniet – mhux irrappreżentati biżżejjed fl-ICT – u għandhom jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għas-subien u għall-bniet. L-industrija għandha tipprovdi ambjent inklużiv għal kulħadd, u t-tfal b’diżabilità għandhom ikunu jistgħu jilagħbu, jitgħallmu u jinteraġixxu online.

Sabiex jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali, it-tfal jeħtieġu konnessjoni tal-internet affidabbli u affordabbli, u apparati diġitali xierqa. Il-miri tal-konnettività tad-Deċennju Diġitali u l-prinċipji diġitali, u investiment u finanzjament sinifikanti tal-UE kollha jindirizzaw il-konnettività għad-djar u għall-iskejjel; id-dispożizzjonijiet tas-servizz universali tal-kodiċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jirrikjedu l-affordabbiltà tas-servizzi ta’ konnettività 78 . L-azzjonijiet tal-Istati Membri taħt il-Pilastru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jindirizzaw l-affordabbiltà tas-“servizzi essenzjali” inklużi l-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal tirrakkomanda li l-Istati Membri “jipprovdu … tagħmir adegwat meħtieġ għall-apprendiment mill-bogħod” [u] “jagħmlu l-investiment meħtieġ sabiex jindirizzaw il-forom kollha ta’ distakk diġitali”.

Sabiex tilħaq it-tfal kollha, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni bir-reqqa lit-tfal bi bżonnijiet speċjali jew speċifiċi, jew minn sfondi żvantaġġati u vulnerabbli. Pereżempju, il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni spiss jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għal korsijiet u servizzi diġitali, inkluż minħabba nuqqas tal-ħiliet diġitali sabiex jintużaw dawn is-servizzi 79 80 . Tfal f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, tfal bi sfond ta’ migrazzjoni jew Rom u tfal oħra partikolarment esposti għal diskriminazzjoni u segregazzjoni 81 , tfal li l-ġenituri tagħhom ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi, tfal b’diżabilità, tfal f’ambjenti ta’ kura, kollha għandhom ħtiġijiet speċifiċi. L-inizjattivi jridu jiffokaw fuq il-bilanċ bejn il-ġeneri, u għalhekk kemm il-bniet kif ukoll is-subien jiksbu ħiliet diġitali minn età bikrija. L-effettività għandha titkejjel u għandha tiġi identifikata l-aħjar prattika.

Il-BIK+ se tikkontribwixxi billi tespandi l-ambitu tal-ħidma tal-SICs sabiex tgħin fl-indirizzar tad-distakk diġitali, b’mod partikolari fit-twassil tal-ħiliet diġitali lil gruppi vulnerabbli. L-SICs jistgħu jappoġġaw programmi rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-UE.

Il-Kummissjoni se:

·tappoġġa l-monitoraġġ tal-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-benesseri tat-tfal mill-Istati Membri, mill-industrija u mill-akkademiċi permezz tal-portal BIK, mill-2023;

·tiżviluppa u tqassam moduli tat-tagħlim (MOOCs) għall-għalliema permezz tal-portal tal-BIK u l-SICs, 2023/2024;

·tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajbin għall-kurrikuli nazzjonali dwar il-litteriżmu medjatiku bejn l-Istati Membri u fost l-iskejjel u l-edukaturi madwar l-UE, taħt id-Djalogu Strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali u permezz ta’ gruppi ta’ esperti rilevanti, mill-2022 82 ;

·torganizza kampanji ta’ litteriżmu medjatiku mmirati lejn it-tfal, l-għalliema, il-ġenituri u l-persuni li jindukraw, permezz ta’ multiplikaturi, mill-2022;

·tiżviluppa għodod u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji li jiffaċċjaw it-tfal bħala konsumaturi żgħażagħ, bl-appoġġ tal-portal tal-BIK u tal-SICs, mill-2022;

·issaħħaħ l-appoġġ tal-SICs fl-Istati Membri biex tipprovdi lit-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli edukazzjoni u taħriġ mhux formali, biex jiġi indirizzat id-distakk diġitali, mill-2022.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex:

·jimmonitorjaw l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-benesseri tat-tfal;

·jiskambjaw prattiki tajbin skont id-Djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali u l-gruppi ta’ esperti rilevanti;

·jippromwovu l-SICs bħala punt uniku ta’ servizz għal riżorsi affidabbli dwar il-litteriżmu medjatiku u s-sikurezza online għat-tfal, il-familji u l-għalliema tagħhom;

·jagħmlu l-investiment meħtieġ biex jindirizzaw il-forom kollha ta’ distakk diġitali, f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, inkluż bl-appoġġ ta’ fondi Ewropej u b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija sabiex:

·timmonitorja l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-benesseri tat-tfal;

·tinvesti fil-ħiliet sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtiġijiet diversi tat-tfal, tiġġieled l-isterjotipi u tiżgura l-aċċessibbiltà diġitali fl-iżvilupp tal-prodotti.

5.3.Parteċipazzjoni Attiva (Kif għandhom jiġu rrispettati l-fehmiet tat-tfal)

“Jien favur li ż-żgħażagħ ikollhom vuċi akbar sal-2030. Hija l-ġenerazzjoni tagħna li kibret bid-dinja online” - Ambaxxatur Awstrijak tal-BIK għaż-Żgħażagħ. 

It-tfal huma ċittadini attivi. Bħala aġenti tal-bidla, huma jużaw dejjem aktar il-media soċjali biex jimmobilizzaw u jippromwovu l-għanijiet tagħhom, eż. il-moviment School Strike for Climate. L-istrateġija BIK+ tilqa’ dan l-iżvilupp, u tirrikonoxxi l-importanza li fit-tfassil tad-Deċennju Diġitali jiġu rrispettati u inklużi l-opinjonijiet tat-tfal. It-tfal għandhom jiġu appoġġati fl-iżvilupp u fil-prattika tal-ħiliet taċ-ċittadinanza fil-politika pubblika u fid-dibattiti politiċi u għandhom igawdu d-dritt tagħhom ta’ għaqda u assoċjazzjoni permezz ta’ pjattaformi soċjali online. Minkejja dan, ir-riċerka wriet li hemm lok għal żieda fl-attivitajiet online assoċjati mal-kreattività u ċ-ċittadinanza diġitali 83 . Hija tikkonkludi li t-tfal tal-lum jirriskjaw li jkunu sottorappreżentati fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politika, u dan iwassal għal ħtiġijiet mhux issodisfati u għal aspettattivi mhux issodisfati 84 .

Għalhekk, il-BIK+ tirrikonoxxi li huwa importanti li t-tfal jiġu involuti b’mod attiv fid-diversità kollha tagħhom fit-tfassil tal-ambjent diġitali, peress li dawk ta’ taħt it-18-il sena għandhom għarfien uniku dwar it-tfulija diġitali.

Skont l-istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal permezz tal-istabbiliment ta’ Pjattaforma ġdida tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal. 85 F’sinerġija ma’ din il-pjattaforma, BIK+ se tħeġġeġ attivitajiet immexxija mit-tfal sabiex it-tfal jinvolvu ruħhom b’mod pożittiv u kritiku fl-ambjent diġitali dwar suġġetti rilevanti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa bħaċ-ċibersigurtà, l-etika u l-iżvilupp sostenibbli.

Skont il-BIK+, il-kontribut tat-tfal dwar is-suġġetti diġitali se jiġi msaħħaħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-industrija. Filwaqt li tibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ tal-BIK, il-Panels taż-Żgħażagħ tal-BIK u l-Wegħda taż-Żgħażagħ tal-BIK għal internet aħjar, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-attivitajiet immexxija mit-tfal.

Il-BIK+ se tkompli tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, anke fi ħdan l-Istati Membri. Pereżempju, l-iskemi lokali jistgħu jirrikonoxxu ħarrieġa bejn il-pari.

Verżjoni tal-istrateġija BIK+ li tiffavorixxi t-tfal se tiġi pprovduta f’konformità mal-linji gwida żviluppati skont id-drittijiet tal-istrateġija dwar it-tfal 86 .

Il-Kummissjoni se tinvolvi wkoll lit-tfal fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-BIK+.

Il-Kummissjoni se:

·tinvolvi lit-tfal fil-ħolqien tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar disinn xieraq għall-età msemmi fil-pilastru 1, mill-2023;

·tniedi azzjoni mibdija mit-tfal u mmexxija mit-tfal dwar suġġett diġitali rilevanti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, f’sinerġija mal-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal, mill-2023;

·tespandi r-rwol tal-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ tal-BIK u tal-Bordijiet taż-Żgħażagħ tal-BIK sabiex mill-2022 jappoġġaw attivitajiet bejn il-pari fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

·toħloq verżjoni li tiffavorixxi t-tfal tal-Istrateġija BIK+, 2022;

·torganizza evalwazzjoni mmexxija mit-tfal tal-Istrateġija BIK+, kull sentejn.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex:

·jappoġġaw taħriġ bejn il-pari u tagħlim mit-tfal għall-adulti dwar il-qasam diġitali;

·jinvolvu firxa inklużiva ta’ ambaxxaturi taż-żgħażagħ sabiex jikkontribwixxu għall-politiki diġitali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija sabiex:

·tikkonsulta u tinvolvi b’mod attiv lit-tfal b’mod sistematiku fl-iżvilupp u fl-użu tal-prodotti u tas-servizzi diġitali tagħhom;

·toħloq flimkien ma’ tfal ta’ etajiet u ta’ sfondi differenti komunikazzjoni adatta għat-tfal, inklużi termini u kundizzjonijiet, dwar il-prodotti u s-servizzi diġitali tagħhom;

·tiżviluppa prodotti u servizzi inklużivi 87 li jippromwovu d-dritt tat-tfal li jesprimu lilhom infushom u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika.

6.Sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali 

Il-protezzjoni online u l-awtonomizzazzjoni diġitali huma sfidi globali li jmorru lil hinn mill-fruntieri u mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Fir-rebbiegħa tal-2021, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal ħareġ gwida dwar kif għandha tiġi implimentata b’mod effettiv il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha fil-kumment ġenerali tiegħu Nru 25 sabiex jiġu indirizzati b’mod espliċitu d-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali.

Permezz ta’ Global Gateway 88 , l-UE se ssaħħaħ il-konnessjonijiet bejn l-Ewropa u d-dinja u se tgħin lill-pajjiżi sħab jindirizzaw id-distakk diġitali u jintegraw aktar fl-ekosistema diġitali globali.

Il-ħidma flimkien tippermettilna nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet globali b’mod effettiv u effiċjenti, u nippromwovu l-valuri Ewropej billi nistabbilixxu standards għoljin ta’ sikurezza u billi nippromwovu l-għoti tas-setgħa lit-tfal u l-parteċipazzjoni attiva fid-deċennju diġitali madwar id-dinja, filwaqt li jsir kontribut għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Każ wieħed huwa l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, il-Kummissjoni ilha taħdem mill-qrib mal-kumpaniji tat-teknoloġija taħt l-umbrella tal-Forum tal-UE dwar l-Internet 89 u tikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali permezz tal-Alleanza Globali WeProtect għat-Tmiem tal-Isfruttament Sesswali tat-Tfal Online. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll l-isforzi globali għal snin sħaħ permezz ta’ finanzjament għan-network ta’ hotlines INHOPE preżenti f’46 pajjiż. Din il-ħidma se tkompli u għandha taċċellera skont il-leġiżlazzjoni proposta bl-Istrateġija preżenti.

Il-Kummissjoni se tkompli tikkondividi l-esperjenzi, l-għarfien espert u l-valuri ma’ organizzazzjonijiet u ma’ sħab internazzjonali, u tappoġġa approċċ komuni lejn id-drittijiet diġitali għat-tfal madwar id-dinja, pereżempju billi tħeġġeġ standards tekniċi, metriċi, definizzjonijiet u approċċi rilevanti.

Il-Forum annwali għal Internet Aktar Sikur 90 se jqis l-iżviluppi internazzjonali u se jiskambja l-aħjar prattiki. Bl-SICs, l-iskemi eżistenti ta’ mentoraġġ u skambju barra mill-UE se jissaħħu, u se jkomplu ċ-ċelebrazzjonijiet internazzjonali fil-Jum għal Internet Aktar Sikur.

Il-pjan ta’ azzjoni għaż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE li jmiss se jsaħħaħ ir-rwol ewlieni taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni diġitali, u se jappoġġa ambjenti diġitali sikuri li jippromwovu l-parteċipazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-istrateġija BIK+ fir-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u ma’ pajjiżi sħab bl-ambizzjoni li tiggwida lis-sħab internazzjonali lejn trasformazzjoni diġitali b’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal.

7.Konklużjonijiet

“L-Unjoni tagħna se tkun aktar b’saħħitha jekk tkun aktar bħall-ġenerazzjoni li jmiss tagħna: riflettiva, determinata u tieħu ħsieb. Imsejsa fuq il-valuri u soda fl-azzjoni” 91 .

Fit-tħabbira tas-sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-President von der Leyen ħeġġet liż-żgħażagħ isiru atturi tal-bidla. L-istrateġija BIK+ toffrilhom vuċi fl-isfera diġitali kif ukoll miżuri mtejba għall-benesseri, il-ħiliet u s-sikurezza diġitali tagħhom.

Ambjent diġitali sikur, sigur u affidabbli huwa l-pedament tal-UE. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġa l-protezzjoni, l-awtonomizzazzjoni u r-rispett tat-tfal fit-trasformazzjoni diġitali.

Filwaqt li tibni fuq il-bażi tal-istrateġija tal-2012, l-istrateġija tal-BIK+ tagħti attenzjoni partikolari lill-opportunitajiet u r-riskji online għat-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà. It-tfal kollha se jkunu mgħammra aħjar sabiex jirnexxu online, u sabiex igawdu minn esperjenzi aktar xierqa għall-età.

Din l-istrateġija BIK+ tirrifletti l-kontributi ta’ firxa wiesgħa ta’ fehmiet, primarjament dawk tat-tfal. It-tfal se jkunu involuti fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tagħha. Is-suċċess tagħha jiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, u sħab ewlenin bħall-industrija, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tipprovdi soluzzjonijiet konkreti għal użu aħjar u san tal-internet għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-istrateġija kull sentejn, anke mat-tfal, u se tippubblika rapport online 92 .

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex japprovaw l-istrateġija u jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jippromwovu d-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili.

Ilkoll għandna r-responsabbiltà li nisimgħu lit-tfal u li naġixxu issa. Kif iddikjaraw Yevgeny, Lili u João għall-Grupp Konsultattiv taż-Żgħażagħ ta’ #DigitalDecade4YOUth: “Issa huwa f’idejn dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħrajn li jilqgħu l-isfida…. [għalhekk] aħna, bħala tfal u żgħażagħ, inħossuna li lkoll qegħdin naħdmu flimkien sabiex nagħmlu d-dinja diġitali post aħjar u aktar sikur.” 

(1)

  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea , l-Artikolu 2 u l- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE , b’mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha.

(2)

  Il-Kumment ġenerali Nru 25 tan-NU dwar il-konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal (li għaliha l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet) jindirizza b’mod espliċitu d-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali .

(3)

 Dawk ta’ taħt it-18-il sena, f’konformità mal- Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal . Skont l-istrateġija tal-BIK+, “żgħażagħ” tirreferi wkoll għal tfal ta’ taħt it-18-il sena. Fil-leġiżlazzjoni, it-terminu użat huwa “minorenni”

(4)

JRC, How children (10-18) experienced online risks during the Covid-19 lockdown .

JRC, Emergency remote schooling during COVID-19 .

(5)

 JRC,  How families handled emergency remote schooling during the time of Covid lockdown in spring 2020 .

T20-Italja, Digital learning for every child: closing the gaps for an inclusive and prosperous future .

(6)

 Il-pakkett dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali; DSA: Il-Kummissjoni sodisfatta bil-ftehim politiku

(7)

  Il-Kumpass Diġitali: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, COM/2021/118 final.

(8)

  Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali , COM/2022/27 final

(9)

  Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal , COM/2012/0196. Fil-qosor, Internet Aħjar għat-Tfal “BIK”

(10)

  L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal , COM/2021/142 final

(11)

  Declaration on European Digital rights and principles .

(12)

  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2019/2876 tas-26 ta’ Novembru 2019 , il-punt 19.

(13)

  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-litteriżmu fil-media f’dinja dejjem tinbidel , 2020/C 193/06.

(14)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi garanzija Ewropea għat-tfal , ST 9106 2021 INIT.

(15)

  How to make Europe’s Digital Decade fit for children and young people?

Sommarju tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati . Aktar minn 60 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni miftuħa dwar id-drittijiet tat-tfal irrikonoxxew il-ħtieġa għal strateġija BIK ġdida (BIK+). Kważi 80 % tar-rispondenti qablu li l-kumpaniji tal-IT għandu jkollhom rwol akbar f’dan il-qasam.

(16)

  Il-Paġna web tal-grupp ta’ esperti .

(17)

  Il-Paġna web tal-Alleanza .

(18)

  Il-Paġna web taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur .

(19)

  Ir-Rieżami tal-BIK tas-sena 2021 .

(20)

  Is-sit web tal-INHOPE .

(21)

  Is-sit web dwar iż-żgħażagħ tal-BIK .

(22)

  Il-Paġna web dwar il-wegħda taż-żgħażagħ .

(23)

  Is-Sit web tal-Jum għal Internet Aktar Sikur .

(24)

 Ara l- kompendju tat-testi formali tal-UE dwar it-tfal fid-dinja diġitali.

(25)

  Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva , (UE) 2018/1808.

(26)

Illegali għall-utenti kollha: kontenut li huwa materjal ksenofobiku, terroristiku jew ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

(27)

  Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data , (UE) 2016/679.

(28)

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data se jippubblika linji gwida dwar l-ipproċessar tad-data personali tat-tfal u d-drittijiet tat-tfal bħala suġġetti tad-data skont il-GDPR fl-2022.

(29)

  Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali , 2005/29/KE.

(30)

  Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni COM/2021/206 final.

(31)

  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea , COM/2021/281 final.

(32)

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal COM/2022/209.

(33)

  L-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 2021-2025 , COM/2021/171 final.

(34)

  Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) , COM/2020/258 final .

(35)

  Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 , COM(2020)152 final.

(36)

  Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika , COM/2022/105 final.

(37)

  Il-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal Migranti , COM/2017/0211 final.

(38)

  Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali , COM/2020/624 final.

(39)

  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-żgħażagħ 2019-2027 , ST/14944/2018/INIT.

(40)

  EU Kids online 2020 .

(41)

. Panel taċ-Ċittadini Ewropej 2: “Demokrazija / Valuri Ewropej, drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà” , Diċembru 2021

(42)

 Solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali.

(43)

  EU Kids Online 2020 , il-paġni 89 sa 99, l-illustrazzjonijiet 82, 83, 84.

(44)

Study on the implementation of the new provisions in the revised Audiovisual Media SMART 2018/0066.

(45)

EUROPOL, Exploiting Isolation: Offenders and victims of online child sexual abuse during the COVID-19 pandemic

JRC, How children (10-18) experienced online risks during the Covid-19 lockdown .

UNICEF, COVID-19 and its implications for protecting children online .

IWF, Rapport Annwali tal-2020 .

(46)

Ir-rapporti tal-NCMEC dwar il-grooming irdoppjaw mill-2019 sal-2020 .

(47)

  Stħarriġ tal-UNICEF, 2019 .

(48)

  COST action: European Network for Problematic Usage of the internet .

(49)

UNICEF, Recommendations for The Online Gaming Industry on Assessing Impact on Children (il-paġna 15) (2020).

(50)

  Code of conduct on countering illegal hate speech online .

(51)

  Code of practice on disinformation .

(52)

Il-ludifikazzjoni huwa l-“proċess li permezz tiegħu l-attivitajiet isiru aktar simili għal-logħob”, Kevin Werbach (2014) . Il-ludifikazzjoni qiegħda tintuża dejjem aktar fil-kummerċjalizzazzjoni soċjali bl-użu ta’ tekniki bħall-għoti ta’ punteġġ, l-inċentivar, u l-kompetizzjoni u jippermetti lin-negozji jattiraw u jinvolvu lill-klijenti b’mod divertenti u jiġbru d-data.

(53)

PE, Loot boxes in online games and their effect on consumers, in particular young consumers , il-paġni 27 sa 29.

(54)

PE, Study on the exposure of children to linear, non-linear and online marketing of foods high in fat, salt or sugar. Country report 6, The Netherlands.

WHO, Spotlight on adolescent health and well-being .

(55)

Id-datafikazzjoni hija xejra teknoloġika li tbiddel ħafna aspetti ta’ ħajjitna f’ data li sussegwentement tiġi ttrasferita f’informazzjoni mwettqa bħala forma ġdida ta’ valur.

(56)

Pereżempju, ara l-multi fl-2021 mill-Awtorità Taljana tal-Konsumaturi u tas-Suq (bit-Taljan).

(57)

Il-loot boxes huma karatteristiċi fil-logħob vidjo, normalment aċċessati permezz tal-gameplay jew li wieħed jista’ jħallas għalihom b’mod fakultattiv bi flus reali – PE, Loot boxes in online games and their effect on consumers, in particular young consumers il-paġna 14.

(58)

  Is-Sit web DigiGen .

(59)

  UNICEF u ITU (2020) How Many Children and Youth Have internet Access at Home?

(60)

  Il-Kumment Ġenerali Nru 25 tan-NU .

UN, Sustainable Development Goals .

UNICEF, manifest dwar il-governanza tad-data tat-tfal .

OECD, Recommendation of the Council on Children in the Digital Environment .

Il-Kunsill tal-Ewropa, Recommendation on Guidelines to Respect, Protect and Fulfil the Rights of the Child in the Digital Environment , CM/Rec(2018)7.

(61)

Għalliem ikkonsultat għall-konsultazzjoni: How to make Europe’s Digital Decade fit for children and young people? .

(62)

Pereżempju, l- Att dwar l-IA propost jobbliga lill-fornituri ta’ applikazzjonijiet tal-IA ta’ riskju għoli sabiex jivvalutaw u jimmitigaw ir-riskji qabel ma jqiegħdu s-sistemi tagħhom fis-suq, billi jqisu speċifikament jekk hemmx probabbiltà li s-sistema tiġi aċċessata minn jew għandhiex impatt fuq it-tfal (l-Artikolu 9(8) tal-Att dwar l-IA).

(63)

  euCONSENT huwa proġett pilota ffinanzjat mill-UE li għandu l-għan li jfassal u li jittestja soluzzjoni interoperabbli għall-verifika tal-età u l-kunsens tal-ġenituri.

(64)

Primarjament permezz tal-grupp ta’ esperti għal internet aktar sikur għat-tfal.

(65)

  Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni , COM(2020) 625 final

(66)

  Programm ta’ Ħidma Ewropa DIĠITALI 2021-2022 .

(67)

  Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija (2021-2030) , COM/2021/615 final.

(68)

  Ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi , (UE) Nru 2017/2394.

(69)

Tifel jew tifla kkonsultat(a) għall-konsultazzjoni: How to make Europe’s Digital Decade fit for children and young people? .

(70)

  Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali , COM/2021/118; mira bbażata fuq Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .

(71)

EU Code Week is a grassroot initiative that brings coding and digital literacy to everybody in a fun and engaging way.

(72)

  Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – L-Azzjoni 10 .

(73)

AVMSD il-premessa 59: Il-“litteriżmu medjatiku” jirreferi għall-ħiliet, l-għarfien u l-fehim li jippermettu liċ-ċittadini jużaw il-media b’mod effettiv u sikur. … Il-litteriżmu medjatiku ma għandux ikun limitat għall-apprendiment dwar l-għodod u t-teknoloġiji, iżda għandu jkollu l-għan li jipprovdi liċ-ċittadini bil-ħiliet kritiċi tal-ħsieb meħtieġa sabiex jeżerċitaw il-ġudizzju, janalizzaw ir-realtajiet kumplessi u jirrikonoxxu d-differenza bejn l-opinjoni u l-fatt.

(74)

Ara l-eżempju ta’ Happy Online game .

(75)

 Il-moduli rilevanti se jkunu konformi mal-linji gwida Komuni għall-għalliema u għall-edukaturi dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali żviluppati skont il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni Diġitali.

(76)

  Rokna tal-istampa tal-Kummissjoni .

(77)

  Financial literacy

(78)

  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(79)

  Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 , COM/2020/758 final.

(80)

8,1 % tan-nies li twieldu barra mill-UE rrapportaw li ma jistgħux jaffordjaw kompjuter, meta mqabbla ma’ 3,1 % fost dawk li twieldu fil-pajjiż rapportatur, Eurostat, EU-SILC (id-data tal-2018). Il-ġenituri minn unitajiet domestiċi migranti jista’ jkollhom aktar diffikultajiet sabiex jappoġġaw lit-tfal tagħhom fl-apprendiment mill-bogħod meta ma jkunux kisbu l-ħakma tal-lingwa tal-iskola.

(81)

Unjoni ta’ Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni , COM/2020/620 final.

(82)

Skont id-djalogu Strutturali.

(83)

  Eukids Online 2020 .

(84)

  Is there a ladder of children’s online participation? Findings from three Global Kids Online countries , Dokumenti Informattivi ta’ Riċerka Innoċenti Nru 2019-02.

(85)

  L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal , COM/2021/142 final

(86)

  Guide on creating child-friendly versions of written documents .

(87)

Pereżempju: role models, prodotti u servizzi varji aċċessibbli għat-tfal b’diżabilità.

(88)

  Komunikazzjoni Konġunta “Il-Portal Globali” , JOIN/2021/30 final

(89)

Imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015, il- Forum tal-UE dwar l-Internet ilaqqa’ flimkien rappreżentanti minn kumpaniji tat-teknoloġija, mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni sabiex jindirizzaw l-użu ħażin tal-internet għal skopijiet terroristiċi u sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal.

(90)

  Il-paġna web ta’ Safer Internet Forum.

(91)

  Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2021

(92)

L-għodda eżistenti BIK map tal-Mappa tal-Politika dwar Internet Aħjar għat-Tfal se tiġi adattata għall-istrateġija BIK+.