EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012P/TXT

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal' l-Unjoni Ewropea

OJ C 326, 26.10.2012, p. 391–407 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 326, 26.10.2012, p. 391–407 (GA)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/char_2012/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/391


IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TAL-UNJONI EWROPEA

2012/C 326/02

PREAMBOLU

TITOLU I

IDINJITÀ

TITOLU II

LIBERTAJIET

TITOLU III

L-UGWALJANZA

TITOLU IV

SOLIDARJETÀ

TITOLU V

ĊITTADINANZA

TITOLU VI

ĠUSTIZZJA

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproklamaw b'mod solenni t-test li ġej bħala l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea:

IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-popli ta' l-Ewropa, bil-ħolqien bejniethom ta' unjoni dejjem iktar stretta, iddeċidew li jaqsmu bejniethom ġejjieni ta' paċi bbażat fuq valuri komuni.

Konxja tal-wirt spiritwali u morali tagħha, l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, ta' l-ugwaljanza u tas-solidarjetà; hi bbażata fuq il-prinċipji ta' demokrazija u l-istat tad-dritt. Hija tqiegħed il-persuna fil-qalba ta' l-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

L-Unjoni tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp ta' dawn il-valuri komuni filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tal-popli ta' l-Ewropa kif ukoll ta' l-identità nazzjonali ta' l-Istati Membri u ta' l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; hija tfittex li tippromwovi żvilupp bilanċjat u sostenibbli u tiżgura l-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapital, kif ukoll il-libertà ta' stabbiliment.

Għal dan l-għan, hu meħtieġ li tiġi msaħħa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, billi dawk id-drittijiet isiru iktar viżibbli f'Karta.

Din il-Karta tafferma mill-ġdid, fir-rispett tal-kompetenzi u l-kompiti ta' l-Unjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, id-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, mill-Karti Soċjali adottati mill-Unjoni u mill-Kunsill ta' l-Ewropa kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F'dan il-kuntest, il-Karta għandha tkun interpretata mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri b'kont debitu meħud ta' l-ispjegazzjonijiet imħejjija taħt l-awtorità tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta u aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea.

It-tgawdija ta' dawn id-drittijiet iġġib magħha responsabbiltajiet u dmirijiet kemm fir-rigward ta' ħaddieħor, kif ukoll fir-rigward tal-komunità tal-bnedmin u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Unjoni għaldaqstant tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji elenkati hawn taħt.

TITOLU I

DINJITÀ

Artikolu 1

Is-dinjità tal-bniedem

Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.

Artikolu 2

Id-dritt għall-ħajja

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja.

2.   Ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu.

Artikolu 3

Id-dritt għall-integrità tal-persuna

1.   Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta' l-integrità fiżika u mentali tagħha.

2.   Fl-oqsma tal-mediċina u tal-bijoloġija, dawn li ġejjin għandhom jiġu rispettati b'mod partikolari:

a)

il-kunsens liberu u infurmat tal-persuna kkonċernata, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi;

b)

il-projbizzjoni ta' prattiċi ewġeniċi, partikolarment dawk li jimmiraw għas-selezzjoni tal-persuni;

ċ)

il-projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;

d)

il-projbizzjoni tal-klonazzjoni riproduttiva tal-bnedmin.

Artikolu 4

Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti

Ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

Artikolu 5

Il-projbizzjoni ta' l-iskjavitù u tax-xogħol forzat

1.   Ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù.

2.   Ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju.

3.   It-traffikar tal-bnedmin huwa pprojbit.

TITOLU II

LIBERTAJIET

Artikolu 6

Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà

Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

Artikolu 7

Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

Artikolu 8

Il-protezzjoni tad-data personali

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2.   Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.   L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

Artikolu 9

Id-dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta' familja

Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta' familja huma ggarantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.

Artikolu 10

Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

2.   Id-dritt għall-oġgezzjoni ta' kuxjenza hu rikonoxxut, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 11

Il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

2.   Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.

Artikolu 12

Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha.

2.   Il-partiti politiċi fil-livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu 13

Il-libertà ta' l-arti u x-xjenzi

L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.

Artikolu 14

Id-dritt għall-edukazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.

2.   Dan id-dritt jinkludi l-possibbilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.

3.   Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta' tagħlim b'rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' din il-libertà u dan id-dritt.

Artikolu 15

Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol

1.   Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.

2.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru.

3.   Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu 16

Il-libertà ta' intrapriża

Il-libertà ta' intrapriża skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.

Artikolu 17

Id-dritt għall-proprjetà

1.   Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

2.   Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.

Artikolu 18

Id-dritt għall-asil

Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b'rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawn aktar 'il quddiem “it-Trattati”).

Artikolu 19

Il-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni

1.   It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.

2.   Ħadd ma jista' jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

TITOLU III

L-UGWALJANZA

Artikolu 20

L-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi

Kull persuna hija ugwali f'għajnejn il-liġi.

Artikolu 21

Non-diskriminazzjoni

1.   Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.

2.   Fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.

Artikolu 22

Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika

L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

Artikolu 23

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.

Artikolu 24

Id-drittijiet tat-tfal

1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.   Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.

Artikolu 25

Id-drittijiet ta' l-anzjani

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta' l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali.

Artikolu 26

L-Integrazzjoni tal-persuni diżabbli

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.

TITOLU IV

SOLIDARJETÀ

Artikolu 27

Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 28

Dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva

Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.

Artikolu 29

Id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ħlas.

Artikolu 30

Il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta

Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 31

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa

1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.

Artikolu 32

Il-projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż- żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol

L-impjieg tat-tfal huwa pprojbit. L-età minima għall-ammissjoni għal impjieg ma tistax tkun anqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu ta' l-iskola, bla preġudizzju għal regoli iktar favorevoli għaż-żgħażagħ u ħlief derogi limitati.

Iż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol skond l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku jew kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jista' jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.

Artikolu 33

Il-ħajja tal-familja u professjonali

1.   Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

2.   Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.

Artikolu 34

Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

1.   L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta' telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

2.   Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

3.   Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 35

Il-protezzjoni tas-saħħa

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Artikolu 36

L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni.

Artikolu 37

Protezzjoni ta' l-ambjent

Livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta' l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.

Artikolu 38

Protezzjoni tal-konsumatur

Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

TITOLU V

ĊITTADINANZA

Artikolu 39

Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

2.   Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b'vot dirett universali li hu liberu u sigriet.

Artikolu 40

Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu 41

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba

1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta' kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)

id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

3.   Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri.

4.   Kull persuna tista' tikteb lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni f'waħda mil-lingwi tat-Trattati u għandha tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

Artikolu 42

Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.

Artikolu 43

L-Ombudsman Ewropew

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Artikolu 44

Id-dritt ta' petizzjoni

Kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

Artikolu 45

Il-libertà ta' moviment u ta' residenza

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri.

2.   Il-libertà ta' moviment u ta' residenza tista' tingħata, skond it-Trattati, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta' Stat Membru.

Artikolu 46

Il-protezzjoni diplomatika u konsulari

Kull cittadin ta' l-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, igawdi mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

TITOLU VI

ĠUSTIZZJA

Artikolu 47

Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta' l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Artikolu 48

Il-preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għad-difiża

1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.

Artikolu 49

Il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni

1.   L-ebda persuna m'għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m'għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.

2.   Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-proċess u l-piena ta' persuna ħatja ta' att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, kien jew kienet reat skond il-prinċipji ġenerali rikonoxxuti mill-komunità tan-nazzjonijiet.

3.   Is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.

Artikolu 50

Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat

L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

Artikolu 51

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta' l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.

Artikolu 52

L-ambitu u l-interpretazzjoni ta' drittijiet u ta' prinċipji

1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.   Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta' l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

4.   Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b'atti leġislattivi u eżekuttivi meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, u b'atti ta' l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Ma jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta' l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta' dawn l-atti.

6.   Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f'din il-Karta.

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta' din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri.

Artikolu 53

Il-livell ta' protezzjoni

Xejn f'din il-Karta m'għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b'mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 54

Il-projbizzjoni ta' abbuż tad-dritt

L-ebda dispożizzjoni ta' din il-Karta m'għandha tiġi interpretata b'mod li timplika dritt li ssir attività jew isir xi att li hu intiż biex jeqred xi dritt jew libertà rikonoxxuti f'din il-Karta jew biex jillimitahom b'mod aktar estiż minn kif previst f'din il-Karta.

°

°°

It-test hawn fuq jadatta t-test tal-Karta proklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 u ser jibdilha mill-jum tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.


Top