Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0050

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/50 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jawtorizza estensjoni tal-użu u bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel il-ġdid “taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju” u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/284

ĠU L 23, 25.1.2021, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/50/oj

25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/7


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/50

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jawtorizza estensjoni tal-użu u bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel il-ġdid “taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju” u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1979 (3) awtorizza t-tqegħid fis-suq tat-taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) bħala ikel ġdid. Għalhekk, it-2’-FL/DFL iddaħħlet fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(4)

Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-kumpanija Glycom A/S (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi estiż l-użu u biex jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet tat-2’ FL/DFL f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talab li jiġi estiż l-użu tat-2’ FL/DFL f’xarbiet magħmula bil-ħalib u fi prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar f’livelli ta’ 1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkunsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur fl-użi awtorizzati. Barra minn hekk, l-applikant talab li tiġi prevista deskrizzjoni aktar ġenerika tal-proċess tal-produzzjoni tal-ikel il-ġdid, b’mod partikolari biex jitneħħa t-“tnixxif b’atomizzazzjoni” mid-deskrizzjoni tal-fażi finali tat-tnixxif fil-proċess tal-produzzjoni peress li jintużaw ukoll tekniki oħra, pereżempju, il-lijofilizzazzjoni; li jitneħħa t-terminu “amorfu” mid-deskrizzjoni tal-ikel il-ġdid fil-forma finali tiegħu peress li l-ikel il-ġdid huwa trab jew agglomerati, skont il-metodu ta’ tnixxif li jintuża; u, biex it-3-fukosillattożju, li hu wieħed mill-komponenti minuri tal-ikel il-ġdid, jiddaħħal mat-total tal-oligosakkaridi li minnhom huwa magħmul l-ikel il-ġdid, minflok ma jibqa’ inkluż mat-total tal-karboidrati minuri l-oħra fejn huwa elenkat bħalissa.

(5)

Il-bidliet mitluba fil-kundizzjonijiet tal-użu li jikkonċernaw l-estensjoni tal-użu tal-ikel il-ġdid f’xarbiet b’bażi ta’ ħalib u f’prodotti simili maħsuba għat-tfal żgħar, u fl-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw il-metodu tat-tnixxif u d-dehra tal-ikel il-ġdid, f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 kienu jagħmlu parti mill-applikazzjoni oriġinali għall-awtorizzazzjoni tat-2’-FL/DFL bħala ikel ġdid, li ġie vvalutat b’mod favorevoli mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of 2’ fucosyllactose/difucosyllactose mixture as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (4). Għaldaqstant il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemmx ħtieġa li l-Awtorità tintalab opinjoni oħra.

(6)

It-talba li t-3-fukosillattożju jiddaħħal fit-total tal-oligosakkaridi li minnhom huwa magħmul l-ikel il-ġdid minflok fit-total tal-karboidrati minuri l-oħra fejn huwa elenkat bħalissa, ma kinitx inkluża fl-applikazzjoni oriġinali li kienet ġiet ivvalutata b’mod favorevoli mill-Awtorità. Dik l-applikazzjoni kienet tagħmel referenza għall-potenzjal li d-DFL jiġi idrolizzat biex jipproduċi t-3-fukosillattożju, li nstabu livelli baxxi tiegħu. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fid-dawl tal-fatt li t-3-fukosillattożju jinsab fl-ikel il-ġdid biss f’livelli baxxi li huma inqas mil-livelli li jinsabu b’mod naturali fil-ħalib tal-bniedem, il-bidla fil-mod kif dan jiġi inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tat-2’-FL/DFL li ntalbet mhijiex mistennija li tbiddel l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ dan l-ikel il-ġdid awtorizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhijiex meħtieġa opinjoni oħra tal-Awtorità.

(7)

Għalhekk jixraq li tiġi emendata l-lista tal-kundizzjonijiet tal-użu u tal-ispeċifikazzjonijiet tat-taħlita 2’-FL/DFL tal-Unjoni biex jiġi awtorizzat l-użu tagħha f’xarbiet magħmula bil-ħalib u f’prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar b’livelli ta’ 1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkunsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, bl-użi awtorizzati; biex tiġi prevista deskrizzjoni ġenerika tal-proċess tal-produzzjoni għall-ikel il-ġdid, u biex jitneħħa t-“tnixxif b’atomizzazzjoni” mid-deskrizzjoni tal-aħħar pass tat-tnixxif fil-proċess tal-produzzjoni; biex jitneħħa t-terminu “amorfu” mid-deskirizzjoni tal-ikel il-ġdid, u biex jiddaħħal it-3-fukosillattożju fit-total tal-oligosakkaridi li minnhom hu magħmul l-ikel il-ġdid.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, li tirreferi għat-“taħlita ta’ 2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (‘2’-FL/DFL’)”, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1979 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tat-taħlita 2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 308, 29.11.2019, p. 62).

(4)   EFSA Journal 2019; 17(6):5717.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), jiżdiedu l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid “taħlita ta’ “2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) (sors mikrobjali)”: [OP, please insert in the MT version in the respective columns]:

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Xarbiet magħmula bil-ħalib u prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar

1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkonsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew biex jiġi rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur”

(2)

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), l-entrata għat-taħlita tat-2’-fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) (sors mikrobjali) tinbidel b’dan li ġej:

L-Ikel il-Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

Taħlita tat-2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”)

(sors mikrobjali)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

It-taħlita tat-2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju hija trab amorfu abjad jew abjad jagħti fl-isfar prodott bi proċess mikrobjali.

Sors: Ir-razza K-12 DH1 tal-Escherichia coli mmodifikata ġenetikament

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

Dehra: Trab abjad jew abjad jagħti fl-isfar jew agglomerati

Is-somma ta’ 2’-Fukosillattożju, Difukosillattożju, D-Lattożju, L-Fukożju, u 3-Fukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 92,0 % (piż skont il-piż)

Is-somma ta’ 2’-Fukosillattożju u Difukosillattożju (% tal-materja niexfa): ≥ 85,0 % (piż skont il-piż)

2’-Fukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 75,0 % (piż skont il-piż)

Difukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 5,0 % (piż skont il-piż)

D-Lattożju: ≤ 10,0 % (piż skont il-piż)

L-Fukosillattożju: ≤ 1,0 % (piż skont il-piż)

2′-Fukosil-D-lattulożju: ≤ 2,0 (piż skont il-piż)

Is-somma tal-karboidrati l-oħra (*1): ≤ 6,0 % (piż skont il-piż)

Indewwa: ≤ 6,0 % (piż skont il-piż)

Rmied, issulfat: ≤ 0,8 % (piż skont il-piż)

pH (20 °C, soluzzjoni ta’ 5 %): 4,0 sa -6,0

Proteini residwi: ≤ 0,01 % (piż skont il-piż)

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali ta’ aerobiċi meżofiliċi: ≤ 1000 CFU/g

Enterobacteriacae: ≤ 10 CFU/g

Salmonella sp.: Negattiv/25 g

Ħmira: ≤ 100 CFU/g

Moffa: ≤ 100 CFU/g

Endotossini residwi: ≤ 10 EU/mg

CFU: Unitajiet li Jiffurmaw il-Kolonji; EU: Unitajiet ta’ Endotossini


(*1)  2’-Fukosil-galattożju, Glukożju, Galattożju, Mannitol, Sorbitol, Galattitol, Trieżożju, Allo-lattożju u karboidrati oħra relatati strutturalment.”


Top