This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0738
2012/738/EU: Council Decision of 13 November 2012 on the conclusion, on behalf of the European Union, of the Food Assistance Convention
2012/738/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Novembru 2012 Dwar il-konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari
2012/738/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Novembru 2012 Dwar il-konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari
ĠU L 330, 30.11.2012, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
30.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Novembru 2012
Dwar il-konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari
(2012/738/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 214(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999 (1) (“FAC 1999”), li tiskadi fl-1 ta’ Lulju 2012. |
(2) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/511/UE (2), il-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fit-23 ta’ Lulju 2012, suġġett għall-konklużjoni tagħha. |
(3) |
Huwa fl-interess tal-Unjoni li tkun Parti għall-Konvenzjoni billi din tgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 214(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(4) |
Il-Konvenzjoni għandha tkun approvata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Konvenzjoni tal-Assistenza Alimentari (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-impenn annwali li għandu jsir għan-nom tal-Unjoni skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni u għandha tinforma b’dan lis-Segretarjat tal-Kumitat.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapporti annwali u tipparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni għan-nom tal-Unjoni skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna/persuni awtorizzata/awtorizzati li tipproċedi/jipproċedu, f’isem l-Unjoni Ewropea, bid-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 12 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Konvenzjoni (3).
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
V. SHIARLY
(1) ĠU L 222, 24.8.1999, p. 40.
(2) ĠU L 256, 22.9.2012, p. 3.
(3) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
TRADUZZJONI
KONVENZJONI DWAR L-GĦAJNUNA ALIMENTARI
PREAMBOLU
IL-PARTIJIET GĦALL-KONVENZJONI,
JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom għall-għanijiet li għadhom validi tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, 1999, biex jingħata kontribut għas-sigurtà alimentari fid-dinja u titjieb l-abilità tal-komunità internazzjonali biex tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza alimentari u bżonnijiet oħra alimentari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
BIL-GĦAN li jtejbu l-effikaċja, l-effiċjenza, u l-kwalità tal-għajnuna alimentari fil-preżervazzjoni tal-ħajjiet u t-tnaqqas tat-tbatija tal-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali, partikolarment fost il-Partijiet u l-partijiet interessati;
FILWAQT li jirrikonoxxu li popolazzjonijiet vulnerabbli għandhom ħtiġijiet alimentari u tan-nutrizzjoni partikolari;
FILWAQT li jaffermaw li l-Istati għandhom ir-responsabbiltà primarja tas-sigurtà alimentari nazzjonali tagħhom stess, u għaldaqstant għat-twettiq progressiv tad-dritt għal ikel adegwat kif stabbilit fil-Linja Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (l-FAO) għall-appoġġ tar-Realizzazzjoni Progressiva tad-Dritt għall-Alimentazzjoni Adegwata fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali adottati mill-Kunsill tal-FAO f’Novembru 2004;
FILWAQT li jinkoraġġixxu lill-gvernijiet ta’ pajjiżi li jbatu minn nuqqas ta’ sigurtà alimentari biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji li jkunu responsabbli għalihom huma stess u li jindirizzaw il-kawżi bażilari tan-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel permezz ta’ miżuri fit-tul, u li jiżguraw rabtiet xierqa bejn l-attivitajiet ta’ għajnuna, ta’ rkupru u ta’ żvilupp;
FILWAQT li jirreferu għal-liġi umanitarja internazzjonali u l-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza;
FILWAQT li jirreferu għall-Prinċipji u l-Prattika Tajba għad-Donaturi Umanitarji, approvati fi Stokkolma fis-17 ta’ Ġunju 2003;
FILWAQT li jirrikonoxxu li l-Partijiet għandhom il-politiki tagħhom stess relatati mal-għoti tal-għajnuna alimentari f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u f’dawk li mhumiex;
FILWAQT li jqisu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-Samit Mondjali tal-Ikel adottat f’Ruma fl-1996, kif ukoll il-Ħames Prinċipji ta’ Ruma għas-Sigurtà Alimentari Globali Sostenibbli identifikati fid-dikjarazzjoni tas-Samit Dinji dwar is-Sigurtà Alimentari tal-2009, b’mod partikolari l-impenn biex tinkiseb is-sigurtà alimentari fil-pajjiżi kollha u l-isforz li jinsab għaddej biex jitnaqqas il-faqar u jinqered il-ġuħ li kien imseddaq mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti;
FILWAQT li jqisu l-impenji magħmula minn pajjiżi donaturi u riċevituri biex itejbu l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp billi japplikaw il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) adottata fl-2005;
DETERMINATI li jaġixxu skont l-obbligi tagħhom tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari d-dixxiplini kollha tad-WTO dwar l-għajnuna alimentari;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għanijiet
L-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni huma li ssalva l-ħajjiet, tnaqqas il-ġuħ, ittejjeb is-sigurtà alimentari, u ttejjeb l-istatus nutrittiv tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli billi:
(a) |
tindirizza l-ħtiġijiet alimentari u tan-nutrizzjoni tal-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli permezz ta’ impenji magħmula mill-partijiet sabiex jipprovdu għajnuna alimentari li ttejjeb l-aċċess għal ikel adegwat, sikur u nutrittiv, u l-konsum tiegħu; |
(b) |
tiżgura li l-għajnuna alimentari li tingħata lill-iżjed popolazzjonijiet vulnerabbli tkun xierqa, fil-ħin, effettiva, effiċjenti, u bbażata fuq il-bżonnijiet u prinċipji komuni; kif ukoll |
(c) |
tiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, u tipprovdi forum għad-diskussjoni sabiex jittejjeb l-użu effettiv, effiċjenti, u koerenti tar-riżorsi tal-partijiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet. |
Artikolu 2
Prinċipji tal-Għajnuna Alimentari
Il-Partijiet, meta jipprovdu u jwasslu l-għajnuna alimentari lill-iżjed popolazzjonijiet vulnerabbli, dejjem għandhom jaderixxu mal-prinċipji li ġejjin:
(a) |
Prinċipji ġenerali tal-għajnuna alimentari:
|
(b) |
Prinċipji tal-effikaċja fl-għajnuna alimentari:
|
(c) |
Il-prinċipji dwar l-għoti ta’ għajnuna alimentari:
|
(d) |
Prinċipji tar-responsabbiltà tal-għajnuna alimentari:
|
Artikolu 3
Relazzjoni ma’ ftehimiet tad-WTO
Xejn f’din il-Konvenzjoni ma għandu jidderoga minn kwalunkwe obbligi eżistenti jew futuri tad-WTO applikabbli bejn il-Partijiet. F’każ ta’ kunflitt bejn dawn l-obbligi u din il-Konvenzjoni, għandhom jipprevalu tal-ewwel. Xejn f’din il-Konvenzjoni ma għandu jippreġudika l-pożizzjonijiet li Parti tista’ tadotta fi kwalunkwe negozjati fid-WTO.
Artikolu 4
Pajjiż Eliġibbli, Popolazzjonijiet Vulnerabbli Eliġibbli, Prodotti Eliġibbli, Attivitajiet Eliġibbli, u Spejjeż Assoċjati
1. “Pajjiż Eliġibbli” tfisser kwalunkwe pajjiż tal-lista ta’ Riċevituri tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-Kumitat tal-Assistenza għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, jew kwalunkwe pajjiż ieħor identifikat fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
2. “Popolazzjonijiet Vulnerabbli Eliġibbli” tfisser popolazzjonijiet vulnerabbli f’kull Pajjiż Eliġibbli.
3. “Prodotti Eliġibbli” tfisser prodotti għall-konsum tal-bniedem li jikkonformaw mal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tal-pajjiż tal-operazzjoni, inkluż, kif xieraq, standards internazzjonali applikabbli tas-sikurezza u l-kwalità fl-ikel kif ukoll prodotti li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet alimentari u jiġi mħares l-għajxien f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru bikri. Il-lista tal-prodotti eliġibbli hija pprovduta fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
4. Attivitajiet Eliġibbli għat-twettiq tal-impenn annwali minimu ta’ Parti skont l-Artikolu 5 għandhom ikunu konsistenti mal-Artikolu 1, u għandhom jinkludu mill-inqas l-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
il-forniment u d-distribuzzjoni ta’ Prodotti Eliġibli; |
(b) |
l-għoti ta’ flus u vawċers; kif ukoll |
(c) |
interventi nutrizzjonali. |
Dawn l-Attivitajiet Eliġibbli huma elaborati aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
5. L-Ispejjeż Assoċjati eliġibbli għat-twettiq tal-impenn annwali minimu ta’ Parti skont l-Artikolu 5 għandhom ikunu konsistenti mal-Artikolu 1, u għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż direttament marbutin mal-forniment ta’ Attivitajiet Eliġibbli, kif elaborat aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
Artikolu 5
Impenn
1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, kull Parti taqbel li tagħmel impenn annwali ta’ għajnuna alimentari, stabbilit skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha. L-impenn ta’ kull Parti huwa msejjaħ “l-impenn annwali minimu” tagħha.
2. L-impenn annwali minimu għandu jkun espress f’termini ta’ valur jew kwantità kif elaborat aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni. Parti tista’ tagħżel li tesprimi jew valur minimu jew kwantità minima, jew kombinazzjoni tat-tnejn għall-impenn tagħha.
3. L-impenji annwali minimi f’termini ta’ valur jistgħu jiġu espressi fil-munita magħżula mill-Parti. L-impenji annwali minimi f’termini tal-kwantità jistgħu jiġu espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ qamħ jew unitajiet ta’ kejl oħra pprovduti taħt ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
4. Kull Parti għandha tinnotifika lis-Segretarjat bl-impenn annwali minimu inizjali tagħha mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, jew fi żmien tliet xhur mill-adeżjoni tagħha ma’ dan il-Konvenzjoni.
5. Kull Parti għandha tinnotifika lis-Segretarjat b’kull tibdil fl-impenn annwali minimu tagħha għas-snin sussegwenti mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-bidla.
6. Is-segretarjat għandu jikkomunika l-impenji annwali minimi aġġornati lill-partijiet kollha mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ Jannar ta’ kull sena.
7. Kontribuzzjonijiet magħmula biex jintlaħqu l-impenji annwali minimi għandhom isiru għal kollox f’forma ta’ għotja kull meta possibbli. Fir-rigward tal-għajnuna alimentari magħduda mat-twettiq tal-impenn ta’ Parti, mhux inqas minn 80 fil-mija tal-għajnuna pprovduta lil Pajjiżi Eligibbli u Popolazzjonijiet Vulnerabbli Eliġibbli, kif elaborat aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni, għandhom isiru għal kollox f’forma ta’ għotja. Safejn hu possibbli, il-Partijiet għandhom ifittxu li progressivament jaqbżu dan il-perċentwal. Kontribuzzjonijiet li mhumiex magħmula għal kollox f’forma ta’ għotja għandu jingħata rendikont tagħhom fir-rapport annwali ta’ kull Parti.
8. Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jwettqu t-tranżazzjonijiet kollha ta’ għajnuna alimentari taħt din il-Konvenzjoni b’tali mod li tiġi evitata interferenza dannuża mal-proċessi normali tal-produzzjoni u l-kummerċ internazzjonali.
9. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-forniment tal-għajnuna alimentari ma jkunx marbut direttament jew indirettament, formalment jew informalment, espliċitament jew impliċitament, mal-esportazzjonijiet kummerċjali tal-prodotti agrikoli jew oġġetti u servizzi oħra lejn il-pajjiżi riċevituri.
10. Sabiex tissodisfa l-impenn annwali minimu tagħha, kemm jekk espress f’valur kif ukoll jekk espress fi kwantità, il-Parti għandha tagħmel kontribuzzjonijiet li huma konsistenti ma’ din il-Konvenzjoni u li jikkonsistu f’finanzjament għal Prodotti u Attivitajiet Eliġibbli, u Spejjeż Assoċjati, kif stipulat fl-Artikolu 4, u kif elaborat aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
11. Kontribuzzjonijiet provduti biex jintlaħaq l-impenn annwali minimu taħt din il-Konvenzjoni jistgħu biss jiġu diretti lejn Pajjiżi Eliġibbli jew Popolazzjonijiet Vulnerabbli Eliġibbli, kif stipulat fl-Artikolu 4 u kif elaborat aktar fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
12. Il-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet jistgħu jiġu pprovduti bilateralment, permezz ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi jew internazzjonali oħra, jew permezz ta’ msieħba oħra tal-għajnuna alimentari, iżda mhux permezz ta’ Partijiet oħra.
13. Kull Parti għandha tagħmel kull sforz biex tilħaq l-impenn annwali minimu tagħha. Jekk Parti ma tkunx kapaċi tilħaq l-impenn annwali minimu tagħha għal sena partikolari, għandha tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tan-nuqqas tagħha li tagħmel dan fir-rapport annwali tagħha għal dik is-sena. L-ammont mhux imwettaq għandu jiżdied mal-impenn annwali minimu tal-Parti għas-sena ta’ wara sakemm il-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 7 ma jiddeċidix mod ieħor, jew sakemm ċirkostanzi straordinarji ma jiġġustifikawx li dan ma jsirx.
14. Jekk il-kontribut ta’ Parti jaqbeż l-impenn annwali minimu tagħha, l-ammont tal-eċċess, iżda mhux aktar minn ħamsa fil-mija tal-impenn annwali minimu tagħha, jista’ jingħadd bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-Parti għas-sena ta’ wara.
Artikolu 6
Rappurtar Annwali u Qsim tal-Informazzjoni
1. Fi żmien disgħin jum wara t-tmiem tas-sena kalendarja, kull Parti għandha tipprovdi rapport annwali, skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni, lis-Segretarjat, bid-dettalji dwar kif tkun issodisfat l-impenn annwali minimu tagħha taħt din il-Konvenzjoni.
2. Dan ir-rapport annwali għandu jkollu komponent ta’ narrativa li jista’ jinkludi informazzjoni dwar kif il-politiki, programmi u operazzjonijiet tal-għajnuna alimentari tal-parti kkontribwixxew għall-objettivi u l-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni.
3. Il-Partijiet għandhom, fuq bażi regolari, jiskambjaw informazzjoni dwar il-politiki u l-programmi ta’ għajnuna alimentari tagħhom u r-riżultati tal-valutazzjonijiet tagħhom ta’ dawn il-politiki u l-programmi.
Artikolu 7
Kumitat għall-Għajnuna Alimentari
1. Kumitat għall-Għajnuna Alimentari (“il-Kumitat”), li jikkonsisti fil-Partijiet kollha għal din il-Konvenzjoni, huwa b’dan stabbilit.
2. Il-Kumitat għandu jieħu d-deċiżjonijiet fis-sessjonijiet formali tiegħu u jwettaq il-funzjonijiet li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni skont il-prinċipji u l-objettivi tal-Konvenzjoni.
3. Il-Kumitat għandu jadotta regoli li jirregolaw il-proċedimenti tiegħu; jista’ wkoll jadotta regoli li jelaboraw aktar id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni biex jiżgura li jkunu implimentati sew. Id-dokument FAC(11/12) 1 — 25 April 2012 tal-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari tal-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari 1999 għandu jservi bħala r-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni inizjali għal din il-Konvenzjoni. Il-Kumitat jista’ sussegwentement jiddeċiedi li jimmodifika dawk ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
4. Il-Kumitat għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens, li jfisser li l-ebda Parti ma topponi formalment id-deċiżjoni proposta tal-Kumitat dwar materja taħt diskussjoni f’sessjoni formali. L-oppożizzjoni formali tista’ sseħħ jew fis-sessjoni formali jew fi żmien tletin jum wara ċ-ċirkolazzjoni tal-minuti ta’ sessjoni formali li jirreġistraw id-deċiżjonijiet proposti kkonċernati.
5. Għal kull sena, is-Segretarjat għandu jipprepara rapport sommarju għall-Kumitat, li għandu jiġi mfassal, adottat u ppubblikat, skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
6. Il-Kumitat għandu jipprovdi forum għad-diskussjoni bejn il-Partijiet rigward il-kwistjonijiet tal-għajnuna alimentari, bħall-bżonn li jiġu mmobilizzati impenji ta’ riżorsi xierqa u fil-ħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet alimentari u tan-nutrizzjoni, speċjalment f’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ emerġenza u ta’ kriżi. Għandu jiffaċilita l-qsim u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-Partijiet interessati l-oħra, u għandu jikkonsulta magħhom u jirċievi informazzjoni mingħandhom sabiex jappoġġja d-diskussjonijiet tiegħu.
7. Kull Parti għandha tinnomina rappreżentant biex jirċievi notifiki u komunikazzjonijiet oħra mingħand is-Segretarjat.
Artikolu 8
President u Viċi President tal-Kumitat
1. Fl-aħħar sessjoni formali li ssir f’kull sena, il-Kumitat għandu jiddeċiedi fuq President u Viċipresident għas-sena ta’ wara.
2. Il-President għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:
(a) |
li japprova l-abbozz tal-aġenda għal kull sessjoni formali jew laqgħa informali; |
(b) |
li jippresjedi waqt is-sessjonijiet formali jew laqgħat informali; |
(c) |
li jiftaħ u jagħlaq kull sessjoni formali jew laqgħa informali; |
(d) |
li jissottometti l-abbozz tal-aġenda lill-Kumitat għall-adozzjoni fil-bidu ta’ kull sessjoni formali jew laqgħa informali; |
(e) |
li jmexxi d-diskussjonijiet u jiżgura li l-proċeduri speċifikati fir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni jiġu osservati; |
(f) |
li jistieden lill-Partijiet sabiex jitkellmu; |
(g) |
li jiddeċiedi dwar il-punti ta’ ordni, b’konformità mar-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni relevanti; kif ukoll |
(h) |
li jistaqsi mistoqsijiet u jħabbar deċiżjonijiet. |
3. Jekk il-President ikun nieqes minn sessjoni formali jew laqgħa informali sħiħa jew parti minnha, jew ikun jinsab temporanjament inkapaċi li jaqdi d-dmirijiet ta’ President, il-Viċi President għandu jaġixxi bħala President. Fin-nuqqas tal-President u l-Viċi President, il-Kumitat għandu jaħtar President temporanju.
4. Jekk, għal xi raġuni, il-President ma jkunx jista’ jkompli jwettaq id-dmirijiet ta’ President, il-Viċi President għandu jsir President sa tmiem is-sena.
Artikolu 9
Sessjonijiet Formali u Laqgħat Informali
1. Il-Kumitat għandu jorganizza sessjonijiet formali u laqgħat informali skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
2. Il-Kumitat għandu jorganizza għall-inqas sessjoni formali waħda fis-sena.
3. Il-Kumitat għandu jorganizza sessjonijiet formali u laqgħat informali addizzjonali fuq talba tal-President jew fuq talba ta’ mill-inqas tlieta mill-Partijiet.
4. Il-Kumitat jista’ jistieden osservaturi u Partijiet interessati relevanti li jkunu jixtiequ jiddiskutu materji partikolari relatati mal-għajnuna alimentari biex jattendu s-sessjonijiet formali jew laqgħat informali tiegħu skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
5. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f’post determinat skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
6. L-aġenda għal sessjonijiet formali u laqgħat informali għandha tiġi żviluppata skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni.
7. Il-minuti ta’ sessjoni formali, li għandhom jinkludu kull deċiżjoni proposta tal-Kumitat, għandhom jiġu ċċirkolati sa tletin jum wara s-sessjoni formali.
Artikolu 10
Segretarjat
1. Il-Kumitat għandu jinnomina Segretarjat u jitlob is-servizzi tiegħu, skont ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni. Il-Kumitat għandu jitlob mingħand il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali (KIĊ) li s-segretarjat tiegħu jaġixxi bħala s-segretarjat inizjali għall-Kumitat.
2. Is-Segretarjat għandu jwettaq id-dmirijiet li huma stipulati f’din il-Konvenzjoni u r-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni, iwettaq id-dmirijiet amministrattivi kollha, inkluż l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ dokumenti u rapporti, u jwettaq funzjonijiet oħra identifikati mill-Kumitat.
Artikolu 11
Riżoluzzjoni tat-Tilwim
Il-Kumitat għandu jfittex li jirrisolvi kwalunkwe kwistjoni bejn il-Partijiet li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew ir-Regoli tal-Proċedura u l-Implimentazzjoni, inkluż kwalunkwe pretensjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.
Artikolu 12
Firma u Ratifika, Aċċettazzjoni jew Approvazzjoni
Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firma mill-Arġentina, l-Awstralja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Isvezja, il-Konfederazzjoni Svizzera, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Uniti tal-Amerika, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mill-11 ta’ Ġunju 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012. Din il-Konvenzjoni għandha tkun soġġetta għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni minn kull wieħed mill-Firmatarji. L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depożitarju.
Artikolu 13
Adeżjoni
1. Kwalunkwe Stat elenkat fl-Artikolu 12 li ma jkunx iffirma din il-Konvenzjoni sa tmiem il-perjodu għall-iffirmar, jew l-Unjoni Ewropea jekk ma tkunx iffirmat sa dak iż-żmien, jista’ jaderixxi għaliha fi kwalunkwe żmien wara dak il-perjodu. L-istrumenti tal-adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depożitarju.
2. Ladarba din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ skont l-Artikolu 15, hija għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat li mhux imsemmi fl-Artikolu 12 jew minn Territorji Separati tad-Dwana li jippossjedu l-awtonomija sħiħa fil-kondotta tar-relazzjonijiet kummerċjali esterni tagħhom li jitqiesu eliġibbli b’deċiżjoni tal-Kumitat. L-istrumenti tal-adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depożitarju.
Artikolu 14
Notifika tal-Applikazzjoni Provviżorja
Kull Stat imsemmi fl-Artikolu 12, jew l-Unjoni Ewropea, li bi ħsiebu jirratifika, jaċċetta, jew japprova din il-Konvenzjoni jew jaċċedi għaliha, jew kwalunkwe Stat jew Territorju Doganali Separat meqjus eliġibbli taħt l-Artikolu 13(2) għall-adeżjoni b’deċiżjoni tal-Kumitat iżda li ma jkunx għadu ddepożita l-istrument tiegħu, jista’ fi kwalunkwe żmien jiddepożita notifika tal-applikazzjoni provviżorja ta’ din il-Konvenzjoni mad-Depożitarju. Il-Konvenzjoni għandha tapplika provviżorjament għal dak l-Istat, Territorju Doganali Separat, jew l-Unjoni Ewropea mid-data tad-depożitu tan-notifika tagħhom.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar l-1 ta’ Jannar 2013 jekk sat-30 ta’ Novembru 2012 ħames Firmatarji jkunu ddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.
2. Jekk din il-Konvenzjoni ma tidħolx fis-seħħ skont il-paragrafu 1, il-Firmatarji ta’ din il-Konvenzjoni li jkunu ddepożitaw l-istrumenti tan-notifka, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, u l-Istati jew l-Unjoni Ewropea li jkunu ddepożitaw strumenti ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 13(1) jistgħu jiddeċiedu b’kunsens unanimu li hija għandha tidħol fis-seħħ bejniethom.
3. Għal kull Stat jew Territorju Doganali Separat, jew l-Unjoni Ewropea, li jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni wara li l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, jew adeżjoni tagħhom.
Artikolu 16
Proċedura ta’ Valutazzjoni u Emenda
1. Fi kwalunkwe żmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, Parti tista’ tipproponi valutazzjoni tar-relevanza ta’ din il-Konvenzjoni jew tipproponi emendi għaliha. Kwalunkwe emendi proposti għandhom jiġu ċċirkolati mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha mill-inqas sitt xhur bil-quddiem u diskussi fis-sessjoni formali li jkun imiss tal-Kumitat wara t-tmiem tal-perjodu tal-avviż.
2. Proposti għal emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom ikunu adottati b’deċiżjoni tal-Kumitat. Is-Segretarjat għandu jikkomunika lill-Partijiet kollha, u lid-Depożitarju, kwalunkwe proposta għal emenda adottata mill-Kumitat. Id-Depożitarju għandu jqassam kwalunkwe emenda adottata lill-Partijiet kollha.
3. In-notifika ta’ aċċettazzjoni ta’ emenda għandha tintbagħat lid-Depożitarju. Emenda adottata għandha tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet li jkunu bagħtu dik in-notifika, disgħin jum wara d-data li fiha d-Depożitarju jkun irċieva tali notifiki minn mhux inqas minn erba’ minn ħamsa mill-għadd ta’ Partijiet għal din il-Konvenzjoni fid-data tal-adozzjoni tal-emenda proposta mill-Kumitat. Tali emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra disgħin jum wara li dik il-Parti tiddepożita n-notifika tagħha mad-Depożitarju. Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li għandu jintuża limitu minimu differenti għan-numru ta’ notifiki meħtieġa biex jiskatta d-dħul fis-seħħ ta’ emenda speċifika. Is-segretarjat għandu jikkomunika din id-deċiżjoni lill-Partijiet kollha u lid-Depożitarju.
Artikolu 17
Irtirar u Terminazzjoni
1. Kull Parti tista’ tirtira minn din il-Konvenzjoni fl-aħħar ta’ kull sena billi tagħti avviż bil-miktub tal-irtirar lid-Depożitarju u lill-Kumitat mill-inqas disgħin ġurnata qabel it-tmiem ta’ dik is-sena. Dik il-Parti ma tkunx meħlusa mill-impenn annwali minimu tagħha jew l-obbligi tar-rappurtar stipulati minn din il-Konvenzjoni, waqt li kienet Parti, li ma tkunx wettqet sa tmiem dik is-sena.
2. Fi kwalunkwe żmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, Parti tista’ tipproponi t-tmiem ta’ din il-Konvenzjoni. Tali proposti għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lis-Segretarjat u għandhom jiġu ċċirkolati minnu lill-Partijiet kollha mill-inqas sitt xhur qabel jiġu kkunsidrati mill-Kumitat.
Artikolu 18
Depożitarju
1. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa maħtur bħala d-Depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Id-Depożitarju għandu jirċievi avviż ta’ kull firma, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, notifika ta’ applikazzjoni provviżorja ta’, u l-adeżjoni ma’, din il-Konvenzjoni, u jinnotifika lill-Partijiet u lill-Firmatarji b’dawn l-avviżi.
Artikolu 19
Testi awtentiċi
L-oriġinali ta’ din il-Konvenzjoni, li t-testi tagħha bl-Ingliż u bil-Franċiż huma awtentiċi ndaqs, għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
B’XHIEDA TA’ DAN is-sottoskritti, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw din il-Konvenzjoni.
Magħmul f’Londra, il-25 ta’ April 2012.