Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0579

    Regolament (UE) Nru 579/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill- 1 ta’ Jannar 2010 sat- 30 ta’ Ġunju 2011

    ĠU L 165, 24.6.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/08/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R1241

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/579/oj

    24.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 579/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Ġunju 2011

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 (3) jipprovdi għall-kontinwazzjoni ta’ miżuri tekniċi temporanji li qabel kienu koperti mill-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 (4), u b'hekk jippermetti li dawk il-miżuri jkomplu japplikaw sal-adozzjoni tal-miżuri permanenti.

    (2)

    Fid-dawl tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li għandha titwettaq dalwaqt, u r-rilevanza tagħha għall-kontenut u l-ambitu tal-miżuri tekniċi permanenti, huwa xieraq li l-adozzjoni ta’ tali miżuri tiġi posposta sakemm ikun implimentat qafas leġislattiv ġdid.

    (3)

    Sabiex tinżamm konservazzjoni u ġestjoni korretti tar-riżorsi tal-baħar, u billi jista' jiġi mistenni li se japplika qafas leġislattiv ġdid mill-1 ta’ Jannar 2013, il-miżuri tekniċi li huma fis-seħħ bħalissa għandhom jibqgħu japplikaw sa dik id-data.

    (4)

    Konsegwentement, minħabba li l-miżuri tekniċi kontemporanji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1288/2009 ser jiefqu japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2011, dak ir-Regolament għandu jiġi emendat sabiex il-validità tagħhom tiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    (5)

    Il-kwoti tas-sajd għall-pixxitrombetta (Caproidae) ġew stabbiliti għall-ewwel darba skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 (5). Hu għaldaqstant xieraq li jiġi ċċarat li l-pixxitrombetta tista' tiġi mmirata permezz ta’ xbieki tat-tkaxkir b'daqs tal-malja li jvarja minn 32 sa 54 millimetru. Konsegwentement, l-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (6) għandhom jiġu emendati kif xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Anness I, fit-tabella, tiddaħħal il-partita:

    “Pixxitrombetta (Caproidae)”, b'daqs tal-malja li jvarja minn 32 sa 54 millimetru u b'perċentwal minimu tal-ispeċi fil-mira ta’ 90/60.

    2.

    Fl-Anness II, fit-tabella, tiddaħħal il-partita:

    “Pixxitrombetta (Caproidae)” b'daqs tal-malja li jvarja minn 32 sa 54 millimetru u b'perċentwal minimu tal-ispeċi fil-mira ta’ 90 %.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 1288/2009 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-kliem “it-30 ta’ Ġunju 2011” huma sostitwiti bil-kliem “il-31 ta’ Diċembru 2012”.

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

    fil-punt (i) il-kliem “il-punt 6.8, it-tieni paragrafu” jitħassru;

    fil-punt (ii), il-kliem “mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011” huma sostitwiti bil-kliem “mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012”;

    fil-punt (iv), il-kliem “it-30 ta’ Ġunju 2011” huma sostitwiti bil-kliem “il-31 ta’ Diċembru 2012”;

    fil-punt (v), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu rapport preliminari lill-Kummissjoni dwar l-ammont totali ta’ qabdiet u rimi ta’ bastimenti soġġetti għall-programm tal-osservaturi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena li fiha jiġi implimentat il-programm. Ir-rapport finali tas-sena kalendarja kkonċernata għandu jiġi mibgħut sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Frar tas-sena kalendarja li tiġi wara.”;

    jiżdied il-punt (vi) li ġej:

    “(vi)

    il-punt 6.8, it-tieni paragrafu, huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu r-riżultati tal-provi u tal-esperimenti lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena li fiha dawn ikunu twettqu.’ ”;

    (ii)

    fil-punt (e), il-kliem “kemm fis-sena 2010 kif ukoll f'dik tal-2011” jitħassru;

    (iii)

    fil-punt (h) is-sena “2010” titħassar.

    2.

    Fl-Artikolu 2 il-kliem “it-30 ta’ Ġunju 2011” huma sostitwiti bil-kliem “il-31 ta’ Diċembru 2012”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    GYŐRI E.


    (1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 47.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2011.

    (3)  ĠU L 347, 24.12.2009, p. 6.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 tas-16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid (ĠU L 22, 26.1.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 tat-18 ta’ Jannar 2011 li jiffissa għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE (ĠU L 24, 27.1.2011, p. 1).

    (6)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.


    Top