Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0732

Kawża T-732/21: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2021 – Asociación de Elaboradores de Cava de Requena vs Il-Kummissjoni

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/44


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2021 – Asociación de Elaboradores de Cava de Requena vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-732/21)

(2022/C 37/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Asociación de Elaboradores de Cava de Requena (Requena, Spanja) (rappreżentant: G. Guillem Carrau, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-“Cava”, PDO-ES-A0735-AM10 (1), ippubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (2).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit essenzjali tal-proċedura fl-eżami tal-fajl tal-emenda li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, sa fejn ġie ammess li l-emenda hija s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tar-Renju ta’ Spanja u sa fejn il-proċedura ma ġietx sospiża, peress li dan imur kontra l-ġurisprudenza fis-seħħ fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt relatat mal-applikazzjoni tat-Trattati, għar-raġunijiet li ġejjin: sa fejn din ġiet ipproċessata bħala emenda standard, filwaqt li din hija modifika fost dawk identifikati bħala “tal-Unjoni” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(c) u (d) u d-dispożizzjonijiet relatati (Artikoli 15, 17 u 55, fost l-oħrajn) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni(UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/34 (3) tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, ir-reġistru ta’ ismijiet protetti, it-tħassir tal-protezzjoni u l-użu ta’ simboli, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward sistema xierqa ta’ kontrolli; sa fejn tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ verità, fil-qasam tal-ittikkettjar mhux obbligatorju, li jirriżulta mill-eżiġenża li l-unità ġeografika iżgħar tkun tikkoinċidi maż-żona amministrattiva ta’ Requena u kontra d-dritt tal-konsumatur li jkun jista’ jidentifika l-oriġini tiegħu (Artikolu 120 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u l-Artikolu 55(1) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018); sa fejn tmur kontra d-drittijiet miksuba mill-produtturi tal-assoċjazzjoni matul madwar 40 sena ta’ użu kontinwu tal-isem CAVA DE REQUENA u kontra l-leġiżlazzjoni li tipproteġi dawn id-drittijiet (sentenza tat-Tribunal Supremo del Reino de España [il-Qorti Suprema tar-Renju ta’ Spanja] Nru 1893/1989 u digriet ta’ eżekuzzjoni tal-1991) u tmur kontra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018, li l-Artikolu 40 tiegħu, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew, jimponi l-obbligu li fuq it-tiketta tissemma l-oriġini, sa fejn ma huwiex possibbli li jiġi indikat biss, kif allegat, il-kodiċi postali; sa fejn tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-produtturi l-oħra ta’ CAVA li effettivament għandhom unità ġeografika iżgħar u li għandhom il-possibbiltà li jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodott lill-konsumatur; sa fejn tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-aċċess għas-suq fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 34 et seq TFUE) u tippermetti l-effett kumulattivi tad-domanda fis-suq tal-CAVA, sitwazzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE.


(1)  ĠU 2021, C 369, p. 2.

(2)  ĠU 2019, L 9, p. 2, bir-rettifika fil-ĠU 2019, L 269, p. 13.

(3)  ĠU 2019, L 9, p. 46.

(4)  ĠU 2013, L 347, p. 671, bir-rettifika fil-ĠU 2020, L 1, p. 5.


Top