EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0627(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-Ungerija

ST/9760/2018/INIT

ĠU C 223, 27.6.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 2018

bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-Ungerija

(2018/C 223/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi sodi fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tikseb aġġustament fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2017 sakemm l-objettiv baġitarju fit-terminu medju ma jintlaħaqx bi sforz inferjuri (2).

(4)

Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni u tad-data dwar ir-riżultati tal-2017 ivvalidata mill-Eurostat, iż-żieda fin-nefqa pubblika, nett minn miżuri diskrezzjonali rigward id-dħul u minn miżuri ta’ darba, kienet sew ogħla mill-parametru referenzjarju applikabbli tan-nefqa fl-2017, li jindika devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament strutturali meħtieġ (jiġifieri devjazzjoni ta’ 2,4 % tal-PDG). Fl-2017, minn pożizzjoni ta’ –1,8 % tal-PDG potenzjali fl-2016, il-bilanċ strutturali ddeterjora għal –3,1 % tal-PDG, li wkoll jindika devjazzjoni sinifikanti (jiġifieri devjazzjoni ta’ 1,4 % tal-PDG). Il-valutazzjoni globali indikat li l-parametru referenzjarju għan-nefqa kien milqut negattivament minn tliet elementi, jiġifieri rata ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju baxxa wisq, deflattur tal-PDG li hu l-bażi tal-parametru referenzjarju tan-nefqa baxx wisq, kif ukoll effett permanenti fuq id-dħul. Meta jiġi kkoreġut għal dawn il-fatturi, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jidher li kien jirrifletti b’mod adegwat l-isforz fiskali u jindika devjazzjoni sinifikanti. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-valutazzjoni tal-pilastru tal-bilanċ strutturali, li, wara li jittieħed kont tal-impatti tat-tnaqqis fin-nefqa għall-imgħax, il-volatilità tal-investimenti u dħul eċċezzjonali, xorta waħda tindika devjazzjoni sinifikanti. Il-valutazzjoni globali għalhekk twassal għall-konklużjoni li d-devjazzjoni osservata mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2017 hija sinifikanti.

(5)

Fit-23 ta’ Mejju 2018, wara valutazzjoni globali, il-Kummissjoni kkunsidrat li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju u ħarġet twissija lill-Ungerija f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(6)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija, il-Kunsill għandu jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu l-miżuri ta’ politika neċessarji. Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li r-rakkomandazzjoni tistabbilixxi skandenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur sa meta l-Istat Membru għandu jindirizza d-devjazzjoni. Fuq dik il-bażi, skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2018 sa meta l-Ungerija għandha tindirizza d-devjazzjoni tidher xierqa. Sa dik l-iskadenza, jenħtieġ li l-Ungerija tirraporta dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

Il-bilanċ strutturali tal-Ungerija fl-2017 huwa stmat li kien imbiegħed b’1,6 % tal-PDG mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju tagħha ta’ defiċit strutturali ta’ –1,5 % tal-PDG. Abbażi tal-projezzjonijiet tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni rigward id-diverġenza bejn il-produzzjoni effettiva u dik potenzjali, l-Ungerija għaddejja minn żminijiet ekonomiċi tajbin fl-2018. Id-dejn pubbliku tal-Ungerija bħala proporzjon tal-PDG huwa ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-PDG. L-isforz strutturali minimu meħtieġ preskritt mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u mill-matriċi ta’ aġġustamenti maqbula b’mod komuni taħt il-PST, li tieħu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u tal-problemi dwar is-sostenibbiltà, jammonta għal mill-inqas 1 % tal-PDG fl-2018. Il-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni tipprojetta deterjorament ulterjuri tal-bilanċ strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2018. Għalhekk, biex jinkiseb titjib strutturali ta’ minimu ta’ 1 % tal-PDG fl-2018 ikun hemm bżonn li jiġu adottati miżuri li jirriżultaw f’rendiment totali ta’ 1,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-bażi ta’ referenza attwali fil-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni. Minħabba l-ammont sinifikanti tal-isforz ta’ konsolidazzjoni strutturali meħtieġ li jirriżulta mir-rekwiżit ta’ aġġustament minimu, huwa xieraq li ma jkun meħtieġ ebda aġġustament addizzjonali apparti r-rekwiżit minimu ta’ 1 % tal-PDG.

(8)

Ir-rekwiżit ta’ titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 1 % tal-PDG fl-2018 huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta li ma tkunx ogħla minn 2,8 % fl-2018.

(9)

Huwa xieraq li din ir-Rakkomandazzjoni ssir pubblika.

(10)

Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li l-Ungerija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri meħtieġa u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tan-nefqa kurrenti,

B’DAN JIRRAKOMANDA LI L-UNGERIJA:

(1)

tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li fl-2018 ir-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkunx ogħla minn 2,8 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG, u b’dan il-mod l-Istat Membru jitqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju;

(2)

tuża kull dħul eċċezzjonali għat-tnaqqis tad-defiċit; jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarji jiggarantixxu titjib permanenti fil-bilanċ strutturali pubbliku b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir;

(3)

tirrapporta lill-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni; jenħtieġ li r-rapport jipprovdi miżuri li jkunu dettaljati biżżejjed u mħabbra b’mod kredibbli, inkluż l-impatt baġitarju ta’ kull waħda minnhom, kif ukoll projezzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2018.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2016 tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2016 tal-Ungerija (ĠU C 299, 18.8.2016, p. 49).


Top