EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0210(02)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-disinn tal-wiċċ komuni tal-muniti tal-euro

ĠU C 41, 10.2.2011, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 41/4


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-disinn tal-wiċċ komuni tal-muniti tal-euro

2011/C 41/03

INTRODUZZJONI

Fir-rebbiegħa 1996 l-Istati Membri ddeċiedew li l-muniti tal-euro intezjonati għaċ-ċirkulazzjoni kellhom ikollhom wiċċ komuni u wiċċ nazzjonali u taw mandat lill-Kummissjoni biex torganizza kompetizzjoni fil-livell Ewropew biex jintgħażel id-disinn għall-wiċċ komuni tal-muniti tal-euro. Id-desinni rebbieħa tal-kompetizzjoni tad-desinn għall-muniti Ewropej intgħażlu mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern f'Ġunju 1997. Il-muniti tal-euro għaċ-ċirkulazzjoni jinkludu tmiem denominazzjonijiet: 1, 2, 5, 10, 20, 50 ċenteżmu u euro u żewġ euro.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro (1) fl-1 ta' Jannar 2002 ġew introdotti muniti ddenominati fl-euro.

Id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkolazzjoni huma ddefiniti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 (2).

Fis-7 ta’ Ġunju 2005 il-Kunsill ikkonkluda li l-uċuħ komuni tal-muniti tal-10, l-20 u l-50 ċenteżmu u tal-muniti tal-euro u taż-żewġ euro, li kienu jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea qabel ma kibret minn 15 għal 25 Stat Membru fl-2004, għandhom jiġu mmodifikati ħalli fil-futur ikunu rrapreżentati l-Istat Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. L-uċuħ komuni tal-muniti bl-iċken denominazzjoni (ċenteżmu, żewġ ċenteżmi u ħames ċenteżmi) ma ġewx immodifikati peress li jirrappreżentaw l-Ewropa fid-dinja u ma ġewx effettwati mit-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

L-uċuħ komuni ġodda bdew jiddaħħlu gradwalment mill-2007 u l-muniti tal-euro kollha intenzjonati għaċ-ċirkolazzjoni bil-marka tas-sena 2008 u aktar tard juru l-uċuħ komuni ġodda.

Id-drittijiet tal-awtur tad-desinni tal-uċuħ l-antiki kif ukoll tal-ġodda ġew ittrasferiti lill-Kummissjoni mill-artist tad-desinn rebbieħ tal-kompetizzjoni tad-desinn tal-muniti Ewropej, li ntgħażel mill-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern f'Ġunju 1997.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2001 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-desinni tal-uċuħ komuni tal-muniti tal-euro (3) elenkat l-arranġamenti li kienu ġew stabbiliti għall-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u r-reġim applikabbli għar-riproduzzjoni tad-desinni tal-uċuħ komuni.

B'segwitu tat-tkabbir taż-żona euro wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni u l-għoti tad-drittijiet tal-awtur tal-uċuħ komuni lill-Istati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi aġġornat l-Anness għall-Komunkazzjoni bl-ismijiet tal-awtoritajiet maħtura fl-Istati Membri li sadattant adottaw l-euro (is-Slovenja fl-2007, Ċipru u Malta fl-2008, is-Slovakkja fl-2009 u l-Estonja fl-2011). Barra minn dan, fil-ħarifa tal-2009 il-Grupp ta' Ħidma tad-Diretturi taz-Zekki u s-Sottokumitat tal-Muniti tal-euro ġew ikkonsultati dwar il-funzjonament tar-reġim tar-riproduzzjoni u l-infurzar u kkonkludew li r-reġim attwali kien qiegħed jaħdem sew u ma għandux għalfejn jinbidel. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tissostitwixxi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novemebru 2001 msemmija qabel dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni tal-uċuħ komuni tal-muniti tal-euro. Apparti mill-bidliet editorjali, l-uniċi modifikazzjonijiet meta mqabbla mal-Komunikazzjoni tal-2001 huma l-aġġornamenti fil-premessi, il-klawżola tar-reviżjoni u l-Anness.

1.   Detentur tad-drittijiet tal-awtur

Id-drittijiet tal-awtur tad-disinn tal-wiċċ komuni tal-muniti tal-euro huma tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tat lil kull Stat Membru li adotta l-euro d-drittijiet kollha tal-Unjoni fir-rigward tat-territorju ta' dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni ser tagħti d-drittijiet tal-awtur lill-Istati Membri l-oħra la darba jadottaw l-euro.

2.   Reġim ta' riproduzzjoni

Ir-reġim komuni ta' riproduzzjoni li ġej ser jiġi applikat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri parteċipanti, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 974/98, fir-rigward tat-territorju tagħhom. Riproduzzjoni tad-disinn tal-wiċċ komuni kollu tal-muniti tal-euro jew parti minnu huwa awtorizzat mingħajr rikors għal xi proċedura speċifika fil-każijiet li ġejjin:

għal ritratti, tpenġijiet, pitturi, films, immaġnijiet u ġeneralament għal riproduzzjonijiet f'forma ċatta (mingħajr riljiev) sakemm dawn ikunu leali fix-xebħ u jintużaw b'modi li ma jagħmlux ħsara jew iwaqqgħu l-immaġni tal-euro;

għal riproduzzjoni b'riljiev fuq oġġetti li mhumiex muniti, medalji u towkins jew kwalunkwe oġġett ieħor li jista' jiġi konfuż ma' munita;

għar-riproduzzjoni ta' towkins magħmulin minn materjal artab jew magħmulin mill-plastik sakemm id-daqs ikun tal-anqas 5 0% akbar jew iżgħar mill-muniti ta' vera.

Qiegħed jiġi mfakkar li riproduzzjoni fuq medalji u towkins tal-metal jew kwalunkwe oġġett ieħor magħmul mill-metal li jista' jiġi konfuż ma' munita mhuwiex awtorizzat, kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 (4).

Kwalunkwe riproduzzjoni oħra tad-disinn tal-wiċċ komuni tal-muniti tal-euro, kollu jew parti minnu, għandu jiġi espressament awtorizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-każ ta' Stati Membri mhux parteċipi u pajjiżi terzi, u mill-awtorità maħtura tal-Istat Membru fejn id-drittijiet tal-awtur ikunu ġew assenjati fil-każ ta' Stat Membru parteċipi (il-lista tal-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri hija mehmuża bħala Anness).

Ir-rikjesti għal awtorizzazzjoni indirizzati lill-Kummissjoni Ewropea għandhom jintbagħtu lid-Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

3.   Infurzar

L-infurzar tad-drittijiet tal-awtur se jiġi żgurat fit-territorju tagħhom mill-Istati Membri parteċipi stess skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u f'konformità mar-reġim ta' riproduzzjoni stipulat hawn fuq. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tinforza d-drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri mhux parteċipi u fil-pajjiżi terzi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Jekk il-Kummissjoni, jew l-entitajiet nazzjonali li ngħatawlhom id-drittijiet tal-awtur isiru jafu li saret xi riproduzzjoni mhux awtorizzata fit-territorju rilevanti, huma se jieħdu azzjoni immedjata biex jiżguraw li din ir-riproduzzjoni tieqaf jew tiġi rtirata. Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri (fil-każ tal-Istati Membri parteċipi) jistgħu jiddeċiedu li jibdew proċeduri ċivili jew kriminali kontra l-persuna responsabbli mir-riproduzzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tinforza d-drittijiet tal-awtur b'koordinazzjoni mal-Istati Membri. Għal dak il-għan l-Istat Membri huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni li jieħdu biex jinfurzaw id-drittijiet tal-awtur u dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tar-riproduzzjoni.

4.   Reviżjoni tal-arranġamenti preżenti

Fil-futur il-Kummissjoni tista' tiddeciedi li tirrevedi l-implimentazzjoni tar-regoli deskritti hawn fuq bil-ħsieb li tadatta l-arranġamenti preżenti skont l-esperjenza miksuba.


(1)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.

(3)  ĠU C 318, 13.11.2001, p. 3.

(4)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1.


ANNESS

Lista tal-awtoritajiet maħtura msemmija fil-punt 2 tal-Kommunikazzjoni

IL-BELĠJU

:

Ministère des Finances, Administration de la Trésorerie/Federale Overheidsdienst Financiën, Administratie van de thesaurie/Föderaler öffentlicher Dienst Finanzen, Schatzamt) (Ministeru tal-Finanzi, Amministrazzjoni tat-Teżor)

IL-ĠERMANJA

:

Bundesministerium der Finanzen (Ministeru Federali tal-Finanzi)

L-ESTONJA

:

Eesti Pank (il-Bank tal-Estonja)

L-IRLANDA

:

Ministru tal-Finanzi

IL-GREĊJA

:

Υπουργείο Οικονομίασ και Οικονομικών — Γενικό Λογιστήριο του Κράτουσ — δ25 Διεύθυνση Κινησησ Κεφαλαίων, Εγγυησεων Δανειων και Αξιων (Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi – Uffiċċju tal-Kontabbiltà Ġenerali tal-Istat – il-25 Direttorat tat-Trasferiment tal-Kapital, garanziji tas-Self u t-Titoli)

SPANJA

:

Dirección General del Tesoro y Política Financiera (Direttorat-Ġenerali tat-Teżor u l-Politika Finanzjarja)

FRANZA

:

Ministère de l’économie, des finances et de l’industrie: Direction Générale du Trésor (Ministeru tal-Ekonomija, il-finanzi u l-industrija: Direttorat Ġenerali tat-Teżor)

L-ITALJA

:

Ministero dell'economia e delle finanze, (Ministeru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji)

ĊIPRU

:

Il-Bank Ċentrali ta' Ċipru

Il-LUSSEMBURGU

:

Ministère des Finances — Service de la Trésorerie (Ministeru tal-Finanzi id-Dipartiment tat-Teżor)

MALTA

:

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

:

Ministerie van Financiën — Direktie Binnenlands Geldwezen (Ministeru tal-Finanzi – Direttorat Monetarju u tal-Affarijiet Finanzjarji Domestiċi)

L-AWSTRIJA

:

Münze Österreich AG (iz-Zekka Awstrijana)

IL-PORTUGALL

:

Imprensa Nacional. Casa da Moeda (Uffiċċju Nazzjonali tal-Istampar – iz-Zekka)

IS-SLOVENJA

:

Ministrstvo za finance (Ministeru tal-Finanzi)

IS-SLOVAKKJA

:

Národná banka Slovenska (il-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja)

IL-FINLANDJA

:

Valtiovarainministeriö/Finansministeriet (Ministeru tal-Finanzi)


Top