Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2022-01164-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti

EESC-2022-01164-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti

_____________

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat fil-fruntieri esterni tal-UE [JOIN(2021) 32 final]

REX/554

Relatur: Stefano PALMIERI

Korelatur: Pietro Vittorio BARBIERI

MT

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 02/05/2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18/01/2022

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottat fis-sezzjoni

12/05/2022

Adottata fil-plenarja

15/06/2022

Sessjoni plenarja Nru

570

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

142/2/5

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jemmen li r-rispons tal-UE għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għandu jkun parti minn politika dwar il-migrazzjoni, li għandha tkun komuni, kondiviża u koerenti fid-diversi partijiet tagħha. Fid-dawl tal-kriżi fil-fruntiera Belarussa u tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid kemm huwa adegwat il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA). L-għan mhuwiex li l-politika dwar il-migrazzjoni tiġi frammentata fid-dawl tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza iżda li l-politiki kif ukoll il-protezzjoni tal-persuni involuti jiddaħħlu f’qafas uniku ta’ azzjoni u f’qafas legali.

1.2Il-KESE jemmen li l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għadha theddida għall-Unjoni Ewropea kollha u mhux biss għall-Istati Membri involuti. Għal din ir-raġuni, il-KESE jissottolinja li l-uniku rispons effettiv u li jista' jindirizza din l-isfida jkun dak li kapaċi jintegra l-livell ta' inizjattivi (politiċi, leġiżlattivi, amministrattivi u umanitarji) mal-kamp ta' applikazzjoni ta' azzjoni li saret (komunitarja, nazzjonali, lokali u internazzjonali) u mal-atturi involuti (istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, imsieħba soċjali, ċittadini, eċċ.) ibbażat fuq l-aktar standards stretti tal-liġi tal-UE u dik internazzjonali.

1.3Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE tipprovdi lill-Istati Membri b'appoġġ f'waqtu, koordinat u effettiv, kemm mil-lat konkret (riżorsi baġitarji u persunal tal-aġenziji tal-UE) kif ukoll mil-lat ta' assistenza amministrattiva, leġiżlattiva u politika. Dan għandu jinkiseb permezz ta' azzjoni konġunta fuq il-post u fil-livell interistituzzjonali, bl-akbar trasparenza tal-inizjattivi, u wkoll billi tiġi ggarantita l-libertà tal-azzjoni għall-korpi umanitarji u għall-midja indipendenti fiż-żoni soġġetti għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.

1.4B’mod partikolari, għall-KESE huwa kruċjali li jiġi stabbilit qafas integrat għall-intervent umanitarju li jgħaqqad ir-riżorsi u l-istrutturi tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji nazzjonali kif ukoll tal-UE u li jiżgura l-involviment tal-aġenziji internazzjonali (UNHCR, IOM), kif ukoll il-kontribut tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili, biex b’hekk tiġi mħeġġa l-koordinazzjoni effettiva tal-interventi u jkun żgurat ir-rikonoxximent tal-azzjonijiet umanitarji bħala strument li jsaħħaħ il-prinċipji tal-UE.

1.5F'dan ir-rigward, il-KESE jikkunsidra li r-rikonoxximent sħiħ u f'waqtu tad-drittijiet tal-migranti strumentalizzati – filwaqt li jiġu evitati żoni griżi jew sitwazzjonijiet ta' inċertezza amministrattiva – huwa aspett essenzjali biex it-theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri involuti tiddgħajjef u titwaqqaf, u b'hekk l-azzjonijiet ta' strumentalizzazzjoni jsiru ineffettivi.

1.6Ir-rispons tal-UE ċertament għandu jiġi indirizzat lejn is-sorsi tal-flussi tal-migranti strumentalizzati, bl-involviment ta' pajjiżi terzi u bl-appoġġ għall-isforzi tagħhom biex jinfurmaw lill-popolazzjoni f'qafas ta' kooperazzjoni ispirat mill-prinċipji demokratiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. B'dan il-mod, se jkun possibbli li jitneħħew ir-riżorsi mingħand l-atturi statali li jippromovu l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.

1.7Fir-rigward tal-Istati li jippromovu jew jiffavorixxu l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, il-KESE jappoġġja l-azzjoni multilaterali tal-UE kollha, tal-istituzzjonijiet internazzjonali u tal-pajjiżi msieħba, li jistgħu jikkundannaw u jiżolaw tali azzjonijiet, inkluż permezz tal-attivazzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u diplomatiċi adegwati.

1.8Il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna wara li l-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa ħolqot mill-inqas 3,9 miljun refuġjat 1 , li bħalissa huma ospitati prinċipalment fil-pajjiżi ġirien u f'pajjiżi oħra tal-UE, kif ukoll diversi miljuni ta' refuġjati interni. Fluss ta' din il-konsistenza ma għandu l-ebda paragun, tal-inqas fl-Ewropa, ma' dak irreġistrat fid-deċennji ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan ġie indirizzat minnufih mill-UE, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-2001 dwar il-protezzjoni temporanja 2 u l-Proposta dwar Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE). Il-KESE jemmen li strumenti simili, ispirati mill-koeżjoni, mis-solidarjetà u mir-responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri, huma essenzjali wkoll biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.

1.9Bħalissa l-UE hija post sikur għall-ażil u l-protezzjoni għal miljuni ta’ ċittadini Ukreni, iżda l-piż tal-akkoljenza u tal-assistenza huwa mqassam b'mod mhux ugwali fir-rigward tal-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-Istati Membri involuti. Il-ftuħ tal-fruntieri interni tal-UE sa issa ggarantixxa l-moviment spontanju tar-refuġjati Ukreni lejn id-destinazzjonijiet mixtieqa, iżda għad hemm sproporzjon oġġettiv bejn il-piż li jġorru l-pajjiżi ġirien u dak li jġorru l-Istati Membri oħra. Fuq skala mhux kumparabbli, l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti fil-fruntiera tal-Belarussja u f'sitwazzjonijiet preċedenti jissuġġerixxi l-ħtieġa għal reviżjoni bir-reqqa tal-mekkaniżmi ta' solidarjetà u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tar-ridistribuzzjoni tal-migranti li ngħataw l-għajnuna, li hija ċertament meħtieġa f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

1.10Il-KESE beħsiebu wkoll jiffoka fuq l-ispirtu tal-”Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil” 3 . Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmu kumpless previst biex jiġu definiti l-qafas legali u l-proċeduri amministrattivi f'każ ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti jinjora l-livell ta' kriżi interstatali li tista' tinħoloq f'dan il-kuntest u li ma jistax jiġi diżakkoppjat mill-approċċ li għandu jittieħed lejn il-migranti nfushom.

1.11Il-KESE fil-fatt iqis li, għalkemm hemm bżonn ta' strumenti ad hoc għall-ġestjoni tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, huwa essenzjali li jiġu kkunsidrati miżuri ta' protezzjoni f'waqthom u komprensivi, inkluż permezz tad-Direttiva dwar il-protezzjoni temporanja, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-ġestjoni tad-dħul fil-fruntieri, il-kontroll tal-movimenti sekondarji, id-diferimenti jew id-derogi previsti għall-proċeduri ordinarji tal-ażil ma jaħdmux tajjeb u jkunu kontroproduttivi fir-rigward tal-għan li jiġu protetti l-migranti strumentalizzati. Fi kwalunkwe każ, il-livell ta' protezzjoni tal-migranti għandu jiżdied skont il-livell ta' kriżi interstatali li hija kkawżata mill-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.

2.Proposta

2.1Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-fatt li l-kriżi tal-migrazzjoni fil-fruntieri bejn il-Belarussja u l-Unjoni Ewropea (il-Litwanja, il-Latvja u l-Polonja) hija tentattiv intenzjonat biex tinħoloq kriżi persistenti u fit-tul, bħala parti minn sforz kollettiv usa' biex tiddestabbilizza l-Unjoni Ewropea, u b'hekk tittestja l-għaqda u d-determinazzjoni tagħha. Din tikkostitwixxi "theddida ibrida" li titwettaq permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti min-naħa ta' pajjiż terz.

2.2It-termini "kriżi" u "theddida" użati f'dan id-dokument, li huma 'l bogħod milli jiddeskrivu l-fenomenu speċifiku u kumpless tal-migrazzjoni, jintużaw biex jindikaw ir-rilevanza tat-tensjonijiet politiċi u l-fatturi ta' instabilità li joħorġu mill-kuntest ġeopolitiku ta' referenza.

2.3Minbarra t-theddida għas-sigurtà tal-UE, dan wassal għal sitwazzjoni kritika fil-post, primarjament għall-migranti involuti, b'konsegwenzi umanitarji drammatiċi kemm fuq in-naħa tal-Belarussja kif ukoll fuq in-naħa tal-fruntiera tal-UE. Hemm ukoll diversi rapporti ta' trattament inuman u degradanti li jsofru l-migranti fin-naħa tal-fruntiera tal-Belarussja, anki bħala forma ta' pressjoni lejn l-UE, iżda r-riskju ta' dan huwa aggravat mill-estensjoni tar-residenza fiż-żona u l-inaċċessibilità tal-fruntiera tal-UE.

2.4L-UE kkundannat minnufih u b'mod qawwi l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati vulnerabbli fil-fora istituzzjonali kollha tal-Unjoni. L-azzjoni fil-livell internazzjonali li segwiet kienet kapaċi tinkoraġġixxi l-involviment u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati msieħba, speċjalment dawk minn fejn joriġinaw il-migranti.

2.5Fil-kuntest ta' sitwazzjoni ta' kriżi ġdida, l-UE ħadet azzjoni b'appoġġ għall-Istati Membri kkonċernati, filwaqt li nnotat ir-reazzjonijiet speċifiċi tal-gvernijiet u tal-parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza fir-reġjuni tal-fruntiera. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet azzjoni dwar offerta ta' għajnuna meħtieġa biex tiżgura li din il-leġiżlazzjoni tkun konsistenti mal-liġi tal-UE.

2.6Il-Komunikazzjoni tipprovdi rendikont tal-intervent politiku, tekniku u loġistiku b'appoġġ għall-Istati Membri involuti. Minn meta saru ż-żjarat mill-Kummissarju Johansson u l-laqgħat sussegwenti tal-Istati Membri min-naħa tal-Kummissjoni, ir-rabta politika ssarrfet ukoll f'appoġġ tekniku fil-fruntieri mill-aġenziji tal-UE (Frontex, Europol, EASO, għajnuna ta' emerġenza tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni).

2.7Mil-lat ta' intervent internazzjonali, u speċjalment fir-rigward tal-Istati ta' oriġini u ta' tranżitu tal-migranti, il-Kummissjoni aġixxiet fl-ogħla livell billi tejbet il-kooperazzjoni mal-Iraq, il-Libanu, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Użbekistan. Dan huwa essenzjali sabiex tiġi miġġielda l-infrastruttura kriminali tat-traffikar tal-migranti li tkattar l-istrumentalizzazzjoni min-naħa tal-Belarussja.

2.8Fil-kuntest ta' kriżi interstatali, hemm riskju kbir li tinħoloq "inċertezza tal-gwerra" [fog of war], jiġifieri vettura ta' diżinformazzjoni, aħbarijiet foloz u distorsjoni tal-fatti, minsuġa mal-istrumentalizzazzjoni politika tal-migranti. Il-Komunikazzjoni tenfasizza dan ir-riskju fuq in-naħa tal-fruntiera tal-Belarussja, b'mod partikolari mill-midja kkontrollata mill-gvernijiet Belarussi u Russi. Jiġu enfasizzati l-importanza u b'mod konkret ir-rwol tal-istampa ħielsa, għalkemm l-istess importanza lanqas biss hija enfasizzata f'żoni ta' kriżi fuq in-naħa tal-fruntiera tal-UE.

2.9Il-Kummissjoni tenfasizza li l-istrumenti finanzjarji attwali jistgħu jissaħħu f'sitwazzjoni ta' kriżi billi jintuża l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI). Fir-rigward tar-ritorni (ritori volontarji assistiti u ritorni mhux volontarji), tissemma l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Frontex u l-IOM, filwaqt li tiġi enfasizzata l-kooperazzjoni meħtieġa tal-Istati ta' oriġini tal-migranti.

3.Kummenti

L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u l-ġestjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni

3.1Il-KESE jemmen li r-rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għandu jkun parti mill-qafas ta’ politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, li għandha tkun komuni, kondiviża u koerenti fid-diversi partijiet tagħha.

3.1.1Sabiex il-migrazzjoni tiġi ġestita kif imiss, jeħtieġ li l-UE tkun konxja li qatt ma jkunu l-inizjattivi ta’ Stat wieħed biss li jiskattaw il-proċessi ta’ migrazzjoni (għalkemm xi wħud minn dawn l-inizjattivi xi drabi jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinfikanti l-volum tal-flussi) anke meta l-Istat jistrumentalizza lill-migranti għal skopijiet politiċi.

3.1.2B’reazzjoni għall-kriżijiet l-aktar severi (fejn pajjiż terz ikun involut b’mod attiv, jew bħala riżultat ta’ gwerra jew intervent militari), l-UE għandha tkun iggwidata minn approċċ ibbażat fuq is-solidarjetà primarjament fil-konfront tal-persuni involuti.

3.1.3Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu salvati dawk kollha li ħajjithom tinsab f’periklu immedjat (refuġjati u vittmi tal-gwerra), id-distinzjoni bejn status legali – pereżempju bejn persuni li huma eliġibbli għal xi forma ta’ protezzjoni u migranti oħra – tista’ sseħħ biss wara li jkunu ġew osservati proċeduri trasparenti tal-ażil soġġetti għal-liġi tal-UE u għall-istandards internazzjonali, u mhux bħala riżultat ta’ definizzjoni minn qabel tal-fenomenu jew tal-kriżi attwali (“theddida ibrida”, strumentalizzazzjoni tal-migranti, “migrazzjoni ekonomika”, eċċ.).

Theddid ibridu u strumentalizzazzjoni tal-migranti

3.2Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar in-natura u l-livell ta' theddida li nħoloq mill-istrumentalizzazzjoni tal-migranti min-naħa tal-Belarussja. Il-KESE jirrikonoxxi t-theddida għall-UE magħmula minn forom ta' "theddida ibrida", jiġifieri "l-istrumentalizzazzjoni tan-nies approvata mill-Istat għal skopijiet politiċi".

3.2.1Fid-definizzjoni ta' theddida ibrida, jintuża wkoll kliem differenti għad-definizzjoni: theddid promoss minn "parti statali jew mhux statali." It-theddid ibridu jista' jsir minn individwi differenti u jista' jkollu miri differenti (entitajiet tal-Istat, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet soċjali, individwi). Madankollu, dan il-livell estensiv ta' analiżi, għalkemm jipprovdi elementi ta' fehim ġenerali, għandu jkun distint mill-identifikazzjoni tal-każijiet partikolari rilevanti għall-politiki inkwistjoni. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li, fl-interess ta' miżuri regolatorji sussegwenti, u b'mod partikolari għat-trattament legali u għall-appoġġ umanitarju tal-migranti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħal dawn, il-preżenza ta' aġent fil-livell tal-Istat għandha titqies bħala kundizzjoni meħtieġa biex tiġi identifikata l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.

3.2.2Fid-dawl tal-validità tad-definizzjoni ta' "theddida ibrida" espressa fil-Komunikazzjoni, il-KESE jittama li r-rispons ikun multidimensjonali u integrat, jiġifieri mhux biss fil-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali (bejn l-Istati Membri, l-UE u l-Istati msieħba) iżda wkoll bħala parti mill-qafas tal-politiki u tal-impenji tal-UE dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-migranti u d-dritt għall-ażil. Għalhekk il-KESE jemmen li l-istrumenti kollha ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għandhom jissaħħu bil-għan li jkun hemm ġestjoni kondiviża tal-kriżijiet.

Is-solidarjetà, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni kondiviża tal-kriżijiet

3.3Il-KESE jaqbel li "dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw periklu reali u attwali għas-sigurtà tal-UE" u mhux biss għall-Istati Membri direttament ikkonċernati. Il-fatti stabbiliti fil-Komunikazzjoni u l-kriżi serja fl-Ukrajna jsaħħu l-konvinzjoni tal-KESE li tassew jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas politiku, regolatorju u proċedurali għal rispons konġunt u ġestjoni kondiviża tal-kriżijiet min-naħa tal-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

3.3.1Konsegwentement, u abbażi tal-Opinjoni li diġà ġiet espressa dwar il-proposti biex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-ġestjoni tal-immigrazzjoni u tal-ażil 4 , il-KESE jqis li huwa essenzjali li nibqgħu fit-triq lejn approċċ ġust u kooperattiv bejn l-Istati Membri, minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni mhijiex l-unika waħda li tikkawża piż akbar ta' responsabbiltà u diffikultajiet għall-pajjiżi tal-ewwel wasla, preċiżament fid-dawl tal-piż mogħti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA) għall-kontroll tal-fruntieri u l-prevenzjoni ta' spostamenti sekondarji.

3.3.2Fil-kuntest tar-Regolament speċifiku mixtieq għall-ġlieda kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti min-naħa ta' Stat, għandhom għalhekk jiġu previsti mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, inkluża l-possibbiltà ta' miżuri ta' rilokazzjoni f'waqthom proporzjonati għas-severità tal-kriżi.

3.3.3Il-karatteristiċi tal-kriżi fuq il-fruntiera tal-Belarussja jenfasizzaw id-differenzi iżda wkoll is-similaritajiet ma' strateġiji statali oħra għall-istrumentalizzazzjoni tal-movimenti migratorji: il-fruntieri tal-Mediterran ċentrali, il-fruntieri Griegi-Torok, Spanjoli-Marokkini, Bożnijaċi-Kroati, Serbi-Ungeriżi (biex insemmu biss l-2021). Il-KESE jemmen li l-UE għandha tegħleb il-limiti tar-rispons tagħha li saru evidenti fil-kriżijiet preċedenti, b'mod partikolari billi tevita sitwazzjonijiet ta' dipendenza fuq l-istrateġiji ta' politika ta' pajjiżi terzi li ma humiex kompatibbli mal-politiki u mal-prinċipji tal-UE.

Il-ħarsien u l-protezzjoni tal-migranti f'kuntest ta' strumentalizzazzjoni

3.4Il-KESE jemmen li fid-definizzjoni tar-rispons tal-UE għandha tittieħed azzjoni konġunta biex tiġi miġġielda t-theddida bil-konsapevolezza ċara li f'dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi, il-migranti involuti huma vulnerabbli ħafna u jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni, preċiżament fil-kuntest tal-kriżi interstatali.

3.4.1Il-KESE jaqbel mat-tħassib espress fil-Komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-fruntieri bejn l-Istati Membri u l-Belarussja. Id-diffikultà għat-teħid ta' azzjoni min-naħa tal-fruntiera tal-Belarussja tirrifletti limitazzjoni oġġettiva tal-intervent umanitarju f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' kunflitt bejn l-Istati, iżda dan għandu jkun inċentiv biex jiġu massimizzati l-isforzi ħalli jiġi żgurat li, fi ħdan il-fruntieri tal-Istati Membri, l-assistenza umanitarja għall-migranti tkun konformi mal-istandards tal-liġi tal-UE u mal-prattiki stabbiliti b'appoġġ għall-persuni vulnerabbli.

3.4.2Il-KESE jappella għal aċċess aktar faċli fiż-żewġ naħat tal-fruntiera UE/Belarussja, għall-organizzazzjonijiet umanitarji tas-soċjetà ċivili biex jipprovdu għajnuna umanitarja (appoġġ għas-saħħa, għajnuna alimentari, assistenza legali).

3.4.3F’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaġixxu kontra kull azzjoni jew rappreżentanza kriminalizzanti li taħdem kontra l-intervent ta’ solidarjetà tas-soċjetà ċivili nazzjonali u internazzjonali, kif diġà ġie enfasizzat mill-KESE f’Opinjonijiet preċedenti 5 .

3.4.4Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-preżenza ta' movimenti sekondarji sinifikanti tal-migranti (tal-inqas fir-rigward tan-numru ta' migranti li jaslu fil-fruntieri tal-UE matul il-kriżi), li tindika l-attivazzjoni ta' rondi konġunti mill-pulizija tal-fruntiera tal-Istati Membri affettwati mill-ewwel wasla u mill-movimenti sekondarji tal-migranti. Il-KESE jqis li, f'sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti, il-kwistjoni tal-movimenti sekondarji għandha tiġi indirizzata bl-involviment tal-Istati Membri li huma d-destinazzjoni tal-ispostamenti, u fl-istess ħin bl-attenzjoni meħtieġa għall-migranti l-aktar vulnerabbli, speċjalment matul l-istadji attivi tal-kriżi sabiex jiġu evitati aktar riskji għas-sigurtà tagħhom.

3.4.5Il-KESE jenfasizza wkoll ir-riskji għal protezzjoni diċenti, ġusta u estensiva tal-migranti vulnerabbli minħabba l-proliferazzjoni tal-istatus legali u l-proċeduri ta' eċċezzjoni mill-Istati Membri u l-UE nnifisha, anki fil-kuntest ta' kriżi li teħtieġ reazzjonijiet speċifiċi. F'dan is-sens, kwalunkwe deroga minn proċeduri standard għall-akkoljenza u l-ażil għandha tkun armonizzata ma' miżuri speċifiċi ta' ħarsien u protezzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' riskju serju, kif ukoll li dejjem jinżamm il-prinċipju ta' non-refoulement.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, ir-rwol tal-midja u l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli

3.5Il-KESE jilqa' l-enfasi li saret mill-Komunikazzjoni dwar azzjoni għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u l-manipulazzjoni tal-fatti, anki permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati fil-pajjiżi ta' oriġini tal-flussi ta' migranti u billi jsir l-aħjar użu mill-mezzi elettroniċi ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni li għandhom bħala l-missjoni tagħhom li jipprovdu lill-migranti bl-istess informazzjoni korretta u verifikabbli (pereżempju Infomigrants).

3.5.1Fl-istess ħin, il-KESE jqis l-importanza, konsistenti mal-valuri tal-UE, tal-produzzjoni ħielsa tal-informazzjoni u tal-aċċess liberu għall-fatti u d-data rilevanti għall-pubbliku. F'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza għandha dejjem tkun ibbilanċjata mal-garanzija mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-UE tal-libertà massima ta' azzjoni u komunikazzjoni għall-midja indipendenti preżenti fiż-żoni li fihom qed jiġu strumentalizzati l-migranti, u fl-istess ħin, tipprovdi regoli ċari u trasparenti għall-aċċess u l-kuntatt mal-istrutturi li jospitaw il-migranti.

3.5.2Fir-rigward tal-kuntrast bejn in-networks loġistiċi għat-traffikar tal-migranti fuq il-pjattaformi tal-informazzjoni u tal-midja soċjali, il-Kummissjoni, appoġġjata mill-aġenziji tal-UE (ENISA), għandha tintervjeni biex tiddistingwixxi bejn l-istrumenti użati direttament mit-traffikanti tal-migranti u dawk tal-komunikazzjoni użati bejn il-migranti; dan sabiex issir distinzjoni bejn ir-responsabbiltà u mhux biex jiġu mminati d-drittijiet għall-kunfidenzjalità tad-data jew, anki indirettament u mhux intenzjonalment, biex tiġi mminata s-sigurtà proprja tal-migranti li huma vittmi tal-istrumentalizzazzjoni.

Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti

3.6Il-KESE jilqa' l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti strumentalizzati, bil-għan li jiġu rappreżentati r-riskji li jiffaċċjaw u tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-migrazzjoni.

3.6.1Sabiex azzjoni konġunta bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kkonċernati ssir produttiva, din il-kooperazzjoni għandha tiġi integrata wkoll mal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp u mal-ftehimiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-migrazzjoni.

3.6.2Il-ftehimiet u l-proċeduri eventwali ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu konklużi b'kunsiderazzjoni tal-konsistenza ta' dawn ir-relazzjonijiet fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-impenji legali internazzjonali min-naħa ta' dawk il-pajjiżi.

3.6.3Din il-kooperazzjoni ssaħħaħ ukoll l-isforzi tal-pulizija u tal-intelligence biex jipprevjenu u jiġġieldu l-organizzazzjonijiet kriminali tat-traffikar tal-migranti, filwaqt li jitqiesu b’mod sod id-drittijiet tal-ażil u tal-protezzjoni tal-migranti nfushom kemm fil-każ ta’ attivitajiet relatati mal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti kif ukoll b’mod ġenerali 6 .

Appoġġ għall-Istati Membri

3.7Il-KESE jilqa’ l-appoġġ offrut lill-Istati Membri mhedda, b’mod partikolari permezz tal-aġenziji tal-affarijiet interni tal-UE (Frontex, EUAA, EASO, il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili) u jemmen li dawn għandhom joperaw fil-każijiet kollha fejn sitwazzjoni ta’ emerġenza hija rikonoxxuta skont proċedura bbilanċjata u trasparenti 7 .

3.7.1Il-KESE jemmen li fil-futur għandu jiġi pprovdut livell adegwat ta' assistenza għall-Istati Membri milquta minn dan it-theddid, li għandu jingħata livell daqstant għoli ta' protezzjoni u assistenza lill-vittmi tal-azzjoni ta' strumentalizzazzjoni, l-ewwel u qabel kollox għal dawk l-aktar vulnerabbli.

3.7.2Il-KESE jiddikjara b'mod ċar ħafna li l-miżuri tal-Istati Membri għar-ritorn – kemm volontarju kif ukoll mhux volontarju – tal-migranti li ma jingħatawx id-dritt għall-ażil, għandhom iseħħu wkoll f'sitwazzjoni ta' emerġenza, f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali kif ukoll bl-assistenza tal-aġenziji tal-UE.

Strumenti u regolamenti għall-ġestjoni futura tal-kriżijiet

3.8Il-KESE jenfasizza li din l-Opinjoni tqis il-miżuri li qed jiġu diskussi u li qed jitħejjew, u b'mod partikolari l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza s-sitwazzjonijiet ta' strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil. Il-Proposta fiha elementi regolatorji dwar l-istatus tal-migranti u l-proċeduri ta' applikazzjoni għall-ażil u l-protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta' sitwazzjonijiet bħal dawn.

3.8.1F'dan ir-rigward, il-KESE jittama li r-Regolament jikkunsidra l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-Istati Membri u, flimkien magħhom, jinkludi impenji legali biex tiġi indirizzata l-emerġenza u jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-protezzjoni tal-migranti abbażi tal-obbligi internazzjonali u l-liġi Ewropea.

3.8.2B'mod partikolari, il-Kummissjoni u l-korpi parlamentari se jkollhom jivverifikaw ukoll il-konformità mad-drittijiet fundamentali u mad-drittijiet tal-UE tal-leġiżlazzjoni adottata, jew li qed tiġi adottata, fl-Istati Membri sabiex tiġi miġġielda l-kriżi attwali u tiġi impedita fil-futur.

3.8.3F’dan ir-Regolament, il-KESE se jivvaluta bir-reqqa l-eċċezzjonijiet u d-derogi mit-trattament ta’ proċeduri standard ta’ dħul u ta’ ażil, l-appellabbiltà effettiva taċ-ċaħdiet, il-proċeduri ta’ ritorn u t-trasparenza u l-kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri affettwati mill-emerġenza u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2022

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      5 317 219-il refuġjat fil-pajjiżi ġirien u tal-UE (data aġġornata fis-26 ta’ April 2022, sors UNHCR, https://data2.unhcr.org/en/situations/ukraine ).
(2)    Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn).
(3)    Ara COM(2021) 890 final – 2021/0427 (COD) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil ”.
(4)     ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15 ; ĠU C 155, 30.04.2021, p. 58
(5)       ĠU C 429,11.12.2020, p. 24
(6)    Ara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (2021-2025)
[COM(2021) 591 final]
(7)    Fuq talba ta’ Stat Membru, approvata minn proposta sussegwenti tal-Kummissjoni u minn deliberazzjoni tal-Kunsill, u l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi għall-monitoraġġ u r-rappurtar kostanti dwar is-sitwazzjoni. Ara COM(2021) 890 final – 2021/0427 (COD) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza s-sitwazzjonijiet ta' strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil.
Top