This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CO0471
Order of the Vice-President of the Court of 1 December 2021.#Inivos Ltd and Inivos BV v European Commission.#Appeal – Interim relief – Public procurement – Negotiated procedure without prior publication of a contract notice – Application for suspension of operation of a measure – Urgency – Serious and irreparable damage.#Case C-471/21 P(R).
Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tal-1 ta’ Diċembru 2021.
Inivos Ltd u Inivos BV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Talba għas sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli.
Kawża C-471/21 P(R).
Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tal-1 ta’ Diċembru 2021.
Inivos Ltd u Inivos BV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Talba għas sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli.
Kawża C-471/21 P(R).
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:984
DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
1 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )
“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi – Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Talba għas‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli”
Fil-Kawża C‑471/21 P(R),
li għandha bħala suġġett appell taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2021,
Inivos Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),
Inivos BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),
irrappreżentati minn R. Martens, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Araujo Arce u M. Ilkova, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
jagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Inivos Ltd u Inivos BV jitolbu l-annullament tad‑digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-21 ta’ Mejju 2021, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni (T‑38/21 R, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2021:287), li permezz tiegħu dan ċaħad it-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-“kuntratti qafas relatati ma’ robots ta’ diżinfezzjoni għall-isptarijiet Ewropej (COVID‑19)” FW‑00103506 u FW‑00103507, konklużi mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Novembru 2020 maż-żewġ offerenti (iktar ’il quddiem il-“kuntratti qafas inkwistjoni”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 89/665/KEE
|
2 |
L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il‑koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), jipprovdi: “Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt […], is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.” |
|
3 |
L-Artikolu 2a(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt […] qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15‑il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. […]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 2b(a) tal-imsemmija direttiva: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:
|
|
5 |
L-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:
|
Id-Direttiva 2014/24
|
6 |
L-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat kif ġej: “Il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, kuntratti pubbliċi ta’ provvista u kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fi kwalunkwe wiehed mill-każijiet li ġejjin: […]
|
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046
|
7 |
L-Artikolu 175(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), jipprevedi: “2. Soġġetta għall-eċċezzjonijiet u għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati fl-Anness I għal dan ir-Regolament […] l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiffirma l-kuntratt jew il-kuntratt qafas mal-offerent magħżul qabel ma jgħaddi perijodu ta’ sospensjoni. 3. Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jkollu durata ta’ għaxart ijiem meta jintużaw mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, u 15‑il jum meta jintużaw mezzi oħrajn.” |
|
8 |
Il-punt 11.1(c) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “[…] L-awtorità kontraenti tista’ tuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, irrispettivament mill-ammont stmat tal-kuntratt, fil-każijiet li ġejjin: […]
|
|
9 |
Il-punt 35.1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jippreċiża r-regoli applikabbli għall-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni qabel l-iffirmar tal-kuntratt jew tal‑kuntratt qafas. |
|
10 |
Il-punt 35.2(d) tal-Anness I tal-istess regolament jipprovdi: “Il-perijodu stipulat fil-punt 35.1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin: […]
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata. Huma jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
12 |
L-appellanti, Inivos Ltd u Inivos BV, huma kumpanniji attivi fil-qasam tat‑teknoloġija medika relatata, b’mod iktar partikolari, mal-prevenzjoni u l‑kontroll tal-infezzjonijiet. |
|
13 |
Fil-kuntest tal-kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal‑COVID‑19, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tipprovdi robots ta’ diżinfezzjoni lill-isptarijiet Ewropej. Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta minn din is-sitwazzjoni ta’ kriżi, din l‑istituzzjoni rrikorriet, billi bbażat ruħha fuq il-punt 11.1(c) tal-Anness I tar‑Regolament 2018/1046, għall-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. |
|
14 |
Sabiex tipprepara l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u sabiex tiġbor informazzjoni dwar il-kuntratt ikkonċernat u l-fornituri potenzjali, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni preliminari tas-suq. |
|
15 |
Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni kkostitwixxiet database ta’ fornituri, li sussegwentement ġiet evalwata abbażi ta’ kriterji ddefiniti minn qabel. |
|
16 |
Is-sitt fornituri li ssodisfaw dawn il-kriterji ġew mistiedna jissottomettu offerta fil‑kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel. |
|
17 |
Fit-30 ta’ Ottubru 2020, ġie stabbilit rapport ta’ evalwazzjoni, għall-finijiet tal‑għoti tal-kuntratt. |
|
18 |
Il-kuntratti qafas inkwistjoni ġew konklużi ma’ żewġ offerenti fid-19 ta’ Novembru 2020 u l-iffirmar tagħhom ġie mħabbar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Diċembru 2020, permezz tal-avviż tal-għoti tal‑kuntratt 2020/S 240–592299. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
|
19 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2021, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż, b’mod partikolari, għall‑annullament tad-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt u tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 li jiġu konklużi l-kuntratti qafas inkwistjoni. |
|
20 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2021, l-appellanti ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża għas‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament inkwistjoni. |
|
21 |
Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba. |
|
22 |
Fil-punt 21 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li kellu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza kinitx issodisfatta, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra, fil-punt 28 ta’ dak id-digriet, li l-ewwel argument tal-appellanti, li jgħid li hija kellha tibbenefika, f’dan il-każ, mir‑rilassament tal-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza tal-urġenza prevalenti fil-kontenzjuż dwar il-kuntratti pubbliċi, kellu jiġi miċħud. |
|
24 |
Fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-kundizzjoni dwar l‑urġenza għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta biss abbażi tal-illegalità manifesta tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, hija ppreċiżat, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li l-possibbiltà li tiġi ordnata sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew li jingħataw miżuri provviżorji fuq il-bażi biss tal-illegalità manifesta tal-att ikkontestat ma hijiex eskluża, pereżempju meta dan tal-aħħar jonqos ukoll mid-dehra tal-legalità. |
|
25 |
Madankollu huwa rrileva, fil-punt 35 ta’ dak id-digriet, li hija l-appellanti li għandha turi l-imminenza ta’ dannu gravi u diffiċilment reparabbli, jew irreparabbli, u li s-sempliċi prova tal-eżistenza ta’ fumus boni juris, anki partikolarment serju, ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas komplet ta’ prova tal‑urġenza, ħlief f’ċirkustanzi kompletament partikolari. |
|
26 |
Il-President tal-Qorti Ġenerali żied, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li l-proċess barra minn hekk ma kienx juri, prima facie, in-natura manifesta tal-illegalità allegata. |
|
27 |
Minn naħa, fil-punti 37 u 38 ta’ dak id-digriet, huwa qies li kien hemm lok li jiġi kkonstatat, prima facie, li l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt 11.1(c) tal-Anness I tar-Regolament 2018/1046 kienu ssodisfatti f’dan il-każ u li l‑Kummissjoni setgħet għalhekk validament tirrikorri għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. |
|
28 |
Min-naħa l-oħra, fil-punti 39 u 40 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li prima facie ma kienx hemm kunflitt ta’ interessi apparenti bejn il-Kummissjoni u wieħed mill-offerenti magħżula li jikkaratterizza illegalità flagranti u estremament gravi. |
It-talbiet tal-partijiet
|
29 |
L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
30 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Dwar l-appell
|
31 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji bbażati, l‑ewwel wieħed, fuq l-eżami mhux xieraq tar-risposti mogħtija mill-Kummissjoni wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u, it-tieni wieħed, fuq l-eżami mhux xieraq tal-kundizzjoni dwar l-urġenza. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-eżami mhux xieraq tar-risposti mogħtija mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura
Argumenti
|
32 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ma evalwax u ma eżaminax b’mod adegwat, fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, ir-risposti mogħtija mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar l-eżistenza eventwali ta’ kunflitt ta’ interessi. |
|
33 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, sa fejn dawn it-tweġibiet tal-Kummissjoni kienu rilevanti sabiex tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji, il-President tal‑Qorti Ġenerali ma setax, mingħajr ma jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom, jiċħad impliċitament it-talba tagħhom, ifformulata permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ April 2021, sabiex jiġu awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l‑imsemmija tweġibiet. |
|
34 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li mis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166), jirriżulta li s-sempliċi dikjarazzjoni li l-persuna marbuta ma’ offerent magħżul ma kinitx tagħmel parti mill-Bord ta’ Evalwazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm kunflitt ta’ interessi. Il‑President tal-Qorti Ġenerali bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma eżamina jekk din l-informazzjoni kinitx eżatta, affidabbli u konformi mal-approċċ attiv ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza sabiex tidentifika tali kunflitti u tirrimedjahom. |
|
35 |
Fit-tielet lok, il-President tal-Qorti Ġenerali kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
|
36 |
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, hija ssostni li, permezz tiegħu, l-appellanti jikkontestaw il‑konstatazzjonijiet fattwali tal-President tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma jallegaw jew jipprovaw żnaturament tal-fatti. Barra minn hekk, billi jirreferu għas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166), l-appellanti sempliċement jirriproduċu argumenti diġà ppreżentati quddiem il-President tal‑Qorti Ġenerali u b’hekk ifittxu li jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid ta’ motiv imressaq fl-ewwel istanza. |
Kunsiderazzjonijiet
|
38 |
Preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju. |
|
39 |
Minn naħa, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi prodotti quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-MaatschappijFar-East vs BĊE, C‑207/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:1057, punt 84 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ żnaturament tal-fatti, l‑argument imressaq mill-appellanti bbażat fuq żball li allegatament wettaq il‑President tal-Qorti Ġenerali meta għamel konstatazzjonijiet ta’ fatt abbażi tal‑informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni mingħajr ma vverifika suffiċjentement in-natura eżatta u affidabbli ta’ din tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, l-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali dwar il‑konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti. Dawn l-argumenti għandhom, b’konsegwenza, jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli. |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha aggravju li, mingħajr ma jkun jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑93/95, mhux ippubblikat, EU:C:1995:258, punt 22), għandu jiġi kkonstatat li l-argument ippreżentat insostenn tal-ewwel aggravju jikkritika preċiżament l-iżbalji li, skont l-appellanti, huma vvizzjati mid-digriet appellat. |
|
43 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju ma jistax, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, bħala inammissibbli. |
|
44 |
Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ dan l-aggravju, għandha tiġi eżaminata, fl‑ewwel lok, l-allegazzjoni li l-President tal-Qorti Ġenerali kiser id-drittijiet tad‑difiża tal-appellanti billi ma ppermettilhomx jieħdu pożizzjoni fuq ir-risposti mogħtija mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, huwa l-kompitu tal-President tal-Qorti Ġenerali li jevalwa l-ħtieġa li tinżamm seduta u li jisma’ lill-partijiet fl-osservazzjonijiet orali tagħhom. Barra minn hekk, huwa biss għandu ġurisdizzjoni sabiex jevalwa l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura li huwa jqis xierqa sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji. F’dan ir-rigward, huwa għandu jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill, C‑110/12 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:507, punti 57 u 59). |
|
46 |
Issa, is-sempliċi fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ġiet ikkunsidrata, fil-punt 40 tad-digriet appellat, bħala li għandha importanza deċiżiva sabiex tiddeċiedi fuq il-motiv tal-appellanti bbażat fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-President tal-Qorti Ġenerali, f’dan il‑każ, mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. |
|
47 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ħeffa li tikkaratterizza, min-natura tagħha, il-proċeduri għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex obbligat li jisma’ sistematikament lill-appellanti dwar kull element ta’ informazzjoni pprovdut mill‑konvenuta li huwa għandu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji. |
|
48 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument li l-President tal-Qorti Ġenerali warrab il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166). |
|
49 |
Fil-punt 40 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali bbaża ruħu esklużivament, sabiex jeżamina l-allegazzjoni tal-appellanti li l-proċedura li wasslet għall-għoti tal-kuntratti qafas inkwistjoni kienet ivvizzjata minn kunflitt ta’ interessi minħabba funzjonijiet eżerċitati, f’isem il-Kummissjoni, minn direttur ta’ wieħed mill-offerenti magħżula, fuq il-fatt li dan id-direttur ma kienx ipparteċipa, bi kwalunkwe mod, fl-evalwazzjoni u fl-eżami tal-offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun inkompatibbli mar-rwol attiv li għandha l‑awtorità kontraenti, bil-għan li tipprevjeni u tidentifika l-kunflitti ta’ interessi kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tirrimedja għalihom, li tqiegħed fuq l-appellanti l-oneru tal-prova, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni, tal-parzjalità konkreta tal-esperti maħtura mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 43). |
|
51 |
Għalhekk, jekk l-offerent eskluż jippreżenta elementi oġġettivi li joħolqu dubju dwar l-imparzjalità ta’ espert tal-awtorità kontraenti, hija din l-awtorità kontraenti li għandha jkollha teżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom, inkluż, jekk ikun il-każ, billi titlob lill-partijiet sabiex jipprovdu ċertu informazzjoni u provi (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 44). |
|
52 |
Madankollu, mill-punt 39 tad-digriet appellat jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma kkunsidrax li l-informazzjoni msemmija fil-punt 40 tiegħu kienet tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, iżda biss li din l‑informazzjoni kienet timplika li prima facie ma kienx hemm kunflitt ta’ interessi apparenti li jikkaratterizza illegalità flagranti u estremament gravi li tivvizzja d‑deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 li tikkonkludi l-kuntratti qafas inkwistjoni. |
|
53 |
Issa, għalkemm huwa minnu li din l-informazzjoni ma tippermettix neċessarjament li jintwera li l-Kummissjoni wettqet b’mod sħiħ ir-rwol attiv meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 50 u 51 ta’ dan id-digriet, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat, madankollu, li l-President tal‑Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li, fid-dawl tal-assenza ta’ involviment dirett tad-direttur ta’ wieħed mill-offerenti magħżula fil-proċedura li wasslet għall-għoti tal-kuntratti qafas inkwistjoni, il-kunflitt ta’ interessi ddenunċjat mir-rikorrenti ma setax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala “illegalment flagranti u estremament serju”. |
|
54 |
Din l-evalwazzjoni għandha titqies li hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti li jgħid li, sabiex jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi għandha teżentahom milli jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fir‑rigward tagħhom. |
|
55 |
Fil-fatt, hekk kif il-President tal-Qorti Ġenerali fakkar, essenzjalment, fil-punti 34 u 35 tad-digriet appellat, hija biss l-illegalità ta’ att ta’ natura tant manifesta li dan lanqas ma għandu apparenza ta’ legalità li timplika li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-att tiġi sospiża mingħajr ma r-rikorrent ikollu juri l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ tkomplija ta’ din l-eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, id‑digrieti tas-7 ta’ Lulju 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81 R u 190/81 R, EU:C:1981:165, punti 7 u 8, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 1987, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 R, EU:C:1987:167, punti 31 u 32). |
|
56 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jimponilha li turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal‑Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (digriet tal-Viċi President tal‑Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-MaatschappijFar-East vs BĊE, C‑114/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:1059, punt 86). |
|
57 |
F’dan il-każ, jidher, fid-dawl ta’ dak li ntqal, li l-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, moqrija flimkien mal-punti 34 u 35 tiegħu, jinkludu motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti hekk imposti fuq il-President tal-Qorti Ġenerali. |
|
58 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-eżami mhux xieraq tal-kundizzjoni dwar l‑urġenza
Argumenti
|
59 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, filwaqt li jirreferu għall‑ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li l-kriterji stabbiliti għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-urġenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huma differenti minn dawk applikabbli f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fid-dawl tar‑rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-protezzjoni ġudizzjarja li għandha tiġi ggarantita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, ma jistax jiġi rikjest minn offerent eskluż, li jirnexxielu juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, li huwa jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli. |
|
60 |
Skont l-appellanti, għalkemm din il-ġurisprudenza bħala prinċipju tapplika biss għas-sentenza prekuntrattwali, tali restrizzjoni tipprojbixxi, de facto, lill-operaturi ekonomiċi milli jikkontestaw l-għoti tal-kuntratti mogħtija skont proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, peress li din il‑proċedura ma tinkludix terminu ta’ stennija bejn l-għoti ta’ kuntratt u l‑konklużjoni tiegħu. Il-President tal-Qorti Ġenerali kellu għalhekk, sabiex jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-appellanti, jadatta r-raġunament tiegħu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-imsemmija proċedura. |
|
61 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn sempliċement jirriproduċi argumenti diġà ppreżentati quddiem il-President tal‑Qorti Ġenerali, jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. |
Kunsiderazzjonijiet
|
62 |
Qabelxejn, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, peress li t-tieni aggravju ppreżentat mill-appellanti jinkludi kritika tar-raġunament adottat mill-President tal-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-kundizzjoni dwar l-urġenza. |
|
63 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-raġunament, fil-punti 23, 24, 29 u 30 tad-digriet appellat, il‑President tal-Qorti Ġenerali espona, mingħajr ma wettaq żball ta’ liġi, il-kriterji li għandhom jiġu adottati, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, sabiex jiddetermina jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja. |
|
64 |
Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza, l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qiegħda titlob il-miżura provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jintalab li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li fuqhom hija bbażata l-perspettiva ta’ tali dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/21 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2021:631, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tiġi ggarantita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-offerent eskluż jirnexxielu juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, ma jistax jiġi rikjest minnu li jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, taħt piena li jkun hemm preġudizzju eċċessiv u mhux iġġustifikat għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jibbenefika minnha skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 41). |
|
66 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ir‑rilassament tal-kundizzjonijiet applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal‑urġenza, iġġustifikat mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, japplika biss madankollu matul il-fażi prekuntrattwali, sakemm il-perijodu sospensiv ta’ għaxart ijiem, previst fl-Artikolu 175(3) tar-Regolament 2018/1046, jiġi osservat (ara, b’analoġija, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 42). |
|
67 |
Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-ħtieġa li dawn il-prinċipji jiġu adattati għas‑sistema speċifika applikabbli għall-proċedura nnegozjata mingħajr il‑pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punt 32 tad-digriet appellat, filwaqt li rrefera għall-punt 38 tad‑digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275), li l-qorti tal-Unjoni ma tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jaqa’ taħt id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li skontu offerent eskluż, għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb mhux biss danni, iżda wkoll miżuri provviżorji, mingħajr ma jillimita din il‑konstatazzjoni għall-perijodu li jippreċedi l-konklużjoni tal-kuntratt mill‑awtorità kontraenti mal-offerent ammess. |
|
68 |
Barra minn hekk, hija qieset, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li dawn il‑kunsiderazzjonijiet japplikaw, iktar u iktar, għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt li l-appellanti ma pparteċipawx fiha. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 89/665 tikkonkretizza l-prinċipju ġenerali tad-dritt għal rimedju effettiv fil-qasam partikolari tal-kuntratti pubbliċi u li għalhekk huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dak li jikkonċerna l‑kuntratti mogħtija mill-Unjoni stess, l-espressjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 28). |
|
70 |
Issa, skont id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, li protezzjoni ġudizzjarja effettiva teżiġi li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ċertu żmien qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, sabiex dawn ikollhom possibbiltà reali li jippreżentaw appell, fosthom b’mod partikolari talba għal miżuri provviżorji sa din il-konklużjoni. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Madankollu, peress li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jikkonkretizzaw prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinjora l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja l-fatt li dawn ma japplikawx bħala tali għall-każ inkwistjoni. Speċifikament, sal-punt li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi bilanċ bejn l-interessi differenti preżenti, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-bilanċ fl-applikazzjoni li hija twettaq ta’ prinċipju ġenerali hekk inkorporat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 31). |
|
72 |
Mill-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665 jirriżulta li l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà, għal persuna leża minn deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li titlob miżuri provviżorji huwa limitat għall-perijodu bejn l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-konklużjoni tal-kuntratt. Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-appelli intiżi għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi perijodu sospensiv ta’ għaxart ijiem kalendarji sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jikkontestaw quddiem qorti l-għoti ta’ kuntratt qabel ma l-kuntratt ikun ġie konkluż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C 35/15 P(R), EU:C:2015:275, punti 33 sa 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Madankollu, l-Artikolu 2b(a) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dan il-perijodu sospensiv ma japplikax jekk id‑Direttiva 2014/24 ma timponix il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
74 |
Dan huwa l-każ, skont l-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva 2014/24, meta awtorità kontraenti tiddeċiedi, skont id-dritt nazzjonali tagħha, li tirrikorri għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, sa fejn huwa strettament neċessarju, meta l-urġenza imperattiva li tirriżulta minn avvenimenti imprevedibbli għall-awtorità kontraenti u mhux attribwibbli lilha ma tippermettix li jiġu osservati t-termini tal-proċeduri miftuħa, ristretti jew kompetittivi bin‑negozjar. |
|
75 |
Għalhekk minn qari flimkien tal-Artikolu 2b(a) u tal-Artikolu 2(7) tad‑Direttiva 89/665 jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, din id-direttiva ma timponix fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu lill-offerenti esklużi jew lil persuni interessati oħra possibbiltà effettiva li jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji. |
|
76 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jirrikonċilja l-interessi tal-offerenti esklużi kif ukoll tal-partijiet interessati oħra ma’ dawk tal-awtorità kontraenti u tal‑offerent ammess, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 63, u tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 51). |
|
77 |
Fil-fatt, il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt tikkostitwixxi proċedura eċċezzjonali li tista’ tintuża biss f’ċirkustanzi elenkati b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2014/24 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑292/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:246, punt 106). |
|
78 |
Abbażi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ sistema speċifika, tinsab l-eżistenza ta’ urġenza imperattiva. Din tal-aħħar timplika neċessarjament li l-kuntratt pubbliku kkonċernat għandu jiġi konkluż u eżegwit mingħajr dewmien, raġuni li għaliha l-osservanza tat-termini normalment applikabbli u l-possibbiltà, għall-offerenti esklużi jew għal partijiet interessati oħra, li jiksbu sospensjoni tal-konklużjoni jew tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jistgħu jiġu esklużi. |
|
79 |
Issa, huwa paċifiku li, kif irrileva l-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tad‑digriet appellat, il-kuntratti qafas inkwistjoni ngħataw abbażi ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, skont il‑punt 11.1(c) tal-Anness I tar-Regolament 2018/1046, li jipprevedi li l-awtorità kontraenti tista’ tirrikorri għal tali proċedura, sa fejn huwa strettament neċessarju, meta l-urġenza imperattiva li tirriżulta minn avvenimenti imprevedibbli ma hijiex kompatibbli mat-termini previsti fil-punti 24, 26 u 41 ta’ dan l-Anness u li ċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw din l-urġenza imperattiva ma humiex imputabbli lill‑awtorità kontraenti. |
|
80 |
Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali ġustament qies, fl-istess punt tad‑digriet appellat, li, skont il-punt 35.2(d) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, it‑terminu ta’ stennija previst fl-Artikolu 175 tiegħu ma kienx japplika għal kuntratt mogħti abbażi ta’ tali proċedura. |
|
81 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet applikabbli tal‑imsemmi regolament jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva 2014/24 u għall-Artikolu 2b(a) tad-Direttiva 89/665. |
|
82 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jimplikax li persuna kkonċernata mqiegħda fis-sitwazzjoni tal-appellanti għandu jkollha possibbiltà effettiva li tingħata miżuri provviżorji u, għaldaqstant, li l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura li permezz tagħha l-kuntratti qafas inkwistjoni ġew konklużi ma jistgħux jimplikaw li l-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-urġenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li tirriżulta mid-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275), japplika barra mill-fażi ta’ qabel il‑kuntratt. |
|
83 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi li kuntratt għandu jiġi ddikjarat ineffettiv jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr ma tkun ippubblikat minn qabel avviż ta’ kuntratt f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun awtorizzat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, l-applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni severa għandha tkun limitata għall-ipoteżi l-iktar gravi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 86). |
|
84 |
Issa, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji mressqa fl-ewwel istanza kienet tinkludi allegazzjonijiet li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt ma kinux issodisfatti f’dan il-każ, dawn l-allegazzjonijiet, fi kwalunkwe każ, ġew miċħuda fil-punti 37 u 38 tad-digriet appellat, li ma ġewx ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
85 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u, konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
86 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l‑appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
87 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
88 |
Peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż kontra l-appellanti u dawn tilfu t-talbiet tagħhom, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.